Brussell, 4.6.2025

COM(2025) 600 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

Li tippermetti lill-Belġju jiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill skont ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2024/1263
(Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali)


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

Li tippermetti lill-Belġju jiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill skont ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2024/1263
(Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263, u b’mod partikolari l-Artikolu 26 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali 1 , flimkien mar-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv 2 , u mad-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE emendata dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 3 huma l-elementi ewlenin tal-qafas riformat tal-governanza ekonomika tal-UE. L-għan tal-qafas hu li jiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv permezz ta’ riformi u investimenti. Jippromwovi s-sjieda nazzjonali u l-fokus jinsab fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar effettiv u aktar koerenti tar-regoli.

(2)Ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti f’rakkomandazzjoni tal-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 17(1) jew mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2024/1263 huma r-referenza operazzjonali unika għas-sorveljanza fiskali annwali ta’ kull Stat Membru u huma fiċ-ċentru tal-qafas il-ġdid ta’ governanza ekonomika. Ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti minn dik ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill jistabbilixxu restrizzjoni baġitarja għal 4 jew 5 snin, li hija bbażata fuq perjodu ta’ aġġustament ta’ 4 snin li jista’ jiġi estiż b’perjodu addizzjonali ta’ massimu ta’ 3 snin, fil-każ ta’ estensjoni.

(3)Il-qafas jipprevedi flessibbiltà fl-applikazzjoni tar-regoli fil-każ ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali li ma jkunux fil-kontroll tal-Istati Membri, u li għandhom impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi, f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/1263. Fil-każ tal-aħħar, wara talba minn Stat Membru u fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni bbażata fuq l-analiżi tagħha, fi żmien 4 ġimgħat mir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill jista’ jadotta rakkomandazzjoni li tippermetti lil Stat Membru jiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta tiegħu kif stabbilit mill-Kunsill, fejn (i) ċirkostanzi eċċezzjonali barra mill-kontroll tal-Istat Membru, (ii) ikollhom impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru kkonċernat, u (iii) dment li tali devjazzjoni ma tkunx ta’ periklu għas-sostenibbiltà fiskali fuq it-terminu medju. Il-Kunsill għandu jispeċifika limitu ta’ żmien għal tali devjazzjoni.

(4)Il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE, li ltaqgħu f’Versailles fl-10 u fil-11 ta’ Marzu 2022, impenjaw ruħhom li jsaħħu l-kapaċitajiet Ewropej tad-difiża fid-dawl tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna. Dawn l-għanijiet ġew imtennija fil-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża. Fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar id-difiża Ewropea tas-6 ta’ Marzu 2025, il-Kunsill Ewropew laqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrakkomanda l-attivazzjoni, b’mod koordinat u bħala miżura immedjata, tal-klawżola liberatorja nazzjonali skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(5)Fil-Komunikazzjoni tagħha tad-19 ta’ Marzu 2025 4 , il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri kollha biex jagħmlu użu mill-flessibbiltà pprovduta mill-klawżola liberatorja nazzjonali b’mod ikkoordinat bil-ħsieb li jiġi massimizzat l-impatt fuq il-kapaċitajiet ta’ difiża tal-UE. Din il-flessibbiltà għandha l-għan li tiffaċilita t-tranżizzjoni lejn livelli ogħla ta’ nfiq fid-difiża fuq bażi permanenti. Dik il-Komunikazzjoni tispjega li l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali tippermetti lill-Istati Membri jiddevjaw mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill meta japprova l-pjanijiet fiskali-strutturali fuq terminu medju jew meta jistabbilixxi l-perkorsi korrettivi fil-qafas tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, sakemm id-devjazzjoni tkun iġġustifikata minn żieda fl-infiq fid-difiża meta mqabbel mas-sena ta’ referenza, u li l-eċċess annwali sal-2028 ma jaqbiżx il-1,5 % tal-PDG. Żidiet lil hinn minn dak l-ammont ikunu soġġetti għall-valutazzjonijiet normali tal-konformità. Massimu bħal dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li s-sostenibbiltà fiskali ma tiġix ipperikolata, filwaqt li l-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-flessibbiltà hekk kif jimxu lejn livell ogħla ta’ nefqa fid-difiża. L-ammonti eżatti se jiġu ddeterminati meta tkun disponibbli data tal-eżitu, biex jiġi żgurat li l-flessibbiltà addizzjonali tintuża biss għall-iskop maħsub.

(6)Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ [Data] 5 appoġġat il-perkors tan-nefqa netta tal-Belġju. Barra minn hekk, ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ [Data] 6 stabbiliet perkors korrettiv rivedut għall-Belġju.

(7)Fit-30 ta’ April 2025, il-Belġju ressaq talba lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, biex jattiva l-klawżola liberatorja nazzjonali.

(8)Fit-talba tiegħu, il-Belġju jistabbilixxi li, f’kuntest ta’ tensjonijiet ġeopolitiċi akbar, il-gwerra ta’ aggressjoni kontinwa tar-Russja kontra l-Ukrajna u t-theddida tagħha għas-sigurtà Ewropea jikkostitwixxu sfida eżistenzjali għall-Unjoni, li tirrikjedi żieda sinifikanti fl-infiq fid-difiża. Din hija sitwazzjoni eċċezzjonali barra mill-kontroll ta’ kull Stat Membru.

(9)Fit-talba tiegħu, il-Belġju jirrapporta data dwar in-nefqa totali fid-difiża (it-Tabella 1). Barra minn hekk, il-Belġju jipprevedi li jżid b’mod sostanzjali n-nefqa fid-difiża tiegħu bil-ħsieb li jilħaq il-mira tan-NATO ta’ 2 % tal-PDG fl-2025 u li jżomm iż-żieda fin-nefqa fid-difiża matul il-leġiżlatura attwali. Għalhekk, iż-żieda fin-nefqa fid-difiża għandha impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi tal-Belġju.

Tabella 1: L-infiq totali fid-difiża fil-Belġju

2021 a

2022 a

2023 a

2024 b

2025 b

Nefqa totali fid-difiża tal-gvern estiż

(% tal-PDG)

0,9

1,0

0,9

1,3

2,0

Sors: a: Eurostat; b: Informazzjoni mogħtija lill-Kunsill u lill-Kummissjoni mill-Belġju.

(10)Il-Belġju jistma li ż-żieda fin-nefqa totali fid-difiża bħala proporzjon mal-PDG mill-2021 sal-2025 se tkun ta’ madwar 1,1 punt perċentwali u għalhekk tikkontribwixxi għad-deterjorament tal-bilanċ tal-gvern u għaż-żieda tad-dejn tal-gvern.

(11)Jekk kollox jibqa’ kif inhu, żieda fin-nefqa matul il-perjodu kopert mill-klawżola liberatorja nazzjonali se twassal għal dejn ogħla tal-gvern u għal defiċit ogħla sa tmiem dak il-perjodu. Il-projezzjonijiet indikattivi tal-Kummissjoni u s-suppożizzjoni li sal-2028 jkun hemm adozzjoni lineari taż-żieda sħiħa fin-nefqa tal-gvern permessa minn din ir-rakkomandazzjoni jissuġġerixxu li l-proporzjoni tad-defiċit għall-PDG u l-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2028 ikunu 1,1 pps. u 1,9 pps. ogħla, rispettivament, milli jekk in-nefqa netta tikber skont il-gwida preċedenti 7 . Dan x’aktarx ikun jeħtieġ aġġustament fiskali addizzjonali wara l-perjodu ta’ attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-qafas fiskali, inkluż biex jiġi żgurat li l-proporzjon tad-dejn jitqiegħed jew jibqa’ fuq perkors ta’ tnaqqis plawżibbli, jew jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-PDG fuq terminu medju u li d-defiċit jibqa’ jew jinġieb taħt it-3 % tal-PDG u jinżamm taħt il-valur referenzjarju fuq terminu medju. Il-Belġju jirrikonoxxi li, fil-futur, nefqa strutturali ogħla għad-difiża tista’ tirrikjedi politiki li jippreservaw is-sostenibbiltà fiskali u l-konformità mar-regoli fiskali fuq terminu medju.

(12)Id-data dwar in-nefqa fid-difiża tal-gvern estiż tiġi kkompilata u rrilaxxata mill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika u mill-Eurostat skont il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Funzjonijiet tal-Gvern (Classification of the Functions of Government, COFOG) 8 fil-qafas tas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet Nazzjonali (European System of National Accounts, ESA2010) 9 . Din id-data hija xierqa biex jiġi vvalutat l-impatt tal-infiq fid-difiża fuq id-defiċit, id-dejn u n-nefqa netta tal-gvern, u kunċetti relatati. L-Eurostat, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika, se jistabbilixxi proċess ta’ ġbir ta’ data. Il-punt tat-tluq għandu jkun il-kategoriji ta’ difiża tal-COFOG, filwaqt li titqies ukoll id-definizzjoni tan-NATO u tinżamm il-possibbiltà li jiġu indirizzati anomaliji li jistgħu jkunu attribwibbli għal differenzi fis-sistemi ta’ rapportar annwali rispettivi. Il-proċess tal-ġbir tad-data jeħtieġ li jkun allinjat mal-iskadenzi għar-rapportar tal-PDE.

(13)Barra minn hekk, xi wħud mill-kuntratti għal tagħmir militari ffirmati matul il-perjodu ta’ attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali jistgħu jinvolvu konsenji fi stadju aktar tard, u b’hekk ikollhom impatt fuq il-finanzi pubbliċi biss wara l-perjodu ta’ attivazzjoni tal-klawżola. Sabiex tiġi indirizzata din l-eventwalità, il-flessibbiltà mogħtija skont il-klawżola liberatorja nazzjonali għandha tapplika wkoll għan-nefqa fid-difiża marbuta ma’ tali konsenja aktar tard, dment li l-kuntratti korrispondenti jkunu ġew iffirmati matul il-perjodu ta’ attivazzjoni tal-klawżola u li dan l-infiq ittardjat fid-difiża jibqa’ fi ħdan il-limitu ġenerali msemmi.

(14)In-nefqa ffinanzjata mis-self ipprovdut mill-istrument il-ġdid ta’ Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (Security Action for Europe, SAFE) 10 għat-tisħiħ tal-industrija Ewropea tad-difiża, se tibbenefika awtomatikament mill-flessibbiltà msemmija hawn fuq. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jirrapportaw lill-Eurostat in-nefqiet kollha relatati mad-difiża, li jsiru fil-qafas tal-Istrument SAFE, taħt il-kategoriji “prodotti tad-difiża” u “prodotti oħra għal skopijiet ta’ difiża” kif definiti fil-proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Istrument SAFE.

(15)Din ir-rakkomandazzjoni ma timmodifikax id-definizzjonijiet ta’ defiċit, dejn u nefqa netta tal-gvern, u kunċetti relatati. Id-data bbażata fuq dawn il-kunċetti għandha tiġi kkompilata u rrapportata mill-Belġju f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2024/1263, Nru 479/2009 u Nru 549/2013.

B’DAN JIRRAKKOMANDA:

1. Matul il-perjodu 2025-2028, il-Belġju jitħalla jiddevja minn, u jaqbeż, ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta stabbiliti mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill C/2025/… 11 sa fejn in-nefqa netta li taqbeż ir-rati massimi ta’ tkabbir ma tkunx aktar minn:

(i)    iż-żieda fin-nefqa fid-difiża f’perċentwal tal-PDG mill-2021;

(ii)    dment li d-devjazzjoni li taqbeż ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta ma taqbiżx il-1,5 % tal-PDG.

2.    Fis-snin wara l-2028, il-Belġju xorta jista’ jiddevja minn, u jaqbeż, ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta stabbiliti minn Rakkomandazzjoni tal-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 17 jew 19 tar-Regolament (UE) 2024/1263, sa fejn in-nefqa netta li taqbeż ir-rati massimi ta’ tkabbir tkun relatata mal-konsenji ta’ tagħmir militari kkuntrattat qabel tmiem l-2028 u tibqa’ fil-limitu massimu kumplessiv imsemmi hawn fuq.

3.     F’konformità mal-Artikolu 22(7) tar-Regolament (UE) 2024/1263, id-devjazzjonijiet mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill li huma permessi b’din ir-Rakkomandazzjoni mhux se jiġu rreġistrati bħala debiti fil-kont ta’ kontroll tal-Belġu.

4.     Sabiex tiġi żgurata r-reġistrazzjoni korretta tan-nefqa addizzjonali, il-Belġju għandu jinkludi data attwali u ppjanata dwar in-nefqa totali fid-difiża (id-diviżjoni 02 tal-COFOG) u l-investiment fid-difiża (id-diviżjoni 02 P.51 tal-COFOG)  u kwalunkwe nefqa li għandha tiġi ffinanzjata mis-self SAFE li mhix koperta fil-COFOG-02:

(a) għas-snin T-4, T-3, T-2 u T-1 (bis-sena T tkun is-sena kurrenti) fir-rapportar lill-Kummissjoni (Eurostat) f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 479/2009;

(b) għas-snin 2021 sas-sena T (is-sena kurrenti), fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju u fir-rapporti ta’ progress annwali f’konformità mal-Artikolu 11(1), mal-Artikolu 15, u mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2024/1263;

(c) għas-snin T (is-sena attwali) u T+1 fl-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 472/2013.

Din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Belġju.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)

   Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj ).

(2)

   Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċi eċċessiv (ĠU L, 209, 2.8.1997, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1467/2024-04-30 ).

(3)

   Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 306, 23.11.2011, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/85/2024-04-30 ).

(4)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (C (2025) 2000 final) tad-19 ta’ Marzu 2025.

(5)    Referenza.
(6)    Referenza.
(7)    Disponibbli fuq: https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/stability-and-growth-pact/preventive-arm/national-medium-term-fiscal-structural-plans_en#belgium .  
(8)

   Manwal dwar is-sorsi u l-metodi għall-kompilazzjoni tal-istatistika tal-COFOG — Klassifikazzjoni tal-Funzjonijiet tal-Gvern (COFOG) — edizzjoni tal-2019.

(9)

   Ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1).

(10)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/… li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE) permezz tat-Tisħiħ tal-Industrija tad-Difiża Ewropea.
(11)    Referenza.