Official Journal L 335 , 24/12/1996 P. 0010 - 0010
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2470/96 tas-17 ta’ Diċembru 1996 li jipprovdi għall-estensjoni tat-termini ta’ dritt Komunitarju dwar varjetà ta’ pjanta rigward il-patata IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta’ Lulju 1994 dwar id-drittijiet Komunitarji dwar varjetà ta’ pjanta [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 19(2) tiegħu, Wara li kkunsidrat il-proposta mill-Kummissjoni, Billi huwa rrikonoxxut illi d-diffikultajiet tekniċi fit-tkabbir tal-patata jeħtieġu nefqa għall-attivitajiet tar-riċerka għal perjodu twil taż-żmien meta mqabbla mal-maġġoranza l-kbira tal-prodotti l-oħra kollha tal-biedja; billi, b’żieda ma’ dan, l-esperjenza fis-suq uriet illi varjetà ġdida tal-patata tiżvela l-valur kummerċjali tagħha biss fuq skond fit-tul meta mqabbla ma’ dawk l-ispeċi agrikoli li jeħtieġu wkoll attivitajiet ta’ riċerka fuq skond fit-tul; billi, għal dawn ir-raġunijiet, ir-rifużjoni ekwa għall-attivitajiet tar-riċerka hija possibbli biss fi stadju x’aktarx tard tal-protezzjoni meta mqabbla mal-prodotti l-oħra tal-biedja; Billi, sabiex jiġi stabbilit ambjent legali li jwassal għalbiex tinkiseb din ir-rifużjoni ekwa, il-miżura l-iktar approprjata hija l-estensjoni għal ħames snin oħra fit-tul inizjali taż-żmien tad-dritt Komunitarju għall-varjetà ta’ pjanta fil-każ tal-patata; Billi din l-estensjoni għandha tapplika għad-drittijiet kollha validi Komunitarji għall-varjetà tal-pjanta li jkunu ingħataw qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jew li jkunu sejrin jingħataw fil-futur sakemm dan id-dritt jiġi ċedut kif imiss minn min iżommu jew mitmum b’deċiżjoni tal-Uffiċċju Komunitarju għall-Varjetà tal-Pjanti; Billi l-perjodu taż-żmien ta’ l-estensjoni għandu jitnaqqas jekk dritt jew drittijiet nazzjonali tal-proprjetà rigward l-istess varjetà kien jew kienu effettivi fi Stat Membru qabel il-għoti tad-dritt Komunitarju għall-varjetà ta’ pjanta u, skond dan, kienu jippermettu diġà lil min irabbi li jieħu vantaġġ mill-varjetà tiegħu; billi prinċipju paragunabbli kien diġà stabbilit fid-disposizzjonijiet transitorji ta’ l-Artikolu 116 tar-Regolament (KE) Nru 2100/94, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 1. It-tul taż-żmien tad-dritt Komunitarju għal varjetà ta’ pjanta, ipprovvdut fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 2100/94 għandu rigward il-varjetajiet tal-patata, jiġi estiż b’ħames snin oħra, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ l-inċiż ta’ l-Artikolu 116(4) tar-Regolament imsemmi. 2. Fil-każ tal-varjetajiet li għalihom ikun ġie konċess dritt nazzjonali għall-varjetà ta’ pjanta qabel il-konċessjoni tad-dritt Komunitarju għall-varjetà ta’ pjanta, iżda li għalihom ma japplikax ir-raba’ inċiż ta’ l-Artikolu 116(4) tar-Regolament imsemmi, l-estensjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha titnaqqas bl-itwal perjodu taż-żmien fi snin sħaħ li matulu kull dritt jew drittijiet nazzjonali ta’ proprjetà konċessi kienu effettivi fi Stat Membru rigward l-istess varjetà qabel il-konċessjoni tad-dritt Komunitarju għall-varjetà tal-pjanta. Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fis-17 ta’ Diċembru 1996. Għall-Kunsill Il-President I. Yates [1] ĠU Nru L 227, ta’ l-1.9.1994, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2506/95 (ĠU Nru L 258, tat-28.10.1995, p. 3). --------------------------------------------------