KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

NORKUS

ippreżentati fit‑13 ta’ Marzu 2025 ( 1 )

Kawża C‑715/23

Farmacija, d.o.o.

vs

Občina Benedikt,

fil-preżenza ta’:

MN

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mid-Državna revizijska komisija za revizijo postopkov oddaje javnih naročil (il-Kummissjoni Nazzjonali tas-Sorveljanza tal-Proċeduri għall-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi, is-Slovenja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni – Direttiva 2014/23/UE – Artikolu 4(2) u Artikolu 19 – Kamp ta’ applikazzjoni – Attività ta’ operat ta’ spiżerija”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mid-Državna revizijska komisija za revizijo postopkov oddaje javnih naročil (il-Kummissjoni Nazzjonali tas-Sorveljanza tal-Proċeduri għall-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi, is-Slovenja) skont l-Artikolu 267 TFUE għandha bħala suġġett l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni ( 2 ).

2.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Farmacija Ljubljana Polje (iktar ’il quddiem “Farmacija”), kumpannija b’responsabbiltà limitata, u l-Občina Benedikt (il-Komun ta’ Benedikt, is-Slovenja, iktar ’il quddiem il-“Komun ta’ Benedikt”) dwar l-għoti minn dan tal-aħħar ta’ awtorizzazzjoni għall-operat ta’ fergħa ta’ spiżerija fit-territorju tiegħu mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ konċessjoni. Permezz tar-rikors tagħha kontra din id-deċiżjoni amministrattiva, Farmacija tilmenta, essenzjalment, li l-Komun ta’ Benedikt ma implimentax il-proċedura rilevanti, jiġifieri dik tal-għoti ta’ konċessjoni, bi ksur tad-Direttiva 2014/23. Min-naħa tiegħu, dan tal-aħħar iqis li l-awtorizzazzjoni għall-operat ta’ fergħa ta’ spiżerija ma tikkostitwixxix l-għoti ta’ konċessjoni u li għaldaqstant Farmacija ma tibbenefikax minn protezzjoni ġuridika skont din id-direttiva.

3.

Il-kwistjoni bażika li tqum f’din il-kawża hija għalhekk jekk is-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-operat ta’ spiżerija jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/23. Din tippreżupponi li s-servizzi farmaċewtiċi inkwistjoni jistgħu jiġu kklassifikati bħala “attività ekonomika”. Minn naħa, il-fatt li l-fornituri ta’ dawn is-servizzi huma rremunerati jimmilita favur tali interpretazzjoni. Din il-kunsiderazzjoni tapplika għall-profitt li jirriżulta mill-provvista tas-servizz pubbliku li jikkonsisti fil-bejgħ ta’ prodotti mediċinali, iżda wkoll minn attivitajiet kummerċjali oħra. Min-naħa l-oħra, huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol essenzjali li għandhom l-ispiżeriji fis-saħħa pubblika, kif ukoll il-finanzjament tagħhom, li jqegħidhom f’relazzjoni privileġġata mal-Istat u jiddistingwihom minn operaturi ekonomiċi oħra. Dawn l-aspetti kollha jwassluna għall-kwistjoni klassika dwar id-demarkazzjoni bejn is-“servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali” u s-“servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali”, li tiddetermina l-applikabbiltà tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Is-sentenza futura tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha impatt li jmur lil hinn minn din il-kawża, għaliex ser tippermetti li jiġu aġġustati r-regoli tas-suq intern f’settur meqjus sensittiv minn ċerti Stati Membri.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

4.

Il-premessi 6, 14, 17, 19 u 53 tad-Direttiva 2014/23 huma fformulati kif ġej:

“(6)

Għandu jiġi mfakkar li l-Istati Membri huma ħielsa li jiddeċiedu, f’konformità mal-prinċipji tat-TFUE dwar trattament ugwali, nondiskriminazzjoni, trasparenza u l-moviment liberu ta’ persuni, li jorganizzaw il-forniment ta’ servizzi sew bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jew bħala servizzi mhux ekonomiċi ta’ interessi ġenerali jew bħala taħlita tagħhom. […] Barra minn hekk, din id-Direttiva ma tittrattax il-finanzjament ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jew sistemi ta’ għajnuna mogħtija mill-Istati Membri, b’mod partikolari fil-qasam soċjali, skont ir-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni. Huwa adatt li jiġi ċċarat li servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali m’għandhomx jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

[…]

(14)

Barra minn hekk, ċerti atti ta’ Stat Membru bħal awtorizzazzjonijiet jew liċenzji, fejn l-Istat Membru jew awtorità pubblika tiegħu tistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-eżerċitar ta’ attività ekonomika, inkluża kondizzjoni biex titwettaq operazzjoni speċifika, mogħtija, normalment, fuq talba tal-operatur ekonomiku u mhux fuq inizjattiva tal-awtorità jew l-entità kontraenti u fejn l-operatur ekonomiku jibqa’ liberu li jirtira mill-forniment ta’ xogħlijiet jew servizzi, m’għandhomx jikkwalifikaw bħala konċessjonijiet. Fil-każ ta’ dawk l-atti tal-Istati Membri, jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[, tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36)]. B’kuntrast ma’ dawk l-atti tal-Istat Membru, il-kuntratti ta’ konċessjoni jipprevedu obbligi vinkolanti b’mod reċiproku fejn l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet jew servizzi hija soġġetta għal rekwiżiti speċifiċi definiti mill-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti li huma legalment infurzabbli.

[…]

(17)

Il-kuntratti li ma jinvolvux ħlasijiet lill-kuntrattur u fejn il-kuntrattur hu remunerat abbażi tat-tariffi rregolati, ikkalkolati sabiex ikopru l-ispejjeż u l-investimenti kollha mġarrba mill-kuntrattur talli jkun ipprovda servizz, m’għandhomx ikunu koperti minn din id-Direttiva.

[…]

(19)

Fejn regolamentazzjoni speċifika għas-settur telimina r-riskju billi tipprevedi garanzija lill-konċessjonarju li jiġbor lura l-flus li jkun investa u l-ispejjeż li jkun ġarrab għall-operat tal-kuntratt, tali kuntratt m’għandux jikkwalifika bħala konċessjoni skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva. Il-fatt li r-riskju huwa limitat mill-bidu m’għandux jipprekludi l-kwalifika tal-kuntratt bħala konċessjoni. Dan jista’ jkun il-każ pereżempju f’setturi b’tariffi regolati jew fejn ir-riskju operattiv ikun limitat permezz ta’ arranġamenti kuntrattwali li jipprevedu kumpens parzjali inkluż kumpens f’każ ta’ terminazzjoni bikrija tal-konċessjoni għal raġunijiet attribwibbli lill-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti jew għal raġunijiet ta’ force majeure.

[…]

(53)

Huwa adatt li jiġu esklużi mill-applikazzjoni sħiħa ta’ din id-Direttiva biss dawk is-servizzi li jkollhom dimensjoni transkonfinali limitata, bħal ċerti servizzi soċjali, tas-saħħa jew edukattivi. Dawk is-servizzi jingħataw f’kuntest partikolari li jvarja ħafna fost l-Istati Membri, minħabba tradizzjonijiet kulturali differenti. Għalhekk għandha tiġi stabbilita sistema speċifika għall-konċessjoni ta’ dawn is-servizzi, li tqis il-fatt li huma qed jiġu rregolati għall-ewwel darba. Obbligu li jippubblikaw avviż ta’ informazzjoni minn qabel u avviż tal-għoti ta’ konċessjoni ta’ kwalunkwe konċessjoni b’valur daqs jew akbar mil-limiti stabbiliti f’din id-Direttiva huwa mod adegwat sabiex tingħata informazzjoni lil offerenti potenzjali dwar opportunitajiet ta’ negozju, kif ukoll sabiex tingħata informazzjoni lill-partijiet interessati kollha dwar l-għadd u t-tip ta’ kuntratti mogħtija. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu miżuri xierqa b’referenza għall-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni għal dawk is-servizzi, bil-għan li jiżguraw konformità mal-prinċipji tat-trasparenza u t-trattament ugwali ta’ operaturi ekonomiċi, filwaqt li jippermettu lill-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jqisu l-ispeċifiċitajiet tas-servizzi inkwistjoni […].”

5.

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:

“1.   Din id-direttiva tistabbilixxi r-regoli dwar il-proċeduri għall-akkwist minn awtoritajiet kontraenti u entitajiet kontraenti permezz ta’ konċessjoni, li l-valur tagħha huwa stmat li huwa inqas mil-limitu stabbilit fl-Artikolu 8.

[…]

4.   Ftehimiet, deċiżjonijiet jew strumenti legali oħra li jorganizzaw it-trasferiment tas-setgħat u r-repsonsabbiltajiet għat-twettiq ta’ kompiti pubbliċi bejn awtoritajiet kontraenti jew entitajiet kontraenti jew raggruppamenti ta’ awtoritajiet jew entitajiet kontraenti, u li ma jipprovdux li tingħata rimunerazzjoni għal prestazzjoni kuntrattwali, jitqiesu bħala materja ta’ organizzazzjoni interna tal-Istat Membru kkonċernat u, bħala tali, li mhuma affettwati bl-ebda mod minn din id-Direttiva.”

6.

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Libertà għad-definizzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Is-servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali għandhom jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.”

7.

Il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 5 u t-tieni subparagrafu tal-punt 1 tal-Artikolu 5 tal-istess direttiva jistabbilixxu:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)

‘konċessjoni ta’ servizzi’ tfisser kuntratt b’interess pekunjarju konkluż bil-miktub, li permezz tiegħu awtorità kontraenti jew entità kontraenti waħda jew aktar tafda l-forniment u l-ġestjoni ta’ servizzi li mhumiex twettiq ta’ xogħlijiet kif imsemmi fil-punt (a) lil operatur ekonomiku wieħed jew aktar, meta l-konsiderazzjoni għal din tkun tikkonsisti unikament fid-dritt ta’ sfruttament tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt jew f’dak id-dritt flimkien ma’ ħlas;

L-għoti ta’ konċessjoni ta’ xogħlijiet jew servizzi għandu jinvolvi t-trasferiment lill-konċessjonarju ta’ riskju operattiv fl-isfruttament ta’ dawk ix-xogħlijiet jew servizzi, li jinkludi riskju ta’ domanda jew ta’ disponibbiltà jew tat-tnejn. Il-konċessjonarju għandu jitqies li jassumi r-riskju operattiv, f’kondizzjonijiet ta’ operazzjoni normali, meta ma jkunx garantit li jirkupra l-investimenti magħmula jew l-ispejjeż imġarrba fl-operat tax-xogħlijiet jew is-servizzi li huma s-suġġett tal-konċessjoni. Il-parti tar-riskju ttrasferita lill-konċessjonarju għandha tinvolvi esponiment reali għall-inċertezzi tas-suq, b’tali mod li kwalunkwe telf potenzjali stmat imġarrab mill-konċessjonarju m’għandux ikun biss nominali jew negliġibbli […]”

8.

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2014/23, intitolat “Limitu u metodi għall-kalkolu tal-valur stmat ta’ konċessjoni”, jistabbilixxi:

“1.   Din id-direttiva tapplika għal konċessjonijiet li l-valur tagħhom huwa daqs jew aktar minn EUR 5186000.

2.   Il-valur ta’ konċessjoni għandu jkun il-fatturat totali tal-konċessjonarju ġġenerat matul il-perijodu tal-kuntratt, in-nett ta[t-taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT)], kif stmat mill-awtorità kontraenti jew mill-entità kontraenti, b’kont meħud tax-xogħlijiet u s-servizzi li jkunu s-suġġett tal-konċessjoni, kif ukoll il-fornimenti inċidentali ta’ tali xogħlijiet u servizzi.

[…]”

9.

L-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, intitolat “Tul ta’ żmien tal-konċessjoni”, jistabbilixxi:

“1.   It-tul ta’ żmien tal-konċessjonijiet għandu jkun limitat. L-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti għandha tivvaluta t-tul ta’ żmien abbażi tax-xogħlijiet jew is-servizzi mitluba.

2.   Għal konċessjonijiet li jdumu aktar minn ħames snin, il-tul ta’ żmien massimu tal-konċessjoni m’għandux jeċċedi ż-żmien li konċessjonarju jista’ jkun mistenni jieħu biex jiġbor l-investimenti mwettqa fl-operazzjonijiet tax-xogħlijiet jew tas-servizzi flimkien ma’ redditu raġonevoli fuq il-kapital investit b’kont meħud tal-investimenti li jkunu meħtieġa jiksbu l-objettivi kuntrattwali speċifiċi.

L-investimenti li jkunu kkunsidrati għall-finijiet tal-kalkolu għandhom jinkludu kemm l-investimenti inizjali kif ukoll dawk ta’ matul il-ħajja tal-konċessjoni.”

10.

L-Artikolu 19 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Servizzi soċjali u servizzi speċifiċi oħrajn”, jipprovdi:

“Konċessjonijiet għal servizzi soċjali u servizzi speċifiċi oħra elenkati fl-Anness IV li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu soġġetti biss għall-obbligi li ġejjin mill-Artikolu 31(3) u l-Artikoli 32, 46 u 47.”

B.   Id-dritt Sloven

1. Iż-ZNKP

11.

Il-punt 18 tal-Artikolu 2 taż-Zakon o nekaterih koncesijskih pogodbah (il-Liġi dwar Ċerti Kuntratti ta’ Konċessjoni, iktar ’il quddiem iż-“ZNKP”) ( 3 ) jistabbilixxi:

“‘Servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali’ tfisser is-servizzi mhux ekonomiċi li jiġu pprovduti skont il-liġi bħala servizzi ta’ interess ġenerali u li ma jiġux offruti bi ħlas fis-suq u għalhekk ikunu suġġetti għal obbligi speċifiċi ta’ servizz pubbliku.”

12.

L-Artikolu 9 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Din il-liġi tapplika għall-kuntratti ta’ konċessjoni li l-valur stmat tagħhom, eskluża t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), ikun ekwivalenti jew ogħla mill-valur previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva [2014/23].”

13.

L-Artikolu 10 tal-imsemmija liġi jistabbilixxi:

“Il-konċessjonijiet li huma rregolati b’din il-liġi kif ukoll b’liġijiet speċjali għandhom ikunu suġġetti għal din il-liġi u għad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet speċjali sa fejn ma jmorrux kontra din il-liġi.”

14.

L-Artikolu 11(1) tal-istess liġi jistabbilixxi:

“Din il-liġi ma tapplikax:

1.   għall-konċessjonijiet għal servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali.”

15.

L-Artikolu 15 taż-ZNKP jipprovdi:

“Il-konċessjonijiet ta’ servizzi soċjali u servizzi speċifiċi oħra previsti fl-Anness IV tad-Direttiva [2014/23] għandhom ikunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi li tirregola l-obbligu li jitwettqu atti preparatorji, l-obbligu li jiġi ppubblikat l-avviż previst fl-Artikoli 35 u 40 ta’ din il-liġi, kif ukoll il-protezzjoni ġuridika fil-proċeduri ta’ selezzjoni tal-konċessjonarju skont din il-liġi.”

2. Iż-ZZDej

16.

L-Artikolu 2 taż-Zakon o zdravstveni dejavnosti (il-Liġi dwar il-Kura tas-Saħħa, iktar ’il quddiem iż-“ZZDej”) ( 4 ) jistabbilixxi:

“Il-kura tas-saħħa għandha tingħata fil-livell primarju, fil-livell sekondarju u fil-livell terzjarju.

Il-kura tas-saħħa fil-livell primarju għandha tinkludi l-kura tas-saħħa bażika u l-attività farmaċewtika.”

17.

L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Il-fornituri tal-kura tas-saħħa għandhom ikunu persuni fiżiċi u ġuridiċi nazzjonali u barranin li jkunu kisbu awtorizzazzjoni mill-Ministeru responsabbli għas-saħħa għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-kura tas-saħħa.

Is-servizz pubbliku tas-saħħa għandu jinkludi s-servizzi tas-saħħa li l-provvista permanenti u kontinwa tagħhom tiġi żgurata fl-interess pubbliku mill-Istat u mill-awtoritajiet lokali u li, abbażi tal-prinċipju ta’ solidarjetà, huma ggarantiti skont ir-regoli li jirregolaw il-kura tas-saħħa u l-assigurazzjoni għall-mard, bħala benefiċċji mill-iskema legali ta’ assigurazzjoni għall-mard u huma ffinanzjati kompletament jew parzjalment minn fondi pubbliċi, b’mod partikolari mill-iskema legali ta’ assigurazzjoni għall-mard. Is-servizzi tas-saħħa msemmija fis-sentenza preċedenti għandhom jiġu pprovduti bħala servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali minn fornituri tal-kura tas-saħħa mingħajr skop ta’ lukru, b’mod li l-eċċess tad-dħul fuq l-ispejjeż għandu jintuża għall-eżerċizzju u għall-iżvilupp tal-kura tas-saħħa.”

18.

L-Artikolu 20(1) tal-imsemmija liġi jistabbilixxi:

“L-attività farmaċewtika għandha tiġi eżerċitata skont liġi speċjali. Din il-liġi tapplika għall-kwistjonijiet mhux koperti permezz ta’ liġi speċjali.”

3. Iż-ZLD‑1

19.

L-Artikolu 1 taż-Zakon o lekarniški dejavnosti (il-Liġi dwar l-Attività Farmaċewtika, iktar ’il quddiem iż-“ZLD‑1”) ( 5 ) jistabbilixxi:

“Din il-liġi tirregola l-għan, il-kontenut u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività farmaċewtika, l-organizzazzjoni, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-għoti u għall-eżerċizzju ta’ konċessjonijiet, il-professjonisti fis-settur farmaċewtiku u l-assoċjazzjonijiet professjonali tagħhom, l-attività farmaċewtika online u l-kontroll.”

20.

L-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“L-għan tal-attività farmaċewtika huwa li tiġi żgurata provvista effiċjenti u ta’ kwalità ta’ prodotti mediċinali u prodotti oħra intiżi li jiffavorixxu t-trattament u li jipproteġu s-saħħa, kif ukoll li jingħataw pariri lill-pazjenti u lill-professjonisti tas-saħħa f’dak li jirrigwarda l-użu mingħajr perikolu, korrett u effettiv.”

21.

Il-punt 8 tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija liġi jistabbilixxi:

“Fornitur ta’ attività farmaċewtika [tfisser] persuna fiżika jew ġuridika detentriċi ta’ konċessjoni għall-eżerċizzju ta’ attività farmaċewtika skont din il-liġi, stabbiliment pubbliku ta’ spiżerija, sptar jew fornituri oħra skont din il-liġi.”

22.

L-Artikolu 5 tal-istess liġi jistabbilixxi:

“1.   L-attività farmaċewtika hija servizz pubbliku tas-saħħa li jiżgura provvista permanenti u kontinwa ta’ prodotti mediċinali lill-popolazzjoni u lill-fornituri tal-kura tas-saħħa, kif ukoll it-trattament farmaċewtiku tal-pazjenti.

2.   L-attività farmaċewtika għandha tiġi eżerċitata fil-livell primarju, fil-livell sekondarju u fil-livell terzjarju tal-kura tas-saħħa.

3.   Il-pjan ta’ tqassim tal-ispiżeriji previst f’din il-liġi għandu jiġi żgurat, fil-livell primarju, mill-komun jew b’mod konġunt minn diversi komuni limitrofi u, fil-livell sekondarju u fil-livell terzjarju, mill-Istat.”

23.

L-Artikolu 10(2), (3), (4) u (7) taż-ZLD‑1 jipprovdi:

“2.   Fergħa ta’ spiżerija tista’ teżerċita l-attività tagħha biss taħt il-kontroll professjonali tal-ispiżerija li tkun organizzatha. L-amministratur tal-ispiżerija li tkun organizzat il-fergħa għandu jkun responsabbli għall-operat ta’ din tal-aħħar.

3.   L-awtorizzazzjoni għall-operat ta’ fergħa ta’ spiżerija għandha tinħareġ mill-komun li fit-territorju tiegħu tkun stabbilita din il-fergħa, wara opinjoni minn qabel tal-Ordni tal-Ispiżjara (Lekarniška zbornica Slovenije) u bil-kunsens tal-Ministeru.

4.   L-awtorizzazzjoni għall-operat ta’ fergħa ta’ spiżerija tista’ wkoll tinħareġ għal żmien limitat jew għal perijodu determinat tas-sena (l-istaġun turistiku).

[…]

7.   Fergħa ta’ spiżerija għandha tibda teżerċita l-attività farmaċewtika tagħha biss ladarba tkun inħarġitilha l-awtorizzazzjoni skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 67 ta’ din il-liġi.”

24.

L-Artikolu 15(1) ta’ din il-liġi jistabbilixxi:

“L-eżerċizzju tal-attività farmaċewtika għandu jkun iffinanzjat minn fondi pubbliċi u privati. Il-fondi pubbliċi msemmija fis-sentenza preċedenti għandhom jinkludu b’mod partikolari:

–

il-ħlasijiet għax-xogħol imwettaq fil-kuntest tal-attività farmaċewtika abbażi ta’ kuntratt konkluż mal-organi ta’ assigurazzjoni tas-saħħa,

–

il-ħlasijiet minn krediti baġitarji,

–

il-fondi proprji.”

25.

L-Artikolu 27(1) tal-imsemmija liġi jistabbilixxi:

“Stabbiliment pubbliku ta’ spiżerija fil-livell primarju għandu jinħoloq minn komun jew b’mod konġunt minn diversi komuni limitrofi fit-territorju tagħhom, wara opinjoni minn qabel tal-korp professjonali kompetenti u bil-kunsens tal-Ministeru.”

26.

L-Artikolu 39(1) u (2) tal-istess liġi jipprovdi:

“1.   Tista’ tingħata konċessjoni għall-eżerċizzju ta’ attività farmaċewtika fil-livell primarju, taħt il-kundizzjonijiet previsti f’din il-liġi, lil persuna fiżika li teżerċita din l-attività, jew lil persuna ġuridika li fiha l-persuna li teżerċita din l-attività, tkun ukoll l-amministratur tagħha jew il-korp ta’ amministrazzjoni tagħha, iżomm iktar minn 50 % tal-kapital azzjonarju (iktar ’il quddiem il-‘konċessjonarju’).

2.   Il-konċessjonarju għandu jorganizza l-ispiżeriji jew il-fergħat ta’ spiżerija bħala l-unitajiet organizzattivi tiegħu stess għall-eżerċizzju tal-attività farmaċewtika fiż-żoni li għalihom ikun detentur ta’ konċessjoni jew ta’ awtorizzazzjoni għall-operat ta’ fergħa ta’ spiżerija, skont il-pjan ta’ tqassim tal-ispiżeriji fil-livell primarju, bla ħsara għall-opinjoni minn qabel tal-korp professjonali kompetenti u għall-kunsens tal-Ministeru.”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

27.

Fil‑11 ta’ Marzu 2022, il-Komun ta’ Benedikt, mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ konċessjoni, ħareġ awtorizzazzjoni lil MN għall-operat ta’ fergħa ta’ spiżerija fit-territorju tiegħu għal żmien indeterminat.

28.

Il-kumpannija Farmacija, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija rreġistrata fir-Reġistru tal-Kummerċ bħala stabbiliment kummerċjali ta’ prodotti farmaċewtiċi, peress li l-azzjonist maġġoritarju tagħha huwa detentur ta’ liċenzja li tippermettilu jeżerċita b’mod awtonomu l-professjoni ta’ spiżjar fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ attività farmaċewtika.

29.

Farmacija ressqet talba għal reviżjoni quddiem il-Komun ta’ Benedikt, minħabba li dan tal-aħħar, meta ħareġ l-imsemmija awtorizzazzjoni, kien ta konċessjoni għall-eżerċizzju ta’ attività farmaċewtika mingħajr ma segwa l-proċedura applikabbli, bi ksur tad-Direttiva 2014/23.

30.

Il-Komun ta’ Benedikt ċaħad it-talba għal reviżjoni mingħajr eżami fuq il-mertu, billi qies li Farmacija la kienet tibbenefika minn dritt ta’ appell fil-kuntest tal-proċedura ta’ qabel ir-reviżjoni u lanqas fil-kuntest tal-proċedura ta’ reviżjoni fil-veru sens tal-kelma. Il-Komun ta’ Benedikt għaldaqstant iqis li l-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni għall-operat ta’ fergħa ta’ spiżerija ma jikkostitwixxix, fuq il-mertu, għoti ta’ konċessjoni ta’ servizzi.

31.

Farmacija ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni tal-Komun ta’ Benedikt li dan il-komun bagħat quddiem id-Državna revizijska komisija za revizijo postopkov oddaje javnih naročil (il-Kummissjoni Nazzjonali tas-Sorveljanza tal-Proċeduri għall-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi, iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni Nazzjonali tas-Sorveljanza” jew il-“korp tar-rinviju”).

32.

Il-Kummissjoni Nazzjonali tas-Sorveljanza tqis li, meta l-Komun ta’ Benedikt ħareġ awtorizzazzjoni għall-operat ta’ fergħa ta’ spiżerija, huwa ta konċessjoni għall-eżerċizzju ta’ attività farmaċewtika. Hija madankollu għandha dubji jekk servizzi farmaċewtiċi jikkostitwixxux, fuq il-mertu, servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/23.

33.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni Nazzjonali tas-Sorveljanza ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, filwaqt li speċifikat li jkun hemm lok li tingħata risposta għat-tieni domanda biss fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv:

“1.

Is-servizz li jirrigwarda l-eżerċizzju tal-attività farmaċewtika, li essenzjalment għandu bħala skop il-provvista lill-utenti ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem suġġetti għal riċetta medika u ta’ dawk li ma humiex suġġetti għal riċetta medika, kif ukoll l-għoti ta’ pariri lill-utenti sabiex dawn il-prodotti mediċinali jintużaw b’mod korrett u mingħajr periklu, jista’ jiġi kklassifikat bħala ‘serviz[z] mhux ekonomi[ku] ta’ interess ġenerali’ fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2014/23 […]?

2.

Is-servizz li jirrigwarda l-eżerċizzju tal-attività farmaċewtika, li essenzjalment għandu bħala skop il-provvista lill-utenti ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem suġġetti għal riċetta medika u ta’ dawk li ma humiex suġġetti għal riċetta medika, kif ukoll l-għoti ta’ pariri lill-utenti sabiex dawn il-prodotti mediċinali jintużaw b’mod korrett u mingħajr periklu, jista’ jiġi kklassifikat bħala servizzi soċjali u servizzi speċifiċi oħra fis-sens tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2014/23?”

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

34.

Id-deċiżjoni tar-rinviju ddatata 23 ta’ Novembru 2023 waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum.

35.

Farmacija, il-Gvern Sloven, il-Gvern Ċek u l-Gvern Elleniku, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fit-terminu impost mill-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

36.

Waqt is-seduta tat‑12 ta’ Diċembru 2024, il-mandatarji ad litem ta’ Farmacija, tal-Gvern Sloven, tal-Gvern Ċek u tal-Gvern Elleniku, kif ukoll tal-Kummissjoni, ippreżentaw osservazzjonijiet.

V. Analiżi ġuridika

A.   Fuq il-klassifikazzjoni bħala “konċessjoni” u r-regoli applikabbli għal din tal-aħħar

37.

Kif indikajt fl-introduzzjoni, din il-kawża tirrigwarda l-applikabbiltà tad-Direttiva 2014/23 għal dan il-każ. Skont il-korp tar-rinviju, dan jiddependi mill-kwistjoni jekk is-servizzi farmaċewtiċi inkwistjoni jistgħux jiġu kklassifikati bħala “servizzi ta’ interess ġenerali mhux ekonomiċi”. F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li d-domandi magħmula mill-korp tar-rinviju huma bbażata fuq il-premessa li din il-kawża tirrigwarda “konċessjoni” fis-sens ta’ din id-direttiva. Peress li l-ordinament ġuridiku Sloven jipprevedi diversi skemi sabiex jiġi rregolat l-operat tal-ispiżeriji fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, inqis li huwa neċessarju, għall-kompletezza, li nfakkar fil-qosor il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni applikabbli għal dan il-qasam, u b’mod partikolari d-differenza bejn il-kunċetti ta’ “konċessjoni” u ta’ “awtorizzazzjoni”, iktar u iktar peress li huwa biss l-ewwel wieħed minn dawn il-kunċetti li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva ( 6 ).

38.

Fil-fatt, mill-premessa 14 tad-Direttiva 2014/23 jirriżulta li “ċerti atti ta’ Stat Membru bħal awtorizzazzjonijiet jew liċenzji, fejn l-Istat Membru jew awtorità pubblika tiegħu tistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-eżerċitar ta’ attività ekonomika, inkluża kondizzjoni biex titwettaq operazzjoni speċifika, mogħtija, normalment, fuq talba tal-operatur ekonomiku u mhux fuq inizjattiva tal-awtorità jew l-entità kontraenti u fejn l-operatur ekonomiku jibqa’ liberu li jirtira mill-forniment ta’ xogħlijiet jew servizzi, m’għandhomx jikkwalifikaw bħala konċessjonijiet.” Minn din il-premessa jirriżulta wkoll li “[f]il-każ ta’ dawk l-atti tal-Istati Membri, jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva [2006/123]”. (Korsiv miżjud minni)

39.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “skema ta’ awtorizzazzjoni” u li minn din id-definizzjoni jista’ jiġi dedott li b’“awtorizzazzjoni” għandu jinftiehem “deċiżjoni formali […], jew deċiżjoni impliċita, rigward l-aċċess għal attività ta’ servizz jew għall-eżerċizzju tagħha”. Madankollu, l-Artikolu 2(2)(f) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi li din tal-aħħar ma għandhiex tapplika għas-“servizzi tal-kura tas-saħħa”. Il-premessa 22 tal-imsemmija direttiva tispeċifika li “l-esklużjoni tal-kura tas-saħħa mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tkopri servizzi ta’ kura tas-saħħa u farmaċewtiċi pprovduti minn professjonisti tas-saħħa”. (Korsiv miżjud minni) Fi kliem ieħor, id-Direttiva 2006/123 ma tapplikax fil-każ li l-kundizzjonijiet għall-operat ta’ spiżerija kienu ddeterminati mill-ħruġ ta’ “awtorizzazzjoni”.

40.

Issa, kif issemma iktar ’il fuq f’dawn il-konklużjonijiet, dan ma jidhirx li huwa l-każ fil-każ inkwistjoni. Skont il-klassifikazzjoni magħmula mill-korp tar-rinviju b’applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u taħt ir-responsabbiltà tiegħu stess ( 7 ), il-Komun ta’ Benedikt ta “konċessjoni” fis-sens tad-Direttiva 2014/23. F’dan il-kuntest, il-premessa 14 ta’ din id-direttiva tirriżulta li hija rilevanti sa fejn tiddikjara li, “[b’]kuntrast ma’ dawk l-atti tal-Istat Membru, il-kuntratti ta’ konċessjoni jipprevedu obbligi vinkolanti b’mod reċiproku fejn l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet jew servizzi hija soġġetta għal rekwiżiti speċifiċi definiti mill-awtorità kontraenti jew l-entità kontraenti li huma legalment infurzabbli”. (Korsiv miżjud minni) Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li “konċessjoni ta’ servizzi” hija kkaratterizzata, b’mod partikolari, minn sitwazzjoni li fiha dritt ta’ operat ta’ servizz partikolari jiġi ttrasferit minn awtorità kontraenti lil konċessjonarju, fejn dan tal-aħħar ikollu, fil-kuntest tal-kuntratt konkluż, ċerta libertà ekonomika sabiex jiddetermina l-kundizzjonijiet li taħthom jopera dan id-dritt u għaldaqstant ikun, b’mod parallel, espost ħafna għar-riskji marbuta ma’ dan l-operat ( 8 ).

41.

Huwa fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet dwar il-kuntest ġuridiku li jirregola l-għoti ta’ “konċessjonijiet” u ta’ “awtorizzazzjonijiet” li għandhom jiġu eżaminati iktar ’il quddiem id-domandi magħmula mill-korp tar-rinviju. Dawn id-domandi ser jiġu eżaminati fl-ordni li saru fiha, wara li tiġi ttrattata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Gvern Sloven.

B.   Fuq l-ammissibbiltà

42.

Il-Gvern Sloven jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li l-Kummissjoni Nazzjonali tas-Sorveljanza ma għandhiex, f’dan il-każ, il-kwalità ta’ “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. B’mod iktar speċifiku, il-Gvern Sloven isostni li l-impossibbiltà li dan il-korp jiġi kklassifikat bħala “qorti jew tribunal” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni hija marbuta man-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tiegħu, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, sabiex jieħu konjizzjoni tal-kawża prinċipali.

43.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kwalità ta’ “qorti jew tribunal” tal-korp tar-rinviju tiddependi minn numru ta’ fatturi, bħall-kwistjoni jekk dan il-korp huwiex stabbilit mil-liġi, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura, l-applikazzjoni, mill-imsemmi korp, tar-regoli tad-dritt kif ukoll l-indipendenza tiegħu ( 9 ). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni bħala “qorti jew tribunal” tal-Kummissjoni Nazzjonali tas-Sorveljanza. Dan il-fatt jistħoqqlu attenzjoni partikolari.

44.

Fil-kawża Medisanus, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, għall-ewwel darba, li l-Kummissjoni Nazzjonali tas-Sorveljanza kienet tissodisfa l-kriterji kollha sabiex titqies li hija “qorti jew tribunal ta’ Stat Membru”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE ( 10 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ġġustifikat din il-klassifikazzjoni permezz ta’ sensiela ta’ argumenti li ser niġbor fil-qosor. L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li din hija kummissjoni stabbilita biż-Zakon o pravnem varstvu v postopkih javnega narocanja (il-Liġi dwar ir-Rimedji fil-Proċeduri tal-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi) ( 11 ), li tagħtiha natura permanenti u tirrendi l-ġurisdizzjoni tagħha obbligatorja. It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Kummissjoni Nazzjonali tas-Sorveljanza ma għandhiex rabta mal-awtoritajiet pubbliċi li d-deċiżjonijiet tagħhom hija tistħarreġ u li l-membri li jikkomponuha jgawdu mill-garanziji previsti mil-Liġi dwar il-Funzjonijiet tal-Imħallfin f’dak li jirrigwarda n-nomina tagħhom, kif ukoll it-terminu u r-raġunijiet ta’ revoka tal-mandat tagħhom, b’mod li l-indipendenza tagħhom hija ggarantita. It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-proċedura quddiem il-Kummissjoni Nazzjonali tas-Sorveljanza hija ta’ natura kontradittorja u li d-deċiżjonijiet li hija tadotta, billi tapplika l-Liġi dwar ir-Rimedji fil-Proċeduri tal-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi kif ukoll il-Liġi li Tirregola l-Proċedura Ċivili, għandhom l-awtorità ta’ res judicata.

45.

Għandha tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li, sussegwentement, din il-konklużjoni ma tqegħditx fid-dubju mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha mogħtija rispettivament fil-kawżi Tax-Fin-Lex ( 12 ) u SHARENGO ( 13 ) li għandhom bħala suġġett domandi preliminari magħmula mill-istess Kummissjoni Nazzjonali tas-Sorveljanza. Fil-fatt, f’dawn iż-żewġ sentenzi, kuntrarjament għas-sentenza mogħtija fil-kawża Medisanus, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx iktar l-ammissibbiltà, b’mod partikolari l-klassifikazzjoni tal-korp tar-rinviju bħala “qorti jew tribunal” skont l-Artikolu 267 TFUE, iżda eżaminat direttament il-mertu tad-domandi magħmula minn dan tal-aħħar. Għalkemm il-Gvern Sloven isostni li l-kawża prinċipali hija differenti mill-kawżi li kienu s-suġġett tas-sentenzi msemmija, huwa ma jispeċifikax, madankollu, liema huwa l-kriterju bbażat fuq il-ġurisprudenza indikata iktar ’il fuq li l-korp tar-rinviju ma jibqax jissodisfa f’din il-kawża. F’din il-perspettiva, ma narax ir-raġuni għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teskludi l-klassifikazzjoni adottata, iktar u iktar peress li din tal-aħħar ġiet ikkonfermata diversi drabi. Għaldaqstant jidher ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma reġgħetx lura mill-pożizzjoni tagħha.

46.

Jidhirli li l-argument tal-Gvern Sloven għandu l-għan li jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-korp tar-rinviju sabiex jiddeċiedi l-kawża prinċipali u, konsegwentement, li jqiegħed fid-dubju n-neċessità jew l-utilità tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula fit-talba tiegħu għal deċiżjoni preliminari. B’mod partikolari, dan il-gvern isostni li, skont id-dritt nazzjonali, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-protezzjoni ġuridika fil-kuntest ta’ konċessjonijiet irregolati minn leġiżlazzjoni settorjali, il-korp tar-rinviju ma jistax ikollu ġurisdizzjoni sabiex jieħu konjizzjoni tal-kawża prinċipali. L-imsemmi gvern iqis li l-protezzjoni ġuridika prevista mil-Liġi dwar ir-Rimedji fil-Proċeduri tal-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi ma tapplikax għal dan il-każ, peress li d-deċiżjoni adottata mill-Komun ta’ Benedikt hija deċiżjoni amministrattiva li kellha tiġi deċiża, fl-ewwel lok, mis-sindku tal-Komun u, jekk ikun il-każ, skont il-proċedura amministrattiva ġenerali.

47.

Madankollu, jidhirli li dan l-argument huwa irrilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża, u dan, għar-raġunijiet li ser nesponi iktar ’il quddiem fil-bqija ta’ dawn il-konklużjonijiet.

48.

Minn naħa, nixtieq nirrileva li minn ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-allegazzjoni li l-qorti tar-rinviju ma għandhiex ġurisdizzjoni, skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din it-tilwima, ma tistax tkun suffiċjenti sabiex twassal għall-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, sa fejn ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tqiegħed fid-dubju l-evalwazzjoni, mill-qorti tar-rinviju, tar-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u ta’ proċeduri ġudizzjarji ( 14 ). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha għad-deċiżjoni tar-rinviju maħruġa minn qorti ta’ Stat Membru, sakemm din ma tkunx ġiet irrevokata fil-kuntest tar-rimedji eventwalment previsti mid-dritt nazzjonali ( 15 ). Għaldaqstant, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, huwa suffiċjenti bħala prinċipju li l-korp tar-rinviju jkun iddikjara li għandu ġurisdizzjoni fil-kawża prinċipali ( 16 ), mingħajr ma hija rilevanti l-klassifikazzjoni ġuridika preċiża tad-deċiżjoni amministrattiva kkontestata, f’dan il-każ l-għoti ta’ “konċessjoni”.

49.

Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, hija marbuta li tagħti deċiżjoni.

50.

Id-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni għaldaqstant jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità mitluba ta’ regola tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha ( 17 ). F’dan il-każ, la jidher li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-korp tar-rinviju ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, u lanqas li l-problema mqajma minn dan tal-aħħar hija ta’ natura ipotetika.

51.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidhirli li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi magħmula mill-korp tar-rinviju.

C.   Fuq il-mertu

1. Fuq l-ewwel domanda preliminari

52.

Permezz tal-ewwel domanda tiegħu, il-korp tar-rinviju jistaqsi, essenzjalment, jekk l-attività ta’ operat ta’ spiżerija, li l-parti essenzjali tagħha tikkonsisti fil-provvista lill-utenti, b’riċetta medika jew mingħajrha, ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u fl-għoti ta’ pariri lilhom dwar l-użu korrett u mingħajr perikolu ta’ dawn il-prodotti mediċinali, taqax taħt il-kunċett ta’ “servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali” fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2014/23.

a) Fuq il-kunċett ta’ “servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali”

53.

Nikkonstata qabelxejn li l-kunċett ta’ “servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali” jinkludi żewġ elementi. Sabiex jaqa’ taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2014/23, servizz għandu, l-ewwel nett, jiġi pprovdut għall-finijiet ta’ interess ġenerali, u t-tieni nett, ikun ta’ natura mhux ekonomika. Peress li ż-żewġ elementi huma kumulattivi, l-assenza ta’ wieħed minnhom biss tirrendi din id-dispożizzjoni inapplikabbli. Għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, nippreferi nikkonċentra fuq dak li huwa “mhux ekonomiku” u ma nindirizzax l-element “ta’ interess ġenerali”, sa fejn jidhirli li dan l-approċċ huwa suffiċjenti sabiex nipproponi risposta utli għall-qorti nazzjonali. Filwaqt li hija interessanti fuq livell akkademiku, il-kwistjoni jekk l-element “ta’ interess ġenerali” għandux portata awtonoma fil-kunċett inkwistjoni, jiġifieri jekk servizz “mhux ekonomiku” jikkorrispondix dejjem għall-“interess ġenerali” jew jekk tali servizz jistax ma jiġix ipprovdut fl-“interess ġenerali”, ma teħtieġx risposta f’dan il-każ.

54.

Ser infakkar il-kriterji li jippermettu li ssir distinzjoni bejn attività “mhux ekonomika” u attività li hija ta’ natura “ekonomika” qabel ma napplikahom għal dan il-każ li jirrigwarda l-attività ta’ operat ta’ spiżerija. Madankollu, qabel ma nibda din l-analiżi, inqis li huwa neċessarju li neżamina l-kwistjoni preliminari tal-marġni ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri fid-definizzjoni tas-“servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali”. Fil-fatt, dan il-marġni jikkostitwixxi l-qofol tal-argument tal-Gvern Sloven, li skontu, essenzjalment, “servizz mhux ekonomiku ta’ interess ġenerali” huwa dak li l-leġiżlatur nazzjonali jiddefinixxi bħala tali.

b) Fuq il-marġni ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri fid-definizzjoni tas-“servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali”

55.

Skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/23, intitolat “Libertà għad-definizzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali”, is-“servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali” għandhom jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, kif tikkonferma l-premessa 6 tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri huma liberi li jorganizzaw il-provvista ta’ servizzi jew bħala “servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali”, jew bħala “servizzi mhux ekonomiċi ta’ interessi ġenerali”, jew bħala taħlita tat-tnejn, bla ħsara għall-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trasparenza u ta’ moviment liberu tal-persuni. Madankollu, din il-premessa teskludi espressament mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva l-finanzjament tas-“servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali” u s-sistemi ta’ għajnuna mogħtija mill-Istati Membri, b’mod partikolari fil-qasam soċjali, kif ukoll is-“servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali”.

56.

Għandu jiġi rrilevat li tali esklużjoni teżisti wkoll fil-kuntest tad-Direttiva 2006/123, peress li l-Artikolu 2(2)(a) tagħha jistabbilixxi li din id-direttiva ma tapplikax għas-“servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali”. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li s-“servizzi tal-kura tas-saħħa” huma s-suġġett ta’ esklużjoni distinta mill-kamp ta’ applikazzjoni, fl-Artikolu 2(2)(f) tal-imsemmija direttiva ( 18 ). Għalkemm din id-dispożizzjoni ma tinkludix is-“servizzi farmaċewtiċi” li jinsabu fil-qalba ta’ din il-kawża, jibqa’ l-fatt li l-premessa 22 tal-istess direttiva tirreferi espressament għalihom, bil-konsegwenza li din tal-aħħar ma tapplikax għal dan it-tip ta’ servizzi. Fl-aħħar nett, nikkonstata f’dan il-kuntest li l-kunċett ta’ “servizz” fis-sens tad-Direttiva 2006/123 huwa nnifsu ta’ natura “ekonomika” sa fejn, skont il-punt 1 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, dan il-kunċett ifisser “attività ekonomika mhux imħallsa, normalment magħmula għal remunerazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu [57 TFUE]”. (Korsiv miżjud minni)

57.

Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat f’dan l-istadju tal-analiżi, minn naħa, li l-klassifikazzjoni bħala “servizz mhux ekonomiku ta’ interess ġenerali” hija deċiżiva sabiex jiġi stabbilit liema hija l-leġiżlazzjoni applikabbli għal każ partikolari. Min-naħa l-oħra, huwa evidenti li, sa fejn din il-klassifikazzjoni tiddependi mill-karatteristiċi tas-“servizz” inkwistjoni, dan tal-aħħar għandu jiġi evalwat każ b’każ. Il-kunċett ta’ “servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali”, li għalih jirreferi l-korp tar-rinviju fl-ewwel domanda tiegħu, jidher fl-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali, anness mat-Trattat FUE (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 26”), li skontu “[i]d-dispożizzjonijiet tat-Trattati ma jaffettwaw bl-ebda mod il-kompetenza ta’ l-Istati Membri li jipprovdi, jikkummisjonaw u jorganizzaw is-servizzi non-ekonomiċi ta’ interess ġenerali”. Madankollu, dan il-kunċett la huwa ddefinit fit-Trattat FUE u lanqas fid-dritt sekondarju ( 19 ). B’mod partikolari, id-Direttiva 2014/23 ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali”.

58.

Barra minn hekk, nixtieq nenfasizza li l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva ma jinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri. Għalhekk tqum il-kwistjoni jekk dawn tal-aħħar jibqgħux liberi li jiddefinixxu dak li jaqa’ taħt dan il-kunċett bis-saħħa tal-kompetenza tagħhom li jipprovdu, jeżegwixxu u jorganizzaw servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali, liema kompetenza, skont l-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 26, ma hija affettwata bl-ebda mod mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati. Jekk, min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali” jaqa’ taħt interpretazzjoni awtonoma tad-dritt tal-Unjoni, tista’ tqum il-kwistjoni tar-rabta tiegħu mal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 26. It-tweġiba għal din il-kwistjoni tirriżulta mill-prinċipji tal-funzjonament tas-suq intern.

59.

Il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-Unjoni, li, kif jirriżulta mill-Artikolu 26(2) TFUE, jinkludi, inter alia, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment, jista’ jiġi żgurat biss permezz ta’ interpretazzjoni uniformi tal-kunċett ta’ “servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali”, li fin-nuqqas tagħha jkun hemm riskju ta’ applikazzjoni eteroġenja tar-regoli tiegħu, li jista’ jikkawża l-frammentazzjoni tiegħu.

60.

Mid-definizzjoni tiegħu stess, is-suq intern jeħtieġ l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti għall-eżerċizzju ta’ attività ekonomika kullimkien fl-Unjoni. Għal dan il-għan, il-libertajiet fundamentali, li jiggarantixxu spazju mingħajr fruntieri interni u mingħajr ostakoli regolatorji, huma interpretati u applikat b’mod uniformi. Fil-fatt, sabiex il-persuni fiżiċi u ġuridiċi jkunu jistgħu jinvokawhom direttament u b’mod ugwali, il-kontenut u l-portata tad-drittijiet stabbiliti mit-Trattati għandhom ikunu l-istess ( 20 ). Min-naħa l-oħra, kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra l-għanijiet tas-suq intern tibqa’ mhux applikata ( 21 ). Meta leġiżlazzjoni f’ċerti oqsma tirriżulta li tkun neċessarja għall-finijiet tat-twettiq tas-suq intern, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jadotta miżuri relattivi għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi tal-Istati Membri, skont l-Artikolu 114 TFUE. Is-suq intern għaldaqstant jikkostitwixxi waħda mill-iktar kisbiet importanti tal-Unjoni, għaliex jipprovdi spazju ekonomiku integrat li fih jipparteċipaw l-Istati Membri kollha u Stati assoċjati oħra ( 22 ).

61.

Issa, jidhirli li, kieku kellu jiġi segwit mingħajr riżerva l-argument tal-Gvern Sloven li s-servizzi inkwistjoni għandhom jiġu kklassifikati bħala attivitajiet “mhux ekonomiċi” minħabba li l-leġiżlatur nazzjonali ddefinixxihom bħala tali, skont it-tradizzjonijiet storiċi, kulturali u politiċi ta’ dan l-Istat Membru, dan ikollu eżattament bħala konsegwenza tali riskju ta’ frammentazzjoni tas-suq intern. Fid-dawl tal-fatt li l-modalitajiet tal-attività farmaċewtika jistgħu jvarjaw b’mod sinjifikattiv minn Stat Membru għal ieħor, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, il-klassifikazzjoni ġuridika tan-natura tagħha mill-Istati Membri ma tistax waħedha tkun determinanti. Fil-fatt, għandu jiġi osservat li, f’dan l-istadju tal-iżvilupp tad-dritt tal-Unjoni, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tiegħu ma tistabbilixxi regoli ta’ aċċess għall-attivitajiet fil-qasam tal-farmaċija li huma intiżi li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom l-ispiżeriji l-ġodda u l-eventwali fergħat tagħhom jistgħu jinfetħu fit-territorju tal-Istati Membri ( 23 ).

62.

Il-kompetenza tal-Istati Membri li jipprovdu, jeżegwixxu u jorganizzaw servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali, prevista fl-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 26, ma tistax tostakola interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ “servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali”. Huwa minnu li, skont l-Artikolu 168(7) TFUE, kif ippreċiżat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom u li jadottaw, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet intiżi sabiex jiġu organizzati servizzi tas-saħħa bħall‑ispiżeriji. Madankollu, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tenniet li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertajiet fundamentali, inkluża l-libertà ta’ stabbiliment. Dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu l-projbizzjoni għall-Istati Membri milli jintroduċu jew milli jżommu restrizzjonijiet mhux ġustifikati għall-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet fil-qasam tal-kura tas-saħħa ( 24 ).

63.

Id-dritt tas-suq intern fl-Unjoni għaldaqstant jillimita s-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri, indipendentement mill-possibbiltà tagħhom li jiddefinixxu l-livell li fih jixtiequ jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa pubblika kif ukoll il-mod kif għandu jintlaħaq dan il-livell. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet f’diversi okkażjonijiet dwar il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tal-fergħat ta’ spiżerija u ddeċidiet li kien permess li l-libertà ta’ stabbiliment tiġi ristretta għal raġunijiet ta’ interess ġenerali, bil-kundizzjoni li dawn ikunu xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan ( 25 ).

c) Fuq il-klassifikazzjoni tas-servizzi farmaċewtiċi bħala “attività ekonomika” fis-sens tal-libertajiet fundamentali

64.

Fil-fehma tiegħi, sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari, għandha titfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li permezz tagħha din tal-aħħar iddefinixxiet x’jikkostitwixxi “attività ekonomika” fis-sens tad-dritt tas-suq intern tal-Unjoni. Kif indikajt qabel, in-natura “ekonomika” ta’ attività partikolari hija determinanti għall-finijiet tad-demarkazzjoni bejn il-qasam tas-“servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali” u dak tas-“servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali”. Dan il-kriterju għaldaqstant jiddelimita l-portata tal-kompetenzi tal-Unjoni meta mqabbla ma’ dawk tal-Istati Membri ( 26 ). Sa fejn iż-żewġ kunċetti jeskludu lil xulxin, id-delimitazzjoni tal-kunċett ta’ “attività ekonomika” loġikament ser tippermetti li jiġi ċċarat x’għandu jinftiehem b’“attività mhux ekonomika”. Abbażi ta’ din id-distinzjoni, ser ikun possibbli li jiġi ddeterminat kif għandhom jiġu kklassifikati s-“servizzi farmaċewtiċi”.

65.

Tali approċċ jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-Direttiva 2014/23 timplimenta r-regoli dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi – kif turi l-għażla tal-bażijiet legali tal-Artikolu 53(1), tal-Artikolu 61 u tal-Artikolu 114 TFUE li fuqhom ġiet adottata din id-direttiva – li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom huwa limitat għall-“attivitajiet ekonomiċi” ( 27 ). Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 1(4) tal-imsemmija direttiva li jipprevedi espressament l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva ta’ kwalunkwe prestazzjoni kuntrattwali li għaliha ma tingħatax remunerazzjoni.

66.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabelxejn li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-provvisti ta’ servizzi pprovduti normalment bi ħlas jikkostitwixxu “attivitajiet ekonomiċi”, fejn il-karatteristika essenzjali tar-remunerazzjoni hija l-fatt li din tikkostitwixxi l-korrispettiv ekonomiku tas-servizz inkwistjoni, mingħajr madankollu ma dan ikollu għalfejn jitħallas mill-benefiċjarju tiegħu ( 28 ). Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-għan tas-servizzi farmaċewtiċi inkwistjoni huwa essenzjalment il-provvista ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju, suġġetti jew le għal riċetta medika, flimkien mal-għoti ta’ pariri sabiex dawn il-prodotti mediċinali jintużaw b’mod korrett u mingħajr perikolu. Dawn is-servizzi farmaċewtiċi huma ffinanzjati jew minn fondi pubbliċi, fil-każ ta’ prodotti mediċinali suġġetti għal riċetta medika u koperti mill-assigurazzjoni tas-saħħa pubblika, jew direttament mill-konsumatur, fil-każ ta’ prodotti mediċinali mhux koperti minn din l-assigurazzjoni.

67.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet espressament fil-ġurisprudenza tagħha li l-attività farmaċewtika tiġġenera qligħ għall-operaturi tal-ispiżeriji, minkejja li, fid-dawl tal-importanza tal-għan tas-saħħa pubblika, din tiġi ġeneralment eżerċitata mhux biss b’interess ekonomiku, iżda wkoll b’interess pubbliku soċjali u professjonali ( 29 ). Din il-ġurisprudenza hija konformi mal-konstatazzjoni magħmula wkoll mill-Qorti tal-Ġustizzja li l-akkwist ta’ spiżerija sa fejn dan jippermetti l-eżerċizzju ta’ “attività ekonomika” permezz ta’ faċilità stabbli għal żmien indeterminat jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment ( 30 ).

68.

F’qasam relatat, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li servizzi mediċi speċjalizzati pprovduti minn tobba speċjalisti li jaħdmu għal rashom fil-kwalità tagħhom ta’ operaturi ekonomiċi li jaħdmu għal rashom għar-riskju tagħhom stess u bi ħlas għandhom jitqiesu li huma “attività ekonomika” ( 31 ). Ir-riferiment għall-kunċett ta’ “teħid ta’ riskju”, li jikkaratterizza preċiżament id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-konċessjonijiet ( 32 ), ma huwiex mingħajr interess f’dan il-kuntest, peress li juri li l-għoti ta’ konċessjonijiet fis-settur tas-saħħa pubblika ma huwiex eskluż.

69.

Għalkemm il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq ċertament tagħti punti ta’ riferiment prezzjużi sabiex jiġu indirizzati wħud mill-kwistjonijiet li tqajmu mill-partijiet interessati f’din il-kawża, jidhirli madankollu li analiżi iktar fil-fond hija neċessarja sabiex issostni n-natura “ekonomika” tal-attività ta’ spiżjar. Din l-analiżi ser tiffoka fuq ir-raġunijiet li, fil-fehma tiegħi, wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħmel tali klassifikazzjoni.

70.

Minn naħa, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fil-ġurisprudenza tagħha li l-kunċetti ta’ “attività ekonomika” u ta’ “provvista ta’ servizzi”, sa fejn jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ waħda mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat, ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv ( 33 ). Ikkunsidrat minn din il-perspettiva, jidhirli li huwa koerenti minn perspettiva ġuridika li jiġi konkluż li attività marbuta mill-qrib mas-saħħa pubblika, bħal dik ta’ spiżjar, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali inkwistjoni, jiġifieri l-libertà ta’ stabbiliment, u, konsegwentement, hija ta’ natura “ekonomika”.

71.

Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq l-element tar-remunerazzjoni sabiex tevalwa n-natura ekonomika tal-attività inkwistjoni, indipendentement minn dak li ħallas din ir-remunerazzjoni, jippermetti li fil-kunċett ta’ “attività ekonomika” jiġu inklużi servizzi mħallsa mill-utent iżda wkoll mill-Istat Membru. Dan il-każ tal-aħħar jimplika li aspetti marbuta mal-finanzjament ta’ sistema nazzjonali tas-saħħa jista’ jkollhom ċertu rwol u, għaldaqstant, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-analiżi.

72.

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba teżamina jekk attività tiqafx tkun ta’ natura “ekonomika” minħabba li tkun iffinanzjata wkoll minn riżorsi tal-Istat. L-argument tal-Gvern Sloven jammonta essenzjalment għaċ-ċaħda tan-natura “ekonomika” tas-sistema ta’ ġestjoni tal-ispiżeriji fis-Slovenja, billi jinvoka l-prinċipju ta’ solidarjetà li fuqu hija bbażata din is-sistema. Skont dan ir-raġunament, l-iskop soċjali tal-iskema, l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà, l-assenza ta’ skop ta’ lukru kif ukoll il-kontroll statali ta’ din l-attività jiddistingwu b’mod ċar l-operat ta’ spiżerija minn “attività ekonomika”.

73.

Ma nsibx dan l-argument konvinċenti, u dan għar-raġunijiet li ser nesponi iktar ’il quddiem fil-bqija ta’ dawn il-konklużjonijiet. Bħall-Gvern Ċek, jidhirli li l-fatt li l-attività farmaċewtika fis-Slovenja tiġi eżerċitata fil-kuntest tas-sistema tas-saħħa pubblika ma huwiex rilevanti għad-determinazzjoni tan-natura tas-servizzi inkwistjoni. Il-provvista ta’ servizz farmaċewtiku fl-ispiżeriji, kif deskritta fid-deċiżjoni tar-rinviju, ma tinvolvix l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, fis-sens tal-Artikolu 51 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 62 TFUE, peress li l-attivitajiet inkwistjoni ma humiex direttament u speċifikament marbuta mal-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika ( 34 ). Għalhekk ma teżisti ebda raġuni oġġettiva sabiex dan is-servizz jiġi eskluż mill-klassifikazzjoni bħala “attività ekonomika” sempliċement minħabba li huwa għandu prossimità ma’ politika governattiva, f’dan il-każ il-politika tas-saħħa.

74.

Barra minn hekk, ma jidhirlix li l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ fondi pubbliċi għall-finanzjament tal-prodotti mediċinali koperti mill-assigurazzjoni għall-mard tista’ taffettwa n-natura “ekonomika” tas-servizz ipprovdut mill-ispiżeriji. Servizz iżomm in-natura oneruża tiegħu anki meta l-provvista tiegħu tkun iffinanzjata minn fondi pubbliċi. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li l-ħlasijiet magħmula mill-fond ta’ mard jikkostitwixxu l-korrispettiv ekonomiku għas-servizzi tal-isptarijiet u huma ta’ natura remuneratorja għall-isptar li jibbenefika minnhom u li huwa involut f’attività ta’ tip “ekonomiku” ( 35 ).

75.

Ma jidhirlix li l-argument imressaq mill-Gvern Sloven, li skontu l-attività lukrattiva tal-ispiżerija hija biss anċillari għall-attività prinċipali ta’ servizz pubbliku mhux ekonomiku mingħajr l-għan primarju ta’ tfittxija ta’ qligħ, huwa suffiċjenti sabiex tiġi miċħuda n-natura“ekonomika” ta’ din l-attività. Kif stabbilixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, in-natura “ekonomika” ta’ attività hija indipendenti minn kwalunkwe skop ta’ lukru ( 36 ). B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-fatt li l-attività tiġi eżerċitata minn entità li tkun mingħajr skop ta’ lukru ma jeskludix li din tal-aħħar tista’ teżerċita “attività ekonomika” ( 37 ). Dan japplika iktar u iktar peress li l-operaturi privati ta’ spiżeriji għandhom skop ta’ lukru, kif irrikonoxxa l-Gvern Sloven waqt is-seduta, anki jekk dan l-għan huwa suġġett għal għanijiet oħra, b’mod partikolari marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

76.

Fil-fatt, fid-dawl tad-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “attività ekonomika” fil-kuntest tal-libertajiet fundamentali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżitatx, pereżempju, li tikklassifika bħala “servizzi” fis-sens tad-Direttiva 2004/18/KE ( 38 ) ftehimiet kuntrattwali fil-qasam tat-trasport mediku, anki meta l-awtorità kontraenti kkonkludiet dawn il-ftehimiet ma’ assoċjazzjonijiet ta’ volontarjat u meta dawn il-ftehimiet kienu bbażati fuq il-prinċipju ta’ solidarjetà ( 39 ). B’din l-istess loġika, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-fatt li l-attività tiġi eżerċitata mingħajr skop ta’ lukru minn sieħeb privat bħal istituzzjoni ta’ solidarjetà soċjali ma jipprekludix li din tiġi kklassifikata bħala “attività ekonomika” ( 40 ).

77.

Barra minn hekk, kif diġà indikajt fl-espożizzjoni tiegħi tal-kuntest ġuridiku applikabbli, il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li s-servizzi farmaċewtiċi kellhom jiġu espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 juri, fil-fehma tiegħi, li huwa ma qishomx li kienu “servizzi mhux ekonomiċi”. Huwa sempliċement ma xtaqx jissuġġetta dan it-tip ta’ servizz għar-regoli speċifiċi ta’ din id-direttiva ( 41 ).

78.

Fl-aħħar nett, nixtieq nirrileva li s-sistemi kollha tas-saħħa pubblika tal-Istati Membri huma kkaratterizzati mill-fatt li huma bbażati fuq il-prinċipji ta’ aċċessibbiltà għall-kura tas-saħħa, ta’ universalità u, f’livell ftit jew wisq sinjifikattiv, fuq il-prinċipju ta’ solidarjetà. Għal din ir-raġuni, l-istess bħall-prinċipju ta’ ekwità, dawn il-prinċipji jitqiesu li huma valuri u prinċipji komuni għas-sistemi tas-saħħa tal-Unjoni ( 42 ). Dan il-fatt huwa rifless b’mod partikolari fil-finanzjament tagħhom. Għalhekk jidhirli li s-sistema tas-saħħa inkwistjoni f’din il-kawża, kif deskritta mill-Gvern Sloven ( 43 ), ma għandhiex karatteristiċi partikolari li jiġġustifikaw evalwazzjoni differenti.

79.

Fil-fehma tiegħi, din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2024) 3755 tal‑10 ta’ Ġunju 2024 fil-Każ SA.45844 ( 44 ) li tiddikjara, abbażi tal-prinċipju ta’ solidarjetà, li s-sistema ta’ provvista tas-servizzi tas-saħħa fis-Slovenja ma tinvolvix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li din id-deċiżjoni ma tikkonċernax l-operat tal-ispiżeriji fis-Slovenja, kif speċifikat il-Kummissjoni waqt is-seduta fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, għalkemm ir-regoli fil-qasam tal-konċessjonijiet fid-dritt tal-Unjoni ġew żviluppati inizjalment fil-kuntest tal-libertajiet fundamentali ( 45 ), sitwazzjoni legali li barra minn hekk damet sal-kodifikazzjoni ta’ dawn ir-regoli fid-Direttiva 2014/23 ( 46 ), u minkejja li teżisti ċerta sovrappożizzjoni bejn dawn il-libertajiet u oqsma oħra tad-dritt (jiġifieri d-dritt tal-kompetizzjoni jew tal-għajnuna mill-Istat) ( 47 ), jibqa’ l-fatt li l-kunċetti ta’ “servizzi ta’ interess ġenerali” u ta’ “attività ekonomika” għandhom tendenza li jvarjaw skont jekk jintużawx fil-kuntest tal-libertajiet fundamentali jew jiġux żviluppati f’dawn l-oqsma l-oħra tad-dritt ( 48 ).

80.

Minkejja li jfittxu wkoll li jilħqu l-għan komuni tat-twettiq tas-suq intern, ir-regoli dwar id-dritt tal-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat huma kkaratterizzati mill-fatt li għandhom għanijiet regolatorji speċifiċi, kif ukoll modalitajiet ta’ applikazzjoni speċifiċi għal dawn l-oqsma tad-dritt, li jiddistingwihom b’mod ċar mil-libertajiet fundamentali. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “attività ekonomika” huwa marbut mill-qrib mal-kunċett ta’ “impriża” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li, jekk jiġu ssodisfatti kriterji addizzjonali, jiskatta l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli, filwaqt li l-assenza ta’ “impriża” fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni ma teskludix neċessarjament l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-libertajiet fundamentali ( 49 ).

81.

Minn dan isegwi li eventwali kunsiderazzjonijiet dwar il-qasam tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat ma jistgħux ikunu kompletament trasponibbli għad-dritt tal-konċessjonijiet. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-applikazzjoni tagħhom għal dan il-każ ma hijiex is-suġġett ta’ din il-kawża. Kif ġie indikat fil-punti preċedenti, skont il-ġurisprudenza fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, hija l-provvista ta’ servizzi bi ħlas li għandha titqies bħala “attività ekonomika”. Fil-fehma tiegħi, huwa preċiżament dan il-kriterju li għandu jintuża mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża għall-finijiet ta’ distinzjoni mis-“servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali” ( 50 ).

82.

Għar-raġunijiet esposti fil-punti preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, inqis li l-attività farmaċewtika li l-għan essenzjali tagħha huwa l-provvista ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem suġġetti jew le għal riċetta medika lill-utent, inkluż l-għoti lil dan tal-aħħar ta’ pariri sabiex dawn il-prodotti mediċinali jintużaw b’mod korrett u mingħajr perikolu, għandha titqies li hija “attività ekonomika” u għaldaqstant ma tistax tiġi kklassifikata bħala “servizz mhux ekonomiku ta’ interess ġenerali” fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2014/23. Konsegwentement, nipproponi li l-ewwel domanda preliminari għandha tingħata risposta negattiva.

83.

Jidhirli li din il-konklużjoni, li wasalt għaliha mill-kunċett ta’ “attività ekonomika”, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, hija wkoll korretta fil-mertu. Fil-fatt, wieħed għandu jżomm f’moħħu li s-“servizzi ta’ interess ġenerali” għaddew minn żvilupp kunsiderevoli matul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, kemm mill-perspettiva politika kif ukoll mill-perspettiva soċjali. Is-servizzi li fil-passat kienu jitqiesu li kienu “mhux ekonomiċi” qegħdin jaqgħu dejjem iktar taħt l-influwenza tar-regoli tas-suq intern. Huma wkoll is-suġġett ta’ leġiżlazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni. Bl-istess mod, numru dejjem jikber ta’ servizzi ta’ interess ġenerali qiegħed jitwettaq minn operaturi ekonomiċi. Is-settur tas-saħħa ċertament ma huwiex eċċezzjoni għal dan ( 51 ). Il-kunċett ta’ “servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali” huwa għaldaqstant suġġett għall-evalwazzjonijiet magħmula fiż-żmien rilevanti, b’mod li, illum il-ġurnata, ċerti oqsma biss għadhom jistgħu jiġu ddefiniti b’mod inekwivoku bħala “mhux ekonomiċi” fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħalma huma l-ġustizzja, il-pulizija, is-sigurtà nazzjonali, il-ġestjoni tas-sistema ta’ sinjalar, ċerti servizzi edukattivi ( 52 ), eċċ. Dawn l-oqsma jaqgħu taħt il-prerogattivi tal-awtorità pubblika tal-Istat u huma ffinanzjati permezz ta’ taxxi. Issa, dan manifestament ma huwiex il-każ inkwistjoni f’din il-kawża.

2. Fuq it-tieni domanda preliminari

84.

Fid-dawl tar-risposta li nipproponi li tingħata għall-ewwel domanda preliminari, għandha tiġi kkunsidrata wkoll it-tieni domanda preliminari li permezz tagħha l-korp tar-rinviju jistaqsi, essenzjalment, jekk l-eżerċizzju tal-attività farmaċewtika jaqax taħt is-“servizzi soċjali u servizzi speċifiċi oħra” fis-sens tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2014/23.

85.

F’dan ir-rigward, nirrileva li l-għoti ta’ konċessjonijiet għall-provvista tas-“servizzi soċjali u servizzi speċifiċi oħra” elenkati fl-Anness IV tad-Direttiva 2014/23 huwa suġġett għall-modalitajiet partikolari previsti fl-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva, jiġifieri proċedura ssemplifikata. Konsegwentement, huma eżentati mill-applikazzjoni sħiħa tal-imsemmija direttiva. Din il-proċedura ta’ għoti ssemplifikata hija kkaratterizzata mill-fatt li, skont id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, il-konċessjonarji huma obbligati biss li jgħarrfu l-għoti previst permezz ta’ avviż ta’ informazzjoni minn qabel, skont l-Artikolu 31(3) tal-istess direttiva, u permezz ta’ avviż ta’ għoti ta’ konċessjoni dwar ir-riżultati tal-proċedura ta’ għoti ta’ konċessjoni, skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2014/23.

86.

Ir-raġuni għal din il-proċedura ta’ għoti ssemplifikata hija li s-servizzi inkwistjoni għandhom biss dimensjoni transnazzjonali limitata. Kif jirriżulta mill-premessa 53 tad-Direttiva 2014/23, is-servizzi soċjali, tas-saħħa u edukattivi b’mod partikolari jiġu pprovduti f’kuntest speċifiku li jvarja ħafna minn Stat Membru għall-ieħor, minħabba tradizzjonijiet kulturali differenti. Għalhekk ir-rekwiżiti formali huma inqas stretti, anki jekk għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza għandhom jiġu osservati fil-każijiet kollha.

87.

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li fost il-kategorija tas-“saħħa, servizzi soċjali u servizzi relatati” imsemmija fl-Anness IV tal-imsemmija direttiva hemm il-kodiċijiet “minn 85000000‑9 sa 85323000‑9” tal-Vokabolarju Komuni tal-Akkwist (iktar ’il quddiem iċ-“CPV”) ( 53 ). Iċ-CPV jistabbilixxi sistema ta’ klassifikazzjoni unika tal-kuntratti pubbliċi intiża sabiex jiġu standardizzati r-referenzi użati mill-awtoritajiet kontraenti u mill-entitajiet kontraenti sabiex jiddeskrivu l-kuntratti pubbliċi. Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, billi rreferiet għall-Artikolu 27 tad-Direttiva 2014/23 u għall-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2195/2002, l-awtorità kontraenti hija obbligata tapplika ċ-CPV fil-proċeduri ta’ għoti ta’ konċessjonijiet. ( 54 ). Peress li s-“servizzi tal-farmaċija” jikkorrispondu għall-Kodiċi CPV 85149000‑5, dawn is-servizzi għandhom jitqiesu li jagħmlu parti mis-“servizzi speċifiċi” fis-sens tal-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva. Din il-konstatazzjoni hija suffiċjenti, bħala prinċipju, sabiex it-tieni domanda preliminari tingħata risposta affermattiva. Barra minn hekk, il-fatt li s-servizzi farmaċewtiċi jissemmew fl-Anness IV tal-imsemmija direttiva jikkonferma għal darba oħra li l-leġiżlatur tal-Unjoni jqis li huma “attività ekonomika”.

88.

Għall-kompletezza, jista’ jirriżulta utli li jiġi rrilevat li l-klassifikazzjoni bħala “servizz speċifiku” ikollha l-konsegwenza li l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 31(3) kif ukoll mill-Artikoli 32, 46 u 47 tad-Direttiva 2014/23 biss japplikaw għall-attivitajiet farmaċewtiċi eżerċitati f’fergħa ta’ spiżerija. Għaldaqstant, li kieku l-korp tar-rinviju, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tiegħu sabiex jevalwa l-fatti u japplika d-dritt tal-Unjoni, kellu jikkonferma l-għoti ta’ “konċessjoni” f’dan il-każ, huwa probabbilment ikollu jistabbilixxi jekk ġewx issodisfatti r-rekwiżiti legali li jirriżultaw mill-artikoli msemmija iktar ’il fuq. Għalhekk huwa jkollu jivverifika jekk l-operat tal-fergħa ta’ spiżerija kienx is-suġġett tal-avviż ta’ informazzjoni minn qabel previst fl-Artikolu 31(3) ta’ din id-direttiva u tal-avviż ta’ għoti ta’ konċessjoni previst fl-Artikolu 32(1) tal-imsemmija direttiva.

89.

Barra minn hekk, bħad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, id-Direttiva 2014/23 tistabbilixxi limitu li ’l fuq minnu tapplika din id-direttiva ( 55 ). Skont l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fil-mument tal-fatti, dan huwa l-każ għall-konċessjonijiet li l-valur tagħhom huwa ta’ EUR 5186000 jew iktar. Issa, id-deċiżjoni tar-rinviju ma fiha ebda informazzjoni dwar il-valur tal-konċessjoni. Għaldaqstant, sa fejn it-talba għal deċiżjoni preliminari hija bbażata fuq il-premessa li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-għoti ta’ “konċessjoni”, huwa l-korp tar-rinviju li għandu jivverifika jekk il-valur ta’ din tal-aħħar jaqbiżx il-limitu rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk l-imsemmija direttiva hijiex applikabbli f’dan il-każ ( 56 ). Fl-assenza ta’ informazzjoni iktar preċiża, it-tul tal-konċessjoni jista’ eventwalment jipprovdi indikazzjoni indiretta f’dan ir-rigward. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 8(2) tal-istess direttiva, “[i]l-valur ta’ konċessjoni għandu jkun il-fatturat totali tal-konċessjonarju ġġenerat matul il-perijodu tal-kuntratt” (korsiv miżjud minni), ħaġa li timmilita favur l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju. F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-awtorizzazzjoni għall-operat ta’ fergħa ta’ spiżerija ngħatat għal żmien indeterminat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li nqabeż il-limitu rilevanti.

90.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, inqis li l-attività farmaċewtika li l-għan essenzjali tagħha huwa l-provvista lill-utent ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem suġġetti jew le għal riċetta medika, inkluż l-għoti ta’ pariri lill-utent sabiex dawn il-prodotti mediċinali jintużaw b’mod korrett u mingħajr perikolu, taqa’ taħt is-“servizzi soċjali u servizzi speċifiċi oħra” fis-sens tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2014/23.

VI. Konklużjoni

91.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mid-Državna revizijska komisija za revizijo postopkov oddaje javnih naročil (il-Kummissjoni Nazzjonali tas-Sorveljanza tal-Proċeduri għall-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi, is-Slovenja):

1)

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

is-servizzi farmaċewtiċi li l-għan essenzjali tagħhom huwa l-provvista lill-utent ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem suġġetti jew le għal riċetta medika, inkluż l-għoti ta’ pariri lill-utent sabiex dawn il-prodotti mediċinali jintużaw b’mod korrett u mingħajr perikolu, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali”.

2)

L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2014/23, intitolat “Servizzi soċjali u servizzi speċifiċi oħrajn”,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ikopri s-servizzi farmaċewtiċi li l-għan essenzjali tagħhom huwa l-provvista lill-utent ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem suġġetti jew le għal riċetta medika, inkluż l-għoti ta’ pariri lill-utent sabiex dawn il-prodotti mediċinali jintużaw b’mod korrett u mingħajr perikolu.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24 u fil-ĠU 2018, L 82, p. 17.

( 3 ) Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja Nru 9/2019 tal-11.2.2019.

( 4 ) Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja Nru 9/92 tal-21.2.1992.

( 5 ) Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja Nru 85/16 tat-28.12.2016.

( 6 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Promoimpresa et (C‑458/14 u C‑67/15, EU:C:2016:558, punt 45).

( 7 ) Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2005, Coname (C 231/03, EU:C:2005:487, punt 10); tal-10 ta’ Marzu 2011, Privater Rettungsdienst und Krankentransport Stadler (C‑274/09, EU:C:2011:130, punti 29 u 36), kif ukoll tal‑21 ta’ Mejju 2015, Kansaneläkelaitos (C‑269/14, EU:C:2015:329, punt 25), dwar il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti nazzjonali li tikklassifika l-operazzjoni inkwistjoni. Ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat li tipprovdi lil din tal-aħħar interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni utli għad-deċiżjoni li hija għandha tieħu fil-kawża li tkun adita biha.

( 8 ) Ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Hans & Christophorus Oymanns (C‑300/07, EU:C:2009:358, punt 71), u tal‑14 ta’ Lulju 2016, Promoimpresa et (C‑458/14 u C‑67/15, EU:C:2016:558, punt 46).

( 9 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Medisanus (C‑296/15, EU:C:2017:431, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 10 ) Sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Medisanus (C‑296/15, EU:C:2017:431, punti 32 sa 38).

( 11 ) Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja Nru 43/11 tat-3.6.2011.

( 12 ) Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2020, Tax-Fin-Lex (C‑367/19, EU:C:2020:685).

( 13 ) Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, SHARENGO (C‑486/21, EU:C:2022:868).

( 14 ) Ara s-sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 30), u tat‑30 ta’ Settembru 2020, CPAS de Liège (C‑233/19, EU:C:2020:757, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fil-kawża TGSS (Qgħad tal-impjegati domestiċi) (C‑389/20, EU:C:2021:777, punt 28).

( 15 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblica italiana (Status tal-giudici di pace Taljani) (C‑658/18, EU:C:2020:572, punt 61).

( 16 ) Bla ħsara għall-istħarriġ minn qorti superjuri previst mill-ordinament ġuridiku nazzjonali.

( 17 ) Ara s-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2010, Sbarigia (C‑393/08, EU:C:2010:388, punti 19 u 20); tas‑27 ta’ Marzu 2014, Consejería de Infraestructuras y Transporte de la Generalitat Valenciana u Iberdrola Distribución Eléctica (C‑300/13, EU:C:2014:188, punt 16), kif ukoll tal‑21 ta’ Marzu 2024, LEA (C‑10/22, EU:C:2024:254, punti 36 u 37).

( 18 ) Ara l-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 19 ) Barra minn hekk, ma teżistix definizzjoni tas-“servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali” minkejja l-fatt li dawn jissemmew fl-Artikolu 14 u fl-Artikolu 106(2) TFUE, kif ukoll fil-Protokoll Nru 26.

( 20 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑50/08, EU:C:2011:335, punti 67 et seq.).

( 21 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 69).

( 22 ) Wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) huwa li jitwettaq bl-iktar mod sħiħ possibbli l-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital fiż-ŻEE kollha, b’mod li s-suq intern imwettaq fit-territorju tal-Unjoni jiġi estiż għall-Istati tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA). F’din il-perspettiva, diversi stipulazzjonijiet f’dan il-ftehim huma intiżi li jiggarantixxu interpretazzjoni kemm jista’ jkun uniformi ta’ dan il-ftehim fiż-ŻEE kollha. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li r-regoli tal-imsemmi Ftehim li huma essenzjalment identiċi għal dawk tat-Trattat FUE jiġu interpretati b’mod uniformi fi ħdan l-Istati Membri (ara s-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Ruska Federacija, C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 50).

( 23 ) Ara s-sentenzi tal‑1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez (C‑570/07 u C‑571/07, EU:C:2010:300, punt 45), kif ukoll tal‑21 ta’ Ġunju 2012, Susisalo et (C‑84/11, EU:C:2012:374, punt 29).

( 24 ) Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et (C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316, punt 18), kif ukoll tal‑21 ta’ Ġunju 2012, Susisalo et (C‑84/11, EU:C:2012:374, punti 26 u 27).

( 25 ) Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et (C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316, punt 25), kif ukoll tal‑1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez (C‑570/07 u C‑571/07, EU:C:2010:300, punt 61).

( 26 ) Hatzopoulos, V., Regulating Services in the European Union, Oxford University Press, 2012, p. 46, jispjega li l-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 26 jiddetermina l-portata tad-dritt tal-Unjoni.

( 27 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, ASADE (C‑436/20, EU:C:2022:559, punt 59).

( 28 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, ASADE (C‑436/20, EU:C:2022:559, punt 60).

( 29 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et (C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316, punt 37). B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “fir-rigward tal-operatur li għandu l-kwalità ta’ spiżjar, ma jistax jiġi nnegat li huwa jsegwi, bħal persuni oħra, l-għan li jkollu qligħ.” (Korsiv miżjud minni)

( 30 ) Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et (C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316, punti 23 u 24), kif ukoll tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Comune di Bernareggio (C‑465/18, EU:C:2019:1125, punt 27).

( 31 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et (C‑180/98 sa C‑184/98, EU:C:2000:428, punti 76 u 77).

( 32 ) Ara l-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 33 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ April 2000, Deliège (C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199, punt 52).

( 34 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2011, Scattolon (C‑108/10, EU:C:2011:542, punti 43 u 44).

( 35 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2001, Smits u Peerbooms (C‑157/99, EU:C:2001:404, punt 58).

( 36 ) Ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Jundt (C‑281/06, EU:C:2007:816, punt 33), u tat‑23 ta’ Frar 2016, Il‑Kummissjoni vs L-Ungerija (C‑179/14, EU:C:2016:108, punt 154).

( 37 ) Ara s-sentenzi tat‑23 ta’ Diċembru 2009, CoNISMa (C‑305/08, EU:C:2009:807, punt 45), u tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Centro Hospitalar de Setúbal u SUCH (C‑574/12, EU:C:2014:2004, punt 33), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Medina fil-kawża ASADE (C‑436/20, EU:C:2022:77, punt 54).

( 38 ) Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132‑262).

( 39 ) Sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L-Italja (C‑119/06, EU:C:2007:729, punti 36 sa 41); tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Azienda sanitaria locale n. 5 Spezzinoet (C‑113/13, EU:C:2014:2440, punti 32 sa 43), u tat‑28 ta’ Jannar 2016, CASTA et (C‑50/14, EU:C:2016:56, punti 33 sa 41).

( 40 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Centro Hospitalar de Setúbal u SUCH (C‑574/12, EU:C:2014:2004, punt 33).

( 41 ) Ara l-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 42 ) Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-valuri u l-prinċipji komuni għas-sistemi tas-saħħa tal-Unjoni Ewropea (2006/C 146/01) (ĠU 2006, C 146, p. 1).

( 43 ) L-eżerċizzju tal-attività farmaċewtika fis-Slovenja huwa ffinanzjat, fil-parti l-kbira tiegħu, minn fondi pubbliċi u, parzjalment, minn fondi privati.

( 44 ) ĠU C, C/2024/4421.

( 45 ) Ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Lulju 2005, Coname (C‑231/03, EU:C:2005:487, punti 15 et seq.); tat‑13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen (C‑458/03, EU:C:2005:605, punti 46 et seq.); tat‑13 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L-Italja (C‑260/04, EU:C:2007:508, punti 22 et seq.), kif ukoll tal‑10 ta’ Marzu 2011, Privater Rettungsdienst und Krankentransport Stadler (C‑274/09, EU:C:2011:130, punt 49).

( 46 ) Ara s-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2019, Rhenus Veniro (C‑253/18, EU:C:2019:386, punt 27), u tas‑16 ta’ Marzu 2023, OL (Estensjoni tal-konċessjonijiet Taljani) (C‑517/20, EU:C:2023:219, punt 27).

( 47 ) Sánchez-Graells, A., “State Aid and EU Public Procurement: More Interactions, Fuzzier Boundaries”, fi Piernas López, J. J., u Hancher, L. (edituri), Research Handbook on European State Aid Law, Cheltenham, 2021, p. 329 et seq.; Grith Skovgaard, Ø., “The Notice of the Notion of State Aid and Public Procurement Law”, European State Aid Law Quarterly, Vol. 15, Nru 4, 2016, p. 508 et seq.

( 48 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Medina fil-kawża ASADE (C‑436/20, EU:C:2022:77, punt 52) u tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża FENIN vs Il‑Kummissjoni (C‑205/03 P, EU:C:2005:666, punt 51).

( 49 ) Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il‑Kummissjoni (C‑288/11 P, EU:C:2012:821, punt 50), u tat‑22 ta’ Ottubru 2015, EasyPay u Finance Engineering (C‑185/14, EU:C:2015:716, punt 37), kif ukoll l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (2016/C 262/01), ĠU 2016, C 262, p. 3 (punt 6).

( 50 ) Ara wkoll, Il‑Kummissjoni Ewropea, Manwal dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-servizzi, il-Lussemburgu 2022, p. 8, punt 1.1.2.1 (“Servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali”).

( 51 ) Hatzopoulos, V., Regulating Services in the European Union, Oxford University Press, 2012, p. 38 et seq.

( 52 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 1993, Wirth (C‑109/92, EU:C:1993:916).

( 53 ) Adottat permezz tar-Regolament (KE) Nru 2195/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Novembru 2002 dwar il-Vokabolarju Komuni tal-Akkwist (CPV) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 5, p. 3).

( 54 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2022, SHARENGO (C‑486/21, EU:C:2022:868, punti 94 et seq.).

( 55 ) Sánchez-Graells, A., The Concessions Directive 2014/23/EU, Title I Subject-matter, scope, principles and definitions, Art. 8, 8.1 Value threshold and cross-border interest fi Steinicke, M. u Vesterdorf, P. (edituri), Brussels Commentary on EU Public Procurement Law, l-ewwel edizzjoni, Nomos, München, 2018, p. 1130.

( 56 ) Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Roma Multiservizi u Rekeep (C‑332/20, EU:C:2022:610, punt 80).