KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fit‑12 ta’ Marzu 2019 ( 1 )
Kawża C‑72/18
Daniel Ustariz Aróstegui
vs
Departamento de Educación del Gobierno de Navarra
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo de Pamplona n. 1 (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 1 ta’ Pamplona, Spanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Xogħol għal żmien determinat – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kontra l-ħaddiema għal żmien determinat – Membri tal-persunal bil-kuntratt impjegati fis-servizz pubbliku – Għoti ta’ suppliment ta’ remunerazzjoni – Remunerazzjoni għall-promozzjoni u għall-iżvilupp ta’ karriera professjonali – Esklużjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt – Komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet – Ġustifikazzjoni – Kunċett ta’ ‘raġunijiet oġġettivi’”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Din il-kawża tiżdied ma’ serje, li issa saret twila, ta’ kawżi li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kontra l-ħaddiema għal żmien determinat fir-rigward ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt Spanjol fil-kuntest ta’ xogħol u ta’ servizz pubbliku. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha essenzjalment tikkjarifika jekk dan il-prinċipju jimponix l-għoti ta’ suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad, previst mil-leġiżlazzjoni ta’ reġjun awtonomu ta’ Spanja lill-uffiċjali rreklutati għal żmien indeterminat, kif ukoll lill-membri tal-persunal bil-kuntratt għal żmien determinat. F’dan ir-rigward ikun xieraq li jiġi rrikonċiljat l-għan ta’ protezzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat mal-karatteristiċi sostanzjali tad-dritt tas-servizz pubbliku u tal-indipendenza funzjonali mogħtija lill-Istati Membri f’dan il-qasam. |
|
2. |
F’dan il-kuntest, fl-eżami tad-domanda preliminari, għandha tingħata attenzjoni, minn naħa, għall-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet speċifiċi tal-membri tal-persunal bil-kuntratt għal żmien determinat u tal-uffiċjali rreklutati għal żmien indeterminat u, min-naħa l-oħra, għan-natura tad-dritt tas-servizz pubbliku bħala ġustifikazzjoni possibbli tal-inugwaljanza fit-trattament bejn iż-żewġ kategoriji. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
|
3. |
Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni applikabbli għal din il-kawża huwa rrappreżentat mid-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 1999/70”). L-għan tad-direttiva, fid-dawl tal-Artikolu 1 tagħha, huwa l-implimentazzjoni tal-Ftehim qafas dwar il-kuntratti għal żmien determinat (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999 bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali tal-industrija (ETUC, UNICE u CEEP), li jinsab anness mad-direttiva msemmija. |
|
4. |
Il-Ftehim qafas għandu, inter alia, l-għan li “[jtejjeb] il-kwalità ta’ xogħol ta’ terminu fiss billi [jiżgura] l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni […]” ( 3 ). F’dan ir-rigward, dan huwa bbażat fuq il-kunsiderazzjoni li skontha “l-kuntratti għal żmien indefinit huma, u jibqgħu ikunu, il-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’ impjieg bejn min jimpjega u l-ħaddiema” ( 4 ). Madankollu, fl-istess ħin, il-Ftehim qafas jirrikonoxxi li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat “huma fattur ta’ l-impjieg f’ċerti setturi, xogħlijiet u attivitajiet li jistgħu ikunu adattati kemm għal min jimpjega kif ukoll għall-ħaddiema” ( 5 ). |
|
5. |
Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim qafas, il-punt 1 tal-klawżola 2 tiegħu, jiddisponi s-segwenti: “Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru”. |
|
6. |
Il-klawżola 3 tal-Ftehim qafas tinkludi s-segwenti “definizzjonijiet”:
|
|
7. |
Il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni” taqra kif ġej:
[…]
|
B. Id-dritt nazzjonali
|
8. |
L-Artikolu 3(1) tat-Texto Refundido del Estatuto del Personal al Servicio de las Administraciones Públicas de Navarra (il-verżjoni kkonsolidata tar-Regolamenti tal-Persunal tas-Servizz Pubbliku ta’ Navarra) li jinsab fid-Decreto Foral Legislativo 251/1993, que aprueba el Texto Refundido del Estatuto del Personal al Servicio de las Administraciones Públicas de Navarra (ir-Regolament Reġjonali 251/1993, li Japprova l-Verżjoni Kkodifikata tar-Regolamenti tal-Persunal tas-Servizz Pubbliku ta’ Navarra, iktar ’il quddiem id-“DFL 251/1993”) jipprevedi li “l-persunal tas-servizz pubbliku ta’ Navarra huwa kompost minn: a) uffiċjali, b) persunal awżiljarju c) persunal b’kuntratt”, u għalhekk il-persunal b’kuntratt jistgħu jiġu rreklutati konformement mal-Artikolu 3(4), fil-qafas ta’ “sistema rregolata mid-dritt amministrattiv jew mid-dritt tax-xogħol”. |
|
9. |
L-Artikolu 12 tad-DFL 251/93 jistabbilixxi li l-uffiċjali tas-servizzi pubbliċi ta’ Navarra jinsabu kklassifikati, konformement mal-kwalifika mitluba għar-reklutaġġ tagħhom u għall-funzjonijiet li jwettqu, skont il-livelli msemmijin fih. |
|
10. |
L-Artikolu 13 tad-DFL 251/93 jipprevedi li: “1. Kull livell li jirreferi għalih l-artikolu preċedenti jinkludi seba’ gradi. 2. L-uffiċjali li jibdew il-karriera tagħhom huma kklassifikati fil-grad 1 tal-livell korrispondenti. 3. L-uffiċjali jistgħu jiġu progressivament promossi mill-grad 1 għall-grad 7 tal-livell rispettiv tagħhom, konformement mal-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament”. |
|
11. |
L-Artikoli 14 u s-segwenti tad-DFL 251/93 jirregolaw il-karriera professjonali, li tikkonsisti “fil-promozzjoni tal-uffiċjali minn wieħed mil-livelli ddefiniti fl-Artikolu 12 għal livelli superjuri u fil-progress fil-grad u fil-kategoriji, f’kull livell”. |
|
12. |
L-Artikolu 16 jirregola b’mod partikolari l-grad u jispeċifika s-segwenti: “1. L-uffiċjali jistgħu sussegwentement jiġu promossi mill-grad 1 sal-grad 7 tal-livell rispettiv tagħhom, indipendentement mill-ispeċjalizzazzjoni tal-kwalifika, taħriġ jew professjoni tagħhom. 2. Il-progress fil-grad isir kull sena skont il-modalitajiet segwenti: a) għall-progress fil-grad, l-anzjanità ta’ almenu sentejn fil-grad preċedenti hija kundizzjoni indispensabbli; b) l-ebda uffiċjal ma jista’ jibqa’ għal iżjed minn tmien snin fl-istess grad, apparti dawk li jkunu laħqu il-grad 7; c) mingħajr preġudizzju għal dak stabbilit fil-punti preċedenti, 10 % tal-uffiċjali li jappartjenu għall-gradi 1 sa 6, it-tnejn inklużi, jiġu promossi, fl-ordni tal-anzjanità, għall-grad direttament superjuri; d) wara kompetizzjoni fuq il-bażi ta’ kwalifiki, li ssir konformement mal-leġiżlazzjoni adottata mill-amministrazzjoni, sa 10 % tal-uffiċjali li jappartjenu għall-gradi 1 sa 6, it-tnejn inklużi, jistgħu jiġu promossi għall-grad direttament superjuri”. |
|
13. |
Madankollu, ir-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tad-DFL 251/93 tissospendi provviżorjament din is-sistema ta’ progress fil-grad skont l-Artikolu 16, u tistabbilixxi s-segwenti: “1. B’effett mill‑1 ta’ Jannar 1992 u sal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-emenda fis-sistema attwali tal-grad u tal-anzjanità, previst fl-Artikolu 13 tal-Ley Foral 5/1991 de 26 de febrero de Presupuestos Generales de Navarra para 1991 [il-Liġi Reġjonali 5/1991 tas‑26 ta’ Frar 1991 dwar il-Bilanċ Ġenerali ta’ Navarra għas-Sena 1991), is-sistema ta’ progress fil-grad stabbilita fl-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament tibqa’ sospiża provviżorjament u tiġi applikata minn din id-data b’mod indipendenti għal kull uffiċjal, fuq il-bażi tal-anzjanità relattiva fil-grad korrispondenti skont dak stabbilit bis-segwenti:
2. Fid-dawl ta’ dak stabbilit fil-paragrafu preċedenti, minn din id-data u skont l-istess natura provviżorja, fil-każijiet ta’ progressjoni fil-livell fl-istess servizz pubbliku, previsti fl-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, il-grad u l-anzjanità għandhom jinżammu f’dak il-grad li fih kienu miżmuma fil-livell li minnu saret il-promozzjoni.” |
|
14. |
Il-progress fil-grad jittraduċi fil-perċezzjoni ta’ suppliment ta’ remunerazzjoni, skont l-Artikolu 40(2), tad-DFL 251/93 li jistabbilixxi s-segwenti remunerazzjonijiet personali bażiċi tal-uffiċjali:
Ir-remunerazzjonijiet personali bażiċi jikkostitwixxu dritt miksub marbut mal-kundizzjoni tal-uffiċjal”. |
|
15. |
L-Artikolu 42 jinkludi tabella bir-rati fuq il-bażi tas-salarju inizjali tal-livell rispettiv li timplika kull grad: “Mingħajr preġudizzju għal dak stabbilit fl-Artikolu 17(2), ir-remunerazzjoni korrispondenti għall-grad ser tkun tikkonsisti fir-rati segwenti ta’ salarju inizjali tal-livell rispettiv:
|
|
16. |
Id-DFL 251/93 jirregola anki s-sistema legali relattiva mal-persunal bil-kuntratt, li huma differenti mill-uffiċjali, u l-Artikolu 93 tiegħu jipprevedi f’dan ir-rigward li “l-persunal irreklutat permezz ta’ kuntratt irregolat mid-dritt amministrattiv huwa suġġett għad-dispożizzjonijiet adottati b’digriet u skont dak stabbilit fil-kuntratt rispettiv tagħhom”. |
|
17. |
Id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi tal-eżekuzzjoni tas-sistema legali tal-membri tal-persunal bil-kuntratt fis-servizz pubbliku huma inklużi fid-Decreto Foral 68/2009 (id-Digriet Reġjonali 68/2009; iktar ’il quddiem id-“DF 68/2009”), li għandu bħala suġġett ir-reklutaġġ ta’ persunal bil-kuntratt fis-servizz pubbliku ta’ Navarra permezz ta’ kuntratti tad-dritt pubbliku. Fir-rigward tar-remunerazzjoni ta’ dawn il-membri tal-persunal, l-Artikolu 11 tad-DF 68/2009, emendat bid-Decreto Foral 21/2017 tad‑29 ta’ Marzu 2017, jipprevedi s-segwenti: “Il-persunal irreklutat permezz ta’ kuntratti tad-dritt pubbliku jirċievi r-remunerazzjonijiet korrispondenti għall-pożizzjoni professjonali okkupata jew għall-funzjoni mwettqa, l-allowance tal-anzjanità u l-allowances tal-familja. Huwa eskluż is-suppliment skont il-grad, għaliex jirrappreżenta remunerazzjoni personali bażika marbuta mal-istatus tal-uffiċjal”. |
III. Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
18. |
Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, Daniel Ustariz Aróstegui, jaħdem bħala għalliem mad-Departamento de Educación del Gobierno de Navarra (il-Ministeru tal-Edukazzjoni tal-Gvern ta’ Navarra). Kien ilu jaħdem minn Settembru 2007 f’diversi istituti tal-edukazzjoni fil-kuntest ta’ kuntratt tad-dritt pubbliku. |
|
19. |
Fl‑1 ta’ Lulju 2016, Daniel Ustariz Aróstegui talaba lill-Ministeru tal-Edukazzjoni tal-Gvern ta’ Navarra għall-għoti u l-ħlas konsegwenti b’effett retroattiv tas-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad. Permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Ottubru 2016, huwa ppreżenta rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda impliċita tat-talba tiegħu. Dan ir-rikors ġie miċħud permezz tal-Orden Foral (id-Digriet Reġjonali) 168E/2016 tal-Consejero de Educación del Gobierno de Navarra (il-Ministru tal-Edukazzjoni tal-Gvern ta’ Navarra) tat‑23 ta’ Diċembru 2016. Finalment, fit‑28 ta’ Frar 2017, huwa ppreżenta rikors kontenzjuż amministrattiv kontra dan id-digriet reġjonali quddiem il-qorti tar-rinviju, li min-naħa tagħha għamlet is-segwenti domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja: “Il-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat, approvat mid-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi regola reġjonali, bħal dik ikkontestata fil-kawża prinċipali, li teskludi espressament ir-rikonoxximent u l-ħlas ta’ suppliment ta’ remunerazzjoni speċifiku lill-persunal tal-Amministrazzjonijiet Pubbliċi ta’ Navarra li jaqgħu taħt il-kategorija ‘impjegati b’kuntratt amministrattiv’ – li għandu kuntratt għal żmien determinat – minħabba li dan is-suppliment jikkostitwixxi remunerazzjoni għall-promozzjoni u għall-iżvilupp ta’ karriera professjonali proprja u esklużiva tal-persunal li jaqa’ taħt il-kategorija ‘uffiċjal pubbliku’ – li għandu kuntratt għal żmien indeterminat?” |
|
20. |
Fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Daniel Ustariz Aróstegui u l-Ministeru tal-Edukazzjoni tal-Gvern ta’ Navarra, bħala partijiet fil-kawża prinċipali, kif ukoll ir-Renju ta’ Spanja, il-Portugall u l-Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. L-istess partijiet, bl-eċċezzjoni tal-Portugall, kienu rrappreżentati wkoll fis-seduta tat‑30 ta’ Jannar 2019. |
IV. Evalwazzjoni ġuridika
|
21. |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-fatt li membru tal-persunal bil-kuntratt għal żmien determinat fis-settur pubbliku jiġi miċħud mid-dritt għall-għoti ta’ suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad, jikkostitwixxix diskriminazzjoni pprojbita mid-dritt tal-Unjoni, minħabba li l-leġiżlazzjoni rilevanti tar-reġjun awtonomu tirriżerva dan id-dritt għall-uffiċjali rreklutati għal żmien indeterminat. |
|
22. |
Din id-domanda toriġina mill-fatt li, b’mod tranżitorju, ir-regolament tal-persunal tas-servizz pubbliku ta’ Navarra ssostitwixxa s-sistema tal-promozzjoni għall-grad suċċessiv applikabbli għall-uffiċjali b’suppliment ta’ remunerazzjoni korrispondenti, li l-kalkolu tiegħu jiddependi essenzjalment mit-twettiq ta’ ċertu perijodu ta’ servizz. |
A. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni
|
23. |
Il-Ftehim qafas japplika għall-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat. Dan jirriżulta diġà mit-titolu tiegħu u huwa kkonfermat mid-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu inkluża fil-punt 1 tal-klawżola 2 tiegħu, li skontha l-Ftehim qafas japplika għall-ħaddiema għal żmien determinat b’kuntratt ta’ reklutaġġ jew b’relazzjoni ta’ xogħol irregolata mil-liġi, minn ftehim kollettiv jew mill-prassi fis-seħħ ta’ kull Stat Membru. |
|
24. |
Huwa stabbilit li t-tilwima prinċipali hija bbażata fuq relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat, kif previst fir-Reġjun Awtonomu ta’ Navarra, konformement mad-dispożizzjonijiet tar-regolament tal-persunal tas-servizz pubbliku ta’ Navarra relattivi għall-persunal bil-kuntratt. |
|
25. |
Anki l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni sabiex tispeċifika li d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-“ftehim qafas għandhom jiġu applikati wkoll għall-kuntratti u relazzjonijiet ta’ xogħol għal terminu fiss konklużi ma’ l-amministrazzjonijiet u entitajiet oħra tas-settur pubbliku” ( 6 ) u li l-individwi jistgħu jinvokaw direttament il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas quddiem il-qrati nazzjonali fil-konfront tal-imsemmijin amministrazzjonijiet jew entitajiet ( 7 ). |
|
26. |
Għandu wkoll jiġi vverifikat jekk is-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad inkwistjoni jaqax ukoll taħt il-“kondizzjonijiet ta’ l-impjieg” skont il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa deċiżiv il-kriterju tal-impjieg, fi kliem ieħor ir-relazzjoni ta’ xogħol bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah ( 8 ). |
|
27. |
Skont din il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas timmira li timpedixxi li relazzjoni ta’ xogħol ta’ din in-natura tiġi użata minn persuna li timpjega biex iċċaħħad lil dawn il-ħaddiema minn drittijiet rikonoxxuti għall-ħaddiema għal żmien indeterminat ( 9 ). Sabiex l-imsemmi għan jittieħed inkunsiderazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad interpretazzjoni restrittiva tad-dispożizzjoni inkwistjoni ( 10 ). |
|
28. |
Fir-rigward tar-relazzjonijiet tas-servizz pubbliku u bis-saħħa ta’ din l-interpretazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li l-kunċett ta’ “kondizzjonijiet ta’ l-impjieg” imsemmi fil-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, jinkludi, pereżempju, l-allowances ta’ anzjanità għal kull tliet snin ta’ servizz ( 11 ), l-allowances ta’ kull sitt snin għal taħriġ kontinwu ( 12 ), ir-regoli relattivi għall-perijodi ta’ servizz neċessarji biex wieħed ikun jista’ jiġi kklassifikat f’kategorija remunerattiva superjuri jew għall-kalkolu tal-perijodu ta’ servizz mitluba sabiex wieħed jirċievi rapport informattiv annwalment ( 13 ) u s-supplimenti remunerattivi marbutin mal-parteċipazzjoni fil-pjanijiet ta’ evalwazzjoni ( 14 ). |
|
29. |
F’din il-kawża, anki jekk, bħala prinċipju, għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tiddetermina n-natura u l-għanijiet tas-suppliment ta’ remunerazzjoni inkwistjoni ( 15 ), mingħajr preġudizzju għal dan għandu jiġi nnotat li mill-osservazzjonijiet tal-qorti nazzjonali u mid-dikjarazzjonijiet konsistenti tal-partijiet preżenti fis-seduta jirriżulta li s-suppliment ta’ remunerazzjoni inkwistjoni jikkostitwixxi element tar-remunerazzjoni li l-għoti tiegħu jiddependi b’mod determinanti mill-perijodu ta’ servizz imwettaq rispettivament u għalhekk huwa marbut mal-kriterju deċiżiv tal-impjieg. Konsegwentement, is-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad inkwistjoni għandu jiġi inkluż fil-kunċett ta’ “kondizzjonijiet ta’ l-impjieg” skont il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas. |
B. Inugwaljanza fit-trattament u komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet fir-rigward tal-għoti tas-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad
|
30. |
F’din il-kawża, huwa stabbilit li l-membri tal-persunal bil-kuntratt jiġu ttrattati b’mod differenti mill-uffiċjali, minħabba li huma ma għandhomx id-dritt għall-għoti tas-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad f’konformità mal-leġiżlazzjoni pertinenti ta’ Navarra. |
|
31. |
Lanqas ma tista’ tiġi eskluża inugwaljanza fit-trattament minħabba l-uniku fatt li, fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ f’Navarra, is-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad inkwistjoni huwa rriżervat għall-uffiċjali u għalhekk huma mċaħħda mhux biss l-persunal bil-kuntratt irreklutat għal żmien determinat, iżda anki, eventwalment, il-persunal li ma għandhux status ta’ uffiċjal irreklutat permezz ta’ kuntratti għal żmien indeterminat ( 16 ). Sabiex tiġi aċċertata inugwaljanza fit-trattament skont il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas huwa fil-fatt diġà suffiċjenti l-fatt li l-“ħaddiema għal terminu fiss” jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-“ħaddiem kumparabbli permanenti”. B’ebda mod ma huwa meħtieġ li l-ħaddiema kollha impjegati għal żmien determinat jinsabu f’sitwazzjoni inqas favorevoli meta mqabbla mal-ħaddiema kollha impjegati għal żmien indeterminat ( 17 ). |
|
32. |
Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li tiegħu l-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas jikkostitwixxi espressjoni partikolari, jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat ( 18 ). |
|
33. |
F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ġie implimentat u inkorporat fil-Ftehim qafas biss fir-rigward tal-inugwaljanzi fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli ( 19 ). |
|
34. |
Konsegwentement, għandu qabel xejn jiġi eżaminat jekk is-sitwazzjoni tal-uffiċjali u tal-persunal bil-kuntratt irreklutat għal żmien determinat hijiex komparabbli fit-twettiq tal-impjieg speċifiku inkwistjoni fl-istabbiliment ikkonċernat. |
|
35. |
Il-Gvern Portugiż u l-Gvern Reġjonali ta’ Navarra għandhom dubji dwar tali komparabbiltà bejn il-persunal bil-kuntratt irreklutat għal żmien determinat u l-uffiċjali fil-kwalità ta’ uffiċjali għal żmien indeterminat. Huma jinvokaw is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Pérez López ( 20 ), li skontha eventwali inugwaljanza fit-trattament bejn ċerti kategoriji ta’ persunal għal żmien determinat li hija bbażata mhux fuq iż-żmien determinat jew indeterminat tar-relazzjoni ta’ xogħol, iżda fuq in-natura statutorja jew kuntrattwali tagħha, ma tkunx taqa’ bħala prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit minn dan il-ftehim qafas. Madankollu, qiegħed jiġi ttraskurat il-fatt li din il-konstatazzjoni kienet qiegħda tirreferi għal “eventwali inugwaljanza fit-trattament bejn ċerti kategoriji ta’ persunal għal żmien determinat”. Minflok, din il-kawża tirrigwarda l-inugwaljanza fit-trattament bejn persunal bil-kuntratt irreklutat għal żmien determinat u uffiċjali rreklutati għal żmien indeterminat. |
|
36. |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat jekk il-persuni kkonċernati jeżerċitawx xogħol identiku jew simili fis-sens tal-Ftehim qafas, għandu jiġi mistħarreġ, konformement mal-punt 2 tal-klawżola 3 u mal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, jekk, fid-dawl ta’ numru ta’ fatturi, bħalma huma n-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, dawn il-persuni jistgħux jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli ( 21 ). |
|
37. |
Madankollu, din il-verifika għandha ssir, għal darba oħra, mill-qorti tar-rinviju, li għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tevalwa l-fatti ( 22 ). F’dan ir-rigward, hija għandha tiddetermina jekk Daniel Ustariz Aróstegui sabx ruħu f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-uffiċjali rreklutati għal żmien indeterminat mill-istess persuna privata jew pubblika li timpjega fl-istess perijodu. |
|
38. |
F’din il-kawża hemm lok li jitqies li, b’riferiment għall-attività edukattiva li għandha titwettaq konkretament – b’mod partikolari għan-natura tax-xogħol, għall-kundizzjonijiet tat-taħriġ u għall-kundizzjonijiet tal-impjieg – il-ħaddiem bil-kuntratt għal żmien determinat isib ruħu fl-istess pożizzjoni ta’ uffiċjal impjegat għal żmien indeterminat li jappartjeni għall-istess stabbiliment ta’ edukazzjoni. Il-qorti tar-rinviju kkonstatat, fil-fatt, f’dan ir-rigward, li “fil-kawża inkwistjoni, ma teżisti l-ebda differenza, riżerva jew esklużjoni bejn il-funzjonijiet imwettqa u s-servizzi pprovduti minn għalliem uffiċjali u dawk ipprovduti minn għalliem impjegat fis-servizz pubbliku, lanqas ma teżisti xi differenza bejn l-obbligi professjonali rispettivi”. |
|
39. |
Kif diġà ripetutament affermajt f’kuntest ieħor ( 23 ), l-evalwazzjoni tal-komparabbiltà tal-fatti ma tistax tkun limitata għal paragun ġenerali tal-pożizzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat u dik tal-ħaddiema għal żmien indeterminat fl-ambitu tal-istabbiliment edukattiv rilevanti. Fil-fatt, il-punt deċiżiv huwa jekk il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat jinsabux f’sitwazzjoni komparabbli anki u proprju b’riferiment għas-suġġett speċifiku tat-tilwima. |
|
40. |
Is-suġġett tat-tilwima f’din il-kawża huwa l-għoti tas-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad. Skont dak li ġie kkonstatat mill-qorti tar-rinviju, il-grad huwa ddefinit mil-liġi bħala wieħed mill-mekkaniżmi li permezz tiegħu tiġi espressa l-promozzjoni fil-karriera professjonali, karriera li, fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ hija aċċessibbli biss għall-uffiċjali, iżda mhux għall-persunal l-ieħor tas-servizz pubbliku ta’ Navarra. Konsegwentement, l-Artikolu 11 tad-DF 68/2009 jeskludi espressament l-għoti lill-impjegati fis-servizz pubbliku tas-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad. Id-differenza possibbli fit-trattament relattiva għas-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad – bla ħsara għal eżami definittiv mill-qorti tar-rinviju – ma hijiex għaldaqstant marbuta man-natura provviżorja jew permanenti tar-relazzjoni ta’ xogħol, iżda hija marbuta mal-appartenenza tal-uffiċjali komparabbli għall-persunal permanenti jew kuntrattwali ( 24 ). |
|
41. |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li s-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad huwa intiż sabiex jiġu rremunerati l-promozzjoni, il-progress u l-iżvilupp ta’ din il-karriera professjonali. Tali suppliment ta’ remunerazzjoni jikkostitwixxi għaldaqstant element tar-remunerazzjoni li jesprimi l-progress għall-grad rispettiv direttament superjuri fil-karriera. F’din il-kawża ma għandhiex tiġi applikata r-regola ġenerali msemmija fl-Artikolu 16 tad-DFL 251/93, iżda għandha tiġi applikata r-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tad-DFL 251/93. Ir-rappreżentant tal-Gvern Reġjonali ta’ Navarra ddikjara li r-raġuni għas-sospensjoni “temporanja” – awtorizzata minn din l-aħħar regola – tas-sistema ta’ promozzjoni msemmija fl-Artikolu 16 tad-DFL 251/93 mill‑1 ta’ Jannar 1992 kienet tinsab fil-fatt li l-persuni pubbliċi li jimpjegaw u s-sindakati ma kinux għadhom irnexxielhom isibu qbil dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ selezzjoni prevista fl-Artikolu 16(2)(d) tad-DFL 251/93. Dan ikun jispjega r-raġuni għaliex ir-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tad-DFL 251/93 relattiva għall-għoti tas-suppliment ta’ remunerazzjoni inkwistjoni hija marbuta biss mat-twettiq ta’ ċertu perijodu ta’ servizz. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-progress fil-grad, konformement mar-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tad-DFL 251/93, iseħħ minħabba s-sempliċi mogħdija taż-żmien u, iktar minn hekk, “awtomatikament”. |
|
42. |
F’dan il-kuntest, il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet relattivi għas-suġġett speċifiku tat-tilwima ma tistax tiġi serjament ddubitata. Minn naħa, l-għoti tas-suppliment ta’ remunerazzjoni inkwistjoni jiddependi esklużivament mill-perijodu tas-servizz imwettaq u, min-naħa l-oħra, dan l-għoti, li, madankollu, ma huwiex formalment marbut ma’ klassifikazzjoni mill-ġdid tal-uffiċjal ikkonċernat, ma għandu l-ebda rabta evidenti mas-sistema ta’ progress jew progressjoni professjonali. Skont ir-rappreżentant tal-Gvern Reġjonali ta’ Navarra, l-għoti tas-suppliment ta’ remunerazzjoni ma għandu, fil-fatt, l-ebda effett fuq il-funzjonijiet imwettqa u lanqas fuq il-possibbiltà ta’ promozzjoni għal livell superjuri. Is-suġġett tat-tilwima huwa għalhekk, b’mod definittiv, element tar-remunerazzjoni – u mhux il-parteċipazzjoni f’karriera professjonali. |
|
43. |
Għaldaqstant – bla ħsara għall-eżami definittiv mill-qorti tar-rinviju – għandu jiġi preżunt li s-sitwazzjonijiet huma komparabbli anki fid-dawl tas-suġġett speċifiku tat-tilwima, meta r-rikorrent fil-kawża prinċipali jissodisfa r-rekwiżit sostanzjali tal-anzjanità tas-servizz. |
|
44. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-ħaddiema għal żmien determinat tas-settur pubbliku huma mċaħħda mill-għoti ta’ suppliment ta’ remunerazzjoni wara li jkunu wettqu ċertu perijodu ta’ servizz, filwaqt li l-uffiċjali rreklutati għal żmien indeterminat li jinsabu f’tali sitwazzjoni għandhom dritt rikonoxxut bil-liġi għall-imsemmi suppliment ta’ remunerazzjoni, jikkostitwixxi inugwaljanza fit-trattament ta’ sitwazzjonijiet komparabbli. |
C. Il-ġustifikazzjonijiet possibbli ta’ inugwaljanza fit-trattament
|
45. |
Il-problema ċentrali li għad trid tiġi eżaminata f’din il-kawża hija l-eżistenza ta’ raġunijiet oġġettivi li jistgħu jiġġustifikaw l-inugwaljanza fit-trattament bejn il-ħaddiema rreklutati għal żmien determinat tas-settur pubbliku u l-uffiċjali rreklutati għal żmien indeterminat fir-rigward tal-għoti ta’ suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad inkwistjoni. |
|
46. |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi”, imsemmi fil-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, għandu jinftiehem bħala li ma jippermettix li inugwaljanza fit-trattament bejn il-ħaddiema rreklutati għal żmien determinat u l-ħaddiema impjegati għal żmien indeterminat tiġi ġġustifikata għar-raġuni li din id-differenza hija prevista f’regola nazzjonali jew astratta, bħal liġi jew ftehim kollettiv ( 25 ). Sabiex tiġi ġġustifikata l-inugwaljanza fit-trattament eżistenti bejn uffiċjali u membri tal-persunal bil-kuntratt għal żmien determinat fir-rigward tas-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad skont ir-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tad-DFL 251/93, ma hijiex għalhekk suffiċjenti id-deżinjazzjoni tas-suppliment ta’ remunerazzjoni inkwistjoni bħala parti mir-“remunerazzjoni personali bażika marbuta mal-kundizzjoni tal-uffiċjal” ( 26 ). |
|
47. |
Il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” jitlob, anzi, skont ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita, li l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata permezz tal-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni ta’ impjieg inkwistjoni, fil-kuntest partikolari tagħha u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din id-differenza tissodisfax ħtieġa reali, jekk hijiex ta’ natura xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u jekk hijiex neċessarja għal dan l-għan. L-imsemmija elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-funzjonijiet li għat-twettiq tagħhom ġew konklużi kuntratti għal żmien determinat, mill-karatteristiċi inerenti għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru ( 27 ). |
|
48. |
Il-prinċipji tad-dritt tas-servizz pubbliku – bħall-prinċipju tal-impjieg baġitarju, il-mudell tal-uffiċjal titolari jew l-obbligu li wieħed jgħaddi minn kompetizzjoni sabiex ikun jista’ jiġi impjegat għal żmien indeterminat – inevitabbilment għandhom konsegwenzi għall-applikazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim qafas ( 28 ). Fil-fatt, il-Ftehim qafas jirrikonoxxi espliċitament li “l-applikazzjoni ddettaljata tagħhom jeħtieġ li tieħu kont tar-realtajiet ta’ sitwazzjonijiet nazzjonali, settorali u staġjonali” ( 29 ). |
|
49. |
F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, minn naħa, li fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tal-organizzazzjoni tas-servizz pubbliku tagħhom, jistgħu, bħala prinċipju, mingħajr ma jiksru d-Direttiva 1999/70 jew il-Ftehim qafas, jipprovdu għal ċerti kundizzjonijiet ta’ anzjanità sabiex jingħata aċċess għal ċerti impjiegi, jirrestrinġu l-aċċess għal promozzjoni interna biss għall-uffiċjali permanenti taċ-ċivil u jeżiġu mill-imsemmija uffiċjali li jagħtu prova ta’ esperjenza professjonali li tikkorrispondi għall-grad direttament inferjuri għal dak involut fil-proċedura ta’ selezzjoni ( 30 ). |
|
50. |
Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset bħala oġġettivament mhux iġġustifikata l-esklużjoni tal-uffiċjali temporanji rreklutati għal żmien determinat mill-imsejħa allowances ta’ kull sitt snin għal taħriġ kontinwu sempliċement għall-fatt li dawn ma jappartjenux għal livell tal-karriera ( 31 ). |
|
51. |
Minn dan jirriżulta b’mod ċar li mhux kull inugwaljanza fit-trattament bejn il-ħaddiema rreklutati għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat komparabbli tista’ tkun iġġustifikata awtomatikament b’riferiment għall-partikolaritajiet settorjali fis-settur pubbliku ( 32 ), iżda dawk biss li fil-każ tagħhom il-partikolaritajiet inkwistjoni jkunu speċifikament iddeterminati ( 33 ). Konsegwentement, ir-raġunijiet imressqin mill-Istati Membri biex isostnu t-trattament differenti tal-ħaddiema rreklutati għal żmien determinat ma jistgħux jiġu dedotti, b’mod ġenerali u astratt, min-natura temporanja tar-relazzjoni ta’ xogħol – u mill-eventwali nuqqas ta’ appartenenza għal livell li tista’ tirriżulta ( 34 ). Kuntrarjament, dawn ir-raġunijiet għandhom jimmilitaw favur it-teħid debitament inkunsiderazzjoni tad-diversi kriterji relattivi għat-twettiq tal-impjieg speċifiku, pereżempju fuq il-bażi tan-natura partikolari tal-funzjonijiet li għandhom jitwettqu jew tal-karatteristiċi tagħhom ( 35 ). |
|
52. |
Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk, fil-partikolaritajiet tad-dritt tas-servizz pubbliku ta’ Navarra, minn naħa, u fil-kundizzjonijiet stabbiliti biex jiġi kkunsidrat il-perijodu ta’ servizz imwettaq, min-naħa l-oħra, tistax tiġi identifikata raġuni oġġettiva li kapaċi tiġġustifika l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata. |
1. Il-prinċipji tad-dritt tas-servizz pubbliku f’Navarra
|
53. |
F’din il-kawża, xejn ma jissuġġerixxi li l-inugwaljanza fit-trattament inkwistjoni tikkorrispondi għal ħtieġa reali, bħall-implimentazzjoni tal-prinċipji tad-dritt tas-servizz pubbliku ta’ Navarra, u li hija xierqa u neċessarja biex jintlaħaq l-għan imfittex. |
|
54. |
Il-Gvern Spanjol, il-Gvern Portugiż u l-Gvern Reġjonali ta’ Navarra jenfasizzaw qabel kollox il-partikolaritajiet tad-dritt tas-servizz pubbliku, stabbiliti mhux l-inqas fil-kostituzzjoni Spanjola ( 36 ). Skont dawn il-partijiet fil-kawża, il-partikolaritajiet imsemmijin jimponu r-rikonoxximent tad-dritt għas-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad esklużivament għall-uffiċjali rreklutati għal żmien indeterminat u mhux għall-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku rreklutati għal żmien determinat. Huwa wkoll stabbilit li r-reklutaġġ ta’ membri tal-persunal tas-servizz pubbliku bil-kuntratt ma jkunx, bħala prinċipju, għal żmien indeterminat u jitlob ġustifikazzjoni ad hoc fil-forma ta’ prova tal-ħtieġa li timtela pożizzjoni speċifika, li neċessarjament tipprekludi l-parteċipazzjoni fis-sistema tal-karrieri professjonali u, konsegwentement, it-tgawdija tal-benefiċċji finanzjarji marbutin ma’ tali sistema. |
|
55. |
Dan l-argument ma huwiex konvinċenti minħabba li jidher kontradittorju. L-esklużjoni inkwistjoni f’din il-kawża ma tapplikax biss għall-membri tal-persunal bil-kuntratt għal żmien determinat, iżda għall-ħaddiema mhux permanenti kollha. Anki jekk il-membri tal-persunal bil-kuntratt għal żmien determinat kienu l-uniċi kkonċernati mill-esklużjoni msemmija, l-invokazzjoni tas-sempliċi limitazzjoni temporali tal-impjieg ma tistax tikkostitwixxi raġuni oġġettiva fis-sens tal-klawżola 4(1), tal-Ftehim qafas ( 37 ). |
|
56. |
Sa fejn il-leġiżlazzjoni kkontestata hija marbuta mal-parteċipazzjoni fis-sistema tal-karrieri professjonali, irriżervata għall-uffiċjali permezz tad-dispożizzjonijiet tad-DFL 251/93, għandu l-ewwel nett jiġi nnotat li dan il-kriterju ġenerali u astratt diġà ġie kkunsidrat mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li ma huwiex iġġustifikat oġġettivament ( 38 ). |
|
57. |
Iktar minn hekk, il-leġiżlazzjoni Spanjola ma tidhirx li teskludi ġeneralment il-parteċipazzjoni tal-membri tal-persunal mhux permanenti fis-sistema tal-karrieri professjonali. Fil-Kawża C‑315/17 ( 39 ), il-qorti tar-rinviju ddikjarat f’dan ir-rigward li l-Ley 7/2007 tal-Estatuto Básico del Empleado Público (il-Liġi Nru 7/2007, dwar ir-Regolament Bażiku Relatat mas-Servizz Pubbliku) tat‑13 ta’ April 2007 (BOE Nru 89 tat‑13 ta’ April 2007) (iktar ’il quddiem l-“EBEP”), tippermetti kemm għall-uffiċjali stabbiliti, kif ukoll għall-membri l-oħra tal-persunal irreklutati għal żmien indeterminat il-parteċipazzjoni fiż-żewġ karrieri professjonali previsti ( 40 ). Minkejja li din l-inugwaljanza fil-possibbiltajiet ta’ parteċipazzjoni fis-sistemi ta’ karriera professjonali hija intiża bħala r-riżultat tal-awtonomija leġiżlattiva tar-reġjuni awtonomi f’dan is-settur, dan jindika madankollu li l-esklużjoni ġenerali tal-persunal mhux permanenti minn sistema ta’ karrieri professjonali ma tista’ fl-ebda każ tiġi kkunsidrata bħala l-espressjoni ta’ karatteristika sostanzjali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tas-servizz pubbliku. |
|
58. |
Fir-rigward tal-partikolaritajiet tad-dritt tas-servizz pubbliku f’Navarra għandu jiġi finalment innotat li l-karriera professjonali msemmija fl-Artikolu 14 tad-DFL 251/93 tikkonsisti “fil-promozzjoni tal-uffiċjali minn wieħed mil-livelli ddefiniti fl-Artikolu 12 għal livelli superjuri u fil-progress fil-grad u fil-kategoriji, f’kull livell” ( 41 ). Madankollu, permezz tar-raba’ dispożizzjoni tranżitorja tad-DFL 251/93 inkwistjoni s-sistema ta’ progress fil-grad ġiet sospiża għal żmien indefinit u ssostitwita b’leġiżlazzjoni li tillimita ruħha għall-eżiġenza tal-għoti ta’ suppliment ta’ remunerazzjoni li jikkorrispondi għaliha ( 42 ). |
|
59. |
Bħala konklużjoni intermedja, għandu jiġi għaldaqstant innotat li mill-partikolaritajiet tad-dritt tas-servizz pubbliku f’Navarra, b’mod partikolari mill-mod li bih hija torganizza s-sistema tal-karrieri professjonali, ma tista’ tiġi dedotta l-ebda raġuni oġġettiva biex tiġġustifika l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata. |
2. Fuq il-kundizzjonijiet għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu ta’ servizz imwettaq
|
60. |
Sa fejn il-leġiżlazzjoni kkontestata hija, iktar minn hekk, marbuta mat-twettiq ta’ ċertu perijodu ta’ servizz, jeħtieġ li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klawżola 4(1), tal-Ftehim qafas ma tippermettix l-esklużjoni ġenerali u astratta tal-ħaddiema għal żmien determinat mill-għoti ta’ benefiċċju finanzjarju marbut mat-twettiq ta’ ċertu perijodu ta’ servizz fejn, b’mod partikolari, din l-esklużjoni ma hijiex bbażata fuq in-natura partikolari tal-kompiti li l-persuni kkonċernati għandhom iwettqu u lanqas fuq il-karatteristiċi inerenti għalihom ( 43 ). Tali approċċ japplika kemm għall-allowances ta’ anzjanità ( 44 ) u kemm għal allowances oħrajn, li l-għoti tagħhom jiddependi bl-istess mod mill-anzjanità ta’ servizz imwettaq ( 45 ). |
|
61. |
Anki f’din il-kawża, is-suppliment ta’ remunerazzjoni inkwistjoni jiddependi b’mod determinanti mit-twettiq ta’ perijodu determinat ta’ servizz mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni, pereżempju, in-natura partikolari tal-kompiti li l-persuni kkonċernati għandhom iwettqu u lanqas il-karatteristiċi inerenti għalihom. Infatti, fuq il-bażi tal-osservazzjonijiet preċedenti dwar il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet ( 46 ), fil-kawża prinċipali ma jidhirx ċar, effettivament, li l-attivitajiet ta’ tagħlim imwettqa mill-għalliema rreklutati bħala uffiċjali u bħala membri tal-persunal bil-kuntratt jitolbu kwalifiki jew esperjenzi akkademiċi differenti. Kuntrarjament, mill-informazzjoni preżenti fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, infatti, li ż-żewġ kategoriji msemmija ta’ għalliema jwettqu funzjonijiet simili u għandhom obbligi identiċi. Barra minn hekk, dan huwa kkonfermat mill-fatt li, skont l-argumenti mhux ikkontestati mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fil-każ ta’ nomina suċċessiva bħala uffiċjal stabbilit, il-perijodu ta’ servizz imwettaq bħala impjegat jittieħed inkunsiderazzjoni in toto a posteriori sabiex jiġi mogħti s-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad. |
|
62. |
Lanqas ma hemm dubju dwar l-applikabbiltà tal-prinċipji żviluppati fil-qasam tal-allowances ta’ anzjanità għas-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad inkwistjoni għaliex il-membri tal-persunal bil-kuntratt għal żmien determinat, skont l-Artikolu 11 tad-DF 68/2009, għandhom dritt għal allowance ta’ anzjanità, previst ukoll mil-leġiżlazzjoni ta’ Navarra. Skont dak li ntqal mir-rappreżentant tal-Gvern Reġjonali ta’ Navarra, kemm l-għoti tal-allowance ta’ anzjanità kif ukoll l-għoti tas-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad, indipendentement mill-għanijiet rispettivi, jippreżupponu t-twettiq ta’ ċertu perijodu ta’ servizz, li huwa differenti każ b’każ. Għandu jkun il-leġiżlatur nazzjonali li jevalwa sa fejn it-twettiq ta’ perijodu determinat ta’ servizz għandu jkun remunerat doppjament; dubji ta’ portata ġenerali dwar ir-raġonevolezza ta’ tali evalwazzjoni, bħal dawn invokati mir-rappreżentant tal-Gvern Reġjonali ta’ Navarra fir-rigward tal-impjegati b’kuntratt, ma jistgħu, fl-ebda każ, jiġġustifikaw trattament inqas favorevoli tal-membri tal-persunal bil-kuntratt għal żmien determinat mill-uffiċjali rreklutati għal żmien indeterminat, u dan peress li dawn id-dubji jistgħu jqumu għall-istess uffiċjali. |
|
63. |
L-għoti tas-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad inkwistjoni huwa għalhekk marbut esklużivament mat-twettiq ta’ ċertu perijodu ta’ servizz u mhux, pereżempju, mal-mertu jew mal-kompetenza tal-uffiċjali. Dan jeskludi a priori l-possibbiltà li l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata tkun ġġustifikata minn elementi konkreti skont il-ġurisprudenza msemmija preċedentement ( 47 ). Tali elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-ħtieġa li tittieħed inkunsiderazzjoni in-natura partikolari tal-funzjonijiet li għandhom jitwettqu u l-karatteristiċi inerenti għal dawn, billi jiġu stabbiliti rekwiżiti adegwati fir-rigward tal-esperjenza professjonali jew il-kompetenzi tal-uffiċjali, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
64. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki r-riferiment għall-modalitajiet differenti ta’ reklutaġġ tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal bil-kuntratt huwa żbaljat. Kif ġie kkonstatat diġà ( 48 ), dawn id-differenzi fil-proċeduri ta’ reklutaġġ ma jaffettwawx il-funzjonijiet effettivament imwettqa jew l-obbligi professjonali previsti. Sa fejn il-proċedura ta’ selezzjoni tal-uffiċjali hija intiża li tipprovdi garanzija fit-tul tal-livell professjonali tas-servizzi, il-kompetenza u l-kapaċità aċċertati permezz tal-proċedura inkwistjoni jikkostitwixxu indikaturi parzjali biss tas-servizz suċċessiv tal-persuni kkonċernati. Fi kwalunkwe każ, il-kapaċitajiet u l-kompetenzi tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal bil-kuntratt, dedotti mill-proċeduri differenti ta’ reklutaġġ adottati mill-Gvern Reġjonali ta’ Navarra u mill-Gvern ta’ Spanja u tal-Portugall, għandhom jiġu riflessi fin-natura tal-funzjonijiet imwettqa u fir-rekwiżiti previsti f’dan is-sens, sabiex tkun tista’ tiġi ġġustifikata differenzazzjoni fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu ta’ servizz imwettaq. Għalhekk, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. |
|
65. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-inugwaljanza fit-trattament eżistenti bejn l-uffiċjali rreklutati għal żmien indeterminat u l-impjegati għal żmien determinat, li tirriżulta mill-fatt li dawn tal-aħħar ma għandhomx dritt għall-għoti u għall-ħlas tas-suppliment ta’ remunerazzjoni skont il-grad inkwistjoni, ma tistax tkun iġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi. |
V. Konklużjoni
|
66. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo de Pamplona n. 1 (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 1 ta’ Pamplona, Spanja), bil-mod segwenti: Il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, inkluż fl-Anness għad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżerva għall-uffiċjali rreklutati għal żmien indeterminat l-għoti u l-ħlas ta’ allowance speċifiku li trid tikkorrispondi għall-gradi remunerattivi, bl-esklużjoni espressa tal-membri tal-persunal bil-kuntratt irreklutati għal żmien determinat u bit-teħid inkwistjoni esklużivament tal-perijodi ta’ servizz imwettqa. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368.
( 3 ) Premessa 14 tad-Direttiva 1999/70.
( 4 ) It-tieni paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas; ara wkoll il-punt 6 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu.
( 5 ) Punt 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Ftehim qafas, ara wkoll it-tieni paragrafu tal-preambolu tiegħu.
( 6 ) Sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2006:443, punti 54 sa 57), tat‑13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 25), tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punti 38 sa 40) tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, minn C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 67), kif ukoll id-digrieti tal‑21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso (C‑631/15, EU:C:2016:725, punt 28), u tat‑22 ta’ Marzu 2018, Centeno Meléndez (C‑315/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:207, punt 39).
( 7 ) Sentenzi tal‑15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 68), u tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Carratù (C‑361/12, EU:C:2013:830, punt 28). Ara fl-aħħar anki d-digrieti tal‑21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso (C‑631/15, EU:C:2016:725, punt 59), u tat‑22 ta’ Marzu 2018, Centeno Meléndez (C‑315/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:207, punt 77).
( 8 ) Ara f’dan is-sens is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Carratù (C‑361/12, EU:C:2013:830, punt 35), u tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility (C‑574/16,EU:C:2018:390, punt 41). Ara wkoll id-digrieti tal‑21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso (C‑631/15, EU:C:2016:725, punt 34), u tat‑22 ta’ Marzu 2018, Centeno Meléndez (C‑315/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:207, punt 45).
( 9 ) Sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 37), u tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 48), kif ukoll id-digrieti tat‑18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina (C‑273/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:167, punt 30), tad-9 ta’ Frar 2012, Lorenzo Martinez (C‑556/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:67, punt 35), u tal‑21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso (C‑631/15, EU:C:2016:725, punt 32).
( 10 ) Ara f’dan is-sens is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 38), u tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 49), kif ukoll id-digrieti tat‑18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina (C‑273/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:167, punt 31), tad-9 ta’ Frar 2012, Lorenzo Martinez (C‑556/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:67, punt 36), u tal‑21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso (C‑631/15, EU:C:2016:725, punt 33).
( 11 ) Ara f’dan is-sens sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 47), u tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punti 50 sa 58), kif ukoll id-digriet tat‑18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina (C‑273/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:167, punti 32 sa 34).
( 12 ) Ara f’dan is-sens id-digriet tad‑9 ta’ Frar 2012, Lorenzo Martínez (C‑556/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:67, punt 38).
( 13 ) Ara f’dan is-sens is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana (C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata fih).
( 14 ) Ara f’dan is-sens id-digriet tal‑21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso (C‑631/15, EU:C:2016:725, punt 39).
( 15 ) Ara f’dan is-sens digriet tal‑21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso (C‑631/15, EU:C:2016:725, punt 36).
( 16 ) Skont ir-rappreżentanti ta’ Navarra u ta’ Spanja bi tweġiba għall-mistoqsija magħmula f’dan is-sens mill-Qorti tal-Ġustizzja, f’din il-kawża dawn huma uffiċjali fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ xogħol tad-dritt privat.
( 17 ) Ara iktar ’il fuq f’dan is-sens il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Vernaza Ayovi (C‑96/17, EU:C:2018:43, punt 66).
( 18 ) Sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility (C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata fih), u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Vernaza Ayovi (C‑96/17, EU:C:2018:603, punt 32).
( 19 ) Sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras (C‑596/14, EU:C:2016:683, punt 37), tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility (C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 47), u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Vernaza Ayovi (C‑96/17, EU:C:2018:603, punt 33).
( 20 ) Sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, (C‑16/15, EU:C:2016:679, punt 66).
( 21 ) Sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility (C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata fih), u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Vernaza Ayovi (C‑96/17, EU:C:2018:603, punt 34).
( 22 ) Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Vernaza Ayovi (C‑96/17, EU:C:2018:603, punt 35).
( 23 ) Ara dwar dan l-aspett, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Grupo Norte Facility (C‑574/16, EU:C:2017:1022, punti 49 sa 52), Montero Mateos (C‑677/16, EU:C:2017:1021, punti 44 sa 47), u Vernaza Ayovi (C‑96/17, EU:C:2018:43, punt 71).
( 24 ) Ara iktar ’il fuq, punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Skont l-informazzjoni pprovduta mir-rappreżentant tal-Gvern Reġjonali ta’ Navarra, persunal bi kuntratt jista’ jiġi rreklutat fuq il-bażi ta’ kuntratti tad-dritt pubbliku jew tad-dritt privat, u fit-tieni każ biss tista’ tiġi kkunsidrata relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat.
( 25 ) Sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility (C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata fih), u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Vernaza Ayovi (C‑96/17, EU:C:2018:603, punt 38).
( 26 ) L-Artikolu 11 tad-DF 68/2009, iċċitat iktar ’il fuq fil-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 27 ) Sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility (C‑574/16, EU:C:2018:390, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata fih), u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Vernaza Ayovi (C‑96/17, EU:C:2018:603, punt 39).
( 28 ) Ara, dwar dan l-aspett, anki l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Adeneler et (C‑212/04, EU:C:2005:654, punti 85 u 86), fil-kawżi magħquda Angelidaki et (minnC‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2008:686, punt 117), kif ukoll fil-kawża Vernaza Ayovi (C‑96/17, EU:C:2018:43, punt 83); fl-istess sens il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawżi magħquda Marrosu u Sardino kif ukoll Vassallo (C‑53/04 u C‑180/04, EU:C:2005:569, punti 42 u 43).
( 29 ) Hekk jipprevedi t-tielet paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas, ara wkoll il-punt 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu.
( 30 ) Sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana (C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 76), u tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et (minnC‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 57), kif ukoll id-digrieti tas‑7 ta’ Marzu 2013, Bertazzi et (C‑393/11, mhux ippubblikat, EU:C:2013:143, punt 43) u tal‑21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso (C‑631/15, EU:C:2016:725, punt 53).
( 31 ) Digrieti tad‑9 ta’ Frar 2012, Lorenzo MartinezC‑556/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:67, punt 51), u tat‑22 ta’ Marzu 2018, Centeno Meléndez (C‑315/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:207, punt 72).
( 32 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino (C‑53/04, EU:C:2006:517, punt 45), u tas‑26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et (C‑22/13, minn C‑61/13 sa C‑63/13 u C‑418/13, EU:C:2014:2401, punt 70), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja żżid rispettivament is-segwenti espressjoni għal għanijiet restrittivi: “sa fejn dan huwa oġġettivament iġġustifikat”.
( 33 ) Fl-istess sens l-opinjoni tiegħi fil-kawża ta’ eżami mill-ġdid ta’ Il‑Kummissjoni vs Strack (C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:573, punti 66 sa 68).
( 34 ) Ara f’dan is-sens is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 57), kif ukoll id-digrieti tal‑21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso (C‑631/15, EU:C:2016:725, punt 50) u tat‑22 ta’ Marzu 2018, Centeno Meléndez (C‑315/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:207, punt 64).
( 35 ) Ara f’dan is-sens is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 55), kif ukoll id-digrieti tal‑21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso (C‑631/15, EU:C:2016:725, punt 51) u tat‑22 ta’ Marzu 2018, Centeno Meléndez (C‑315/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:207, punt 66).
( 36 ) L-aċċess għas-servizz pubbliku fi Spanja huwa rregolat mill-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ kapaċità u ta’ kompetenza (ara l-Artikolu 23(2), u l-Artikolu 103(3), tal-kostituzzjoni Spanjola).
( 37 ) Sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 56), u tat‑8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana (C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 74), kif ukoll id-digrieti tat‑18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina (C‑273/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:167, punt 42), tad‑9 ta’ Frar 2012, Lorenzo Martínez (C‑556/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:67, punt 49), u tal‑21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso (C‑631/15, EU:C:2016:725, punt 49).
( 38 ) Ara wkoll iktar ’il fuq, punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31.
( 39 ) Digriet tat‑22 ta’ Marzu 2018, Centeno Meléndez, mhux ippubblikat, EU:C:2018:207, punt 71.
( 40 ) Fid-digriet tat‑22 ta’ Marzu 2018, Centeno Meléndez (C‑315/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:207, punt 71) il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-parteċipazzjoni fis-sistema tal-karrieri professjonali inkwistjoni kienet permessa kemm għall-uffiċjali kif ukoll għall-membri tal-persunal bil-kuntratt impjegati għal żmien indeterminat.
( 41 ) Din id-definizzjoni hija differenti b’mod sinjifikattiv minn dik ipprovduta mill-Artikolu 16(2), tal-EBEP, li skontha l-kunċett ta’ “karriera professjonali” huwa ddefinit bħala “arranġament ordnat ta’ opportunitajiet ta’ promozzjoni u aspettattivi ta’ żvilupp personali konformement mal-prinċipji ta’ ugwaljanza, mertu u kompetenza”.
( 42 ) Ara wkoll, il-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 43 ) Ara b’mod partikolari d-digriet tal‑21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso (C‑631/15, EU:C:2016:725, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 48 sa 51).
( 44 ) Ara f’dan ir-rigward is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 47), u tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punti 50 sa 58), u d-digriet tat‑18 ta’ Marzu 2011, Montoya Medina (C‑273/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:167, punti 32 sa 34).
( 45 ) Fir-rigward tal-allowance ta’ kull sitt snin għal taħriġ kontinwu, ara pereżempju, id-digriet tad‑9 ta’ Frar 2012, Lorenzo Martínez (C‑556/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:67); fir-rigward tar-regoli relattivi għall-perijodi ta’ servizz neċessarji biex wieħed ikun jista’ jiġi kklassifikat f’kategorija remunerattiva superjuri jew għall-kalkolu tal-perijodu ta’ servizz mitluba biex wieħed jirċievi rapport informattiv annwalment, ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana (C‑177/10, EU:C:2011:557); dwar ir-regoli relattivi għall-perijodi ta’ servizz neċessarji għall-parteċipazzjoni fil-pjan ta’ evalwazzjoni li miegħu huma marbutin il-benefiċċji finanzjarji, ara d-digriet tal‑21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso (C‑631/15, EU:C:2016:725).
( 46 ) Ara iktar ’il fuq, punti 32 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 47 ) Ara iktar ’il fuq, punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 48 ) Ara iktar ’il fuq, punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.