Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva
Fil-Kawża C‑58/08,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2007, li waslet fil‑Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Frar 2008, fil-proċedura
The Queen, fuq talba ta’:
Vodafone Ltd ,
Telefónica O2 Europe plc ,
T-Mobile International AG ,
Orange Personal Communications Services Ltd
vs
Secretary of State for Business, Enterprise and Regulatory Reform ,
fil-preżenza ta’:
Office of Communications ,
Hutchison 3G UK Ltd ,
GSM Association ,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, R. Silva de Lapuerta, P. Lindh, u C. Toader, Presidenti ta’ Awla, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Schiemann, P. Kūris, T. von Danwitz (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,
Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ April 2009,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Vodafone Ltd, minn D. Pannick, QC, u R. Kreisberger, avukat,
– għal Telefónica O2 Europe plc, T-Mobile International AG u Orange Personal Communications Services Ltd, minn D. Anderson, QC, I. Ross, M. Lemanski, solicitors, u D. Scannell, barrister,
– għal Hutchison 3G UK Ltd, minn F. Richmond, solicitor, u B. Kennelly, barrister,
– għal GSM Association, minn B. Amory u S. Clerckx, avukati, kif ukoll minn M. Chamberlain, barrister,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn I. Rao, bħala aġent, assistita minn J. Turner, QC, u minn T. Ward, barrister,
– għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn C. M. Wissels u Y. de Vries, bħala aġenti,
– għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,
– għall-Parlament Ewropew, minn E. Perillo, J. Rodrigues u L. Visaggio, bħala aġenti,
– għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn D. Canga Fano u G. Kimberley, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Benyon u A. Nijenhuis, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tal-1 ta’ Ottubru 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tar‑Regolament (KE) Nru 717/2007 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2007 dwar roaming fuq networks pubbliċi tat-telefonija mobbli fi ħdan il-Komunità u li jemenda d‑Direttiva 2002/21/KE (ĠU L 171, p. 32).
2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Vodafone Ltd, Telefónica O2 Europe plc, T-Mobile International AG u Orange Personal Communications Services Ltd, operaturi ta’ netwerks pubbliċi ta’ telefonija mobbli attivi fir-Renju Unit, fl-Unjoni Ewropea u f’xi swieq internazzjonali oħra, u s-Secretary of State for Business, Enterprise and Regulatory Reform (Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ekonomiċi, għall-Impriżi u għar-Riforma tal-leġiżlazzjoni) dwar il‑validità tad-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 717/2007, adottati mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.
Il-kuntest ġuridiku
Il-kuntest ġuridiku għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi
3. Fl-2002, il-leġiżlatur Komunitarju adotta, fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE, qafas regolatorju għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (iktar ’il quddiem il-“qafas regolatorju”) sabiex jissuġġetta n-netwerks ta’ xandir kollha u s-servizzi assoċjati għall‑istess qafas leġiżlattiv, li huwa kompost, b’mod partikolari, bid‑Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349) barra xi direttivi speċifiċi. Dan il-qafas jistabbilixxi mekkaniżmu li jippermetti lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (iktar ’il quddiem l-“ARN”) jissuġġettaw, fil-każ ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni effettiva f’suq rilevanti, xi obbligi regolatorji ex ante fuq l-impriżi fil-qasam tal‑komunikazzjonijiet elettroniċi deskritti bħala b’saħħithom fis-suq wara li jwettqu analiżi tas-suq ikkonċernat.
Id-Deċiżjoni 2002/627/KE
4. Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/627/KE, tat-29 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għan-Netwerks u Servizzi ta’ Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 200, p. 38), inħoloq grupp konsultattiv ta’ ARN fuq in-netwerks u s-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Ir-rwol ta’ dan il-grupp (iktar ’il quddiem il-“GRE”) huwa, skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni, b’mod partikolari li jagħti konsulenza u jgħin lill-Kummissjoni fil‑konsolidazzjoni tas-suq intern għan-netwerks u għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.
Ir-Regolament Nru 717/2007
5. Wara li wettqet konsultazzjoni pubblika tal-partijiet interessati, il‑Kummissjoni ppreżentat, fit-12 ta’ Lulju 2006, analiżi tal-impatt tal‑għażliet politiċi dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Roaming fuq Netwerks Pubbliċi tat‑Telefonija Mobbli fi ħdan il-Komunità u li jemenda d-Direttiva 2002/21 [SEC(2006) 382 finali] (iktar ’il quddiem il-“proposta għal regolament”), ippreżentat fl-istess ġurnata, li wassal għall-adozzjoni tar‑Regolament Nru 717/2007 fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE.
6. Dan ir-regolament jissuġġetta lill-operaturi tan-netwerks mobbli għal tariffi massimi għall-prezzijiet bl-ingrossa u l-prezzijiet bl-imnut għall‑provvista tas-servizzi ta’ roaming fuq in-netwerks pubbliċi ta’ telefonija mobbli f’dak li jirrigwarda l-komunikazzjonijiet bil-vuċi bejn l-Istati Membri (iktar ’il quddiem is-“servizzi ta’ roaming madwar il‑Komunità”).
Il-funzjonament tas-servizzi ta’ roaming
7. Il-funzjonament tas-servizzi ta’ roaming jista’ jiġi deskritt kif ġej, b’mod partikolari fid-dawl tad-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 717/2007.
8. Is-servizzi ta’ roaming proposti mill-operaturi ta’ servizzi ta’ telefonija mobbli jikkonsistu fl-offerta ta’ kontinwità ta’ servizzi lil klijenti li jsiefru barra, li tippermettilhom jagħmlu jew jirċievu telefonati fuq netwerks ta’ Stati Membri oħra.
9. Sabiex jipprovdi servizzi ta’ roaming, operatur ta’ netwerk ta’ oriġini jikkonkludi ftehim speċifiku ta’ bejgħ bl-ingrossa mal-operaturi li joperaw fin-netwerks li jinsabu fl-Istati Membri l-oħra. L-operatur lokali tal-Istat miżjur minn abbonat tan-netwerk ta’ oriġini, li miegħu l‑operatur tan-netwerk ta’ oriġini kkonkluda tali ftehim, iwassal it‑telefonata lill-abbonat. Is-servizz ipprovdut min-netwerk miżjur lin‑netwerk ta’ oriġini jikkostitwixxi s-“servizz ta’ network bl‑ingrossa”.
10. Il-fornitur ta’ oriġini huwa impriża li tipprovdi lill-abbonat tar-roaming servizzi ta’ telefonija mobbli fuq in-netwerk pubbliku terrestri, kemm permezz tan-netwerk tagħha stess, u kemm bħala operatur ta’ netwerk mobbli virtwali jew bejjiegħ mill-ġdid ta’ servizzi ta’ telefonija mobbli bil-vuċi. Is-servizz ipprovdut minn dan il-fornitur lill‑abbonati tar-roaming jikkostitwixxi s-“servizz ta’ roaming bl‑imnut”.
11. Is-servizzi ta’ roaming bl-imnut huma parti mill-ftehim jew kuntratt ta’ telefonija mobbli konkluż mill-abbonat mal-fornitur ta’ oriġini u huma ttariffati bħala servizzi li jaqgħu taħt dan il-ftehim jew kuntratt. B’hekk il-kundizzjonijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ roaming bl-imnut jiddependu mill-ftehim jew kuntratt konkluż kif ukoll mis-suġġettar eventwali ta’ obbligi speċifiċi mill-ARN li huwa dipendenti fuqhom il‑fornitur ta’ oriġini.
Il-kontenut tar-Regolament Nru 717/2007
12. Fir-rigward tal-prezzijiet imħallsa mill-persuni li jużaw in-netwerks pubbliċi ta’ telefonija mobbli għal servizzi ta’ roaming bl-imnut, il‑premessa 1 tar-Regolament Nru 717/2007 tipprovdi li: “[i]l-livell għoli tal-prezzijiet [...] huwa kwistjoni ta’ tħassib għall-[ARN], kif ukoll għall-konsumaturi u l-istituzzjonijiet Komunitarji. It-tariffi [prezzijiet] bl-imnut eċċessivi qed jirriżultaw minn tariffi bl-ingrossa għoljin imposti mill‑operatur tan-netwerk ospitanti barrani u wkoll, f’bosta każijiet, minn qligh għoli fuq il-bejgħ bl-imnut li jiġu imposti mill-operatur tan‑netwerk tal-klijent stess. It-tnaqqis fit-tariffi bl-ingrossa spiss ma jigix mghoddi lill-klijent li jixtri bl-imnut. Għalkemm xi operaturi dan l‑aħħar daħħlu skemi ta’ tariffi li joffru lill-klijent kondizzjonijiet aktar favorevoli u prezzijiet aktar baxxi, tibqa’ l-evidenza li r-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-prezzijiet mhijiex dik li soltu jkun hemm fi swieq kompletament kompetittivi.”
13. Mill-premessa 4 tar-Regolament Nru 717/2007 jirriżulta li dan ir‑regolament jikkomplementa u jappoġġa, sa fejn hu kkonċernat ir‑roaming madwar il-Komunità, il-qafas regolatorju, peress li dan ma pprovdiex lill-ARN mezz suffiċjenti sabiex jieħdu l-miżuri effikaċji u deċiżivi f’dak li jirrigwarda t-tariffi tas-servizzi ta’ roaming madwar il‑Komunità.
14. Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, il-premessa 6 tal-imsemmi regolament tippreċiża:
“[...] il-ħidma li saret mill-[ARN] (kemm individwalment kif ukoll fi ħdan il-[GRE]) fl-analiżi tas-swieq nazzjonali bl-ingrossa għar-roaming internazzjonali wriet li għadu ma kienx possibbli għal [ARN] li tindirizza b’mod effettiv il-livell għoli tat-tariffi bl-ingrossa għar‑roaming madwar il-Komunità minħabba d-diffikultà fl‑identifikazzjoni ta’ impriżi b’setgħa sinifikanti fis-suq fid-dawl taċ‑ċirkostanzi speċifiċi tar-roaming internazzjonali, inkluża n-natura transkonfinali tiegħu.”
15. Skont il-premessi 8 u 9 tar-Regolament Nru 717/2007:
“(8) Barra minn hekk, l-[ARN] inkarigati mill-protezzjoni u l‑promozzjoni ta’ l-interessi tal-klijenti ta’ telefonija mobbli normalment residenti fit-territorju tagħhom ma jistgħux jikkontrollaw l-imġiba ta’ l-operaturi tan-netwerk miżjur, li jinsab fi Stati Membri oħra, u li fuqu jiddipendu dawk il-klijenti meta jużaw is-servizzi tar-roaming internazzjonali. Dan l-ostakolu jista’ jkollu l-effett li jnaqqas l-effikaċja tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri bbażati fuq il-kompetenza residwa tagħhom sabiex jadottaw ir-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur.
(9) Hemm għalhekk pressjoni sabiex l-Istati Membri jieħdu miżuri sabiex jindirizzaw il-livell tat-tariffi tar-roaming internazzjonali, iżda l-mekkaniżmu għall-intervent regolatorju ex ante mill‑[ARN] previst mill-qafas regolatorju [...] deher li ma kienx biżżejjed sabiex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jaġixxu b’mod deċisiv fl‑interess tal-konsumatur f’dan il-qasam speċifiku.”
16. Mill-premessi 12 u 13 tal-imsemmi regolament jirriżulta li huwa ħa inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi uniċi tas-suq tar-roaming, li jiġġustifika l-miżuri eċċezzjonali li jmorru lil hinn mill-mekkaniżmi previsti mill-qafas regolatorju.
17. Fir-rigward tal-għanijiet tar-Regolament Nru 717/2007, il premessa 14 tiegħu tiddikjara li, “[l]-obbligi regolatorji għandhom jiġu imposti kemm fil-livell ta’ bejgħ bl-imnut, kif ukoll fil-livell ta’ bejgħ bl‑ingrossa sabiex ikunu protetti l-interessi tal-klijenti tar-roaming, billi l-esperjenza wriet li t-tnaqqis tal-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi tar‑roaming madwar il-Komunità jistgħu ma jkunux riflessi fi prezzijiet bl-imnut inqas għar-roaming, minħabba li ma jkunx hemm inċentivi sabiex dan iseħħ. Min-naħa l-oħra, l-azzjoni sabiex jitnaqqas il-livell tal-prezzijiet bl-imnut mingħajr ma jiġi indirizzat il-livell ta’ l-ispejjeż bl-ingrossa marbuta ma’ l-għoti ta’ dawn is-servizzi jista’ jissogra li jostakola l-funzjonament korrett tas-suq tar-roaming madwar il‑Komunità.”
18. Skont il-premessa 16 tal-imsemmi regolament, huwa jistabbilixxi “[...] approċċ komuni sabiex jiġi żgurat li l-utenti tan-netwerks pubbliċi ta’ telefonija mobbli terrestri li jivvjaġġaw fi ħdan il-Komunità ma jħallsux prezzijiet eċċessivi għas-servizzi telefoniċi tar-roaming disponibbli madwar il-Komunita meta jagħmlu jew meta jirċievu sejħiet bil-vuċi [...] Fid-dawl tan-natura transkonfinali tas-servizzi kkonċernati, dan l‑approċċ komuni huwa meħtieġ sabiex l-operaturi mobbli jkunu jistgħu joperaw taħt qafas regolatorju koerenti msejjes fuq kriterji stabbiliti oġġettivament.”
19. L-approċċ regolatorju previst mir-Regolament Nru 717/2007 għandu, hekk kif tiddikjara l premessa 19 tiegħu, “jiżgura li t-tariffi bl-imnut għar-roaming madwar il-Komunità jipprovdu riflessjoni aktar raġonevoli ta’ l-ispejjeż sottostanti involuti fl-għoti tas-servizz milli kien il-każ.”
20. F’dan ir-rigward, skont il-premessa 38 tal-imsemmi regolament, ladarba dawn l-għanijiet “ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill‑Istati Membri b’mod sigur, armonizzat u f’waqtu u jistgħu għalhekk jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl‑Artikolu 5 tat-Trattat [KE].”
21. F’dak li jirrigward l-għan tar-Regolament Nru 717/2007, l-Artikolu 1(1) tiegħu jipprovdi:
“Dan ir-Regolament jintroduċi approċċ komuni [...] sabiex b’hekk isir kontribut għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern waqt li jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur filwaqt li tiġi ssalvagwardata l-kompetizzjoni bejn l-operaturi tat-telefonija mobbli u jitħarsu kemm l‑inċentivi għall-innovazzjoni kif ukoll l-għażla tal-konsumatur […]”
22. Skont l-Artikolu 2(2)(a) tar-Regolament Nru 717/2007, “Ewrotariffa” tfisser “kwalunkwe tariffa li ma teċċedix it-tariffa massima, prevista fl‑Artikolu 4, li fornitur tal-pajjiż ta’ oriġini jista’ jimponi għall‑provvista ta’ sejħiet roaming regolati konformement ma’ dak l‑Artikolu”.
23. L-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament jiddetermina l-prezz medju bl‑ingrossa massima li l-operatur ta’ netwerk miżjur jista’ jimponi fuq l‑operatur tan-netwerk ta’ klijent tar-roaming għal telefonata roaming regolata li toriġina minn dak in-netwerk miżjur. Dan il-prezz, li jinkludi, b’mod partikolari, l-ispejjeż tal-oriġini, tat-tranżitu, u tat‑terminazzjoni, ġie stabbilit inizjalment għal EUR 0.30 kull minuta, wara għal EUR 0.28 kull minuta mit-30 ta’ Awwissu 2008, u għal EUR 0.26 kull minuta mit-30 ta’ Awwissu 2009.
24. Fir-rigward tal-prezzijiet bl-imnut, l-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 717/2007 jeżiġi li l-fornituri tal-pajjiż ta’ oriġini għandhom joffru lill-klijenti tar-roaming kollha tagħhom, għall-provvista ta’ telefonata b’roaming regolat, Ewrotariffa li ma għandhiex tkun ogħla minn tariffa massima stabbilita, inizjalment, għal EUR 0.49 kull minuta għal kull telefonata li ssir u għal EUR 0.29 għal kull telefonata riċevuta. Il-prezz massimu għal kull minuta għat-telefonati li jsiru ġiet sussegwentement imnaqqsa għal EUR 0.46 u wara għal EUR 0. 43, u l-prezz massimu għal kull minuta għat-telefonati riċevuti tnaqqset għal EUR 0.22 u wara għal EUR 0.19 u dan rispettivament, mit-30 ta’ Awwissu 2008 u mit‑30 ta’ Awwissu 2009. Skont l-Artikolu 4(3), l-abbonati tar-roaming kollha għandhom il-possibbiltà, sat-30 ta’ Lulju 2007, li jagħżlu deliberatament l-Ewrotariffa jew kwalunkwe tariffa roaming oħra, u għandhom jingħataw perijodu ta’ xahrejn sabiex jgħarrfu lill-fornitur tal‑pajjiż ta’ oriġini tagħhom dwar l-għażla tagħhom.
25. L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament jissuġġetta lill-fornituri ta’ oriġini għal obbligi ta’ informazzjoni u ta’ trasparenza fir-rigward tal-prezzijiet bl-imnut fil-konfront tal-abbonati tar-roaming tagħhom kollha.
26. Ir-relazzjoni bejn ir-Regolament Nru 717/2007 u l-qafas regolatorju hija rregolata mill-Artikolu 1(3) u l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament. L‑Artikolu 1(3) jipprovdi:
“Dan ir-Regolament huwa miżura speċifika fis-sens ta’ l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva ‘Kwadru [Qafas]’”.
27. Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 717/2007:
“Għandu jiżdied il-paragrafu li ġej fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Kwadru [Qafas]):
5. Din id-Direttiva u d-Direttivi Speċifiċi għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal kull miżura speċifika adottata għar-regolamentazzjoni tar-roaming internazzjonali fuq netwerks pubbliċi ta’ telefonija mobbli fi ħdan il-Komunità.”
28. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 717/2007 jipprovdi, fl-Artikolu 11(1) tiegħu, li l-Kummissjoni għandha tirrevedi l-funzjonament ta’ dan ir-Regolament u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal‑Unjoni Ewropea sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Diċembru 2008. Dan ir‑regolament jiskadi, skont l-Artikolu 13 tiegħu, fit-30 ta’ Ġunju 2010.
Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
29. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), kontra r-Regolamenti tal-2007 dwar ir-roaming fit-telefonija mobbli (Mobile Roaming Regulations 2007), li jippermettu li ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 717/2007 joperaw l-effetti tagħhom fir-Renju Unit. Fuq il-mertu, huma jikkontestaw il-validità ta’ dan ir-regolament minħabba tliet motivi, jiġifieri, in-natura inadatta tal‑bażi legali tal-imsemmi regolament kif ukoll il-ksur minnu tal‑prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà.
30. Il-konvenut fil-kawża prinċipali, jiġifieri s-Secretary of State for Business, Enterprise and Regulatory Reform, iqis li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u minn GSM Association huma inammissibbli, u li l-kontestazzjoni tal-validità tar-regolament ma hijiex fondata.
31. Il-qorti tar-rinviju awtorizzat lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jippreżentaw rikors quddiemha u ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Ir-Regolament (KE) Nru 717/2007 huwa invalidu, fit-totalità tiegħu jew in parti, minħabba n-natura inadegwata tal-Artikolu 95 KE bħala bażi legali?
2) L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 717/2000 (flimkien mal‑Artikoli 2 [(2)](a) u 6(3), sa fejn huma jagħmlu riferenza għall‑Ewrotariffa u għall-obbligi li għandhom x’jaqsmu magħha) huwa invalidu għar-raġuni li l-limitu tat-tariffi bl-imnut tar‑roaming jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità u/jew il‑prinċipju ta’ sussidjarjetà?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
32. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-miżuri previsti mill-Artikolu 95(1) KE,għandhom effettivament bħala għan li jtejbu l-kundizzjonijiet ta’ stabbiliment u ta’ funzjonament tas-suq intern (sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C-491/01, Ġabra p. I-11453, punt 60, kif ukoll tat‑2 ta’ Mejju 2006, Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑217/04, Ġabra p. I‑3771, punt 42). Meta s-sempliċi konstatazzjoni ta’ disparitajiet bejn regolamenti nazzjonali u tar-riskju astratt ta’ tfixkil tal‑libertajiet fundamentali jew ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata l-għażla tal-Artikolu 95 KE bħala bażi legali, il-leġiżlatur Komunitarju jista’ jista’ jagħmel użu minnu b’mod partikolari, fil-każ ta’ differenzi bejn regolamenti nazzjonali meta dawn huma ta’ natura li jostakolaw il-libertajiet fundamentali u b’hekk ikollhom ukoll impatt dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑380/03, Ġabra p. I‑11573, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) jew li joħolqu distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni sensittivi (sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑376/98, Ġabra p. I‑8419, punti 84 u 106).
33. L-użu ta’ din id-dispożizzjoni huwa wkoll possibbli għall-finijiet ta’ prevenzjoni tal-ostakoli futuri għall-kummerċ minħabba l-iżvilupp mingħajr uniformità tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali. Madankollu, jeħtieġ li l-ħolqien ta’ dawn l-ostakoli jkun probabbli u l-miżura inkwistjoni għandu jkollha bħala għan il-prevenzjoni tagħhom (sentenza Il‑Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata kif ukoll tal-10 ta’ Frar 2009, L-Irlanda vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, C-301/06, Ġabra p.I‑593, punt 64, ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 60 sa 64).
34. Meta att ibbażat fuq l-Artikolu 95 KE jkun diġà elimina kull ostakolu għall‑kummerċ fil-qasam tal-qasam li għandu jiġi armonizzat, il‑leġiżlatur Komunitarju ma jistax jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jadatta dan l-att għal kull bidla fiċ-ċirkustanzi jew għal kull evoluzzjoni tal-konoxxenzi fir-rigward tad-dover tiegħu li jissorvelja l-protezzjoni tal-interessi ġenerali rrikonoxxut mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata iktar ’il fuq, punti 77 u 78).
35. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 43 tas‑sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, li permezz tal-espressjoni “miżuri għal approssimazzjoni” li tidher fl-Artikolu 95 KE, l-awturi tat-Trattat riedu jikkonferixxu lil-leġiżlatur Komunitarju, skont il-kuntest ġenerali u taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal‑qasam li għandu jiġi armonizzat, marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-teknika ta’ approssimazzjoni l-iktar xierqa sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq, b’mod partikolari fl-oqsma li huma kkaratterizzati minn partikolaritajiet tekniċi kumplessi.
36. Barra minn hekk, peress li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex l‑Artikolu 95 KE jkun jista’ jintuża bħala bażi legali jkunu sodisfatti, il‑leġiżlatur Komunitarju ma jistax jitwaqqaf milli jibbaża ruħu fuq din il-bażi legali minħabba l-fatt li l-ħarsien tas-saħħa pubblika huwa determinanti fl-għażliet li għandhom isiru (ara, fir-rigward tal‑protezzjoni tas-saħħa pubblika, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 88; British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C-154/04 u C-155/04, Ġabra p. I-6451, punt 30).
37. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li għandu jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jintuża l‑Artikolu 95 KE bħala bażi legali tar-Regolament Nru 717/2007 ġewx sodisfatti.
38. Skont l-Artikolu 1 kif ukoll il-premessi 16 u 38 tar‑Regolament Nru 717/2007, huwa jistabbilixxi approċċ komuni sabiex l-utenti tan‑netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli terrestri ma jħallsux prezz eċċessiv għas-servizzi ta’ roaming madwar il-Komunità u li l‑operaturi jkunu jistgħu joperaw taħt qafas regolatorju koerenti wieħed, ibbażat fuq kriterji oġġettivi. B’hekk, huwa intiż sabiex jikkontribwixxi għall‑funzjonament armonizzat tas-suq intern sabiex jintlaħaq livell elevat ta’ protezzjoni għal konsumaturi u li tiġi ppreżervata l‑kompetizzjoni bejn l-operaturi tan-netwerk mobbli.
39. Hekk kif b’mod partikolari jirriżulta mill-premessa 1 tar‑Regolament Nru 717/2007 kif ukoll mill-punt 1 tas-sunt tal-motivi għal proposta ta’ regolament, il-livell ta’ prezzijiet bl-imnut tas-servizzi ta’ roaming internazzjonali, fiż-żmien tal-adozzjoni tal-imsemmi regolament, kienu għolja u r-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-prezzijiet ma kinitx dik li kellha tipprevali fi swieq kompletament kompetittivi. B’hekk, il-prezzijiet bl-imnut eċċessivi rriżultaw kemm f’livell ogħla ta’ prezzijiet bl-ingrossa miġbura mill-operaturi tan-netwerk ospitanti barranin u, f’diversi każijiet, marġni ta’ qliegħ għolja ppratikati fuq il‑prezzijiet bl-imnut mill-fornitur ta’ oriġini.
40. Minn dan jirriżulta wkoll li l-livell għoli ta’ prezzijiet bl-imnut ġie kkunsidrat bħala problema persistenti mill-ARN, mill-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll mill-għaqdiet ta’ difiża tal-konsumaturi fil-Komunità kollha u t-tentattivi sabiex din il-problema tiġi solvuta fuq il-bażi tal‑kuntest ġuridiku eżistenti ma kellhomx bħala effett li jnaqqsu l‑prezzijiet.
41. B’mod partikolari, il-qafas regolatorju kif jirriżulta mil-leġiżlazzjoni applikabbli fiż-żmien tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 717/2007 ma kienx, hekk kif jirriżulta mill premessi 16 u 18 tiegħu, ipprovda lill-ARN mezz suffiċjenti sabiex jittieħdu miżuri effikaċji u deċiżivi f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-prezzijiet bl-ingrossa għolja tas-servizzi kkonċernati, li jiddependu mill-prezzijiet bl-imnut, minħabba l-karatteristiċi partikolari tas-swieq tar-roaming bl-ingrossa u n-natura transkonfinali ta’ dawn is-servizzi. F’dan ir-rigward, il‑leġiżlatur Komunitarju kkonstata, minn naħa, li l-ARN kellhom xi diffikultajiet sabiex jidentifikaw l-impriżi b’saħħithom fis-suq u, min‑naħa l-oħra, ma kinux f’pożizzjoni jistħarrġu l-aġir tal-operaturi tan-netwerks miżjura li jinsabu fl-Istati Membri l-oħra, li fuqhom jiddependu l-abbonati meta jużaw is-servizzi ta’ roaming madwar il‑Komunità.
42. Huwa f’dan il-kuntest li l-leġiżlatur Komunitarju, hekk kif jirriżulta mill‑premessi 4 u 12 tar-Regolament Nru 717/2007, qies neċessarju li jikkompleta u li jsaħħaħ id-dispożittiv tal-qafas regolatorju billi jadotta, fuq il-bażi ta’ approċċ kunċettwali differenti, l-imsemmi regolament bħala miżura speċifika ta’ leġiżlazzjoni ex ante billi ħa inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi uniċi tas-swieq tar-roaming sabiex jikkoreġi l-insuffiċjenza tal-imsemmi qafas. Fil-premessa 14, il‑leġiżlatur irrileva li dan il-qafas ma pprovdiex lill-ARN mezz suffiċjenti sabiex jieħdu miżuri effikaċi u deċiżivi f’dak li jirrigwarda l‑prezzijiet tas-servizzi ta’ roaming madwar il-Komunità u konsegwentement ma jiżgurax il-funzjonament armonjuż tas-suq intern tal-imsemmija servizzi. Huwa kkonkluda li l-imsemmi regolament jikkostitwixxi mezz adattat sabiex jikkoreġi din is-sitwazzjoni.
43. Dejjem f’dan il-kuntest, il-leġiżlatur Komunitarju rrefera, fil‑premessa 8 tar-Regolament Nru 717/2007, b’konformità ma’ dak li diġà ssemma fil-punt 1 tas-sunt tal-motivi għal proposta ta’ regolament, għall‑kompetenza residwa tal-Istati Membri sabiex jadottaw ir-regoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, u qies li ċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw l‑imsemmi kuntest jistgħu jippreġudikaw l-effikaċja tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri abbażi ta’ din il-kompetenza.
44. Minn dan il-leġiżlatur Komunitarju kkonkluda, fil premessa 19 tal‑imsemmi regolament, li hemm pressjoni fuq l-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri sabiex jirregolaw il-problema marbuta mal-livell għoli tal‑prezzijiet bl-imnut tas-servizzi ta’ roaming madwar il-Komunità, li ġie, barra minn hekk ikkonfermat mill-Kummissjoni waqt is-seduta.
45. Jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju ġie kkonfrontat b’mod konkret b’sitwazzjoni li fiha l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali intiżi sabiex tiġi rregolata l-problema marbuta mal-livell għoli ta’ prezzijiet bl-imnut fis‑servizzi ta’ roaming madwar il-Komunità permezz ta’ regoli relattivi għall-ipprezzar tal-prezzijiet bl-imnut tidher probabbli. Issa, hekk kif jirriżulta mill‑punt 1 tas-sunt tal-motivi għal proposta ta’ regolament kif ukoll mill-punt 2.4 tal-analiżi tal-impatt, tali miżuri setgħu jipproduċu żvilupp eteroġenju tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali.
46. Huwa fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi li l-leġiżlatur Komunitarju, li huwa attent li jippreżerva l-kompetizzjoni bejn l-operaturi tan-netwerks mobbli, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, għażel li jaġixxi sabiex jipprevjeni l-miżuri li probabbilment ġew adottati mill‑Istati Membri skont il-kompetenza residwa tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumaturi.
47. Issa, fir-rigward tal-funzjonament tas-swieq tar-roaming, kif deskritt fil‑punti 7 sa 11 ta’ din is-sentenza, u fid-dawl tal-interdipendenza sinjifikattiva bejn il-prezzijiet bl-imnut u l-prezzijiet bl-ingrossa tas‑servizzi tar-roaming, għandu jiġi kkonstatat li żvilupp eteroġenju tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali intiż biss li jitnaqqsu l-prezzijiet bl-imnut mingħajr ma jkun hemm effett fuq il-livell tal-ispejjeż tal-provvista bl‑ingrossa tas-servizzi ta’ roaming madwar il-Komunità kien ikun ta’ natura li joħloq xi distorsjonijiet sensittivi tal-kompetizzjoni u li jfixkel il-funzjonament tajjeb tas-suq tar-roaming madwar il-Komunità, kif jirriżulta mill-premessa 14 tar-Regolament Nru 717/2007. Din is-sitwazzjoni tiġġustifika li l-leġiżlatur Komunitarju jsegwi l-għan, ikkonstatat fil‑punt 38 ta’ din is-sentenza, ta’ protezzjoni tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern.
48. Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li r-Regolament Nru 717/2007 għandu effettivament bħala għan li jtejjeb il-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tas-suq intern u li seta’ jiġi adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE.
49. Għaldaqstant hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l‑eżami tagħha ma żvelax elementi ta’ natura li jaffettwaw il-validità tar-Regolament Nru 717/2007.
Fuq it-tieni domanda
50. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf jekk ir-Regolament Nru 717/2007 jiksirx il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà minħabba l-fatt li jistabbilixxi mhux biss il-prezzijiet massimi medji bl-ingrossa għal kull minuta, iżda wkoll il-prezzijiet bl‑imnut, u minħabba l-fatt li jipprovdi obbligi ta’ informazzjoni dwar dawn tal-aħħar għall-benefiċċju tal-abbonati tar-roaming.
Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
51. Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jeżiġi li l‑miżuri implementati permezz ta’ dispożizzjoni Komunitarja jkunu kapaċi li jilħqu l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jilħqu dan (sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et , C-453/03, C-11/04, C-12/04 u C‑194/04, Ġabra p. I‑10423, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
52. Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza ta’ dawn il‑kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-leġiżlatur Komunitarju, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu, għandu diskrezzjoni wiesgħa f’qasam li jimplika għażliet, min-naħa tal‑leġiżlatur Komunitarju, ta’ natura kemm politika, kemm ekonomika u kemm soċjali u li fih ikollu jwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. B’hekk, il-kwistjoni ma tirrigwardax li jsir magħruf jekk miżura deċiża f’tali qasam kinitx l-unika jew l-aħjar possibbli, peress li hija biss in‑natura manifestament inadegwata tagħha fil-konfront tal-għan li l‑istituzzjonijiet kompetenti jixtiequ jilħqu, li jista’ jolqot il-validità ta’ miżura bħal din (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et , C‑189/01, Ġabra p. I‑5689, punti 82 u 83; British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata iktar ’il fuq, punt 123; Alliance for Natural Health et , iċċitata iktar ’il fuq, punt 52, kif ukoll tas-7 ta’ Lulju 2009, S.P.C.M. et , C-558/07, Ġabra p. I-5783, punt 42).
53. Madankollu, anki fil-preżenza ta’ tali setgħa, il-leġiżlatur Komunitarju huwa marbut jibbaża l-għażla tiegħu fuq kriterji oġġettivi. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-restrizzjonijiet marbuta mal‑miżuri differenti possibbli, għandu jiġi eżaminat jekk l-għanijiet imfittxija mill-miżura magħżula huma ta’ natura li tiġġustifika l‑konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki kunsiderevoli għal ċerti operaturi (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2005, Tempelman u van Schaijk, C‑96/03 u C‑97/03, Ġabra p. I‑1895, punt 48; tal-15 ta’ Diċembru 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C-86/03, Ġabra p. I‑10979, punt 96, kif ukoll tat-12 ta’ Jannar 2006, Agrarproduktion Staebelow, C-504/04, Ġabra p. I-679, punt 37).
54. Għaldaqstant, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina l-bażi tal‑kriterji msemmija iktar ’il fuq, jekk, kif jinvokaw b’mod partikolari r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ir‑Regolament Nru 717/2007 jikser il‑prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba l-fatt li ma jistabbilixxix sempliċement il-prezz massimu għall-prezzijiet bl-ingrossa, iżda jipprovdi wkoll il-prezz massimu għall-prezzijiet bl-imnut kif ukoll xi obbligi ta’ informazzjoni dwar dawn tal-aħħar għall-benefiċċju tal-abbonati tar‑roaming.
55. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-Kummissjoni wettqet, qabel ma fasslet il-proposta għal regolament, studju eżawrjenti li hemm sunt tar-riżultat tiegħu fl-analiżi tal-impatt imsemmi fil-punt 5 ta’ din is-sentenza. Minn dan jirriżulta li hija eżaminat diversi alternattivi f’dan ir-rigward fejn, fost oħrajn, ir-regolamentazzjoni kemm tal‑prezzijiet bl-imnut biss, kemm tal-prezzijiet bl-ingrossa biss, u kemm tat-tnejn, u hija evalwat li l-impatt ekonomiku ta’ dawn it-tipi ta’ regolamentazzjonijiet differenti kif ukoll l-effetti tal-modalijiet differenti ta’ pprezzar.
56. Id-determinazzjoni tat-tariffi massimi għall-provvista tas-servizzi ta’ roaming bl-imnut permezz tal-Ewrotariffa prevista fl-Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 717/2007 hija intiża barra minn hekk, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 1 kif ukoll mill-premessi 14 u 17 ta’ dan i r-regolament, li tnaqqas il-livell tal-prezzijiet li jħallsu l-utenti tan‑netwerks tat-telefonija mobbli għal dawn is-servizzi, sabiex tipproteġi l-konsumaturi.
57. Barra minn hekk, mill premessa 19 tar-Regolament Nru 717/2007 jirriżulta b’mod partikolari li l-Ewrotariffa kellha jkollha bħala effett li l-prezzijiet bl-imnut tas-servizzi ta’ roaming madwar il-Komunità jirriflettu b’mod iktar fidil l-ispejjeż involuti fil-provvista ta’ dawn is-servizzi milli kienu fil-passat.
58. Kif jirriżulta mill-punt 39 ta’ din is-sentenza, il-prezz medju bl-imnut ta’ telefonata bir-roaming fil-Komunità kien għoli fiż-żmien tal‑adozzjoni tar-Regolament Nru 717/2007 u r-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-prezzijiet ma kinitx dik li kellha tipprevali fi swieq kompletament kompetittivi. B’hekk, il-prezz medju bl-imnut għal telefonata bir‑roaming kien f’dak iż-żmien ta’ EUR 1.15 kull minuta, jiġifieri, kif jirriżulta mis-sunt tal-istudju tal-impatt, iktar minn ħames darbiet l‑ispiża reali tal-provvista bl-ingrossa tas-servizz.
59. Issa, l-Ewrotariffa prevista fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 717/2007 ġiet stabbilita f’livell ħafna inqas minn dan il-prezz medju. Barra minn hekk, it-tariffi massimi stabbiliti jorjentjaw rwieħhom magħha, kif jirriżulta mill-punt 3 tas-sunt tal-motivi għal proposta ta’ regolament, fil-konfront tal-prezzijiet massimi bl-ingrossa korrispondenti, sabiex it-tariffi bl-imnut jirriflettu b’mod iktar preċiż l-ispejjeż sostnuti mill-fornituri.
60. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-introduzzjoni minn din id-dispożizzjoni ta’ tariffa massima fuq il-livell tal-prezzijiet bl-imnut għandha tiġi kkunsidrata bħala adatta sabiex tipproteġi lill-konsumaturi minn livelli ta’ prezzijiet għolja.
61. Fir-rigward tan-natura neċessarja tal-miżura inkwistjoni, din hija kkontestata minħabba l-fatt li l-imsemmija miżura tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan previst fid-dawl tan‑natura kompetittiva tas-swieq bl-imnut. Approċċ inqas restrittiv u iktar proporzjonat kien jikkonsisti fir-regolamentazzjoni tal-prezzijiet bl‑ingrossa biss, billi jinkiseb tnaqqis tal-prezzijiet bl-imnut minħabba l‑kompetizzjoni ħielsa, skont ir-regoli tal-provvista u tad-domanda, billi l-ARN jitħallew ħielsa li jintervjenu fil-każ ta’ funzjonament ħażin tas‑swieq fuq il-bażi ta’ kriterji regolamentari ddefiniti sew.
62. F’dan ir-rigward, mill-premessa 14 tar-Regolament Nru 717/2007 jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju beda bil-konstatazzjoni li t-tnaqqis tal-prezzijiet bl-ingrossa ma jistax ifisser tnaqqis fil-prezzijiet bl-imnut minħabba nuqqas ta’ inċentivi f’dan is-sens.
63. Billi jirriferu għas-sunt tal-motivi ta’ proposta għal regolament, li serva bħala bażi għal-leġiżlatur Komunitarju waqt l-adozzjoni tar-Regolament Nru 717/2007, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni jqisu, b’mod partikolari, li r-regolamentazzjoni tas-suq tal-provvista bl-ingrossa tas‑servizzi ta’ roaming madwar il-Komunità biss ma żgurax li t-tnaqqis tal-prezzijiet bl-ingrossa affettwa l-prezzijiet bl-imnut, peress li l-operaturi ma jbatu minn l-ebda pressjoni kompetittiva sabiex jagħmlu dan. L‑esperjenza wriet li tnaqqis fil-prezzijiet bl-ingrossa ma tirriżultax neċessarjament fi tnaqqis tal-prezzijiet bl-imnut.
64. F’dan ir-rigward, il-Kunsill ippreċiża li l-leġiżlatur kien iddeċieda li kontroll tal-prezzijiet bl-imnut kien neċessarju minħabba l-fatt li, f’dan il‑qasam speċifiku, il-kompetizzjoni li tirrigwarda l-prezzijiet bl-imnut tinsab b’mod prinċipali fil-livell tal-formula globali tal-bejgħ bl-imnut u li, għall-maġġoranza tal-konsumaturi, ir-roaming ma jikkostitwix iktar minn element żgħir ta’ din il-formula, fis-sens li ma għandux rwol deċiżiv fl-għażla tagħhom ta’ operatur u lanqas fid-deċiżjoni tagħhom li jbidlu l-operatur tagħhom.
65. L-istituzzjonijiet li ppreżentaw xi osservazzjonijiet quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja reġgħu rriferew għall-analiżi tal-impatt, li minnha jirriżulta li d-dinamika tas-swieq tar-roaming titqies li hija kumplessa u evoluttiva, fis-sens li jeżisti riskju li tnaqqis tal-prezzijiet bl-ingrossa ma jaffettwax il-prezzijiet bl-imnut. Minn dan jirriżulta wkoll li għaldaqstant ikun prudenti li jiġu rregolati fl-istess ħin il-prezzijiet bl‑imnut. Barra minn hekk, tali riskju ġie rrikonoxxut mill-GRE fil‑punt 3.12 fir-risposta tiegħu tat-22 ta’ Marzu 2006, mogħtija waqt il-konsultazzjoni pubblika li seħħet qabel l-analiżi tal-impatt, b’mod partikolari għall-Istati Membri li s-swieq tagħhom huma inqas kompetittivi.
66. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-regolamentazzjoni tal-prezzijiet bl‑ingrossa biss ma pproduċietx effetti diretti u immedjati għall‑konsumaturi. B’mod kuntrarju kienet biss ir-regolamentazzjoni tal-prezzijiet bl-imnut li setgħet ittejjeb direttament is-sitwazzjoni tagħhom.
67. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill premessa 13 tar-Regolament Nru 717/2007, il-leġiżlatur Komunitarju kien irrikonoxxa li l-miżuri adottati kellhom natura eċċezzjonali, li hija ġġustifikata mill-karatteristiċi uniċi li jippreżentaw is-swieq tar‑roaming.
68. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u b’mod partikolari fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-leġiżlatur Komunitarju fil-qasam ikkonċernat, li timplika għażliet ta’ natura ekonomika li fihom huwa msejjaħ iwettaq evalwazzjonijiet u eżamijiet kumplessi, huwa jista’ leġittimament jikkunsidra li regolamentazzjoni tas-swieq bl-ingrossa biss ma twassalx għall-istess riżultat bħal dik tar-regolamentazzjoni inkwistjoni, li tkopri kemm is-swieq bl-ingrossa u kemm is-swieq bl‑imnut, u li din tal-aħħar hija għaldaqstant neċessarja.
69. Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-importanza li għandu l-għan tal-protezzjoni tal‑konsumatur fil-kuntest tal-Artikolu 95(3) KE, intervent limitat fiż‑żmien f’suq suġġett għall-kompetizzjoni u li jippermetti li tiġi żgurata immedjatament il-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-prezzijiet eċċessivi, bħal dak inkwistjoni, anki jekk jista’ jirriżultaw f’xi konsegwenzi ekonomiċi negattivi għal ċerti operaturi, jirriżulta proporzjonat fir-rigward tal-għan imfittex.
70. Għaldaqstant, permezz tal-adozzjoni, fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 717/2007, ta’ tariffi massimi għall-prezzijiet bl-imnut barra t-tariffi massimi għall-prezzijiet bl-ingrossa, il-leġiżlatur Komunitarju ma qabiżx il-limiti tas-setgħa ta’ diskrezzjoni li huwa għandu. L-istess japplika għall-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 6(3) tal‑istess regolament, minħabba l-fatt li din id-dispożizzjoni ssaħħaħ l‑effettività tar-regolamentazzjoni tal-prezzijiet bl-imnut u hija ġġustifikata b’hekk permezz tal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.
71. Minn dan jirriżulta li l-Artikoli 4 u 6(3) tar-Regolament Nru 717/2007 ma jiksrux il-prinċipju ta’ proporzjonalità.
Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà
72. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà ddikjarat fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 KE u kkonkretizzat mill‑Protokoll fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità, anness mat-Trattat, u li fuq il-bażi tiegħu, il-Komunità ma tintervjenix f’oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, ħlief jekk u fil-miżura fejn l-għanijiet tal-azzjoni proposta ma jkunux jistgħu jintlaħqu sew mill-Istati Membri u għaldaqstant jistgħu, minħabba d-daqs jew l-effetti tal-azzjoni proposta, jiġu milħuqa aħjar fuq livell Komunitarju. Dan il-protokoll jistabilixxi wkoll, fil-paragrafu 5 tiegħu, xi linji gwida sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti.
73. Fil-rigward tal-atti leġiżlattivi, l-imsemmi protokoll jippreċiża, fil‑paragrafi 6 u 7 tiegħu, li l-Komunità tilleġiżla biss sa fejn huwa neċessarju u li l-miżuri tal-Komunità għandhom iħallu l-marġni ta’ diskrezzjoni l-iktar wiesgħa possibbli fuq livell nazzjonali, liema marġni għandu madankollu jibqa’ kompatibbli mal-għan tal-miżura u mal-osservanza tar-rekwiziti tat-Trattat.
74. Barra minn hekk, huwa jippreċiża, fil-paragrafu 3 tiegħu, li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma jdaħħalx inkwistjoni l-kompetenzi mogħtija lill‑Komunità mit-Trattat, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.
75. Fir-rigward tal-Artikolu 95 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l‑prinċipju ta’ sussidjarjetà japplika meta l-leġiżlatur Komunitarju juża din il-bażi legali, sa fejn hija ma tagħtihx kompetenza esklużiva sabiex jirregola l-attivitajiet ekonomiċi fis-suq intern (sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata iktar ’il fuq, punt 179).
76. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-leġiżlatur Komunitarju, li joqgħod attent li jippreżerva l-kompetizzjoni bejn l-operaturi tan‑netwerks mobbli, stabbilixxa, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 717/2007, approċċ komuni, sabiex b’mod partikolari jikkontribwixxi għall-funzjonament armonjuż tas-suq intern, li jippermetti lill-operaturi jaġixxu f’qafas regolatorju uniku koerenti.
77. Kif jirriżulta mill-premessa 14 ta’ dan ir-regolament, l‑interdipendenza bejn il-prezzijiet bl-imnut u l-prezzijiet bl-ingrossa tas‑servizzi ta’ roaming tgawdi importanza sinjifikattiva, b’mod li kull miżura intiża biss għat‑tnaqqis tal-prezzijiet bl-imnut mingħajr ma taffettwa l-livell tal‑ispejjeż tal-provvista ingrossa tas-servizzi ta’ roaming madwar il‑Komunità kienet ta’ natura li tfixkel il-funzjonament tajjeb tar‑roaming Komunitarju. Minn dan il-leġiżlatur Komunitarju kkonkluda li l‑azzjoni tiegħu kienet teħtieġ approċċ komuni fuq livell kemm tal-prezzijiet bl-ingrossa u kemm tal-prezzijiet bl-imnut, sabiex tikkontribwixxi għall-funzjonament armonjuż tas-suq intern ta’ tali servizzi.
78. Mill-imsemmija interdipendenza jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju seta’ jqis leġittimament li l-azzjoni tiegħu kellha tinkludi wkoll intervent fuq livell tat-tariffa bl-imnut. B’hekk, minħabba l-effetti tal‑approċċ komuni stabbilit mir-Regolament Nru 717/2007, l-għan imfittex minnu seta’ jintlaħaq aħjar fuq livell Komunitarju.
79. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4 u 6(3) tar‑Regolament Nru 717/2007 ma humiex invalidi minħabba ksur tal‑prinċipju ta’ sussidjarjetà.
80. Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni kollha li preċedenti, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li l-eżami tagħha ma żvelax elementi ta’ natura li jaffettwaw il-validità tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4 u 6(3) tar‑Regolament Nru 717/2007.
Fuq l-ispejjeż
81. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:
L-eżami tad-domandi ppreżentati ma żvelax elementi ta’ natura li jaffettwaw il-validità tar-Regolament (KE) Nru 717/2007 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2007, dwar roaming fuq networks pubbliċi tat-telefonija mobbli fi ħdan il‑Komunità u li jemenda d-Direttiva 2002/21/KE.