|
28.7.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 190/10 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1561
tas-26 ta’ Lulju 2023
li tirrifjuta talba għall-protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill “ՍԵՒԱՆԻ ԻՇԽԱՆ/sevani ishkhan” (DOP)
(notifikata bid-dokument C(2023) 4903)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
F’konformità mal-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “ՍԵՒԱՆԻ ԻՇԽԱՆ/sevani ishkhan” bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP), imressqa mill-Armenja fil-11 ta’ Lulju 2016 (PDO-AM-2164). |
|
(2) |
Wara l-iskrutinju, il-Kummissjoni bagħtet avviżi ta’ kumment fit-13 ta’ Diċembru 2016 u fis-7 ta’ Settembru 2017 li fihom talbet kjarifika ta’ wħud mill-aspetti tal-fajl. Minħabba nuqqas ta’ tweġiba għall-aħħar avviż, il-Kummissjoni bagħtet tfakkira fl-24 ta’ Jannar 2022. L-applikant ma weġibx. |
|
(3) |
Abbażi tal-informazzjoni li għandha fil-pussess tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikazzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u bl-ittra tal-20 ta’ Diċembru 2022 infurmat lill-applikant li jekk ma tasal l-ebda osservazzjoni fi żmien xahrejn mill-wasla tal-ittra, biħsiebha tniedi l-proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni formali tal-Kummissjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni skont l-Artikolu 52(1) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(4) |
F’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (2), l-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal DOP għandha tidentifika l-proċeduri li l-operaturi jrid ikollhom fis-seħħ fir-rigward tal-prova tal-oriġini tal-prodott, tal-materja prima, tal-għalf u ta’ oġġetti oħra li, skont l-ispeċifikazzjoni tal-prodott, huma meħtieġa li jiġu miż-żona ġeografika ddefinita. L-operaturi għandhom ikunu jistgħu jidentifikaw: (a) il-fornitur, il-kwantità u l-oriġini tal-lottijiet kollha ta’ materja prima u/jew prodotti rċevuti; (b) il-benefiċjarju, il-kwantità u d-destinazzjoni tal-prodotti fornuti; (c) il-korrelazzjoni bejn kull lott ta’ inputs imsemmija fil-punt (a) u kull lott ta’ outputs imsemmija fil-punt (b). Fir-rigward tal-evidenza li l-prodott joriġina miż-żona ġeografika ddefinita, l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ “ՍԵՒԱՆԻ ԻՇԽԱՆ/sevani ishkhan” issemmi biss “Il-Ktieb l-Aħmar tal-Armenja” mingħajr ebda spjegazzjoni oħra. Il-Kummissjoni kkonkludiet li dan mhuwiex biżżejjed biex juri l-proċedura li saret biex tiġi żgurata l-oriġini, kif meħtieġ minn dak l-Artikolu 4. |
|
(5) |
Skont l-Artikolu 7(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, għandhom jiġu deskritti “il-karatteristiċi prinċipali fiżiċi, kimiċi, mikrobijoloġiċi jew organolettiċi tal-prodott”. Il-Kummissjoni kkonkludiet li dan ir-rekwiżit ma ġiex issodisfat peress li xi karatteristiċi organolettiċi u fiżiċi essenzjali bħat-tul, ir-riħa u t-togħma ma ngħatawx fid-deskrizzjoni ta’ “ՍԵՒԱՆԻ ԻՇԽԱՆ/sevani ishkhan”. |
|
(6) |
F’konformità mal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (3), l-għalf għandu jkollu l-bidu tiegħu kompletament miż-żona ġeografika ddefinita fir-rigward ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali li isimhom huwa rreġistrat bħala denominazzjoni protetta tal-oriġini. Sa fejn ma jkunx teknikament prattikabbli li s-sors ikun kompletament miż-żona ġeografika ddefinita, għalf li joriġina minn barra dik iż-żona jista’ jiġi miżjud, dment li l-kwalità tal-prodott jew il-karatteristiċi li essenzjalment ikollu minħabba l-ambjent ġeografiku ma jiġux affettwati. L-għalf li jkun ġej minn barra ż-żona ġeografika ddefinita ma jista’ fl-ebda każ ikun ta’ aktar minn 50 % tal-materja niexfa fuq bażi annwali. Il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn ir-rekwiżiti ma ġewx sodisfati peress li l-ispeċifikazzjoni ta’ “ՍԵՒԱՆԻ ԻՇԽԱՆ/sevani ishkhan” ma tispjegax jekk il-kisba sħiħa ta’ għalf minn ġewwa ż-żona ġeografika ddefinita hijiex teknikament prattikabbli u ma turix li l-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott li huma dovuti għall-ambjent ġeografiku mhumiex affettwati mill-użu ta’ għalf minn barra ż-żona ġeografika ddefinita. |
|
(7) |
L-applikant ma weġbitx għall-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni sad-data ta’ skadenza stabbilita. |
|
(8) |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ “ՍԵՒԱՆԻ ԻՇԽԱՆ/sevani ishkhan” bħala DOP ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 668/2014 u fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 664/2014. |
|
(9) |
Għaldaqstant, l-applikazzjoni għall-protezzjoni tal-isem “ՍԵՒԱՆԻ ԻՇԽԱՆ/sevani ishkhan” bħala DOP jenħtieġ li tiġi rrifjutata. |
|
(10) |
Id-Deċiżjoni ta’ rifjut hija strettament relatata mar-reġistrazzjoni ta’ dan l-isem skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni tal-isem “ՍԵՒԱՆԻ ԻՇԽԱՆ/sevani ishkhan” skont il-ftehim bilaterali bejn l-Armenja u l-Unjoni. |
|
(11) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għaldaqstant, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “ՍԵՒԱՆԻ ԻՇԽԱՆ/sevani ishkhan” bħala denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) hija rifjutata.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Uffiċċju Armen tal-Proprjetà Intellettwali, Dar il-Gvern 3, Vjal Ċentrali, 375010 Yerevan, l-Armenja.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Lulju 2023.
Għall-Kummissjoni
Janusz WOJCIECHOWSKI
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).
(3) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 tat-18 ta’ Diċembru 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-istabbiliment ta’ simboli tal-Unjoni għal denominazzjonijiet protetti tal-oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u fir-rigward ta’ ċerti regoli dwar il-ksib, ċerti regoli proċedurali u ċerti regoli tranżitorji oħrajn (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17).