European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2169

27.10.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2169

tas-16 ta’ Ġunju 2025

li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ żieda fid-daqs minimu tal-malji meta jsir is-sajd għall-klamari fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-Ilmijiet tal-Majjistral

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Annessi V u VI tar-Regolament (UE) 2019/1241 jipprevedu miżuri tekniċi reġjonali speċifiċi għall-Baħar tat-Tramuntana u għall-Ilmijiet tal-Majjistral tal-ilmijiet tal-Unjoni. Il-Parti B, il-punt 1 ta’ dawk l-Annessi jipprovdi daqsijiet tal-malji ta’ referenza għall-irkaptu rmunkat f’dawk l-ilmijiet. Il-punt 1.2 ta’ dawk l-Annessi jippermetti l-użu ta’ daqsijiet iżgħar tal-malji f’ċerti kundizzjonijiet.

(2)

Il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, Franza, in-Netherlands u l-Iżvezja (“l-Istati Membri tal-Baħar tat-Tramuntana”) għandhom interess ta’ ġestjoni dirett fis-sajd fil-Baħar tat-Tramuntana; Il-Belġju, l-Irlanda, Franza, in-Netherlands u Spanja (“l-Istati Membri tal-Ilmijiet tal-Majjistral”) għandhom interess ta’ ġestjoni dirett fis-sajd fl-Ilmijiet tal-Majjistral.

(3)

Fl-20 u fit-28 ta’ Ġunju 2024, il-gruppi reġjonali ppreżentaw lill-Kummissjoni żewġ rakkomandazzjonijiet konġunti li jipproponu li tiġi emendata t-tabella taħt il-punt 1 tal-Anness V, il-Parti B u t-tabella taħt il-punt 1 tal-Anness VI, il-Parti B tar-Regolament (UE) 2019/1241. L-Istati Membri tal-Baħar tat-Tramuntana talbu li jiżdied id-daqs minimu tal-malji għas-sajd dirett għall-klamari (Loliginidae, Ommastrephidae) minn 40 mm għal 80 mm fis-subżona 4 tal-ICES u titneħħa l-possibbiltà li jintuża mill-inqas 40 mm fid-diviżjoni 3a tal-ICES (Skagerrak u Kattegat); L-Istati Membri tal-Majjistral talbu li jiżdied id-daqs minimu tal-malji minn 40 mm għal 80 mm fid-diviżjonijiet 7a, 7b, 7c, 7d, 7e, 7g, 7h u 7k tal-ICES. Jinżamm daqs minimu tal-malji ta’ 40 mm fid-diviżjoni 7e tal-ICES fir-rigward tas-sajd dirett għall-klamari bi xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti pelaġiċi (OTM) fiż-żona ta’ 12-il mil nawtiku tal-kosta ta’ Franza.

(4)

Skont ir-Rakkomandazzjonijiet Konġunti, iż-żieda tad-daqs minimu tal-malji għal 90 mm fid-diviżjoni 3a tal-ICES (Skagerrak u Kattegat) u 80 mm għas-sajd dirett għall-klamari fis-subżona 4 tal-ICES u fid-diviżjonijiet 7a, 7b, 7c, 7d, 7e, 7g, 7h, u 7k għas-sajd dirett għall-klamari, għandha l-għan li tottimizza l-mudelli tal-isfruttament biex tipprovdi protezzjoni għall-ħut li għadu jikber u għall-ġlejjeb tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u tnaqqas il-qabdiet tal-ispeċijiet tal-baħar taħt id-daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni. Għandha wkoll l-intenzjoni li ssaħħaħ l-infurzar tal-ispeċifikazzjonijiet għad-daqs tal-malji.

(5)

Il-Kunsill Konsultattiv tal-Baħar tat-Tramuntana u l-Kunsill Konsultattiv tal-Ilmijiet tal-Majjistral ġew ikkonsultati dwar iż-żewġ rakkomandazzjonijiet konġunti f’Marzu 2024 u f’April 2024, rispettivament.

(6)

Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) ivvaluta ż-żewġ rakkomandazzjonijiet konġunti fis-sessjoni plenarja tiegħu mit-8 sat-12 ta’ Lulju 2024 (STECF-24-02) (2). Għalkemm l-STECF qies li l-effetti potenzjali taż-żidiet proposti fid-daqs tal-malji ma jistgħux jiġu vvalutati minħabba data insuffiċjenti, huwa kkonkluda li, fil-prinċipju, iż-żieda fid-daqs minimu tal-malji hija mod wieħed kif tittejjeb is-selettività tas-sajd. Barra minn hekk, l-STECF jinnota li ż-żieda fid-daqs tal-malji diġà tapplika fl-ilmijiet ta’ pajjiżi terzi ġirien għas-sajd li jiffoka fuq il-klamari (li jappartjenu għall-familji Loliginidae u Ommastrephidae) minn 40 mm għal 80 mm. L-STECF ikkonkluda wkoll li l-benefiċċji mistennija b’rabta mal-ottimizzazzjoni tal-mudelli tal-isfruttament rigward il-proposta tal-Istati Membri tal-Ilmijiet tal-Majjistral ma kinux ċari.

(7)

Wara l-parir tal-STECF, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri tal-Ilmijiet tal-Majjistral biex jallinjaw ir-rakkomandazzjoni konġunta mal-evalwazzjoni xjentifika. Għaldaqstant, l-Istati Membri tal-Ilmijiet tal-Majjistral ippreżentaw verżjoni aġġornata tar-rakkomandazzjoni konġunta tagħhom b’aktar informazzjoni ta’ sostenn f’Ottubru 2024, li ntbagħtet lill-STECF.

(8)

Fil-laqgħa plenarja tiegħu tal-11–15 ta’ Novembru 2024, l-STECF ikkonkluda li l-elementi li jinsabu fil-verżjoni aġġornata tar-rakkomandazzjoni konġunta ppreżentata mill-Istati Membri tal-Ilmijiet tal-Majjistral x’aktarx li ma jkollhomx impatt fuq il-mudelli tas-sajd attwali f’dawn iż-żoni u huma mill-inqas ekwivalenti għall-karatteristiċi attwali ta’ selettività (3). Fil-fatt, l-STECF jindika li d-daqs minimu propost tal-malji ta’ 80 mm diġà huwa d-daqs dominanti tal-malji li jintuża fis-sajd għall-iżbark tal-klamari fid-diviżjonijiet 7a, 7b, 7c, 7d, 7e, 7g, 7h u 7k tal-ICES. Barra minn hekk, l-STECF jinnota li hemm evidenza li tappoġġa daqs minimu tal-malji ta’ 40 mm għas-sajd dirett tal-klamari fid-diviżjoni 7e tal-ICES għall-flotot fuq skala żgħira li bħalissa qed jistadu għall-klamari f’din iż-żona. L-STECF jinnota wkoll li hemm evidenza li tappoġġa daqs minimu tal-malji ta’ 40 mm għas-sajd dirett tal-klamari fis-subżoni 5 u 6 tal-ICES fejn il-medda tad-daqs tal-malji bħalissa tintuża għall-iżbark tal-klamari bħala parti mill-vjaġġi mmirati għaċ-ċefalopodi. Fl-aħħar nett, l-STECF jikkonkludi li hemm evidenza ta’ daqs minimu tal-malji ta’ 40 mm li jintuża fis-sajd għall-iżbark tal-klamari fid-diviżjoni 7j tal-ICES, bil-biċċa l-kbira tal-klamari żbarkati f’meded akbar ta’ daqsijiet tal-malji (100–110 mm). Barra minn hekk, l-STECF jinnota li ż-żieda fid-daqs tal-malji diġà tapplika fl-ilmijiet ta’ pajjiżi terzi ġirien għas-sajd li jiffoka fuq il-klamari (li jappartjenu għall-familji Loliginidae u Ommastrephidae) minn 40 mm għal 80 mm.

(9)

Peress li: (i) l-emendi skont ir-rakkomandazzjonijiet konġunti huma koerenti mal-mudelli tas-sajd attwali u għalhekk huma mill-inqas ekwivalenti għall-karatteristiċi attwali ta’ selettività, (ii) il-miżuri proposti jtejbu l-infurzar tal-ispeċifikazzjonijiet għad-daqs tal-malji u (iii) iż-żieda fid-daqs tal-malji hija mod kif tittejjeb is-selettività tas-sajd, il-Kummissjoni tqis li r-rekwiżiti tal-Artikoli 15 u 18 tar-Regolament (UE) 2019/1241 huma ssodisfati.

(10)

Għalhekk, ir-Regolament (UE) 2019/1241 jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament applikabbli għall-ilmijiet tal-Unjoni għandhom l-objettivi li jilħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 494(1) u (2) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (4), u jikkunsidraw il-prinċipji msemmija fl-Artikolu 494(3) ta’ dak il-ftehim. Dawn huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura applikabbli fl-ilmijiet tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq.

(12)

Peress li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-attivitajiet ekonomiċi relatati, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi V u VI tar-Regolament (UE) 2019/1241 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Ġunju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1241/oj.

(2)  Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) – is-76 Rapport Plenarju (STECF-PLEN-24-02). L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2024, doi:10.2760/1035959, JRC140570.

(3)  Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) – is-77 Rapport Plenarju (STECF-PLEN-24-03). L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2024, doi:10.2760/2392535, JRC140580.

(4)  Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, (ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2021/689(1)/oj).


ANNESS

L-Annessi V u VI tar-Regolament (UE) 2019/1241 huma emendati kif ġej:

(1)

Fl-Anness V, il-Parti B, is-sitt entrata tat-tabella wara l-punt 1.4 hija sostitwita b’dan li ġej:

“Mill-inqas 80 mm

Subżona 4 tal-ICES

Sajd dirett għall-klamari (Loliginidae, Ommastrephidae).”

(2)

Fl-Anness VI, il-Parti B, it-tabella wara l-punt 1.2 hija emendata kif ġej:

(a)

ir-raba’ entrata tat-tabella hija sostitwita b’dan li ġej:

“Mill-inqas 80 mm

Diviżjonijiet 7d u 7e tal-ICES

Sajd dirett għall-merlangu, għall-kavall u għal speċijiet mhux soġġetti għal limiti ta’ qbid, inkluż il-klamari (Loliginidae, Ommastrephidae) u li mhumiex koperti f’parti oħra tat-tabella, bl-użu ta’ xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ.”

(b)

il-ħames entrata tat-tabella hija sostitwita b’dan li ġej:

“Mill-inqas 80 mm

Diviżjonijiet 7a, 7b, 7c, 7d, 7e, 7 g, 7h u 7k tal-ICES

Sajd dirett għall-klamari (Loliginidae, Ommastrephidae), bl-użu ta’ xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u tartaruni.”

(c)

jiżdiedu l-entrati li ġejjin fit-tabella:

“Mill-inqas 40 mm

Subżoni 5 u 6 tal-ICES

Sajd dirett għall-klamari (Loliginidae, Ommastrephidae) bl-użu ta’ kwalunkwe rkaptu rmunkat fis-subżoni 5 u 6 tal-ICES.

Mill-inqas 40 mm

Diviżjoni 7e tal-ICES

Sajd dirett għall-klamari (Loliginidae, Ommastrephidae) bl-użu ta’ xbieki tat-tkarkir bid-diriġenti pelaġiċi (OTM) sa 12-il mil nawtiku tal-kosta ta’ Franza, imkejla mil-linji bażi, fid-diviżjoni 7e tal-ICES.

Mill-inqas 40 mm

Diviżjoni 7j tal-ICES

Sajd dirett għall-klamari (Loliginidae, Ommastrephidae), bl-użu ta’ xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ u tartaruni fid-diviżjoni 7j tal-ICES.”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/2169/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)