KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis‑6 ta’ Marzu 2025 ( 1 )

Kawża C‑211/24

LEGO A/S

vs

Pozitív Energiaforrás Kft.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il‑Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Disinni Komunitarji – Regolament (KE) Nru 6/2002 – Artikolu 8(3) – Disinn li jippermetti l-assemblaġġ jew l-għaqda multipla ta’ prodotti interkambjabbli f’sistema modulari – Artikolu 10 – Portata tal-protezzjoni – Kunċetti ta’ ‘utent avżat’ u ta’ ‘impressjoni globali’”

Daħla

1.

Id-dritt tal-proprjetà industrijali tal-Unjoni jagħmel distinzjoni ċara fir-rigward tar-rwol li għandhom il-kategoriji differenti ta’ drittijiet protetti: il-privattiva tipproteġi l-invenzjonijiet tekniċi, filwaqt li d-disinni jipproteġu d-dehra tal-prodotti; min-naħa tagħhom, it-trade marks jipproteġu r-rabta bejn il-prodotti u s-servizzi u l-manifatturi jew il-fornituri tagħhom. Din id-distinzjoni hija ta’ importanza kbira, peress li tippermetti li tiġi evitata l-monopolizzazzjoni, permezz ta’ drittijiet esklużivi li huma relattivament faċli li jinkisbu u li għandhom perijodu ta’ validità twil ħafna, jew saħansitra indeterminat, ta’ soluzzjonijiet uniċi indispensabbli għall-progress tekniku u għall-kompetizzjoni ekonomika mhux distorta. Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-imsemmija distinzjoni, id-dritt tal-Unjoni tad-disinni jipprevedi li l-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott li huma ddettati esklużivament mill-funzjoni teknika tiegħu, kif ukoll dawk li huma indispensabbli għall-interoperabbiltà tal-prodotti ta’ manifattura differenti, ma humiex protetti.

2.

Madankollu, hemm eċċezzjoni għal din ir-regola fir-rigward tas-“sistemi modulari”, li tipprovdi li d-disinni li għandhom l-għan li jippermettu l-għaqda ta’ elementi fi ħdan tali sistema jistgħu jiġu protetti. Din l-eċċezzjoni spiss tissejjaħ l-“eċċezzjoni Lego”, peress li l-benefiċjarju prinċipali tagħha huwa s-sistema ta’ blokok tal-kostruzzjoni magħrufa sew minn kull tifel u tifla minn 3 sa 103 snin, ikkummerċjalizzata bit-trade mark LEGO.

3.

Is-sistema ta’ blokok tal-kostruzzjoni Lego ġiet żviluppata fil-ħamsinijiet. L-ewwel applikazzjoni għal privattiva għaliha ġiet ippreżentata fid-Danimarka fl‑1950. Is-soluzzjoni teknika li fuqha kienet ibbażata din l-applikazzjoni kienet tikkonsisti f’sistema ta’ assemblaġġ ta’ blokok permezz ta’ partijiet imqabbżin ’il barra fil-parti ta’ fuq u tubi fin-naħa ta’ taħt ta’ kull blokka, iddisinjati u rranġati b’tali mod li jiżguraw għaqda stabbli u, fl-istess ħin, li jippermettu żarmar relattivament faċli b’idejn tat-tfal. Il-protezzjoni permezz tal-privattivi tas-sistema Lego mbagħad ġiet estiża b’mod globali u ssupplimentata b’soluzzjonijiet tekniċi ġodda ( 2 ).

4.

Il-parti l-kbira ta’ dawn il-privattivi madankollu skadiet fis-snin sebgħin u tmenin u l-produttur tal-blokok Lego kellu jiffaċċja l-kompetizzjoni minn manifatturi tal-blokok ispirati mis-sistema proprja tiegħu – u kompatibbli magħha. Sussegwentement, il-biċċa l-kbira tat-tentattivi li din is-sistema tiġi protetta permezz ta’ drittijiet oħra tal-proprjetà intellettwali, jiġifieri t-trade marks, id-disinni, jew saħansitra d-drittijiet tal-awtur, fallew, b’mod partikolari minħabba n-natura funzjonali tas-suġġett tal-protezzjoni mfittxija ( 3 ).

5.

L-eżistenza tal-“eċċezzjoni Lego” madankollu tagħmilha possibbli li tinżamm il-protezzjoni tas-sistema tal-blokok Lego u, indirettament, is-soluzzjoni teknika li tikkostitwixxi l-bażi tagħha, permezz tad-drittijiet tad-disinn ( 4 ). Din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiċċara l-portata ta’ din il-protezzjoni fid-dawl tal-objettivi tal-protezzjoni mogħtija fid-dritt tal-Unjoni minn kategoriji differenti ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

Il‑kuntest ġuridiku

6.

L-Artikolu 3(a), l-Artikolu 4(1) kif ukoll l-Artikoli 6, 8 u 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji ( 5 ), jipprovdu:

“Artikolu 3

Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a)

‘disinn’ ifisser id-dehra ta’ prodott fl-intier tiegħu jew f’parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi ta’, b’mod partikolari, il-linji, il-konfigurazzjoni, il-kuluri, l-għamla, in-nisġa u/jew il-materjali tal-prodott innifsu u/jew ta’ l-ornamenti tiegħu;

[…]

Artikolu 4

1.   Disinn għandu jiġi protett b’disinn Komunitarju safejn u sakemm ikun ġdid u jkollu karattru individwali.

[…]

Artikolu 6

1.   Disinn għandu jiġi meqjus li jkollu karattru individwali jekk l-impressjoni ġenerali li jħalli fuq utent informat tkun differenti mill-impressjoni ġenerali mħollija fuq dan l-utent minn kull disinn li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku:

[…]

(b)

fil-każ ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, qabel id-data ta’ l-infilzar ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, id-data tal-prijorità.

2.   Fl-istima tal-karattru individwali, għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni l-grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp taddisinn.

[…]

Artikolu 8

1.   Disinn Komunitarju ma għandux jeżisti fil-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott li jkunu ddettati biss bil-funzjoni teknika tiegħu.

2.   Disinn Komunitarju ma għandux jeżisti fil-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott li għandhom neċessarjament jiġu riprodotti fl-għamla u l-qisien tagħhom sabiex jippermettu illi l-prodott li fih ikun inkorporat id-disinn jew li għalih issir l-applikazzjoni sabiex jiġi magħqud jew imdaħħal fi jew b’kuntrast ma’ prodott ieħor hekk illi l-ebda wieħed miż-żewġ prodotti ma jkun jista’ jwettaq il-funzjoni tiegħu.

3.   Minkejja l-paragrafu 2, disinn Komunitarju għandu jsostni ruħu skond il-kondizzjonijiet iddikjarati fl-Artikoli 5 u 6 f’disinn li jservi l-għan li jippermetti l-immuntar [l-assemblaġġ] jew l-għaqda multipla ta’ prodotti li jibdlu lilhom infushom b’mod reċiproku f’sistema modulari.

[…]

Artikolu 10

1.   L-iskop tal-protezzjoni kkonferita b’disinn Komunitarju għandu jinkludi kull disinn li ma jħallix impressjoni ġenerali differenti fuq l-utent informat [utent avżat].

2.   Fl-istima tal-karattru individwali, għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni l-grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn tiegħu.”

Il-fatti fil-kawża prinċipali, il-proċedura u d-domandi preliminari

7.

LEGO A/S (iktar ’il quddiem “LEGO”), kumpannija rregolata mid-dritt Daniż, hija l-proprjetarja, b’mod partikolari, tad-disinn Komunitarju Nru 001950981 0001, irreġistrat bid-data ta’ prijorità tat‑22 ta’ Novembru 2011, li s-suġġett tiegħu huwa element ta’ għaqda (“assemblaġġ”) għal logħba ta’ kostruzzjoni magħmul minn ċilindru mqabbeż ’il barra u minn żewġ assi forma ta’ salib perpendikulari ma’ xulxin u maċ-ċilindru, imqabbda ma’ dan iċ-ċilindru b’bażi ċilindrika ( 6 ), kif ukoll tad-disinn Komunitarju Nru 002137190 0002, irreġistrat bid-data ta’ prijorità tas‑16 ta’ Novembru 2012, li għandu bħala suġġett element modulari ta’ logħba tal-kostruzzjoni, li hija verżjoni emendata tal-blokka 2x1, b’partijiet imqabbżin ’il barra vojta minn ġewwa fuq naħa waħda (iktar ’il quddiem: id-“disinni Komunitarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali”) ( 7 ).

8.

Pozitív Energiaforrás Kft., kumpannija rregolata mid-dritt Ungeriż, fittxet li timporta, taħt it-trademark Qman, logħbiet ta’ kostruzzjoni magħmula minn elementi modulari tal-plastik, li jinkludu, fost oħrajn, element wieħed jew iktar ta’ kostruzzjoni li allegatament jiksru d-disinni Komunitarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

9.

Wara d-dikjarazzjoni ta’ LEGO, in-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Veszprém Megyei Adó- és Vámigazgatósága (id-Direttorat tat-Taxxa u tad-Dwana ta’ Veszprém, li jaqa’ taħt l-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana, l-Ungerija) ordna ż-żamma ta’ dawn l-oġġetti, u sussegwentement beda proċedura ta’ ksur kontra l-amministratur ta’ Pozitív Energiaforrás minħabba suspett ta’ ksur tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali ta’ LEGO.

10.

Fit‑22 ta’ Ġunju 2022, LEGO ressqet, quddiem il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), b’applikazzjoni tal-Artikoli 10 u 89 tar-Regolament Nru 6/2002, talba intiża sabiex jiġu stabbiliti miżuri provviżorji għas-sekwestru tal-kits tal-logħob tal-kostruzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Din il-qorti ċaħdet din it-talba billi qieset li d-disinni Komunitarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu protetti konformement mal-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament u li, sa fejn il-forma tal-elementi ta’ għaqda kienet esklużivament imposta mill-funzjoni teknika tagħhom, il-marġni ta’ manuvra kreattiva sabiex wieħed jimmaġina tali forma kien limitat ħafna. Hija ddeċidiet, filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-forma u d-daqs tal-prodott, li utent avżat jara tali disinn b’għajn partikolarment akuta u jkun attentiv għall-iċken dettall. Għaldaqstant, hija qabblet bir-reqqa r-rappreżentazzjonijiet irreġistrati taż-żewġ disinni Komunitarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali mar-riproduzzjonijiet fotografiċi tal-prodotti ta’ Pozitív Energiaforrás u qieset li dawn tal-aħħar kienu jipproduċu fuq utent avżat impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinni Komunitarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

11.

Il-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), adita b’appell ta’ LEGO, irriformulat din id-deċiżjoni u ordnat is-sekwestru tal-prodotti kontenzjużi fil-kawża prinċipali minħabba li d-disinni Komunitarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-prodotti ta’ Pozitív Energiaforrás ma kinux jipproduċu impressjoni globali differenti fuq utent avżat. Il-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija), adita b’appell ta’ kassazzjoni ppreżentat minn Pozitív Energiaforrás, ikkonfermat l-imsemmija deċiżjoni.

12.

Sussegwentement LEGO ppreżentat quddiem il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest), il-qorti tar-rinviju, azzjoni għal kontrafazzjoni li permezz tagħha hija titlob, essenzjalment, li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ kontrafazzjoni, li Pozitív Energiaforrás tiġi pprojbita milli tkompli bl-atti ta’ kontrafazzjoni u li jiġu applikati konsegwenzi legali oħra ta’ dawn l-atti.

13.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

F’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-proprjetarju jinvoka disinn protett skont l-Artikolu 8(3) tar-[Regolament Nru 6/2002], fir-rigward ta’ blokka ta’ kostruzzjoni waħda jew iktar ta’ logħba ta’ kostruzzjoni tal-konvenuta li jissodisfaw l-istess funzjoni ta’ assemblaġġ bħall-blokok tad-disinn tar-rikorrenti, għandha titqies li hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, prattika ġudizzjarja li permezz tagħha l-qrati nazzjonali, meta jiddeterminaw il-portata tal-protezzjoni, fis-sens tal-Artikolu 10 tar-Regolament, tad-disinn tar-rikorrenti:

–

jibbażaw ruħhom fuq utent avżat li jkollu, fir-rigward tal-funzjoni tad-disinn u dik tal-prodott, l-għarfien tekniku mistenni minn bniedem tas-sengħa fis-settur;

–

iqisu bħala utent avżat dak li jipparaguna d-disinn tar-rikorrenti u l-prodott tal-konvenuta permezz ta’ eżami bir-reqqa, tekniku u metodiku, u

–

jassumu li dan l-utent avżat jifforma l-impressjoni globali tiegħu tad-disinn u tal-prodott, qabelxejn, bħala opinjoni teknika?

2)

Fil-każ li, f’kawża bil-karatteristiċi indikati iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-protezzjoni mogħtija mid-disinn tar-rikorrenti testendi għal parti waħda jew għal ftit partijiet preżenti fil-logħob ta’ kostruzzjoni tal-konvenuta, li, madankollu, jikkostitwixxu numru żgħir ta’ blokok ta’ kostruzzjoni meta mqabbla mal-blokok kollha, id-dritt tal-Unjoni jippermetti r-rikonoxximent ta’ setgħa ta’ evalwazzjoni li permezz tagħha l-qorti tiċħad, fid-dawl tan-natura parzjali tal-ksur, tal-gravità limitata u tal-portata tal-ksur fir-rigward tal-prodott fl-intier tiegħu u tal-interessi marbuta mal-kummerċ mingħajr restrizzjoni ta’ logħba ta’ kostruzzjoni li fil-parti l-kbira tagħha ma hijiex ikkontestata, raġunijiet li jikklassifikaw bħala ‘raġunijiet fondati’ fis-sens tal-Artikolu 89(1) tar-Regolament, it-talba intiża li tkun ipprojbita l-kontinwazzjoni tal-importazzjoni fil-pajjiż tal-logħba ta’ kostruzzjoni?”

14.

It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Marzu 2024. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Ungeriż u mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet il-kawża mingħajr seduta għas-sottomissjonijiet orali.

Analiżi

15.

Konformement max-xewqa tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser nillimita dawn il-konklużjonijiet għall-analiżi tal-ewwel domanda preliminari. Fil-fatt, ir-risposta għat-tieni domanda tista’ tiġi dedotta faċilment mill-ġurisprudenza stabbilita ( 8 ).

16.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 6/2002 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-portata tal-protezzjoni ta’ disinn li jaqa’ taħt l-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament hija ddeterminata b’riferiment għall-impressjoni globali prodotta minn dan id-disinn fuq utent avżat li għandu għarfien tekniku profond u li għandu grad ta’ viġilanza partikolari fir-rigward tal-aspetti tekniċi u jekk din l-impressjoni globali tirriżultax prinċipalment minn kunsiderazzjonijiet tekniċi.

17.

Sabiex tingħata risposta utli għal din id-domanda għas-soluzzjoni tat-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, għandhom jiġu analizzati, l-ewwel nett, il-kunċett ta’ “utent avżat”, fis-sens tar-Regolament Nru 6/2002, u, it-tieni, l-elementi li jikkostitwixxu l-impressjoni globali li disinn li jaqa’ taħt l-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament jipproduċi fuq tali utent, kif ukoll l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-portata tal-protezzjoni ta’ tali disinn skont l-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament.

Fuq l-utent avżat

18.

Il-kunċett ta’ “utent avżat” huwa kunċett ċentrali tar-Regolament Nru 6/2002, sa fejn l-impressjoni globali mogħtija minn disinn lil tali utent avżat tiddetermina kemm il-kapaċità tad-disinn ikkonċernat li jiġi protett, billi tafferma jew le l-karattru individwali tiegħu, kif ukoll il-portata ta’ din il-protezzjoni fir-rigward tad-disinni potenzjalment kontrafatti ( 9 ). L-utent avżat huwa figura fittizja u huwa l-ekwivalenti funzjonali, fid-dritt tad-disinni, għall-figura ta’ konsumatur medju fid-dritt tat-trade marks u għal dik ta’ espert (bniedem tas-sengħa) fid-dritt tal-privattivi.

19.

Il-karatteristiċi tal-utent avżat ingħataw mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic ( 10 ). Għalhekk, il-kunċett ta’ “utent avżat”, li ma huwiex iddefinit fir-Regolament Nru 6/2002, għandu jinftiehem bħala “kunċett intermedjarju bejn dak ta’ konsumatur medju, applikabbli fil-qasam tat-trade marks, fejn l-ebda għarfien speċifiku ma huwa mitlub mill-konsumatur u li ġeneralment ma joqgħodx jagħmel paragun dirett bejn it-trade marks kunfliġġenti, u dak ta’ bniedem tax-xogħol, espert li għandu kompetenzi tekniċi kbar”. Dan il-kunċett għalhekk ifisser “utent li għandu mhux attenzjoni medja iżda viġilanza partikolari, sewwa jekk din ġejja mill-esperjenza personali tiegħu jew mill-għarfien estiż tiegħu tas-settur ikkunsidrat” ( 11 ).

20.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-“kwalifika ‘avżat’ tissuġġerixxi li, mingħajr ma jkun disinjatur jew espert tekniku, l-utent ikun jaf id-disinni differenti li jeżistu fis-settur ikkonċernat, għandu ċertu livell ta’ għarfien dwar l-elementi li dawn id-disinni normalment ikollhom u, minħabba l-interess tiegħu għall-prodotti kkonċernati, jagħti prova ta’ livell ta’ attenzjoni għoli meta jużahom” ( 12 ).

21.

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja tat din id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “utent avżat” fil-kuntest ta’ proċedura għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn Komunitarju u, għalhekk, abbażi tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, xejn ma jindika li, fir-rigward tal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’mod differenti. Għall-kuntrarju, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ reċiproċità, il-portata tal-protezzjoni ta’ disinn hija n-naħa l-oħra tal-karattru individwali tiegħu ( 13 ). Għalhekk it-tnejn għandhom jiġu evalwati abbażi tal-impressjoni globali prodotta fuq l-istess persuna fittizja, jiġifieri l-utent avżat, li għandu l-istess karatteristiċi, kemm fir-rigward tal-validità tad-disinn jew tal-kontrafazzjoni. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza PepsiCo huma għalhekk kompletament trasponibbli għal din il-kawża.

22.

Il-qorti tar-rinviju tqis madankollu li, fil-każ tad-disinni li jaqgħu taħt l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 6/2002, l-elementi essenzjali tagħhom jinsabu fil-funzjoni teknika tal-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott, jiġifieri l-interkonnessjoni potenzjali ma’ prodotti oħra f’sistema modulari. Għal din ir-raġuni, hemm lok, fil-fehma tagħha, li jiġi kkunsidrat li l-utent avżat fittizju għandu għarfien tekniku u attenzjoni partikolari u, għaldaqstant, li l-aspetti tekniċi għandhom effett fuq l-impressjoni globali li jipproduċi fuqu d-disinn inkwistjoni.

23.

Jiena tal-fehma li dan l-approċċ ma huwiex korrett.

24.

Għalkemm id-disinni li jaqgħu taħt l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 6/2002 neċessarjament għandhom funzjoni teknika, dawn jibqgħu disinni u huma protetti bħala tali. Issa, skont id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 3(a) ta’ dan ir-regolament, disinn huwa “id-dehra ta’ prodott fl-intier tiegħu jew f’parti minnu”. Għalhekk ma hijiex il-funzjoni teknika tal-prodott li hija protetta u li tikkontribwixxi għall-impressjoni ġenerali prodotta fuq l-utent avżat, iżda biss id-dehra tal-prodott, jiġifieri d-dehra viżiva tiegħu ( 14 ). Il-fatt li d-dehra tal-prodotti li għalihom huma applikati d-disinni koperti mill-Artikolu 8(3) tal-imsemmi regolament, jew mill-inqas id-dehra ta’ xi wħud mill-karatteristiċi tiegħu, hija ddettata mir-rekwiżiti ta’ interkonnessjoni għalhekk ma jibdilx din il-konstatazzjoni.

25.

Min-naħa l-oħra, l-utent avżat, kif ikkonċepit u propost mill-qorti tar-rinviju, joqrob lejn il-figura tal-espert, li huwa responsabbli li jiddeċiedi dwar jekk l-invenzjonijiet jistgħux jiġu protetti bi privattiva fid-dritt tal-privattivi. Madankollu, tali evalwazzjoni ma tikkonċernax id-dehra ta’ prodott, iżda idea astratta, jiġifieri s-soluzzjoni mogħtija għal problema teknika. Għaldaqstant, dan ma jistax jiġi traspost għad-dritt tad-disinni.

26.

Il-karatteristiċi tal-utent avżat mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza PepsiCo jibqgħu għalhekk kompletament validi f’dak li jirrigwarda d-disinni li jaqgħu taħt l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 6/2002. Din il-konstatazzjoni tidher li taqbel mal-pożizzjonijiet tal-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-kawża.

Fuq l-impressjoni globali

27.

Permezz tat-tielet parti tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, għall-finijiet tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 6/2002, l-impressjoni globali prodotta fuq l-utent avżat minn disinn li jaqa’ taħt l-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament tistax tirriżulta prinċipalment minn kunsiderazzjonijiet ta’ natura teknika. Ir-risposta għal din id-domanda għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi kkwalifikata, sa fejn tali kunsiderazzjonijiet għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, madankollu b’mod differenti minn dak irrakkomandat mill-qorti tar-rinviju.

28.

Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 6/2002, l-impressjoni globali prodotta minn disinn Komunitarju lill-utent avżat tiddefinixxi l-portata tal-protezzjoni ta’ dan id-disinn, fis-sens li kull disinn li ma jħallix impressjoni globali differenti fuq dan l-utent jikser il-protezzjoni mogħtija mid-dritt għad-disinn ikkonċernat.

29.

Il-karatteristiċi tal-utent avżat huma dawk imsemmija fil-punti 19 u 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Isegwi li l-impressjoni globali, li trid tiġi ffurmata, kemm jista’ jkun, bit-tqabbil dirett ta’ disinni konfliġġenti ( 15 ), tkun ir-riżultat, b’mod partikolari, tal-viġilanza partikolari ta’ dan l-utent, l-għarfien estensiv tiegħu tas-settur inkwistjoni u tad-disinni eżistenti, kif ukoll l-interess tiegħu fil-prodotti kkonċernati ( 16 ). Għalhekk, mingħajr ma jkollu għalfejn ikun espert tekniku, utent avżat ikun jista’ jiddistingwi l-elementi tad-disinni li normalment ikunu preżenti fil-prodotti tas-settur ikkonċernat minn dawk li huma “ġodda”. Issa, id-differenzi fl-elementi innovattivi għandhom effett ikbar fuq l-impressjoni globali prodotta fuq tali utent minn x-xebh fl-elementi tas-soltu ( 17 ).

30.

Il-qorti tar-rinviju ma tindikax xi tqis bħala l-utent tipiku tal-prodott li għalih huwa applikat id-disinn ikkonċernat ( 18 ). Madankollu, anki kieku l-qorti tar-rinviju kellha tikkunsidra li l-utent tal-blokok tal-kostruzzjoni Lego tipikament huwa tifel jew tifla ( 19 ), l-aġġettiv “avżat” jibqa’ kompletament applikabbli, b’tali mod li tali utent iżomm il-karatteristiċi kollha mfakkra fil-punti 19 u 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Barra minn hekk, fir-rigward tad-disinni ta’ oġġetti intiżi (prinċipalment) għat-tfal, jidhirli li huwa magħruf li dawn tal-aħħar għandhom livell ta’ għarfien u ta’ viġilanza tal-inqas ugwali għal dak tal-adulti. Il-fatt li d-disinni inkwistjoni huma maħsuba għal prodotti intiżi għat-tfal għalhekk bl-ebda mod ma jiġġustifika li l-utent avżat ta’ tali prodotti jingħata għarfien tas-settur ikkonċernat jew livell ta’ viġilanza iktar baxxi.

31.

Barra minn hekk, il-premessa 14 tar-Regolament Nru 6/2002 tipprovdi li l-eżistenza ta’ differenza bejn l-impressjonijiet globali prodotti minn żewġ disinni għandha tiġi ddeterminata, b’mod partikolari, “filwaqt li [titqies] in-natura tal-prodott li fih id-disinn ikun ġie applikat”. Fir-rigward tad-disinni applikati għal prodotti li jagħmlu parti minn sistemi modulari, huwa għalhekk iġġustifikat li jitqies li l-utent avżat ser jieħu inkunsiderazzjoni mhux biss id-dehra tal-prodott inkwistjoni, meħuda waħedha, iżda wkoll id-dehra li dan ikollu, ladarba jkun assemblat ma’ elementi oħra tas-sistema.

32.

Madankollu, id-determinazzjoni tal-impressjoni globali ta’ disinn fuq utent avżat ma hijiex fini fiha nnifisha. Din hija biss pass intermedju fil-valutazzjoni tal-portata tal-protezzjoni ta’ disinn Komunitarju fir-rigward ta’ disinn potenzjalment kontrafatt ( 20 ). Din il-valutazzjoni ssir mill-qorti adita bit-tilwima li għandu “jilbes in-nuċċali” tal-utent avżat sabiex jiddetermina jekk id-disinni kunfliġġenti jipproduċux impressjonijiet globali differenti fuq tali utent. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha, il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi li l-utent avżat jista’ ma jkunx kompletament konxju tagħhom, iżda li t-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom huwa meħtieġ mir-Regolament Nru 6/2002.

33.

Għalhekk, l-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament Nru 6/2002 jeskludi mill-protezzjoni l-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott li huma ddettati esklużivament mill-funzjoni teknika tiegħu kif ukoll mill-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott imsejħa “tal-interkonnessjoni”. Madankollu, l-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament jipprevedi eċċezzjoni fir-rigward tal-prodotti interkambjabbli fi ħdan sistema modulari. Ċertament, letteralment, din hija eċċezzjoni għall-Artikolu 8(2) biss, filwaqt li l-paragrafu 1 tiegħu ma jissemmiex. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, sabiex jiġi ppreżervat l-effett utli tal-Artikolu 8(3) tal-imsemmi regolament, din id-dispożizzjoni jeħtieġ li tiġi interpretata bħala li tikkostitwixxi wkoll eċċezzjoni għall-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu meta d-disinn inkwistjoni jaqa’ kemm taħt il-paragrafu 2 tiegħu kif ukoll taħt il-paragrafu 1 tiegħu ( 21 ). Għalhekk, il-karatteristiċi ta’ interkonnessjoni tad-dehra ta’ prodott li jagħmel parti minn sistema modulari jibbenefikaw mill-protezzjoni wkoll meta dawn ikunu esklużivament iddettati mill-funzjoni teknika tal-prodott. Huma jikkontribwixxu għalhekk għall-impressjoni globali mogħtija minn disinn lill-utent avżat.

34.

Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 6/2002, sabiex tiġi evalwata l-portata tal-protezzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn.

35.

Issa, huwa ġeneralment aċċettat li r-restrizzjonijiet tekniċi huma fost l-elementi li jistgħu jillimitaw il-libertà tad-disinjatur ( 22 ). Fir-rigward tal-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott li, skont id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 6/2002, “għandhom neċessarjament jiġu riprodotti fl-għamla u l-qisien tagħhom”, fil-fehma tiegħi huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li l-grad ta’ libertà tad-disinjatur huwa minimu, jew saħansitra null. Dan huwa iktar u iktar il-każ meta dawn il-karatteristiċi huma esklużivament iddettati mill-funzjoni teknika tal-prodott ikkonċernat, jiġifieri, f’dan il-każ, l-interkonnessjoni.

36.

Grad baxx ta’ libertà tad-disinjatur ma jwassalx għal esklużjoni totali tal-karatteristika tad-dehra ta’ prodott mill-impressjoni globali prodotta mid-disinn ikkonċernat fuq l-utent avżat ( 23 ). Madankollu, dan jinfluwenza t-tqabbil tal-impressjonijiet globali tad-disinni kunfliġġenti skont dak li l-Qorti Ġenerali ssejjaħ ir-“regola tal-proporzjonalità inversa” ( 24 ). Skont din ir-regola, iktar ma tkun ristretta l-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp ta’ disinn, iktar ikun probabbli li differenzi żgħar bejn id-disinni inkwistjoni jkunu biżżejjed sabiex jagħtu impressjoni globali differenti lill-utent avżat. Dan għaliex, sa fejn ix-xebh bejn id-disinni inkwistjoni jikkonċerna karatteristiċi komuni, li għall-iżvilupp tagħhom il-libertà tad-disinjatur hija limitata, b’mod partikolari, minħabba restrizzjonijiet tekniċi, dan ix-xebh ftit ikollu importanza fl-impressjoni globali mogħtija minn dawn id-disinni lill-utent avżat ( 25 ).

37.

Fil-każ ta’ disinni applikati għal prodotti li jagħmlu parti minn sistema modulari, bħal blokok tal-kostruzzjoni, il-karatteristiċi ta’ interkonnessjoni jew il-karatteristiċi ddettati mill-funzjoni teknika ta’ dawn il-prodotti jistgħu jirrappreżentaw proporzjon kbir tal-karatteristiċi tad-dehra tal-imsemmija prodotti ( 26 ). Dawn il-karatteristiċi jibqgħu protetti skont l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 6/2002. Madankollu, peress li l-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tagħhom hija limitata ħafna, l-effett tagħhom fit-tqabbil tal-impressjonijiet globali prodotti fuq l-utent avżat mid-disinni kunfliġġenti ser jitnaqqas ħafna. Konsegwentement, differenzi minimi fid-disinni kkonċernati jippermettu li tiġi evitata l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ kontrafazzjoni.

38.

Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk, sabiex tiġi ppreżervata b’mod sħiħ l-effettività tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 6/2002, din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata bħala eċċezzjoni wkoll għall-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-regolament. Madankollu, naħseb li r-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv.

39.

Qabelxejn, huwa minnu li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 6/2002, li, skont il-formulazzjoni tiegħu, jidderoga biss mill-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, għandu jinqara bħala li jidderoga wkoll mill-paragrafu 1 tiegħu ( 27 ). Madankollu, is-sitwazzjoni hawnhekk hija differenti minn dik tal-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-regolament.

40.

Fil-fatt, il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 6/2002 it-tnejn jikkonċernaw l-istess problema, jiġifieri l-kapaċità li jiġu protetti żewġ kategoriji tal-karatteristiċi tad-dehra tal-prodotti: dawk iddettati esklużivament mill-funzjoni teknika u dawk ta’ interkonnessjoni. Għalhekk huwa ġġustifikat li l-eċċezzjoni li tikkonċerna din it-tieni kategorija tiġi estiża għall-karatteristiċi li jaqgħu kemm taħt it-tieni kif ukoll taħt l-ewwel kategorija. Fil-każ kuntrarju, din l-eċċezzjoni tiġi applikata b’mod asimetriku, fis-sens li hija tibbenefika biss lill-karatteristiċi msemmija fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 6/2002 li ma jaqgħux simultanjament taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, filwaqt li l-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu huwa intiż li japplika għall-karatteristiċi kollha li jaqgħu taħt il-paragrafu 2 tiegħu ( 28 ). Issa, peress li l-karatteristiċi ta’ interkonnessjoni spiss ikollhom it-tendenza li jkunu ddettati esklużivament mill-funzjoni teknika tagħhom ( 29 ), l-effett utli tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 6/2002 jiddgħajjef ħafna.

41.

Dan ma japplikax fir-rigward tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 6/2002. Din id-dispożizzjoni tikkonċerna problema differenti, jiġifieri t-teħid inkunsiderazzjoni, waqt l-evalwazzjoni tal-portata tal-protezzjoni, tal-grad ta’ libertà tad-disinjatur tad-disinn Komunitarju inkwistjoni. Hija tapplika mhux biss għad-disinni li jaqgħu taħt l-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament, iżda għad-disinni kollha mingħajr distinzjoni, u l-libertà tad-disinjatur tista’ wkoll tiġi limitata minn fatturi oħra għajr ir-restrizzjonijiet tekniċi. Għalhekk ma jeżisti l-ebda riskju ta’ xi applikazzjoni asimetrika ta’ din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni f’dan is-sens fl-imsemmi regolament, ma hemmx lok li d-disinni li jaqgħu taħt l-Artikolu 8(3) tal-istess regolament jiġu esklużi mill-applikazzjoni tal-Artikolu 10(2) tiegħu.

42.

It-tieni, din il-konstatazzjoni hija sostnuta mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 6/2002. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni teżiġi li, sabiex ikunu protetti, id-disinni li jaqgħu taħtu jridu jissodisfaw, b’mod partikolari, il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, jiġifieri li jkollhom karattru individwali. Dan il-karattru individwali għandu jiġi evalwat fir-rigward ta’ kull disinn żvelat qabel il-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ disinn irreġistrat (jew, possibbilment, qabel id-data tal-prijorità mitluba). Issa, l-Artikolu 6(2) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi regola, analoga għal dik tal-Artikolu 10(2) tiegħu, li tipprovdi li l-grad ta’ libertà tad-disinjatur għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-karattru individwali.

43.

Skont il-prinċipju ta’ reċiproċità ( 30 ), il-portata tal-protezzjoni, iddeterminata konformement mal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 6/2002, hija l-kontroparti tal-karattru individwali tad-disinn inkwistjoni, evalwat konformement mal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, ma jistax ikun hemm disinni li għalihom il-portata tal-protezzjoni fir-rigward ta’ disinni potenzjalment kontrafatti tkun iddeterminata skont regoli inqas stretti minn dawk li abbażi tagħhom jiġi evalwat il-karattru individwali tagħhom meta mqabbla mad-disinni preċedenti. Issa, dan ikun il-każ jekk il-grad ta’ libertà tad-disinjatur jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata n-natura individwali, bl-effett li jitnaqqas il-livell ta’ differenza meħtieġ sabiex tiġi ammessa tali natura, u ma jittiħidx inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-portata tal-protezzjoni, bl-effett li jiżdied il-livell ta’ differenza neċessarju sabiex tiġi evitata l-konstatazzjoni ta’ kontrafazzjoni.

44.

Dan iwassal għal riżultat assurd. Disinn preċedenti jista’ fil-fatt jipproduċi fuq l-utent avżat impressjoni globali differenti minn dik mogħtija minn disinn ieħor irreġistrat jew li r-reġistrazzjoni tiegħu hija mitluba, u b’hekk jipprekludi li tiġi kkontestata din ir-reġistrazzjoni jew il-validità tad-disinn ( 31 ), iżda jista’, min-naħa l-oħra, jitqies li jikser dan l-istess disinn irreġistrat. Għalhekk, il-proprjetarju tad-disinn irreġistrat ikun f’pożizzjoni li jelimina mis-suq id-disinni preċedenti, mingħajr ma l-proprjetarji tagħhom ikunu jistgħu jikkontestaw il-validità ta’ dan id-disinn irreġistrat.

45.

Il-prinċipju ta’ reċiproċità jeżiġi għalhekk li l-grad ta’ libertà tad-disinjatur jittieħed inkunsiderazzjoni għad-disinni kollha, inklużi dawk li jaqgħu taħt l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 6/2002, kemm sabiex jiġi evalwat il-karattru individwali kif ukoll sabiex tiġi evalwata l-portata tal-protezzjoni.

46.

Fl-aħħar nett, u t-tielet, minkejja li l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 6/2002 jippermetti li jiġu protetti d-disinni applikati għal prodotti interkambjabbli fi ħdan sistema modulari minkejja l-karatteristiċi funzjonali tad-dehra ta’ dawn il-prodotti, l-objettiv ġenerali ta’ dan ir-regolament jibqa’ dak stabbilit fil-premessa 10 tiegħu, jiġifieri li ma jiġux ostakolati l-innovazzjoni teknoloġika u lanqas l-interoperabbiltà tal-prodotti ta’ manifattura differenti permezz tal-għoti tal-protezzjoni lil karatteristiċi ddettati esklużivament minn funzjoni teknika jew li jippermettu konnessjonijiet mekkaniċi.

47.

Issa, dan l-objettiv ikun mhedded jekk il-karatteristiċi ta’ interkonnessjoni tad-dehra tal-prodotti li jagħmlu parti minn sistema modulari, spiss predominanti f’din id-dehra, ikunu determinanti għall-impressjoni globali prodotta fuq l-utent avżat għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-portata tal-protezzjoni tad-disinni kkonċernati. It-teħid inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju, tal-grad ta’ libertà tad-disinjatur jippermetti, fil-fehma tiegħi, li jintlaħaq dan l-għan, mingħajr ma jiġi kkontestat l-effett utli tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 6/2002.

Risposta għall-ewwel domanda preliminari

48.

Fid-dawl tal-informazzjoni li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari, huwa preċiżament it-tħassib biex jiġi ppreżervat l-objettiv imsemmi fil-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet li wassal lill-qorti tar-rinviju sabiex tistaqsi dwar jekk huwiex xieraq li jiġu applikati, sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-protezzjoni tad-disinni li jaqgħu taħt l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 6/2002, kriterji speċifiċi, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċità ta’ dawn id-disinni.

49.

Madankollu, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li dan huwa kuntrarju għall-applikazzjoni stretta u kompleta tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 6/2002, kif interpretati mill-qrati tal-Unjoni, li jippermettu li jintlaħaq dan l-objettiv, filwaqt li jiġi osservat l-effett utli tal-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament.

50.

Għalhekk nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-portata tal-protezzjoni ta’ disinn li jaqa’ taħt l-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament hija ddeterminata b’riferiment għall-impressjoni globali prodotta minn dan id-disinn fuq utent avżat li, mingħajr ma jkun disinjatur jew espert tekniku, ikun jaf b’disinni differenti li jeżistu fis-settur ikkonċernat, għandu ċertu livell ta’ għarfien fir-rigward tal-elementi li dawn id-disinni normalment ikun fihom u, minħabba l-interess tiegħu fil-prodotti kkonċernati, juri livell ta’ attenzjoni relattivament għoli meta jużahom bħala elementi tas-sistema modulari li jagħmlu parti minnha. Fl-evalwazzjoni tal-portata tal-protezzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad ta’ libertà tad-disinjatur tad-disinn ikkonċernat, inkluż fl-iżvilupp tal-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott neċessarji għall-interkonnessjoni.

Konklużjoni

51.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti r-risposta li ġejja għall-ewwel domanda preliminari magħmula mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija):

L-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji,

għandu jiġu interpretati fis-sens li:

il-portata tal-protezzjoni ta’ disinn li jaqa’ taħt l-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-regolament hija ddeterminata b’riferiment għall-impressjoni globali prodotta minn dan id-disinn fuq utent avżat li, mingħajr ma jkun disinjatur jew espert tekniku, ikun jaf b’disinni differenti li jeżistu fis-settur ikkonċernat, għandu ċertu livell ta’ għarfien fir-rigward tal-elementi li dawn id-disinni normalment ikun fihom u, minħabba l-interess tiegħu fil-prodotti kkonċernati, juri livell ta’ attenzjoni relattivament għoli meta jużahom bħala elementi tas-sistema modulari li jagħmlu parti minnha. Fl-evalwazzjoni tal-portata tal-protezzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad ta’ libertà tad-disinjatur tad-disinn ikkonċernat, inkluż fl-iżvilupp tal-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott neċessarji għall-interkonnessjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Dwar l-istorja tal-protezzjoni tas-sistema Lego mid-dritt tal-proprjetà intellettwali, ara, b’mod partikolari, Hunter, D. u Thomas, J., “Lego and the System of Intellectual Property, 1955‑2015”, Intellectual Property Quarterly, 2016, Nru 1, p. 1 sa 18.

( 3 ) Fir-rigward tad-dritt tat-trade marks tal-Unjoni, ara s-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI (C‑48/09 P, EU:C:2010:516).

( 4 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2021, Lego vs EUIPO – Delta Sport Handelskontor (Element ta’ kostruzzjoni ta’ kit tal-logħob tal-kostruzzjoni) (T‑515/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:155).

( 5 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142.

( 6 ) Dan l-element jidher fil-katalgu ta’ LEGO taħt l-isem “Technic, axle and pin connector hub with 2 perpendicular axles”.

( 7 ) Dan l-element jidher fil-katalgu ta’ LEGO taħt l-isem “Brick, modified 1 x 2 with studs on 1 side”.

( 8 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Nikolajeva (C‑280/15, EU:C:2016:467, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 9 ) Fuq il-kunċett ta’ “utent avżat” fid-dritt tal-Unjoni tad-disinni, ara, b’mod partikolari, Stone, D., European Union Design Law: A Practitioners’ Guide, Oxford University Press, 2016, p. 209 sa 229.

( 10 ) Sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011 (C‑281/10 P, EU:C:2011:679, iktar ’il quddiem is-“sentenza PepsiCo, EU:C:2011:679).

( 11 ) Sentenza PepsiCo (punt 53).

( 12 ) Sentenza PepsiCo (punt 59).

( 13 ) Dan il-prinċipju huwa miġbur fil-qosor bil-formulazzjoni: “Dak li jopponiha (il-protezzjoni ta’ disinn) jekk iseħħ qabel, jiksirha jekk iseħħ wara”. Dwar il-prinċipju ta’ reċiproċità, ara, b’mod partikolari, Hartwig, H., “Reciprocity in European design law”, f’Hartwig, H., (ed.), Research handbook on design law, Edward Elgar Publishing, 2021, p. 119.

( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Grupo Promer Mon Graphic vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ oġġetti promozzjonali ċirkulari) (T‑9/07, EU:T:2010:96, punt 50), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic (C‑281/10 P, EU:C:2011:302, punt 73).

( 15 ) Sentenza PepsiCo (punt 55).

( 16 ) Sentenza PepsiCo (punti 53 u 59).

( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Grupo Promer Mon Graphic vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ oġġett promozzjonali ċirkulari) (T‑9/07, EU:T:2010:96, punti 72 sa 82).

( 18 ) Barra minn hekk, il-prassi li tikkonsisti f’li jiġi ppersonifikat l-utent avżat, billi jingħata l-karatteristiċi ta’ persuna reali, spiss hija kkritikata fil-letteratura. Il-figura tal-utent avżat hija fil-fatt finzjoni ġuridika u topera f’livell ogħla ta’ astrazzjoni. Ara, b’mod partikolari, Stone, D., European Union Design Law: A Practitioners’ Guide, op. cit., p. 219.

( 19 ) B’analoġija ma’ dak li aċċettat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza PepsiCo (punt 54).

( 20 ) Il-portata tal-protezzjoni ma teżistix in abstracto. Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 6/2002, din għandha dejjem tiġi evalwata fir-rigward ta’ disinn ieħor.

( 21 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2021, Lego vs EUIPO – Delta Sport Handelskontor (Element ta’ kostruzzjoni ta’ kit tal-logħob tal-kostruzzjoni) (T‑515/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:155, punt 80).

( 22 ) Sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 2010, Grupo Promer Mon Graphi vs UASI – PepsiCo (Rappreżentazzjoni ta’ oġġett promozzjonali ċirkulari) (T‑9/07, EU:T:2010:96, punt 67), u tas‑6 ta’ Settembru 2023, Cayago Tec vs EUIPO – iAqua (Shenzhen) (Skuter tal-baħar, dgħajsa bil-mutur) (T‑377/22, EU:T:2023:504, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic (C‑281/10 P, EU:C:2011:302, punt 31).

( 23 ) Għall-kuntrarju tal-karatteristiċi li jaqgħu taħt l-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament Nru 6/2002, li bl-ebda mod ma jikkontribwixxu għal din l-impressjoni, sakemm ma jkunux koperti mill-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu.

( 24 ) Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2023, Cayago Tec vs EUIPO – iAqua (Shenzhen) (Skuter tal-baħar, dgħajsa bil-mutur) (T‑377/22, EU:T:2023:504, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) Sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Grupo Promer Mon Graphic vs UASI – PepsiCo (Rappreżentazzjoni ta’ oġġett promozzjonali ċirkulari) (T‑9/07, EU:T:2010:96, punti 67 u 72).

( 26 ) Bħala eżempju, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2021, Lego vs EUIPO – Delta Sport Handelskontor (Element ta’ kostruzzjoni ta’ kit tal-logħob tal-kostruzzjoni) (T‑515/19, EU:T:2021:155), il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kien identifika sitt karatteristiċi tad-dehra tal-prodott inkwistjoni (blokka tal-Lego differenti minn dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali), kollha ddettati esklużivament mill-funzjoni teknika tiegħu. Il-Qorti Ġenerali sussegwentement identifikat karatteristika addizzjonali waħda, li hija qieset li ma kinitx imposta mill-funzjoni teknika ta’ dan il-prodott (ara l-punti 102 sa 114 ta’ dik is-sentenza).

( 27 ) Sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2021, Lego vs EUIPO – Delta Sport Handelskontor (Element ta’ kostruzzjoni ta’ kit tal-logħob tal-kostruzzjoni) (T‑515/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:155, punt 80)

( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2021, Lego vs EUIPO – Delta Sport Handelskontor (Element ta’ kostruzzjoni ta’ kit tal-logħob tal-kostruzzjoni) (T‑515/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:155, punti 77 sa 79).

( 29 ) Ara l-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 30 ) Ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 31 ) Il-validità tad-disinn hija evalwata, b’mod partikolari, fid-dawl tar-rekwiżit tal-karattru individwali, ara l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002.