European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/467

17.1.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-14 ta' Jannar 2025

dwar il-pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “Miel de Asturias” (IĠP) skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(C/2025/467)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 50(2), il-punt (a), tiegħu,

Billi:

(1)

Qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), Spanja ressqet applikazzjoni lill-Kummissjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “Miel de Asturias” (IĠP) (Nru tal-UE: PGI-ES-02777 — 10.6.2021) f’konformità mal-Artikolu 49(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat dik l-applikazzjoni u kkonkludiet li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati f’dak ir-Regolament.

(3)

Sabiex ikunu jistgħu jitressqu oppożizzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1143, li huwa applikabbli għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 90(2) ta’ dak ir-Regolament, id-Dokument Uniku u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott imsemmija fl-Artikolu 50(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 għall-isem “Miel de Asturias” jenħtieġ li jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(4)

Minħabba l-fatt li l-applikazzjoni ppubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C, C/2024/4791 tal-31 ta’ Lulju 2024 ma kienx fiha r-referenza korretta għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, l-applikazzjoni trid tiġi ppubblikata mill-ġdid,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Id-Dokument Uniku u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott imsemmija fl-Artikolu 50(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 għall-isem “Miel de Asturias” (IĠP) (Nru tal-UE: PGI-ES-02777 — 10.6.2021) għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

F’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1143, id-dritt ta’ oġġezzjoni għall-protezzjoni proposta għandu jiġi eżerċitat fi żmien 3 xhur mid-data tal-pubblikazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu.

Il-pubblikazzjoni ppubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C, C/2024/4791 tal-31 ta’ Lulju 2024 hija mħassra.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Jannar 2025

Għall-Kummissjoni

Christophe HANSEN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1151/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).


ANNESS

DOKUMENT UNIKU

“Miel de Asturias”

Nru tal-UE: PGI-ES-02777 — 10.6.2021

DOP ( ) IĠP (X)

1.   Isem/Ismijiet (tad-DOP jew tal-IĠP)

“Miel de Asturias”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Spanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.4. Prodotti oħrajn li joriġinaw mill-annimali (bajd, għasel, diversi prodotti mill-ħalib għajr butir, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

L-indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) “Miel de Asturias” tindika l-għasel li jsir esklussivament fl-Asturji mill-flora u mill-pjanti li jinsabu f’dak ir-reġjun, għandu l-karatteristiċi elenkati fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, u jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni u fil-leġiżlazzjoni attwali.

Il-“Miel de Asturias” huwa kkaratterizzat mil-lewn ambra tiegħu (li jvarja minn ambra ċar għal ambra skur ħafna), aromi u togħma profondi u intensi ħafna, u tiswira densa minħabba l-kontenut baxx ta’ ndewwa tiegħu.

TIPI TA’ GĦASEL

Fuq il-bażi tal-karatteristiċi organolettiċi u fiżiċi/kimiċi tiegħu u l-oriġini botanika tiegħu, il-“Miel de Asturias” jista’ jinqasam fil-kategoriji li ġejjin:

—

Għasel ta’ ħafna fjuri: il-karatteristiċi speċifiċi ta’ speċi waħda ta’ pjanta ma humiex predominanti. Minflok, hemm taħlita ta’ bosta tipi ta’ pjanti, li tirriżulta f’għasel li huwa tipiku ta’ żona partikolari:

—

·għasel tal-foresti

—

·għasel kostali

—

·għasel tal-muntanji

—

Għasel ta’ fjura waħda: għasel li fih il-karatteristiċi distintivi ta’ speċi partikolari waħda ta’ pjanta huma predominanti, u li għandu l-karatteristiċi organolettiċi, fiżiċi/kimiċi u melissopalinoloġiċi stabbiliti f’dan id-dokument:

—

·għasel tal-ballut

—

·għasel tal-ewkaliptu

—

·għasel tal-qastan ħelu

—

·għasel tal-erika

—

·għasel mill-ħaxixet il-mikinsa

—

·għasel tas-siġar tal-frawli

Karatteristiċi tal-għasel

1.

Karatteristiċi fiżiċi/kimiċi li huma komuni għall-għasel kollu

Indewwa: massimu ta’ 18,5 % (minbarra l-għasel tas-siġar tal-frawli, li jista’ jkollu livelli ta’ ndewwa sa 20 %, u l-għasel mill-ħaxixet il-mikinsa, li l-livelli ta’ ndewwa tiegħu jistgħu jilħqu t-23 %).

Idrossimetilfurfural: ≤ 30 mg/kg għall-ħajja fuq l-ixkaffa kummerċjali kollha kemm hi tiegħu

2.

Karatteristiċi melissopalinoloġiċi li huma komuni għall-għasel kollu

L-ispettru tat-trab tad-dakra tal-għasel li huwa kopert mill-indikazzjoni ġeografika protetta “Miel de Asturias” irid jikkorrispondi għal dak tal-flora tal-Asturji li – skont iż-żona u l-istaġun – ikun jikkonsisti prinċipalment f’dan li ġej: Arbutus unedo, Calluna vulgaris, Castanea sativa, Crataegus monogyna, Cytisus sp., Daboecia cantabrica, Erica arborea, Erica australis, Erica cinerea, Erica mackaiana, Erica umbellata, Erica vagans, Eryngium bourgatii, Eucalyptus sp., Genista sp., Ligustrum sp., Malus sp., Prunus sp., Quercus sp., Robinia preudocacia, Rubus ulmifolius, Taraxacum officinale, Trifolium repens.

3.

Karatteristiċi organolettiċi tal-għasel kollu: iridu jkunu ħielsa minn difetti sensorjali.

4.

Karatteristiċi fiżiċi/kimiċi, melissopalinoloġiċi u organolettiċi speċifiċi

Minbarra l-karatteristiċi komuni stabbiliti hawn fuq, kull tip ta’ għasel irid ikun jissodisfa għadd ta’ rekwiżiti addizzjonali speċifiċi.

KARATTERISTIĊI ADDIZZJONALI

 

Fiżiċi/Kimiċi

Melissopalinoloġiċi

Organolettiċi

Tip ta’ għasel

Konduttività

Lewn (Pfund)

Kontenut ta’ trab tad-dakra (%)

Riħa

Aroma u togħma

Lewn

Tal-foresti

≥ 0,8

≥ 90

Għasel mill-qtar tal-għasel tas-siġar (elementi tal-qtar tal-għasel tas-siġar – HDE) u trab tad-dakra minn firxa ta’ pjanti li jipproduċu l-għasel, inklużi l-Erica sp. u l-Castanea sativa.

Riħa ta’ xgħir, iżda wkoll b’togħma tal-injam u terrena li tfakkar fis-siġar tal-qastan u l-ħumus ħelwin

Kemxejn mielħa, bi mrar qawwi u persistenti u bi ħjiel ta’ astrinġenza

Ambra skur b’tonalitajiet kannella fl-iswed ileqqu

Kostali

≤ 0,8

45 -85

Il-kompożizzjoni tiegħu tinkludi trab tad-dakra mill-pjanti li jipproduċu l-għasel tal-kosta u l-widien u l-baċiri t’isfel tax-xmajjar tal-Asturji. L-ispettru totali tat-trab tad-dakra jikkorrispondi għall-flora taż-żona, inklużi: Eucalyptus sp., Quercus sp., Salix alba, Malus sp., Centaurea debeauxii, Ligustrum sp., Lotus corniculatus, Rubus sp., Trifolium repens.

Friska u li tfakkar fl-ewkaliptu

Ħelwa u kemxejn aċiduża

Ambra għal ambra ċar

Tal-muntanji

≤ 0,8

≥ 80

Iż-żewġ tipi ta’ trab tad-dakra dominanti li jinsabu fil-muntanji tal-Asturji – l-erika (Erica sp.) u l-qastan ħelu (Castanea sativa) – flimkien iridu jammontaw għal aktar minn 70 % tal-profil kumplessiv

Togħma tal-injam u terrena flimkien ma’ aromi ta’ fjuri

Kemxejn mielħa, bi mrar qawwi u persistenti u bi ħjiel ta’ astrinġenza

Ambra

Tal-ballut

≥ 0,8

≥ 90

Għasel mill-qtar tal-għasel tas-siġar tal-ballut, flimkien ma’ perċentwal ta’ trab tad-dakra minn speċijiet karatteristiċi tal-familji Fagaceae, Ericaceae, Cistaceae u Rosaceae

Riħa ta’ xgħir ċara

Noti mielħa ċari

Ambra skur ħafna b’tonalitajiet kannella fl-iswed ileqqu

Tal-ewkaliptu

≤ 0,8

≤ 95

≥ 70 % Eucalyptus sp.

Riħa ta’ injam niedi

Aroma retronażali balsamika, togħma ħelwa bi ftit ħjiel ta’ aċidità

Ambra ċar b’tonalitajiet kannella fl-aħdar

Tal-qastan ħelu

≥ 0,8

≥ 75

≥ 70% Castanea sativa

Aroma veġetali u tal-injam, mhux partikolarment intensa jew persistenti (persistenza medja sa baxxa)

Togħma mielħa u morra

Ambra skur, xi drabi b’tonalitajiet kannella fl-aħdar

Tal-erika

≤ 0,8

≥ 95

≥ 38 % Erica sp. mill-ispeċijiet differenti tal-erika li jinsabu fl-Asturji

Riħa ta’ fjuri, intensa u persistenti, b’noti terreni li jfakkru fil-boskijiet fil-ħarifa

Ħjiliet ta’ karamella

Ambra skur ħafna b’tonalitajiet ħamranin

Mill-ħaxixet il-mikinsa

≤ 0,8

≥ 80

≥ 8 % Calluna vulgaris

Riħa ta’ fjuri, intensa u persistenti, terrena b’noti ta’ ħumus

Ħelwa, b’noti morri u mielħa ċari. Sensazzjoni ġelatinuża fil-ħalq minħabba l-karatteristiċi tissotropiċi tiegħu

Ambra, b’tonalitajiet kannella fl-aħmar u wiċċ immewweġ

Tas-siġar tal-frawli

≤ 0,8

≥ 80

≥ 8% Arbutus unedo

Riħa ta’ fjuri bi ħjiliet ta’ ħumus, weraq li waqgħu mis-siġar u faqqiegħ selvaġġ

Morra ħafna b’noti mielħa

Ambra

L-għasel mill-imġiebaħ li jinsabu fl-Asturji jista’ jkollu l-indikazzjoni ġeografika protetta “Miel de Asturias” jekk ikun juri l-karatteristiċi fiżiċi/kimiċi, melissopalinoloġiċi u organolettiċi ġenerali deskritti hawn fuq.

Il-“Miel de Asturias” jista’ jiġi kklassifikat bħala tip partikolari ta’ għasel jekk, minbarra l-karatteristiċi ġenerali, juri l-karatteristiċi addizzjonali speċifiċi ta’ kull wieħed mit-tipi ta’ għasel definiti.

3.3.   Għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għal prodotti pproċessati biss)

—

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-istadji kollha tal-produzzjoni u l-estrazzjoni jridu jsiru fiż-żona protetta: il-ftuħ tax-xehdiet, l-estrazzjoni (ċentrifugazzjoni jew dikantazzjoni), l-iffiltrar u d-dikantazzjoni.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-imballaġġ, eċċ.

L-imballaġġ jeħtieġ li jiġi ristrett għal din iż-żona biex jiġu ppreservati l-karatteristiċi u l-kwalità tal-“Miel de Asturias”, filwaqt li tiġi evitata l-ħsara (kontaminazzjoni, aromi strambi, irwejjaħ barranin, eċċ.) u t-telf tal-kwalità li jista’ jiġi kkawżat meta jiġi ttrasportat fi stat mhux imballat, kif ukoll biex jiġi żgurat kontroll aktar effettiv. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe wieħed minn dawn l-effetti avversi, l-għasel ma jridx jinbiegħ bl-ingrossa.

Il-prodott irid jiġi ppakkjat fil-faċilitajiet li huma elenkati fir-reġistru tal-korp ta’ kontroll u għalhekk ikun jinsab fiż-żona ġeografika ddefinita.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Minbarra l-informazzjoni obbligatorja, it-tikketti tal-prodott iridu jinkludu:

—

il-kliem “Miel de Asturias”

—

it-tip ta’ għasel skont il-karatteristiċi tiegħu (jekk applikabbli)

—

numru ta’ kontroll uniku

—

il-logo speċifiku tal-IĠP.

Image 1

Skrizzjoni

TINTA = LEWN WIEĦED

NEGATIVO = ISWED U ABJAD

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

It-territorju amministrattiv kollu kemm hu tal-Komunità Awtonoma tal-Asturji jikkostitwixxi ż-żona tal-produzzjoni tal-għasel tal-IĠP “Miel de Asturias”.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Il-“Miel de Asturias” għandu l-kwalità u l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu (il-lewn tiegħu li jvarja minn ambra ċar għal ambra skur ħafna, aromi u togħma profondi u intensi ħafna, u tiswira densa minħabba l-kontenut baxx ta’ ndewwa tiegħu) minħabba li l-fatturi naturali u umani li jinsabu fiż-żona ġeografika fejn jiġi prodott u estratt l-għasel.

FATTURI NATURALI

L-Asturji huwa reġjun fit-Tramuntana ta’ Spanja fejn bosta riżalti ewlenin jiltaqgħu f’żona żgħira. Dawn ir-riżalti, b’mod partikolari l-Muntanji tal-Cantabria, mhux biss jiddemarkaw il-limitu amministrattiv tar-reġjun iżda wkoll jisseparaw ir-reġjun tal-Mediterran mir-reġjun Ewrosiberjan f’termini ġeografiċi u klimatiċi.

Barra minn hekk, il-ħamrija tar-reġjun hija prinċipalment ħamrija siliċika li ma tantx fiha nutrijenti, b’xi żoni kalkarji. It-terren huwa irregolari, b’elevazzjonijiet li jvarjaw minn livell tal-baħar sa 1 000-2 600 metru, u l-klima hija tipika tar-reġjun Eurosiberjan, li hija influwenzata kemm mill-baħar kif ukoll mill-muntanji.

Il-pajsaġġ iffurmat minn dawn il-fatturi huwa nieqes mill-għelejjel (ma jintuża l-ebda prodott għall-protezzjoni tal-pjanti u ma hemm l-ebda speċi ta’ pjanti minn barra l-Asturji) u ppermetta l-iżvilupp ta’ varjetà wiesgħa ta’ veġetazzjoni li tipproduċi l-għasel, li tagħti lill-għasel li jiġi prodott f’dan ir-reġjun ċerti karatteristiċi organolettiċi speċifiċi: l-għasel minn żoni muntanjużi huwa skur, morr, saħansitra mielaħ, b’aromi ta’ fjuri, filwaqt li l-għasel minn żoni kostali huwa aktar ċar u b’togħma aktar friska. Din it-taħlita ta’ togħma, aroma u karatteristiċi viżwali tirrifletti l-fatt li varjetà kbira ta’ pjanti li jipproduċu l-għasel tista’ tinstab f’distanza qasira grazzi għall-profil varjat tal-ħamrija, tal-klima u tal-altitudni msemmi hawn fuq (li jfisser li f’ċerti elevazzjonijiet in-naħal minn doqqajs wieħed jagħlfu minn firxa ta’ tipi differenti ta’ pjanti).

Fost l-għadd kbir ta’ speċijiet ta’ pjanti li n-naħal iżuru fl-Asturji, dawn li ġejjin huma l-aktar importanti f’termini tal-karatteristiċi speċifiċi li jagħtu lill-“Miel de Asturias”, li huma elenkati flimkien maż-żoni fejn jinsabu:

—

Il-familja Fagaceae:

—

Castanea sativa – qastan ħelu – jista’ jinstab fir-reġjun kollu tal-Asturji, li fih tinsab l-akbar popolazzjoni ta’ din l-ispeċi tal-peniżola Iberika.

—

Quercus sp.: hemm żoni estensivi ta’ msaġar tal-ballut, inkluża l-akbar foresta tal-ballut ta’ Spanja, waħda mill-aqwa ppreservati fl-Ewropa.

—

Il-familja Ericaceae:

—

Id-diversi speċijiet tal-ġeneru Erica sp. huma abbundanti fir-reġjun kollu.

—

Ir-reġjun tal-Asturji għandu popolazzjoni partikolarment kbira ta’ Calluna vulgaris (ħaxixet il-mikinsa), li minnu jinkiseb għasel distint li jixbah il-ġell.

—

Arbutus unedo – il-fatt li s-“siġra tal-frawli” hija kkonċentrata fiż-żoni l-aktar xemxin tar-reġjun ifisser li l-għasel ta’ fjura waħda li jirriżulta huwa pjuttost differenti mit-tipi l-oħra li jsiru fl-Asturji.

—

Il-familja Myrtaceae:

—

Il-foresti tal-ewkaliptu Eucalyptus sp. jistgħu jinstabu tul il-kosta kif ukoll fil-widien tax-xmajjar aktar ’il ġewwa mill-kosta. Din l-ispeċi għandha influwenza sinifikanti fuq l-għasel lokali. Flimkien mal-pjanti l-oħra li minnhom isir l-għasel kostali, dan jagħtih profil sensorjali li jiddistingwih mit-tipi l-oħra ta’ “Miel de Asturias”.

FATTURI UMANI (PRATTIKI TRADIZZJONALI)

Dawk li jrabbu n-naħal illum il-ġurnata għadhom jużaw il-prattiki tal-antenati li jirriżultaw f’għasel uniku, li ġew mgħoddija tul il-ġenerazzjonijiet: in-naħal ma jiġix magħluf b’mod artifiċjali waqt il-produzzjoni tal-għasel, l-għasel jiġi estratt permezz ta’ ċentrifugazzjoni, u l-għasel ma jiġi soġġett għall-ebda trattament bis-sħana li jbiddel il-karatteristiċi tiegħu. Huwa dan l-użu ta’ metodi tradizzjonali, flimkien ma’ għarfien estensiv tal-ambjent lokali, li jippermetti lil dawk li jrabbu n-naħal jiksbu dawn il-varjetajiet differenti ta’ għasel ta’ kwalità għolja.

Barra minn hekk, ir-riżalt ikkumplikat tal-Asturji jagħmilha diffiċli għall-vetturi li jistgħu jittrasportaw id-doqqajs biex jilħqu l-biċċa l-kbira tal-imġiebaħ. B’riżultat ta’ dan, u minħabba l-preżenza ta’ orsijiet kannella (Ursus arctos) li jattakkaw id-doqqajs, li jirrikjedu miżuri protettivi, l-imġiebaħ huma wieqfa u ftit doqqajs jiġu rilokati minn post għal ieħor. Din il-prattika tradizzjonali hija r-raġuni għaliex żoni differenti jrendu tipi differenti ta’ “Miel de Asturias”, peress li l-għasel jiġi prodott esklussivament mill-veġetazzjoni li tipproduċi l-għasel madwar il-miġbħa, filwaqt li tipprekludi l-preżenza tan-nektar u tat-trab tad-dakra minn barra dik iż-żona.

SPEĊIFIĊITÀ TAL-PRODOTT

L-influwenza tal-fatturi naturali u umani hija riflessa fil-karatteristiċi fiżiċi/kimiċi, organolettiċi u melissopalinoloġiċi tal-“Miel de Asturias” u d-diversi tipi tiegħu. Il-karatteristiċi tal-ambjent naturali u l-użu ta’ metodi tradizzjonali jagħtu lill-“Miel de Asturias” il-valuri tal-indikaturi tal-kwalità u l-ispettri speċifiċi tat-trab tad-dakra li ġejjin.

—

L-istudji dwar l-ispettru tat-trab tad-dakra tal-“Miel de Asturias” juru kif dan huwa differenti mill-għasel li fih it-trab tad-dakra ta’ ċerti speċijiet karatteristiċi ħafna ta’ flora li tipproduċi l-għasel, kemm jekk selvaġġa kif ukoll ikkultivata, li tikber f’żoni ġeografiċi oħra, inklużi l-lavanda (Lavandula sp.), iż-żebbuġ (Olea europaea), iż-żahra tal-larinġ (Citrus sp.), it-timu (Thymus sp.), il-ġirasol (Helianthus annus) u l-lift (Brassica napus).

—

Il-prodott huwa kkaratterizzat minn valuri baxxi ta’ idrossimetilfurfural (HMF), li huma indikattivi ta’ freskezza u metodi ta’ produzzjoni artiġjanali li ma jinvolvux temperaturi għoljin matul l-estrazzjoni jew l-imballaġġ, proċessi ta’ pasturizzazzjoni jew perjodi twal ta’ ħżin. B’riżultat ta’ dan, il-“Miel de Asturias” huwa kkaratterizzat minn livelli ta’ HMF ta’ inqas minn 30 mg/kg.

—

Kontenut baxx ta’ ndewwa jindika għasel li jkun immatura kif suppost. Peress li fl-irziezet tal-għasel jintużaw metodi mhux intensivi, l-għasel ma jiġix estratt sakemm perċentwal kbir taċ-ċelloli f’qafas wieħed jiġi mgħotti jew issiġillat. Il-kontenut ta’ ndewwa tal-għasel huwa inqas minn 18,5 %, bl-eċċezzjoni tal-għasel tas-siġar tal-frawli, li jista’ jkollu valuri sa 20 %, u l-għasel mill-ħaxixet il-mikinsa, li jista’ jkollu valuri sa 23 %.

KUNTEST STORIKU

Bħala riżultat tal-metodi tradizzjonali tat-trobbija tan-naħal u l-veġetazzjoni li tipproduċi l-għasel preżenti fl-Asturji, l-għasel li jiġi prodott hawnhekk huwa ta’ kwalità għolja.

L-għasel kien l-uniku dolċifikant disponibbli fis-soċjetà rurali tal-Asturji sa tmiem is-seklu 19. Dan kien ifisser li l-ġbir kien żmien festiv, fejn l-għasel kien jiġi kondiviż fost ir-raħħala kollha. Kien prodott prestiġjuż kemm “minħabba t-togħma ħelwa tiegħu kif ukoll minħabba l-karatteristiċi mediċinali attribwiti lilu” u l-kaxxa tan-naħal u l-imġiebaħ ġew inklużi mill-ġenituri fid-doti ta’ wliedhom meta żżewġu, kif ukoll inkitbu fit-testmenti (J. López, 1989: Las abejas, la miel y la cera en la sociedad tradicional asturiana [In-naħal, l-għasel u x-xama’ fis-soċjetà tradizzjonali tal-Asturji], p. 97).

L-għasel kien ingredjent ta’ platti oħra b’għeruq lokali b’saħħithom, bħall-escaldao (platt ħelu tal-Milied), id-deventre dulce (pudina mimlija), il-frisuelos u l-foyuelos (pancakes), li kienu jittieklu fi Shrovetide u tradizzjonalment kienu jiġu servuti minn ġenituri ta’ wild lill-parrini fil-magħmudija (P. Gonzalez Solis y Cabal, Memorias asturianas [Memorji tal-Asturji], p. CXXIX).

It-trobbija tan-naħal fl-Asturji tradizzjonalment kienet attività mwarrba li kellha rwol importanti biex tippermetti lin-nies jgħixu mill-imasġar lokali u ħalliet il-marka tagħha fuq il-pajsaġġ fil-forma ta’ talameiros/talameras u cortinos, żewġ tipi ta’ kostruzzjoni mfassla biex jipproteġu l-kaxxi tan-naħal mill-orsijiet u minn predaturi oħra, li huma speċifiċi għal din l-attività u ta’ valur etnografiku kbir (E. Díaz y Otero u F. Javier Naves Cienfuegos, Los colmenares tradicionales del noroeste de España [Imġiebaħ tradizzjonali fil-Majjistral ta’ Spanja]).

Ir-rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u kwalità partikolari, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP)

It-terren irregolari tal-Asturji u l-prossimità għall-oċean kellhom impatt deċiżiv fuq l-iżvilupp tat-trobbija tan-naħal fl-Asturji, u ppermettew il-produzzjoni tal-għasel ta’ ħafna fjuri jew ta’ fjura waħda li huwa tipiku taż-żona. Għalhekk, mill-pjanti li jipproduċu l-għasel tal-kosta u l-widien u l-baċiri t’isfel tax-xmajjar tal-Asturji joħroġ għasel ta’ lewn ambra ċar li huwa kkaratterizzat minn togħma ħelwa bi ħjiliet ta’ aċidità u aromi friski u li fihom l-ispeċijiet ta’ fjuri bħal Eucalyptus sp., Salix alba, Malus sp., Centaurea debeauxii, Ligustrum sp., Lotus corniculatus, Rubus sp. jew Trifolium repens huma dominanti. Mill-flora li tipproduċi l-għasel tal-foresti u l-muntanji tal-Asturji, min-naħa l-oħra, fejn jippredominaw speċijiet ta’ fjuri bħall-Erica sp., il-Castanea sativa, il-Calluna vulgaris jew l-Arbutus unedo, jiġi prodott għasel ta’ lewn ambra skur u ambra skur ħafna b’togħmiet qawwija u persistenti u rwejjaħ tal-injam u terreni. Barra minn hekk, il-metodi tradizzjonali u mhux intensivi użati minn dawk li jrabbu n-naħal, li jistennew il-maturità ottimali qabel ma jiġbru l-għasel, jirriżultaw f’għasel b’kontenut ta’ ndewwa aktar baxx.

Dan huwa rifless fil-ħwienet tal-bejgħ bl-imnut, peress li, mill-2008 ’l hawn, kien possibbli li jinbiegħ l-għasel li jiġi prodott fl-Asturji taħt it-tikketta “Alimentos del Paraíso Natural” [Ikel minn Ġenna Naturali]. Dan l-għasel rebaħ għadd ta’ premjijiet għall-kwalità eċċellenti tiegħu: l-għasel tal-ballut, tal-foresti u tas-siġar tal-frawli ġew onorati fil-Premjijiet tal-Għasel ta’ Londra tal-2021, l-għasel tal-ewkaliptu fil-Premjijiet tal-Ikel tal-Amerka tal-2021, l-għasel tas-siġar tal-frawli fil-Konferenza Nazzjonali Spanjola dwar l-Apikultura tal-2018, u l-għasel tal-erika u tal-qastan ħelu fil-Konferenza Nazzjonali Spanjola dwar l-Apikultura tal-2016.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

https://run.gob.es/wzoMielAstur


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/467/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)