European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2603

8.10.2024

FTEHIM BEJN L-UNJONI EWROPEA, L-IŻLANDA, IL-PRINĊIPAT TAL-LIECHTENSTEIN U R-RENJU TAN-NORVEĠJA DWAR MEKKANIŻMU FINANZJARJU TAŻ-ŻEE GĦALL-PERJODU BEJN MEJJU 2021 U APRIL 2028

L-UNJONI EWROPEA,

L-IŻLANDA,

IL-PRINĊIPAT TAL-LIECHTENSTEIN,

IR-RENJU TAN-NORVEĠJA,

BILLI l-Partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”) qablu dwar il-ħtieġa li jitnaqqsu d-disparitajiet ekonomiċi u soċjali bejn ir-reġjuni tagħhom bil-ħsieb li jippromwovu tisħiħ kontinwu u bilanċjat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejniethom,

BILLI, sabiex jikkontribwixxu għal dak l-objettiv, l-Istati tal-EFTA stabilixxew Mekkaniżmu Finanzjarju fil-kuntest taż-Żona Ekonomika Ewropea,

BILLI d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE għall-perjodu 2004-2009 ġew stabbiliti fil-Protokoll 38a u l-Addendum tal-Protokoll 38a tal-Ftehim ŻEE,

BILLI d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE għall-perjodu 2009-2014 ġew stabbiliti fil-Protokoll 38b u l-Addendum tal-Protokoll 38b tal-Ftehim ŻEE,

BILLI d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE għall-perjodu 2014-2021 ġew stabbiliti fil-Protokoll 38c tal-Ftehim ŻEE,

BILLI tippersisti l-ħtieġa li jitnaqqsu d-disparitajiet ekonomiċi u soċjali fiż-Żona Ekonomika Ewropea, u għalhekk jenħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu ġdid għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati taż-ŻEE-EFTA għall-perjodu bejn Mejju 2021-April 2028,

IDDEĊIDEW LI JIKKONKLUDU L-FTEHIM LI ĠEJ:

Artikolu 1

L-Artikolu 117 tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“ARTIKOLU 117

Dispożizzjonijiet li jirregolaw il-Mekkaniżmi Finanzjarji huma stipulati fil-Protokoll 38, il-Protokoll 38a, l-Addendum tal-Protokoll 38a, il-Protokoll 38b, l-Addendum tal-Protokoll 38b, il-Protokoll 38c u l-Protokoll 38d.”.

Artikolu 2

Protokoll 38d ġdid għandu jiddaħħal wara l-Protokoll 38c tal-Ftehim ŻEE. It-test tal-Protokoll 38d huwa stabbilit fl-Anness ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 3

Dan il-Ftehim għandu jiġi ratifikat jew approvat mill-Partijiet f’konformità mal-proċeduri tagħhom stess. L-istrumenti ta’ ratifika jew ta’ approvazzjoni għandhom jiġu depożitati mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara li jkun depożitat l-aħħar strument ta’ ratifika jew ta’ approvazzjoni.

Sa meta jitlestew il-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 u 2, dan il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja mill-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li tkun ġiet depożitata l-aħħar notifika għal dan il-għan.

Artikolu 4

Dan il-Ftehim, imfassal f’kopja oriġinali waħda bl-ilsien Bulgaru, Ċek, Daniż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ingliż, Irlandiż, Kroat, Latvjan, Litwan, Malti, Olandiż, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol, Taljan, Ungeriż, Żvediż, Iżlandiż u Norveġiż, bit-test f’kull wieħed minn dawn l-ilsna jkun ugwalment awtentiku, għandu jiġi depożitat mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li ser jibgħat kopja ċertifikata lil kull waħda mill-Partijiet għal dan il-Ftehim.

Image 1

Image 2


ANNESS

PROTOKOLL 38d

dwar il-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE (2021-2028)

Artikolu 1

(1)   Objettivi

L-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja (“l-Istati tal-EFTA”) għandhom jikkontribwixxu għat-tnaqqis tad-disparitajiet ekonomiċi u soċjali fiż-Żona Ekonomika Ewropea u għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet tagħhom mal-Istati Benefiċjarji, permezz tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji fil-prijoritajiet tematiċi elenkati fl-Artikolu 3 (1).

(2)   Valuri u prinċipji komuni

Il-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE (2021-2028) huwa bbażat fuq il-valuri u l-prinċipji komuni tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi.

Il-programmi u l-attivitajiet kollha ffinanzjati mill-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE għandhom ikunu konsistenti mar-rispett għal dawn il-valuri u l-prinċipji u jastjenu milli jappoġġaw operazzjonijiet li jistgħu jonqsu milli jagħmlu dan. L-implimentazzjoni tagħhom għandha tikkonforma mad-drittijiet u l-obbligi fundamentali minquxa fl-istrumenti u l-istandards rilevanti.

Artikolu 2

Impenji

L-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja prevista fl-Artikolu 1 għandu jkun ta’ EUR 1 705 000 000. Kontribuzzjoni finanzjarja addizzjonali ta’ EUR 100 000 000 għandha tkun disponibbli wkoll għall-proġetti relatati mal-isfidi esperjenzati bħala riżultat tal-invażjoni tal-Ukrajna. Dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu disponibbli għall-impenn f’porzjonijiet annwali ta’ EUR 257 860 000 matul il-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2021 sat-30 ta’ April 2028, iż-żewġ dati inklużi.

L-ammont totali għandu jikkonsisti minn allokazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż kif speċifikat fl-Artikolu 6 flimkien mal-fondi speċifikati fl-Artikolu 7.

Artikolu 3

(1)   Prijoritajiet tematiċi

L-allokazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għandhom ikunu disponibbli biex jippromwovu l-prijoritajiet tematiċi ġenerali li ġejjin:

(a)

it-tranżizzjoni ekoloġika Ewropea;

(b)

id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

(c)

l-inklużjoni soċjali u r-reżiljenza.

F’dawn il-prijoritajiet tematiċi, l-oqsma tal-programm huma stabbiliti fl-Anness ta’ dan il-Protokoll. Il-kontenut ta’ dawn l-oqsma tal-programm se jiġi ddeterminat wara konsultazzjoni mal-Istati Benefiċjarji.

(2)   Ħtiġijiet tal-Istati Benefiċjarji

L-oqsma tal-programm għandhom jintgħażlu, jiġu konċentrati u adattati, biex jirrispondu għal ħtiġijiet differenti f’kull Stat Benefiċjarju, filwaqt li jitqiesu d-daqs tiegħu u l-ammont tal-kontribuzzjoni. Għal dan l-għan, il-proċedura li għandha tiġi segwita hija stabbilita fl-Artikolu 9, il-paragrafu 5.

Artikolu 4

(1)   Memoranda ta’ Qbil

Sabiex tinkiseb konċentrazzjoni u tiġi żgurata implimentazzjoni effiċjenti, f’konformità mal-objettivi ġenerali msemmija fl-Artikolu 1, u filwaqt li jitqiesu l-politiki tal-UE u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, kif ukoll Ftehimiet ta’ Sħubija konklużi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea, l-Istati tal-EFTA għandhom jinnegozjaw ma’ kull Stat Benefiċjarju Memorandum ta’ Qbil f’konformità mal-Artikolu 9, il-paragrafu 5.

(2)   Konsultazzjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea

Konsultazzjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea għandhom isiru f’livell strateġiku u għandhom isiru matul in-negozjati tal-Memoranda ta’ Qbil bil-ħsieb li jippromwovu l-komplementarjetà u s-sinerġiji mal-politika ta’ koeżjoni tal-UE.

Artikolu 5

(1)   Kofinanzjament

Fir-rigward ta’ programmi skont l-allokazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li għalihom l-Istati Benefiċjarji għandu jkollhom ir-responsabbiltà tal-implimentazzjoni, il-kontribuzzjoni tal-EFTA ma għandhiex taqbiżx il-85 % tal-ispiża tal-programm, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Istati tal-EFTA.

(2)   Għajnuna mill-Istat

Ir-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom jiġu rrispettati.

(3)   Responsabbiltà

Ir-responsabbiltà tal-Istati tal-EFTA għall-proġetti hija limitata li tipprovdi fondi skont il-pjan maqbul. Għaldaqstant, l-Istati tal-EFTA mhuma se jassumu l-ebda responsabbiltà lejn partijiet terzi.

Artikolu 6

Allokazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż

L-allokazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għandhom ikunu disponibbli lill-Istati Benefiċjarji li ġejjin: il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Greċja, il-Kroazja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, il-Portugall,, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja, f’konformità mad-distribuzzjoni li ġejja:

Stat Benefiċjarju

Fondi (EUR)

Bulgarija

132 807 931

Kroazja

68 018 840

Ċipru

9 014 276

Repubblika Ċeka

115 163 505

Estonja

36 750 087

Greċja

159 320 451

Ungerija

129 868 485

Latvja

56 013 268

Litwanja

60 274 987

Malta

5 710 418

Polonja

472 614 415

Portugall

126 276 741

Rumanija

304 642 069

Slovakkja

66 843 694

Slovenja

25 580 833

L-ammonti ppreżentati jinkludu l-allokazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li għandhom ikunu disponibbli għal kull Stat Benefiċjarju f’konformità mal-Artikolu 9, il-paragrafu 5, u s-sehem tal-fond għas-soċjetà ċivili msemmi fl-Artikolu 7 li għandu jkun ta’ benefiċċju għal kull Stat Benefiċjarju.

Artikolu 7

Fil-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE, għandhom ikunu disponibbli żewġ fondi. Huma għandhom jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi tal-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE (2021-2028) kif definiti fl-Artikolu 1, u għall-prijoritajiet tematiċi msemmija fl-Artikolu 3. L-Istati tal-EFTA jistgħu jipparteċipaw bħala sħab fil-fondi.

(1)   Fond għas-soċjetà ċivili

10 % tal-ammont totali għandu jitwarrab għal fond għas-soċjetà ċivili. Il-koeffiċjent tad-distribuzzjoni għall-Istati Benefiċjarji huwa stabbilit fl-Artikolu 6.

5 % tal-fond għandu jiġi allokat għal inizjattivi tranżnazzjonali.

(2)   Fond għall-bini tal-kapaċitajiet u l-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet internazzjonali

2 % tal-ammont totali għandu jitwarrab għal fond għall-bini tal-kapaċitajiet u l-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet internazzjonali, fost oħrajn, il-Kunsill tal-Ewropa, l-OECD u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (European Union Agency for Fundamental Rights, FRA). Dan il-fond se jippromwovi l-prijoritajiet tematiċi fl-Istati Benefiċjarji.

Artikolu 8

(1)   Koordinazzjoni mal-Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż

Il-kontribuzzjoni finanzjarja prevista f’dan il-protokoll għandha tkun kordinata mill-qrib mal-kontribuzzjoni bilaterali min-Norveġja prevista fil-Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż. B’mod partikolari, l-Istati tal-EFTA għandhom jiżguraw li l-proċeduri u l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni jkunu essenzjalment l-istess għaż-żewġ mekkaniżmi finanzjarji.

(2)   Koordinazzjoni mal-politika ta’ koeżjoni tal-UE

Għandha titqies kwalunkwe bidla rilevanti fil-politika ta’ koeżjoni tal-UE, kif xieraq.

Artikolu 9

Dan li ġej għandu japplika għall-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE:

(1)   Kooperazzjoni

L-objettivi tal-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE msemmi fl-Artikolu 1 għandhom jiġu segwiti f’qafas ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Benefiċjarji u l-Istati tal-EFTA, li jirrispetta l-valuri u l-prinċipji u jikkonforma mad-drittijiet u l-obbligi msemmija fl-Artikolu 1, il-paragrafu 2.

(2)   Prinċipji ta’ implimentazzjoni

L-ogħla grad ta’ trasparenza, responsabbilità u kosteffiċjenza għandu jkun applikat fil-fażijiet kollha ta’ implimentazzjoni, flimkien mar-rispett għall-prinċipji ta’ governanza tajba, is-sħubija u l-governanza f’diversi livelli, l-iżvilupp sostenibbli, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni.

(3)   Ġestjoni tal-fondi

L-Istati tal-EFTA għandhom joperaw u jkunu responsabbli għall-implimentazzjoni, inklużi l-ġestjoni u l-kontroll, taż-żewġ fondi stabbiliti fl-Artikolu 7.

(4)   Kumitat tal-Mekkaniżmu Finanzjarju

L-Istati tal-EFTA għandhom jistabbilixxu kumitat għall-ġestjoni ġenerali tal-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE. Aktar dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE, inklużi miżuri ta’ simplifikazzjoni mmirati lejn l-iżgurar tal-effiċjenza u l-effettività fl-implimentazzjoni, se jinħarġu mill-Istati tal-EFTA wara konsultazzjonijiet mal-Istati Benefiċjarji li jistgħu jiġu assistiti mill-Kummissjoni Ewropea. L-Istati tal-EFTA għandhom jagħmlu ħilithom biex joħorġu dawn id-dispożizzjonijiet qabel l-iffirmar tal-Memoranda ta’ Qbil.

(5)   Negozjati ta’ Memoranda ta’ Qbil

L-Istati tal-EFTA għandhom jinnegozjaw ma’ kull Stat Benefiċjarju Memorandum ta’ Qbil dwar l-allokazzjoni rispettiva speċifika għall-pajjiż, esklużi l-fondi msemmija fl-Artikolu 7 u fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Il-Memorandum ta’ Qbil għandu jistabbilixxi l-programmi, id-distribuzzjoni ta’ fondi bejn l-oqsma tal-programm, l-istrutturi għall-ġestjoni u l-kontroll u l-kundizzjonijiet applikabbli.

(6)   Implimentazzjoni

(a)

Fuq il-bażi tal-Memoranda ta’ Qbil, l-Istati Benefiċjarji għandhom jippreżentaw proposti għal programmi speċifiċi lill-Istati tal-EFTA li għandhom jivvalutaw u japprovaw il-proposti u jikkonkludu ftehimiet ta’ għotja, bil-kundizzjonijiet, il-valutazzjoni tar-riskju u l-mitigazzjoni rilevanti, mal-Istati Benefiċjarji għal kull programm.

(b)

L-implimentazzjoni tal-programmi miftiehma għandha tkun ir-responsabbiltà tal-Istati Benefiċjarji, li għandhom jipprevedu sistema xierqa ta’ ġestjoni u kontroll sabiex jiżguraw implimentazzjoni u ġestjoni tajba.

(c)

L-Istati tal-EFTA jistgħu jwettqu kontrolli skont ir-rekwiżiti interni tagħhom. L-Istati Benefiċjarji għandhom jipprovdu l-assistenza, l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni meħtieġa kollha għal dan il-għan.

(d)

Biex jiżguraw il-konformità mal-obbligi, l-Istati tal-EFTA jistgħu, wara valutazzjoni, wara li jkunu semgħu lill-Istat Benefiċjarju, jieħdu miżuri xierqa u proporzjonati, inkluża s-sospensjoni tal-pagamenti u l-irkupru ta’ fondi.

(e)

Meta xieraq, għandhom ikunu applikati sħubiji fil-preparazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni wiesgħa. Is-sħab jistgħu jinkludu, fost oħrajn, fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali, kif ukoll is-settur privat, is-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali fl-Istati Benefiċjarji u l-Istati tal-EFTA.

(f)

Kwalunkwe proġett skont il-programmi fl-Istati Benefiċjarji jista’ jiġi implimentat f’kooperazzjoni bejn, fost oħrajn, entitajiet ibbażati fl-Istati benefiċjarji u fl-Istati tal-EFTA, f’konformità mar-regoli applikabbli dwar l-akkwist pubbliku.

(7)   Kostijiet ta’ ġestjoni

Il-kostijiet ta’ ġestjoni tal-Istati tal-EFTA għandhom ikunu koperti mill-ammont totali msemmi fl-Artikolu 2, u għandhom jiġu speċifikati fid-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu. Il-kostijiet ta’ ġestjoni għall-Fondi msemmija fl-Artikolu 7 se jiġu koperti mill-ammont allokat għall-Fondi.

(8)   Rapportar

L-Istati tal-EFTA għandhom jirrapportaw dwar il-kontribuzzjoni għall-objettivi tal-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE.

Artikolu 10

Rieżami

Fi tmiem il-perjodu kif definit fl-Artikolu 2 u mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi skont il-Ftehim ŻEE, il-Partijiet Kontraenti, fid-dawl tal-Artikolu 115 tal-Ftehim ŻEE, għandhom jirrieżaminaw il-ħtieġa li jiġu indirizzati d-disparitajiet ekonomiċi u soċjali fiż-Żona Ekonomika Ewropea.

ANNESS TAL-PROTOKOLL 38d

Tranżizzjoni ekoloġika

Negozju ekoloġiku u innovazzjoni

Riċerka u innovazzjoni

Edukazzjoni, taħriġ u impjieg taż-żgħażagħ

Kultura

Żvilupp lokali, governanza tajba u inklużjoni

Inklużjoni tar-Rom u għoti tas-setgħa

Saħħa pubblika

Prevenzjoni tad-diżastri u preparatezza għalihom

Is-settur tal-ġustizzja inklużi l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, l-aċċess għall-ġustizzja, is-servizzi korrettivi, il-kriminalità serja u organizzata

Ażil, migrazzjoni u integrazzjoni

Kooperazzjoni interistituzzjonali u bini tal-kapaċitajiet

L-Istati Benefiċjarji se jibbenefikaw ukoll minn proġetti ffinanzjati minn:

 

Fond għas-soċjetà ċivili

 

Fond għall-bini tal-kapaċitajiet u l-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet internazzjonali

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-diġitalizzazzjoni se jiġu integrati u jiffurmaw parti mill-oqsma tal-programm rilevanti kollha.


(1)  F’dan il-Protokoll, ir-referenzi għall-artikoli, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-artikoli f’dan il-Protokoll.


ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2024/2603/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)