European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2484

4.11.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/2484

tad-29 ta’ Ottubru 2026

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bolivja, il-Kanada, iċ-Ċilì, il-Costa Rica, l-Ekwador, il-Panama, il-Perù u l-Emirati Għarab Magħquda dwar kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) u l-awtoritajiet kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali ta’ dawk l-Istati terzi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 85, flimkien mal-Artikoli 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) ġie adottat fl-14 ta’ Novembru 2018 u ilu japplika mit-12 ta’ Diċembru 2019.

(2)

Skont l-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) 2018/1727, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-“Eurojust”) tista’ tistabbilixxi u żżomm kooperazzjoni ma’ awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali. Għal dak l-għan, il-Eurojust għandha tħejji strateġija ta’ kooperazzjoni kull erba’ snin b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, li tispeċifika l-pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali li fir-rigward tagħhom hemm ħtieġa operazzjonali għal kooperazzjoni. Għaldaqstant, b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, f’Marzu 2024 il-Eurojust adottat l-Istrateġija tal-Eurojust dwar Kooperazzjoni mas-Sħab Internazzjonali 2024–2027 (l-i“Strateġija Eurojust għall-perjodu 2024-2027”),

(3)

Ir-Regolament (UE) 2018/1727, b’mod partikolari l-Artikolu 56 tiegħu, jistipula l-prinċipji ġenerali għat-trasferiment ta’ data personali mill-Eurojust lil pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-Eurojust tista’ tittrasferixxi data personali lil pajjiż terz abbażi ta’ ftehim internazzjonali, konkluż bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz skont l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jipprevedi salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi.

(4)

Jenħtieġ li jinfetħu negozjati bil-ħsieb li jiġu konklużi ftehimiet bejn l-Unjoni u l-Bolivja, il-Kanada, iċ-Ċilì, il-Costa Rica, l-Ekwador, il-Panama, il-Perù u l-Emirati Għarab Magħquda dwar kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) u l-awtoritajiet kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali ta’ dawk l-Istati terzi “il-Ftehimiet”). Dawk il-pajjiżi intgħażlu abbażi ta’ valutazzjoni tal-ħtiġijiet operazzjonali identifikatifl-Istrateġija tal-Eurojust dwar il-kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali 2024-2027, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-konsistenza fir-relazzjonijiet ma’ aġenziji u korpi oħra tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-Unjoni ma’ pajjiżi oħra, u l-interessi strateġiċi relatati mas-sigurtà tal-Unjoni, b’mod partikolari fl-oqsma tal-kriminalità organizzata u t-traffikar tad-droga.

(5)

Jenħtieġ li l-Ftehimiet ma’ dawk il-pajjiżi jipprovdu bażi legali għall-iskambju sistematiku ta’ data personali mal-pajjiżi terzi kkonċernati, u l-issekondar lill-Eurojust ta’ prosekuturi ta’ kollegament minnhom, billi tali għodod mhumiex disponibbli permezz tal-arranġamenti ta’ ħidma tal-Eurojust stess.

(6)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni, fejn meħtieġ, tikkonsulta lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS), inkluż matul in-negozjati tal-Ftehimiet, u, fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li tikkonsulta lill-EDPS qabel ma jiġu konklużi l-ftehimiet.

(7)

Jenħtieġ li l-Ftehimiet jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u josservaw l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u familjari, rikonoxxut fl-Artikolu 7 tagħha, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, rikonoxxut fl-Artikolu 8 tagħha, u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, rikonoxxut mill-Artikolu 47 tagħha. Barra minn hekk, kwalunkwe skambju ta’ informazzjoni li jwassal għal trattament jew pieni inumani jew degradanti, jew li hu relatat mal-piena tal-mewt, huwa pprojbit. Jenħtieġ li l-Ftehimiet jiġu applikati f’konformità ma’ dawn id-drittijiet u l-prinċipji.

(8)

Jenħtieġ li l-Ftehimiet ma jaffettwawx it-trasferiment ta’ data personali jew forom oħra ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli għas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali u jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għalihom.

(9)

L-Irlanda hija marbuta bir-Regolament (UE) 2018/1727 u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(10)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(11)

L-EDPS ġie kkonsultat dwar din id-Deċiżjoni u l-Anness tagħha u ħareġ opinjoni fl-20 ta’ Ottubru 2026,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-ftuħ ta’ negozjati għal ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bolivja, il-Kanada, iċ-Ċilì, il-Costa Rica, l-Ekwador, il-Panama, il-Perù u l-Emirati Għarab Magħquda dwar kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) u l-awtoritajiet kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali ta’ dawk l-Istati terzi qed jiġi awtorizzat.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni hija b’dan innominata bħala n-negozjatur tal-Unjoni.

Artikolu 3

Id-direttivi ta’ negozjati li jinsabu fl-addemdum għal din id-Deċiżjoni huma indirizzati lill-Kummissjoni.

Artikolu 4

In-negozjati għandhom isiru f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja f’Materji Kriminali (COPEN), li huwa maħtur bħala l-kumitat speċjali kif previst fl-Artikolu 218(4) tat-TFUE.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-29 ta’ Ottubru 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

D. O’BRIEN


(1)  Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 138, http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1727/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2484/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)