18.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 293/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: “Lejn Kunsill Ewropew għall-Politika tal-Ikel bħala mudell ġdid ta’ governanza fil-qafas futur tal-UE dwar Sistemi tal-Ikel Sostenibbli”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2023/C 293/01)

Relatur:

Piroska KÁLLAY

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

25.1.2023

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adozzjoni fis-sezzjoni

1.6.2023

Adozzjoni fil-plenarja

14.6.2023

Sessjoni plenarja Nru

579

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

179/1/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Is-sistema tal-ikel tal-UE tinsab f’salib it-toroq, u qed tiffaċċja polikriżi li tinkludi diversi sfidi ambjentali, klimatiċi, tas-saħħa u soċjali interrelatati. Minħabba l-urġenza tal-kriżi tas-sistema tal-ikel u l-ħtieġa għal bidla rapida fl-imġiba, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jemmen li l-appell tiegħu għall-ħolqien ta’ “Kunsill Ewropew għall-Politika tal-Ikel” huwa aktar f’waqtu minn qatt qabel.

1.2.

Il-KESE jqis li Kunsill Ewropew għall-Politika tal-Ikel jgħin biex jinkiseb approċċ aktar integrat u parteċipattiv għat-tfassil tal-politika dwar l-ikel, jaċċellera l-allinjament tal-politiki fil-livell tal-UE, nazzjonali u dak lokali u, l-aktar importanti, iżid il-kwalità u l-leġittimità tal-politika tal-UE dwar l-ikel. Dan jikkontribwixxi wkoll għat-trawwim ta’ żvilupp rurali u urban aktar sostenibbli u bbilanċjat.

1.3.

Il-KESE jilqa’ t-tħabbira ta’ qafas tal-UE għal sistemi tal-ikel sostenibbli, li se jqiegħed il-pedamenti għall-bidliet sistemiċi li jeħtieġ li jsiru mill-partijiet interessati kollha fil-katina tal-valur; jenfasizza li l-qafas għandu jiġi propost mingħajr dewmien mill-Kummissjoni attwali biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-sistemi tal-ikel fil-ħin – kwalunkwe dewmien jirriskja s-suċċess tal-istrateġija mill-Għalqa sal-Platt; jistieden lill-Kummisjoni timpenja ruħha għall-impenn strutturat tal-partijiet interessati u s-soċjetà ċivili fil-governanza l-ġdida ta’ dan il-qafas għal sistemi tal-ikel sostenibbli, u jirrimarka li l-idea ta’ Kunsill Ewropew għall-Politika tal-Ikel tkun adegwata għalih.

1.4.

Il-KESE jinnota l-eżistenza ta’ pjattaformi b’rabta mal-ikel fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali, iżda jemmen li dawn il-fora eżistenti mhumiex biżżejjed biex jinkisbu b’mod effettiv sistema ta’ ikel sostenibbli u ġusta u tħejjija reżiljenti fuq livell tal-UE. Il-KESE għalhekk jikkunsidra wkoll li d-demokrazija tal-ikel jeħtieġ li tissaħħaħ aktar u tiġi integrata fil-proċess tal-politika dwar l-ikel.

1.5.

Il-KESE jqis lill-Kunsill Ewropew għall-Politika tal-Ikel bħala pjattaforma bbażata fuq ix-xjenza, b’diversi partijiet ikkonċernati u f’diversi livelli u bħala struttura istituzzjonali u indipendenti, bil-kompożizzjoni potenzjali li ġejja:

—

esperti akkademiċi u xjentisti,

—

atturi tal-katina tal-provvista tal-ikel (bdiewa, negozji u proċessuri tal-ikel, bejjiegħa bl-imnut, trade unions, eċċ.), atturi tas-sistema edukattiva u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (networks kontra l-faqar, banek tal-ikel, pjattaformi soċjali, NGOs ambjentali u tal-iżvilupp); rappreżentanti taż-żgħażagħ. Anke l-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali fil-Kunsill Ewropew għall-Politika tal-Ikel hija rakkomandata ħafna biex tirrifletti dwar il-bidliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol.

—

rappreżentanti istituzzjonali (il-Parlament, il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-KESE, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR)).

Wara l-fażi inizjali, il-Kunsill Ewropew għall-Politika tal-Ikel għandu jinkludi wkoll rappreżentanti mil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali u l-kunsilli tal-politika tal-ikel, u jiżgura konnettività organizzata bejn il-livelli rilevanti u d-dritt għall-parteċipazzjoni ugwali tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-livell tal-UE. Bħalissa, il-kunsilli nazzjonali tal-politika tal-ikel mhumiex mifruxa biżżejjed biex jiżguraw li l-pajjiżi kollha jkunu rappreżentati b’mod ugwali.

1.6.

Il-Kunsill Ewropew għall-Politika tal-Ikel għandu jkun struttura affidabbli, trasparenti u jikkontribwixxi għall-kwistjonijiet tal-ikel identifikati bħala sfidi fl-Aġenda 2030 tan-NU għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. B’mod partikolari, il-Kunsill Ewropew għall-Politika tal-Ikel għandu:

1.6.1.

ikun korp istituzzjonali li għalih l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom ikunu impenjati u jiżguraw ftehim politiku;

1.6.2.

ikunu sors kostanti ta’ pariri sodi u għażliet ta’ politika bbażati fuq l-evidenza u rakkomandazzjonijiet dwar id-direzzjoni tas-sistema tal-ikel tal-UE, li magħha l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom ikunu marbuta għandhom ikunu marbuta li jipprovdu feedback u tweġibiet motivati;

1.6.3.

itejjeb il-koerenza bejn l-oqsma ta’ politika (bħall-politika agrikola komuni, il-politika komuni tas-sajd, id-dritt għall-ikel, il-leġiżlazzjoni b’rabta ma’ dieti tajbin għas-saħħa, l-akkwist pubbliku, il-politiki tal-edukazzjoni, eċċ.) u jippromovi l-innovazzjonijiet soċjali lejn il-benesseri tal-atturi kollha tal-katina alimentari, u jqis il-ħtieġa għat-tiġdid ġenerazzjonali tal-bdiewa. B’mod partikolari, il-KESE jqis li huwa importanti li jiġi stabbilit kontenut prijoritarju dwar l-ikel fis-sistema edukattiva, bl-involviment kemm tas-settur agroalimentari kif ukoll tal-awtoritajiet edukattivi rilevanti;

1.6.4.

eventwalment jipprovdi network ta’ kunsilli għall-politika tal-ikel fil-livell tal-UE, u joħloq pjattaforma ta’ skambji tal-aħjar prattiki u għarfien biex jinforma u jinfluwenza l-politika tal-UE.

1.7.

Il-KESE huwa lest li jipprovdi spazju fejn jiltaqa’ l-Kunsill tal-Politika Ewropea dwar l-Ikel. Eżempju ta’ suċċess diġà jeżisti bil-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari, inizjattiva konġunta mill-KESE u l-Kummissjoni.

2.   Sfond

2.1.

Is-sistemi tal-ikel tagħna qed jiffaċċjaw polikriżi li tikkonsisti f’diversi sfidi interrelatati fosthom (1): ambjentali (emissjonijiet ta’ gassijiet serra marbuta mal-mod kif nipproduċu, nipproċessaw u nikkunsmaw l-ikel tagħna, it-telf tal-bijodiversità, it-tnaqqis ta’ stokkijiet tal-ħut, it-telf ta’ materja organika tal-ħamrija u l-erożjoni tal-ħamrija, fost oħrajn), is-saħħa (żieda fil-mard relatat mal-ikel), l-għajbien tal-irziezet, in-nuqqas ta’ aċċess għall-ikel sostenibbli u tajjeb għas-saħħa u l-kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol. Fl-istess ħin, is-sistemi tal-ikel diġà qed ibatu taħt il-pressjoni ta’ diversi xokkijiet klimatiċi, tibdil fix-xejriet tat-temp, kollass tal-ekosistemi u degradazzjoni tal-art, tal-ħamrija u tal-passaġġi fuq l-ilma. Fl-aħħar nett, id-dibattiti dwar is-sistemi tal-ikel huma dejjem aktar soġġetti għal informazzjoni u komunikazzjoni qarrieqa.

2.2.

Il-Kummissjoni Ewropea bħalissa qed tfassal qafas ġdid tal-UE għal sistemi tal-ikel sostenibbli, li kien previst fl-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt u li se jiġi ppubblikat sa tmiem l-2023. Il-qafas se jistabbilixxi l-pedamenti għall-bidliet sistemiċi li huma meħtieġa mill-partijiet interessati kollha fis-sistema tal-ikel, inklużi dawk li jfasslu l-politika, l-operaturi tan-negozji u l-konsumaturi sabiex titħaffef it-tranżizzjoni lejn sistema tal-ikel sostenibbli tal-UE. Il-qafas se jipprovdi wkoll pedament għall-mudell ta’ governanza futur għas-sistemi tal-ikel u se jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), li jirrikjedu soluzzjonijiet kooperattivi u komprensivi li jinvolvu diversi dipartimenti, ministeri, setturi u l-katina sħiħa tal-provvista tal-ikel. Il-KESE jappella għall-adozzjoni urġenti tal-qafas għal sistemi tal-ikel sostenibbli biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-sistemi tal-ikel fil-ħin — kwalunkwe dewmien jirriskja s-suċċess tal-istrateġija mill-Għalqa sal-Platt. Il-qafas għandu jinkludi objettivi marbuta biż-żmien, indikaturi li jippermettu li jitkejjel il-progress, u mekkaniżmi korrettivi li għandhom jittieħdu jekk il-miri ma jintlaħqux.

2.3.

Sabiex titrawwem tranżizzjoni tas-sistema tal-ikel lejn eżiti aktar sostenibbli, Opinjonijiet (2) preċedenti tal-KESE, kif ukoll esperti oħrajn u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, indikaw dejjem aktar il-ħtieġa li tissaħħaħ id-demokrazija tal-ikel. Minħabba l-urġenza tal-kriżi tas-sistema tal-ikel (3), bla dubju kkawżata wkoll mill-gwerra fl-Ukrajna, u l-ħtieġa għal bidla rapida fl-imġiba, ftit li xejn għandna żmien x’nitilfu biex inrawmu arranġamenti ta’ governanza aktar effettivi u leġittimi. Huwa maħsub li, billi tiżdied il-parteċipazzjoni tal-pubbliku ġenerali u tal-partijiet interessati tas-sistema tal-ikel, l-innovazzjonijiet demokratiċi, bħall-Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel, se jippromovu l-kwalità u l-leġittimità tat-tfassil tal-politika dwar l-ikel (4).

2.4.

Il-Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel huma definiti bħala koalizzjonijiet ibbażati fil-komunità ta’ diversi partijiet interessati li jaħdmu flimkien biex jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-ikel f’reġjun ġeografiku partikolari (5). Il-preċiżjoni tal-“politika” tal-kwalifikatur ġiet iddubitata peress li xi wħud minn dawn il-kunsilli, koalizzjonijiet jew kumitati tal-ikel jixtiequ jevitaw li jitqiesu bħala organizzazzjonijiet politiċi, mentri oħrajn jiffukaw fuq programmi kif ukoll il-politika. Dawn l-organizzazzjonijiet li jaspiraw għall-inklużività u l-prinċipji demokratiċi jinvolvu lill-partijiet interessati mis-sistema tal-ikel kollha kemm hi, u jlaqqgħu flimkien individwi, gvernijiet lokali, organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u rappreżentanti ta’ diversi setturi ekonomiċi – l-agrikoltura, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni – biex jikkollaboraw dwar inizjattivi ta’ politika dwar l-ikel li jippromovu l-aċċess għal ikel tajjeb għas-saħħa, affordabbli u sostenibbli għall-membri kollha tal-komunità fejn huma stabbiliti.

2.5.

L-ewwel Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel dehru fl-Istati Uniti fis-snin tmenin (6) u ilhom jiżdiedu u jiddiversifikaw minn dak iż-żmien. Għalkemm l-Ewropa kienet tard fil-moviment tal-Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel, matul dawn l-aħħar għaxar snin il-Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel kienu bdew jitfaċċaw b’mod rapidu fl-Ewropa kollha (7). Skont il-letteratura akkademika, il-ħolqien tal-Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel fl-Ewropa beda tabilħaqq bir-ratifika fl-2015 tal-Patt ta’ Milan dwar il-Politika Urbana tal-Ikel, ftehim internazzjonali dwar il-politiki tal-ikel urban iffirmat minn aktar minn 260 belt madwar id-dinja, li appoġġa t-twaqqif ta’ Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel f’diversi bliet/reġjuni Ewropej. Il-Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel tfaċċaw ukoll f’reġjuni rurali jew suburbani, mingħajr ma kellhom rabta diretta ma’ belt (8).

2.6.

Normalment il-Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel joperaw fil-livell reġjonali u/jew lokali, għalkemm hemm xi Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel fil-livell statali/provinċjali u nazzjonali. Ħafna drabi dawn huma mod kif il-bliet jiġu konnessi mill-ġdid mal-produzzjoni tal-ikel fir-reġjuni tal-madwar u tiġi żgurata governanza effettiva tal-politiki lokali u reġjonali dwar l-ikel, iżda jistgħu jkunu rilevanti wkoll għall-komunitajiet mhux urbani. Dawn jistgħu jiġu interpretati bħala networks li jgħaqqdu l-objettiv tas-sostenibbiltà mal-għanijiet tad-demokrazija u l-governanza tajba billi jibdew proċessi parteċipattivi, kollaborattivi u deliberattivi fost il-bdiewa, l-intraprendituri tal-ikel, il-konsumaturi u oħrajn. Eżempji ewlenin fl-Unjoni Ewropea jinkludu l-kunsill għall-politika tal-ikel tal-Katalonja (9) (maħluq fl-2017), b’korp maniġerjali magħmul minn 33 membru inklużi awtoritajiet reġjonali u lokali, atturi ewlenin tal-katina tal-ikel, nies minn żoni rurali (iżda jħares lejn it-tkabbir b’ħames membri ġodda li jirrappreżentaw, fost oħrajn, il-ministeri għall-edukazzjoni, il-kultura u l-ugwaljanza u l-femminiżmu) u li jaħdem ma’ 42 belt, u n-Network tal-Kunsilli għall-Politika tal-Ikel (2016) li jiġbor flimkien 30 kunsill għall-politika tal-ikel lokali bbażati fuq approċċi minn isfel għal fuq (l-aktar mill-Ġermanja) u 40 inizjattivi fundaturi.

2.7.

Eżempji ta’ Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel nazzjonali huma aktar limitati fl-UE. Fi Franza, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ikel (CNA (10)) huwa korp konsultattiv indipendenti għall-Ministri li jiġi kkonsultat dwar l-iżviluppi tal-politika tal-ikel u jippubblika opinjonijiet biex jinforma kemm id-deċiżjonijiet pubbliċi kif ukoll id-diversi partijiet interessati fil-katina alimentari dwar suġġetti bħall-kwalità tal-ikel, l-informazzjoni għall-konsumatur, in-nutrizzjoni, is-sigurtà tas-saħħa, l-aċċess għall-ikel u l-prevenzjoni tal-kriżijiet. Terres en ville, in-network Franċiż għall-partijiet interessati fil-politika agrikola urbana u tal-ikel (11), stabbilit fl-2000, jiġbor flimkien bliet u kmamar tal-agrikoltura Franċiżi (12) b’għanijiet komuni, biex flimkien jibnu politiki metropolitani agrikoli u tal-ikel bejn uffiċjali eletti fil-livell lokali u professjonisti. Dawn il-proġetti territorjali tal-ikel huma ffinanzjati u mmexxija mill-awtoritajiet pubbliċi, u dan il-fatt kultant iwassal għal tensjonijiet ma’ livelli istituzzjonali oħra. L-esperjenza turi n-nuqqas ta’ involviment taċ-ċittadini fit-tfassil tal-politiki dwar l-ikel (fil-livell lokali u nazzjonali). Fil-Portugall, fl-2018 ġie stabbilit Kunsill Nazzjonali għas-Sigurtà tal-Ikel u n-Nutrizzjoni (CONSANP) (13). Fil-Lussemburgu, il-ħolqien ta’ organiżmu b’diversi partijiet interessati msejjaħ il-Kunsill Nazzjonali tal-Politika tal-Ikel kien ippjanat fil-Ftehim ta’ Koalizzjoni (14) tal-Lussemburgu għall-2018-2023 iżda għadu ma ġiex stabbilit uffiċjalment. Fin-Netherlands, kien qed jitħejja summit taċ-ċittadini dwar il-ġejjieni tal-agrikoltura, iżda sa issa ma rċieva l-ebda appoġġ/finanzjament minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi (15).

2.8.

Ta’ min jissemma wkoll in-Nordic Food Policy Lab maħluq minn u għall-Kunsill Nordiku tal-Ministri (16), bil-għan li jgħin biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-ikel identifikati bħala sfidi fl-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

2.9.

Fl-Opinjonijiet tiegħu (17), il-KESE appella għall-ħolqien ta’ “Kunsill Ewropew għall-Politika tal-Ikel” li jgħin biex jinkiseb approċċ aktar integrat u parteċipattiv għat-tfassil tal-politika dwar l-ikel, jaċċellera l-allinjament tal-politiki fil-livelli tal-UE, nazzjonali u lokali, jipprovdi pjattaforma għall-partijiet interessati biex jitgħallmu minn xulxin permezz tal-kondiviżjoni ta’ prattiki tajbin, u jiżgura li jitqiesu l-perspettivi kollha mid-diversi setturi.

2.10.

Din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja għandha l-għan li tipprovdi ideat konkreti għall-governanza tas-sistemi tal-ikel u l-involviment sinifikanti u strutturat tas-soċjetà ċivili, inkluż taż-żgħażagħ, fl-iżvilupp, il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-politiki dwar l-ikel. L-Opinjoni tħares ukoll lejn kif jistgħu jiġu involuti l-awtoritajiet responsabbli għall-edukazzjoni u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tal-iskejjel u tal-ġenituri tal-istudenti sabiex titrawwem l-edukazzjoni bikrija tal-ġenerazzjonijiet futuri dwar ikel sostenibbli u tajjeb għas-saħħa, abbażi tal-ħidma reċenti dwar l-edukazzjoni taż-żgħażagħ (18) u l-iskema tal-iskejjel tal-UE (19).

3.   Tagħlimiet meħuda minn Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel eżistenti fil-livell lokali u nazzjonali

3.1.

Il-Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel eżistenti juru taħlita ta’ organizzazzjonijiet b’varjetà ta’ forom u strutturi legali u organizzattivi, missjonijiet, objettivi u attivitajiet li huma mfasslin għall-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-komunità urbana li jaqdu, u jvarjaw minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ sa korpi tal-gvern (lokali), permezz ta’ forom ibridi. Dawn għandhom approċċi u metodoloġiji parteċipattivi differenti għall-iżvilupp u t-trasformazzjoni tas-sistemi tal-ikel urbani.

3.2.

Għan komuni jidher li jipprevali f’dawn l-organizzazzjonijiet kollha, jiġifieri l-ħtieġa li tinbena sistema tal-ikel sostenibbli, aktar b’saħħitha, trasparenti u aktar ġusta għal kulħadd. Objettivi oħra tal-Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel fil-livell lokali u reġjonali jinkludu l-kisba tas-sovranità tal-ikel, l-iżvilupp ta’ ktajjen tal-provvista tal-ikel iqsar u lokali, it-tnaqqis tal-ħela tal-ikel, l-istabbiliment ta’ ġonna tal-komunità, il-konnessjoni tal-bliet u ż-żoni rurali, l-iżvilupp tas-swieq tal-ikel lokali, il-promozzjoni tal-agrikoltura urbana u t-trawwim ta’ kultura vibranti tal-ikel.

3.3.

Biex jintlaħaq dan il-għan, dawn l-organizzazzjonijiet jinvolvu ruħhom f’firxa wiesgħa ta’ attivitajiet li mhux dejjem jinvolvu l-iżvilupp tal-politika, pariri dwar il-politika jew bidla fil-politika. Il-parti l-kbira tal-Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel jirriżultaw minn approċċi minn isfel għal fuq u jappoġġjaw in-networking, il-promozzjoni, l-edukazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u l-iżvilupp tal-proġetti. Oħrajn huma mmexxijin mill-politika, bħal fi Franza.

3.4.

Il-Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel ibbażati fil-komunità għandhom l-għan li jagħmlu d-“demokrazija tal-ikel” prinċipju ta’ gwida proċedurali. Strutturi organizzattivi għall-koordinazzjoni, il-pariri, u l-bqija jippermettu lil partijiet interessati differenti jinvolvu ruħhom fi rwoli ta’ tmexxija, assistenza, sħubijiet u rwoli awtogovernattivi oħrajn. Is-sħubija fil-Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel ħafna drabi tkun miftuħa għal kull min għandu interess fi kwistjonijiet ta’ sistema tal-ikel sostenibbli u li jkun lest jirrispetta l-prinċipji demokratiċi. Barra mis-sħubija regolari, il-Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel ħafna drabi jibnu sħubijiet istituzzjonali ma’ aġenziji tal-gvern, negozji u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jkunu attivi fit-trasformazzjoni tas-sistemi tal-ikel attwali lejn is-sostenibbiltà; dawn is-sħubijiet huma bbażati wkoll fuq prattiki demokratiċi, inklużi l-kontroll kollettiv u t-teħid ta’ deċiżjonijiet. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel huma msieħba mal-gvern (lokali), bħala manifestazzjoni ewlenija ta’ governanza demokratika.

3.5.

Mill-perspettiva tal-kunsill għall-politika tal-ikel, is-sostenibbiltà tas-sistema tal-ikel hija l-għan ġenerali, li taħdem fuq għanijiet strateġiċi (ġenerali) bħall-appoġġ ta’ sistemi tal-ikel reżiljenti, iż-żieda tal-aċċess għal dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli u l-għarfien tagħhom, il-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel bl-użu tal-ekonomija ċirkolari, l-appoġġ tal-iżvilupp ekonomiku, il-promozzjoni tal-ekwità fis-sistema tal-ikel, il-promozzjoni tas-sostenibbiltà ambjentali, u ż-żieda tal-għarfien dwar l-ikel tajjeb għas-saħħa u d-domanda għalih.

3.6.

Żewġ tipi ta’ forom legali huma dominanti fil-Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel Ewropej: assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, strutturi minn isfel għal fuq maħluqa mis-soċjetà ċivili u strutturi minn fuq għal isfel stabbiliti mill-awtoritajiet muniċipali lokali. Minbarra ċ-ċittadini, il-parti l-kbira tal-Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel ilaqqgħu flimkien varjetà wiesgħa ta’ membri, inklużi n-negozji privati, l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-partijiet interessati fis-setturi tal-ikel, tas-saħħa u tal-edukazzjoni. Dawn ilaqqgħu flimkien ukoll rappreżentanza wiesgħa ta’ gruppi soċjali mill-komunità lokali.

3.7.

Il-fondi u l-finanzjament tal-Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel ivarjaw b’mod sinifikanti. Xi Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel għandhom persunal imħallas u/jew programmi u proġetti ffinanzjati (kbar), oħrajn jiddependu kompletament fuq il-kontribuzzjonijiet u l-voluntiera. Is-sorsi ta’ finanzjament ivarjaw minn appoġġ annwali tal-gvern għal miżati tas-sħubija, għotjiet għar-riċerka jew għotjiet oħrajn, appoġġ għall-fondazzjonijiet privati u donazzjonijiet. L-attivitajiet tal-ġbir ta’ fondi, il-kontribuzzjonijiet tal-membri, id-donazzjonijiet u s-sussidji/l-għotjiet pubbliċi huma s-sorsi ewlenin ta’ finanzjament għall-Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel stabbiliti bħala organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, filwaqt li l-Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel imwaqqfin mill-awtoritajiet muniċipali jiddependu primarjament fuq baġit annwali mill-kunsill tal-belt.

3.8.

Hemm ukoll nuqqasijiet potenzjali: ir-riċerka turi li l-Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel jista’ jkollhom ukoll żvantaġġi u/jew mhux dejjem jistgħu jiffunzjonaw bl-aħjar mod (20), pereżempju jekk l-aktar gruppi vulnerabbli jkunu sottorappreżentati jew jekk l-interessi personali jkollhom influwenza sostanzjali. Sfida importanti oħra hija li l-kwalità tad-deliberazzjoni tiddependi fuq parteċipazzjoni ugwali, faċilitazzjoni tajba tal-proċess u enfasi fuq l-għarfien/il-valuri aktar milli fuq l-interessi. Il-KESE għalhekk jenfasizza l-ħtieġa għall-inklużività reali u deliberazzjonijiet ta’ kwalità fil-kunsilli għall-politika tal-ikel, li jirrikjedi li mmorru lil hinn minn sħubija miftuħa biex tiġi żgurata rappreżentattività ġenwina, b’mod partikolari ta’ gruppi tradizzjonalment sottorappreżentati fis-soċjetà.

3.9.

Il-KESE jemmen ukoll li l-Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel għandhom jinvolvu ruħhom mal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, inkluż permezz tal-edukazzjoni. L-edukazzjoni dwar is-sistemi tal-ikel sostenibbli għandha tingħata prijorità fil-ġenerazzjonijiet futuri, b’enfasi fuq l-għarfien ta’ dieti sostenibbli u tajbin għas-saħħa, tal-katina tal-produzzjoni mill-bidu sal-aħħar biex jiġi identifikat min jipproduċi l-ikel u kif jiġi prodott, u jiġi spjegat x’inhi d-distribuzzjoni li sseħħ fis-sistema tal-ikel tagħna, mill-bidwi jew minn dawk li jrabbu l-bhejjem, sakemm il-prodott finali jiġi kkunsmat miċ-ċittadin. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda l-involviment tal-awtoritajiet edukattivi kompetenti fil-Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel, li, f’koordinazzjoni mas-settur agroalimentari, jistgħu jistabbilixxu l-kontenut tal-ikel ta’ prijorità għas-sistema edukattiva. Barra minn hekk, l-edukazzjoni tat-tfal għandha tkun appoġġjata mit-tagħlim tul il-ħajja għall-ġenituri u l-edukazzjoni taċ-ċittadini (21).

4.   Sejħa għal Kunsill Ewropew għall-Politika tal-Ikel

4.1.

It-tradizzjoni minn isfel għal fuq tal-Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel kienet rikka iżda ma rnexxilhiex tinfluwenza l-progress u r-reżiljenza fil-livell Ewropew. Ir-riforma tal-governanza tas-sistemi tal-ikel hija inevitabbli u trid titwettaq b’mod li terġa’ tinkiseb id-demokrazija u r-responsabbiltà għas-sistemi tal-ikel. Il-qafas tal-UE għal sistemi tal-ikel sostenibbli futuri jeħtieġ tmexxija bir-reqqa, filwaqt li tiġi żgurata bidla koordinata bejn is-setturi. Permezz tal-promozzjoni tar-responsabbiltà u l-parteċipazzjoni, il-veto tal-operaturi tradizzjonali bi ftit interess fil-bidla jista’ jiġi evitat bl-aktar mod effettiv, u l-impatt ta’ politika tal-ikel verament komprensiva jista’ jiġi vvalutat, rivedut u mtejjeb fuq bażi regolari. Huwa għalhekk li l-KESE jemmen li t-twaqqif ta’ Kunsill Ewropew għall-Politika dwar l-Ikel se jkun pass tant kruċjali lejn it-twettiq ta’ viżjoni komprensiva tal-politika tal-ikel (22).

4.2.

Kunsill Ewropew għall-Politika tal-Ikel għandu:

4.2.1.

ikun ibbażat fuq ix-xjenza u jiżgura mekkaniżmu ta’ pariri xjentifiċi; ikun sors ta’ riċerka u pariri xjentifiċi u affidabbli.

4.2.2.

ikollu l-kompożizzjoni li ġejja:

—

esperti akkademiċi u xjentisti (fi ħdan l-Kunsill Ewropew għall-Politika tal-Ikel jew bħala bord konsultattiv);

—

atturi tal-katina tal-provvista tal-ikel (bdiewa, negozji u proċessuri tal-ikel, bejjiegħa bl-imnut, trade unions, eċċ.), atturi tas-sistema edukattiva u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (networks kontra l-faqar, banek tal-ikel, pjattaformi soċjali, NGOs ambjentali u tal-iżvilupp); rappreżentanti taż-żgħażagħ; imsieħba soċjali;

—

rappreżentanti istituzzjonali (il-Parlament, il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-KESE, il-KtR).

4.2.3.

Wara l-fażi inizjali, il-Kunsill Ewropew għall-Politika tal-Ikel għandu jinkludi wkoll rappreżentanti mil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali u kunsilli tal-politika tal-ikel b’konnettività organizzata bejn il-livelli rilevanti. Bħalissa, il-kunsilli nazzjonali tal-politika tal-ikel mhumiex mifruxa biżżejjed biex jiżguraw li l-pajjiżi kollha jkunu rappreżentati b’mod ugwali.

4.2.4.

ikun korp istituzzjonali li istituzzjonijiet tal-UE jkunu impenjati lejh u jiżgura ftehim politiku: korp indipendenti u awtoritattiv għall-ippjanar fit-tul, korp mhux dipartimentali, li jkun fdat (korp ewlieni), bil-għan li jgħin biex jiġi ffaċċjat il-futur tal-ikel lejn sistemi tal-ikel sostenibbli u jaġixxi bħala lieva.

4.2.5.

ikun sors kostanti ta’ pariri sodi u għażliet ta’ politika bbażati fuq l-evidenza u rakkomandazzjonijiet dwar id-direzzjoni tas-sistema tal-ikel tal-UE li għaliha l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom ikunu marbuta li jipprovdu feedback u tweġibiet motivati. Għandu jesplora għażliet dwar kif għandhom jintlaħqu u jiġi mmonitorjati l-impenji eżistenti tal-UE, jivvaluta wkoll il-pjani nazzjonali tal-politka tal-ikel u jsarrfhom f’termini ta’ politika li jipprovdu progress soċjali permezz tal-ikel. Fl-aħħar nett għandu jidħol f’diskussjoni dwar il-funzjonament tas-sistemi tal-ikel globali.

4.2.6.

itejjeb il-koerenza bejn l-oqsma ta’ politika (bħall-politika agrikola komuni, il-politika komuni tas-sajd, id-dritt għall-ikel, il-leġiżlazzjoni b’rabta ma’ dieti tajbin għas-saħħa, l-akkwist pubbliku, il-politiki tal-edukazzjoni, eċċ.) u jippromovi l-innovazzjonijiet soċjali lejn il-benesseri tal-atturi kollha tal-katina alimentari, u jqis il-ħtieġa għat-tiġdid ġenerazzjonali tal-bdiewa.

4.2.7.

ikollu rabta mal-Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel, jappoġġja (mil-lat finanzjaru u strutturali) u jrawwem approċċi minn isfel għal fuq lejn sistemi tal-ikel lokali/reġjonali/nazzjonali sostenibbli, jiġġieled id-distakk u l-polarizzazzjoni rurali/urbana bejn il-produtturi u l-konsumaturi billi jappoġġja d-djalogu ċivili (inklużi r-rappreżentanti taż-żgħażagħ, il-gruppi vulnerabbli u emarġinati tas-soċjetà, l-atturi rurali, l-imsieħba soċjali), jippermetti l-iżvilupp sistematiku tal-Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel, irawwem sinerġiji bejn l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili.

4.2.8.

eventwalment jipprovdi network ta’ kunsilli għall-politika tal-ikel fil-livell tal-UE, u joħloq pjattaforma ta’ skambji tal-aħjar prattiki u għarfien biex jinforma u jinfluwenza l-politika tal-UE.

4.2.9.

jipprovdi sinerġiji ma’ pjattaformi eżistenti oħra tal-UE bħall-Koalizzjoni tal-Politika tal-Ikel tal-UE (23), il-Pjattaforma dwar il-Ħela tal-Ikel (24), il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari (25) u l-Patt Rurali tal-UE (26).

4.3.

Il-KESE jinsab lest li jipprovdi spazju fejn jiltaqa’ l-Kunsill Ewropew għall-Politika tal-Ikel. Eżempju ta’ suċċess diġà jeżisti bil-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari, inizjattiva konġunta mill-KESE u l-Kummissjoni (27).

Brussell, l-14 ta’ Ġunju 2023.

Oliver RÖPKE

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Transforming Europes’ food system – Assessing the EU policy mix – European Environment Agency (europa.eu) (Nittrasformaw is-sistema tal-ikel tal-Ewropa – Valutazzjoni tat-taħlita ta’ politiki tal-UE – L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (europa.eu), mhux disponibbli bil-Malti) u l-Prof. De Schutter, preżentazzjoni fil-KESE fl-14 ta’ April 2023.

(2)  Fost l-oħrajn: L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-kontribut tas-soċjetà ċivili għall-iżvilupp ta’ politika komprensiva dwar l-ikel fl-UE” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 129, 11.4.2018, p. 18) u l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija ‘Mill-Għalqa sal-Platt’ għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent” (COM(2020) 381 final) (ĠU C 429, 11.12.2020, p. 268).

(3)  Ara r-rapporti tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC): https://www.ipcc.ch/report/sixth-assessment-report-cycle/ (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)   Power to the people? Food democracy initiatives’ contributions to democratic goods, (Nagħtu s-setgħa lin-nies? Kontributi tal-inizjattivi tad-demokrazija tal-ikel għall-prodotti demokratiċi), Jeroen J. L. Candel, Mejju 2022 (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  Ara d-definizzjonijiet fl-artikli akkademiċi li ġejjin: Opportunities and challenges of food policy councils in pursuit of food system sustainability and food democracy–a comparative case study from the Upper-Rhine region (Opportunitajiet u sfidi tal-kunsilli tal-politika dwar l-ikel fl-insegwiment tas-sostenibbiltà tas-sistema tal-ikel u d-demokrazija tal-ikel – studju ta’ każ komparattiv mir-reġjun tar-Renu ta’ Fuq) (Mooney, 2022) (mhux disponibbli bil-Malti) u Food Policy Councils: Lessons learned (Il-Kunsilli tal-Politika tal-Ikel: Tagħlimiet meħuda) (Harper et al., 2009) (mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  L-ewwel Kunsill għall-Politika tal-Ikel tal-Istati Uniti ġie stabbilit f’Knoxville, Tennessee, fl-1982.

(7)  Eżempji ta’ Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel Ewropej jew inizjattivi simili dwar l-ikel urban jidhru fi proġetti ta’ Orizzont 2020 u Orizzont Ewropa li jiffukaw fuq politiki u għodod agroalimentari biex itejbu s-sistemi tal-ikel bħal Cities2030, FoodSHIFT 2030, FoodCLIC, FEAST u FOOD TRAILS

(8)  Franzen-Castle, L. et al. Engaging Rural Community Members with Food Policy Councils to Improve Food Access: Facilitators and Barriers (L-Involviment tal-Membri tal-Komunità Rurali mal-Kunsilli tal-Politika dwar l-Ikel biex jittejjeb l-Aċċess għall-Ikel: Faċilitaturi u Ostakoli.) Journal of Hunger & Environmental Nutrition 17, 207–223 (2022) (mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  Consell Català de l'Alimentació.

(10)  Le CNA: www.cna-alimentation.fr/.

(11)  Terres en villes: www.terresenvilles.org/.

(12)  Montpellier, Rouen, Voiron, Le Havre, Artois (Béthune, Bruay-en-Artois), Douai, Angers, Rennes, Saint-Nazaire, Nantes, Lorient, Toulouse, Grenoble, Saint-Étienne, Lyon, Besançon, Dijon, Nancy, Metz, Amiens, Lille, Auxerre, Poitiers (2022).

(13)  Conselho Nacional de Segurança Alimentar e Nutricional entra em funcionamento.

(14)  Kunsill għall-Politika tal-Ikel: https://food.uni.lu/projects/research-projects/food-policy-council/.

(15)  https://g1000landbouw.nl/.

(16)  Nordic Food Policy Lab: www.norden.org/en/nordic-food-policy-lab.

(17)  Fost l-oħrajn: ĠU C 129, 11.4.2018, p. 18 u ĠU C 429, 11.12.2020, p. 268.

(18)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-awtonomizzazzjoni taż-żgħażagħ biex jinkiseb żvilupp sostenibbli permezz tal-edukazzjoni” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) (ĠU C 100, 16.3.2023, p. 38).

(19)  Rapport ta’ informazzjoni tal-KESE dwar Evalwazzjoni tal-iskema tal-UE għall-iskejjel.

(20)  Power to the people?Food democracy initiatives’ contributions to democratic goods, (Nagħtu s-setgħa lin-nies? Kontributi tal-inizjattivi tad-demokrazija tal-ikel għall-prodotti demokratiċi – mhux disponibbli bil-Malti).

(21)   ĠU C 100, 16.3.2023, p. 38.

(22)  Rapport tal-IPES dwar l-ikel: CFP_FullReport.pdf (ipes-food.org), u De Schutter, O., Jacobs, N. u Clément, C., 2020, “A ‘Common Food Policy’ for Europe: How governance reforms can spark a shift to healthy diets and sustainable food systems”, (“Politika Komuni tal-Ikel” għall-Ewropa: Kif ir-riformi ta’ governanza jistgħu jwasslu għal bidla lejn dieti tajbin għas-saħħa u sistemi tal-ikel sostenibbli) Food Policy 96, (mhux disponibbli bil-Malti).

(23)  Koalizzjoni tal-Politika tal-Ikel tal-UE.

(24)  Pjattaforma tal-UE dwar it-Telf u l-Ħela tal-Ikel.

(25)  Il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari.

(26)  Il-patt rurali. https://rural-vision.europa.eu/rural-pact_en

(27)  Il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Interessati tal-Ekonomija Ċirkolari.