European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/4996

9.9.2025

Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)

(C/2025/4996)

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)

“Miel de Granada”

PDO-ES-0243-AM02 — 11.6.2025

1.   Isem il-prodott

“Miel de Granada”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☒

Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta (DOP)

☐

Indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP)

☐

Indikazzjoni ġeografika (IĠ)

3.   Settur

☒

Prodotti agrikoli

☐

Inbejjed

☐

Xarbiet spiritużi

4.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

Spanja

5.   Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard

Id-Direttorat Ġenerali għall-Ikel — il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Ikel

6.   Kwalifika bħala emenda standard

L-emenda approvata taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ emenda standard kif previst fl-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143, peress li ma tinkludix bidla fl-isem jew fl-użu tal-isem, ma tirriskjax li xxejjen ir-rabta stabbilita maż-żona ġeografika u ma tinvolvix restrizzjonijiet ulterjuri fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott.

7.   Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i

Titolu

Reviżjonijiet minuri tal-parametri fiżiċi u melissopalinoloġiċi.

Deskrizzjoni

It-Taqsima B) “Deskrizzjoni tal-Prodott” tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 3.2 “Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)” tad-dokument uniku ġew emendati.

Il-meded tal-parametri biex jitkejlu l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u melissopalinoloġiċi tal-għasel ġew emendati, inkluż il-valur “ugwali” għall-valuri massimi u minimi stabbiliti, bil-kliem li ġejjin:

“1.-

Il-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi ġenerali komuni għall-varjetajiet kollha tal-għasel fil-mument tal-imballaġġ u tat-tikkettar:

—

Kontenut ta’ ndewwa: ≤ 17,5 %.

—

Idrossimetilfurfural: ≤ 18 mg/kg”

“3.

Karatteristiċi fiżikokimiċi u melissopalinoloġiċi speċifiċi:

—

Għasel minn fjura waħda tal-qastan (Castanea sativa): konduttività (mS/cm) ≥ 0,8; kulur (mmPfund) ≥ 80; kontenut ta’ għabra tad-dakra ≥ 75 % mill-Castanea sativa.

—

Għasel minn fjura waħda tal-klin (Rosmarinus officinalis): konduttività (mS/cm) ≤ 0,25; kulur (mmPfund) ≤ 35; kontenut ta’ għabra tad-dakra ≥ 15 % mir-Rosmarinus officinalis jew ≥ 10 % Rosmarinus officinalis, u ≥ 5 % labjati oħrajn.

—

Għasel minn fjura waħda tat-timu (Thymus sp.): konduttività (mS/cm) ≥ 0,3 u < 0,8; kulur (mmPfund) ≥ 55; kontenut ta’ għabra tad-dakra ≥ 15 % Thymus sp.

—

Għasel minn fjura waħda tal-avokado (Persea americana): konduttività (mS/cm) ≤ 0,7; kulur (mmPfund) ≥ 100; kontenut ta’ għabra tad-dakra ≥ 25 % minn Persea sp.; preżenza ta’ ≥ 0,2 % perseitol meta l-kontenut tal-għabra tad-dakra jkun ≤ 25 %.

—

Għasel minn fjura waħda mis-siġra tal-larinġ jew miż-żahar tal-larinġ (Citrus sp.): konduttività (mS/cm) ≤ 0,3; kulur (mmPfund) ≤ 30; kontenut ta’ għabra tad-dakra ≥ 15 % minn Citrus sp. Jekk il-kontenut tal-għabra tad-dakra jkun bejn ≥ 5,0 % u ≤ 15 %, il-kontenut tal-metilantranilat irid ikun ta’ ≥ 1,2 mg/kg

—

Għasel minn fjura waħda tal-lavanda (Lavandula stoechas): konduttività (mS/cm) ≤ 0,5; kulur (mmPfund) ≤ 50; kontenut ta’ għabra tad-dakra ≥ 15 % minn Lavandula stoechas,

—

Għasel tal-muntanji: kontenut ta’ għabra tad-dakra ≥ 20 % Castanea sp. ”

Raġuni(jiet)

Raġuni:

L-iżbalji misjubin fil-meded tal-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u melissopalinoloġiċi tal-għasel ġew ikkoreġuti biex jinkludu l-valuri massimi u minimi stabbiliti f’kull parametru.

☒

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

DOKUMENT UNIKU

Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli

“Miel de Granada”

Numru ta’ referenza tal-UE: PDO-ES-0243-AM02 — 11.6.2025

1.   Isem/Ismijiet

“Miel de Granada”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☑

DOP

☐

IĠP

☐

IĠ

3.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita

Spanja

4.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu

4.1.   Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143

04 — PRODOTTI TAL-ĦALIB; BAJD TAL-GĦASAFAR; GĦASEL NATURALI; PRODOTTI TAJBIN GĦALL-IKEL ĠEJJIN MILL-ANNIMALI, LI MHUMIEX SPEĊIFIKATI JEW INKLUŻI BANDA OĦRA

4.2.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat

Għasel: prodott tal-ikel magħmul min-naħal tal-għasel bl-użu tan-nektar mill-fjuri jew sekrezzjonijiet mill-partijiet ħajjin tal-pjanti jew misjuba fuqhom, li n-naħal jiġbru, jittrasformaw, jgħaqqdu mas-sustanzi speċifiċi tagħhom stess, jaħżnu u jħalluhom jimmaturaw fix-xehdiet tal-kaxxa tan-naħal. Dan jista’ jkun likwidu, viskuż jew kristallin.

L-għasel tal-indikazzjoni ġeografika protetta huwa kklassifikat bħala:

—

għasel minn fjura waħda tal-qastan (Castanea sativa)

—

għasel minn fjura waħda tal-klin (Rosmarinus officinalis)

—

għasel minn fjura waħda tat-timu (Thymus sp.)

—

għasel minn fjura waħda tal-avokado (Persea americana)

—

għasel minn fjura waħda tas-siġra tal-larinġ jew taż-żahar tal-larinġ (Citrus sp.)

—

għasel minn fjura waħda tal-lavanda (Lavandula stoechas)

—

għasel tal-muntanji

—

għasel ta’ ħafna fjuri

(1)

Karatteristiċi fiżikokimiċi ġenerali komuni għall-varjetajiet kollha tal-għasel fil-mument tal-imballaġġ u tat-tikkettar

—

Kontenut ta’ ndewwa: ≤ 17,5 %.

—

Idrossimetilfurfural: ≤ 18 mg/kg

(2)

Karatteristiċi melissopalinoloġiċi ġenerali għall-għasel kollu

(a)

Karatteristiku tal-ispettru tal-għabra tad-dakra tal-veġetazzjoni fi Granada, li jinkludi prinċipalment il-familji li ġejjin: Cistaceae, Lamiaceae, Fagaceae, Rosaceae, Asteraceae, Brassicaceae, Fabaceae, Borraginaceae, Salicaceae, Campanulaceae, Resedaceae, Plantaginaceae, Apiaceae, Caesalpinaceae u Lauraceae.

(3)

Karatteristiċi fiżikokimiċi u melissopalinoloġiċi speċifiċi:

Tip ta’ għasel

Konduttività

Kulur

Kontenut ta’ għabra tad-dakra

(× m S/cm)

(mm Pfund)

għasel minn fjura waħda tal-qastan (Castanea sativa)

≥ 0,8

≥ 80

≥ 75 % Castanea sativa

għasel minn fjura waħda tal-klin (Rosmarinus officinalis)

≤ 0,25

≤ 35

≥ 15 % minn Rosmarinus officinalis jew ≥ 10 % Rosmarinus officinalis u ≥ 5 % labjati oħrajn

għasel minn fjura waħda tat-timu (Thymus sp.)

≥ 0,3 u < 0,8

≥ 55

≥ 15 % Thymus sp.

għasel minn fjura waħda tal-avokado (Persea americana)

≥ 0,7

≥ 100

≥ 25 % minn Persea sp.

Preżenza ta’ > 0,2 % perseitol jekk il-kontenut tal-għabra tad-dakra jkun < 25 %

għasel minn fjura waħda tas-siġra tal-larinġ jew taż-żahar tal-larinġ (Citrus sp.)

≤ 0,3

≤ 30

≥ 15 % Citrus sp.

Jekk il-kontenut tal-għabra tad-dakra jkun bejn

≥ 5,0 % u ≤ 15 %, il-kontenut tal-metilantranilat irid ikun ta’

≤ 1,2 mg/kg.

għasel minn fjura waħda tal-lavanda (Lavandula stoechas)

≤ 0,5

≤ 50

≥ 15 % mil-Lavandula stoechas

Għasel tal-muntanji

 

 

≥ 20 % Castanea sp.

4.3.   Derogi dwar l-akkwist ta’ għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali ddeżinjati b’Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta biss) u restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ materja prima (għal prodotti proċessati ddeżinjati minn Indikazzjoni Ġeografika Protetta biss)

Din it-taqsima ma tapplikax.

4.4.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita

Kollha

4.5.   Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

Preżentazzjoni u imballaġġ

Għasel fi stat likwidu (fluwidu), fi stat solidu (kristallizzat) jew ta’ sawra kremuża.

Kontenut tal-kontenituri

Kontenituri b’kapaċità li ma taqbiżx il-5 kilogrammi, li jridu jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

Materjal: ħġieġ trasparenti u bla kulur.

It-tikketta u t-tikketta sekondarja ma jridux jaħbu l-kontenut.

Siġill ermetiku.

Jistgħu jintużaw vażetti tradizzjonali tal-fuħħar, sakemm ikollhom piż nett ta’ 500 jew 1 000 g u siġill ermetiku.

4.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

It-tikketti huma approvati mill-Kunsill Regolatorju fir-rigward tal-użu tad-denominazzjoni jew tal-marka. It-tikketti fuq il-vażetti jrid ikollhom l-indikazzjoni li ġejja, murija b’mod ċar: “Denominación de Origen Protegida” (“Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta”), is-simbolu tal-Unjoni Ewropea u d-denominazzjoni “Miel de Granada”.

Ikun xi jkun it-tip ta’ kontenitur li fih jiġu kkunsinnati tipi differenti ta’ għasel għall-konsum, dawn irid ikollhom tikketta numerata jew tikketta sekondarja, ipprovduta mill-Kunsill Regolatorju, li trid titwaħħal qabel il-kunsinna, f’konformità mar-regoli stabbiliti għal dak l-iskop u dejjem b’tali mod li t-tikketti ma jkunux jistgħu jerġgħu jintużaw.

4.7.   Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika

Iż-żona fejn jinsabu l-kaxxi tan-naħal u fejn issir l-estrazzjoni tal-għasel, jiġifieri ż-żona ta’ produzzjoni, tinkludi l-muniċipalitajiet kollha fil-provinċja ta’ Granada, fil-Komunità Awtonoma tal-Andalusija. L-erja totali hija ta’ 12 531 km2. L-għasel jiġi imballat fiż-żona ta’ produzzjoni.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

(a)   Rabta storika

Il-kwalità tal-għasel minn Granada hija magħrufa sew u ilha ddokumentata b’mod abbundanti sa mill-bidu tas-seklu 14. L-għasel ilu jiġi prodott f’dan ir-reġjun minn żmien il-qedem. L-ewwel evidenza dokumentarja tmur lura għaż-żmien ta’ Ibn al-Khathib (1313-1375), li, fix-xogħol tiegħu (magħruf bl-Ispanjol bħala) “Deskrizzjoni tar-Renju ta’ Granada”, jirreferi għall-produzzjoni abbundanti tal-għasel f’żoni ta’ Granada li għadhom jagħmlu użu minn din ir-riżorsa tradizzjonali bħala sors ewlieni ta’ introjtu. Hemm ukoll ħafna referenzi għall-għasel fix-xogħlijiet ta’ diversi storiċi tal-perjodu li rrakkontaw il-konkwista tar-Renju ta’ Granada mill-armati Kristjani. Wara l-konkwista, il-muniċipalitajiet bdew jorganizzaw diversi attivitajiet ekonomiċi. F’Baza, pereżempju, kif huwa deskritt fil-Libro de Propios (dokument tal-kontabilità storika Spanjol) fl-1564, l-awtoritajiet muniċipali ntaxxaw il-kaxxi tan-naħal fis-Sierra de Baza, u l-għasel tal-klin kiseb reputazzjoni kif mistħoqq. Il-ktieb tas-snajja’ tal-Belt ta’ Granada (1752) semma b’mod espliċitu l-“criador de colmena” (dak li jrabbi n-naħal). Fl-1777, fid-Diccionario Geográfico o descripción de todos los reinos (“Dizzjunarju ġeografiku jew deskrizzjoni tar-renji kollha”) tiegħu, Juan de la Serna ddeskriva lil Granada bħala rikka fix-xama’ u fl-għasel. Għal darba oħra, Sebastián de Miñano (1826) irrefera għall-abbundanza u għall-kwalità eċċellenti tal-għasel minn Granada fid-Diccionario Geográfico Estadístico de España y Portugal (“Dizzjunarju ġeografiku u statistiku ta’ Spanja u l-Portugall”) tiegħu. Huwa semma lil Baza, Alhama de Granada, Güejar-Sierra u Guadix bħala żoni ewlenin għall-produzzjoni tal-għasel fir-reġjun ta’ Granada. Pascual Madoz, fid-Diccionario Geográfico, Estadístico e Histórico de España (“Dizzjunarju ġeografiku, statistiku u storiku ta’ Spanja”) tiegħu enfasizza mill-ġdid il-varjetà, l-abbundanza u l-karatteristiċi eċċezzjonali tal-għasel minn Granada. Huwa jinnota, pereżempju, l-abbundanza ta’ għasel abjad fil-muniċipalità ta’ Loja. Osserva wkoll li tul il-kosta (f’La Garnatilla u Motril) kienu prodotti ammonti konsiderevoli ta’ għasel. Tomás López, ukoll, fid-Diccionario Geográfico de Andalucía: Granada (“Dizzjunarju Ġeografiku tal-Andalusija — Granada”) tiegħu, li ħareġ fl-aħħar trimestru tas-seklu 18, għal darba oħra identifika diversi lokalitajiet fi Granada u s-sierras tal-madwar fejn il-kaxxi tan-naħal u l-għasel kellhom rwol importanti, bħal Quéntar jew Ribera de Oveja. Fl-1888, Luis Morell y Terry għamel ċensiment. L-għadd ta’ kaxxi tan-naħal kien stmat li kien madwar 15 000, u ż-żoni tradizzjonali tat-trobbija tan-naħal kienu jinsabu fil-muntanji tal-Lvant, l-Alpujarras u fil-belt kapitali provinċjali, Granada. Fl-istess sena – l-1888 – Bertha Wihelmi introduċiet kaxxi tan-naħal tax-xehda mobbli u ppromwoviethom fil-provinċja, fejn gradwalment ħadu post il-kaxxi tan-naħal fissi tradizzjonali (Għarab). B’dan il-mod hija għamlet lil Granada waħda mill-provinċji pijunieri li wittet it-triq fl-iżvilupp ta’ metodi ġodda tat-trobbija tan-naħal. F’Mejju 1909, ir-rivista Granada Agrícola rrapportat l-interess li wera s-suq Ġermaniż fl-importazzjoni tal-għasel minn Granada minħabba l-kwalità tiegħu derivata mill-firxa rikka ta’ pjanti aromatiċi u mediċinali fiż-żoni muntanjużi tiegħu, b’mod partikolari s-Sierra Nevada.

(b)   Rabta naturali

Il-fatturi naturali b’influwenza diretta fuq il-prodott jinkludu l-art muntanjuża, il-klima u l-veġetazzjoni, filwaqt li l-fatturi umani jinkludu r-rotot tat-transumanza interni karatteristiċi stabbiliti minn dawk li jrabbu n-naħal fi Granada. Il-provinċja ta’ Granada għandha varjetà wiesgħa ta’ riżalt u klima b’impatt dirett fuq is-settur, li jinfluwenzaw, pereżempju, il-mogħdijiet tat-transumanza interna fformati minn dawk li jrabbu n-naħal huma u jfittxu tipi differenti ta’ fjuri. Mill-perspettiva tat-trobbija tan-naħal, din id-diversità tfisser li dawk li jrabbu n-naħal fi Granada jistgħu jifformaw mogħdijiet tat-transumanza għat-tlugħ u għall-inżul tul il-ġnub tal-muntanji fil-provinċja, peress li l-ispeċijiet varji konċernati jiffjorixxu fi żminijiet differenti, u jipprovdu rendiment matul is-sena kollha. It-tip u l-istaġun tal-fjur ivarjaw skont l-altitudni, u dawk li jrabbu n-naħal jitilgħu u jinżlu x-xaqlibiet biex isibu dawn il-fanerogami u rarament ikopru distanza ta’ aktar minn 50 km. Għalhekk, dawk li jrabbu n-naħal tul il-kosta, fil-Valle de Lecrín u fl-Alpujarras — Sierra Nevada normalment jimxu ’l fuq, jiġifieri mill-kosta lejn l-għoljiet u viċi versa, biex ifittxu l-veġetazzjoni, li l-fjuri tagħha jiddependu mill-altitudni. Huwa ċar li l-fattur ewlieni li jagħti lill-“Miel de Granada” l-karatteristiċi partikolari li jiddistingwuh minn għasel ieħor huwa l-flora tal-provinċja. Għandha aktar minn 296 000 ha ta’ ġnub tal-għoljiet għera miksija bi pjanti aromatiċi li jiżguraw livelli ta’ trobbija tan-naħal li qed jiffjorixxu, kif ukoll żoni kbar ta’ siġar tal-qastan, siġar tal-larinġ u, mal-kosta, siġar tal-avokado, li ż-żoni kostali tal-provinċji ta’ Granada u Málaga huma produtturi ewlenin tagħhom. Kważi 70 % tas-sidien ta’ stabbilimenti tat-trobbija tan-naħal fil-provinċja ta’ Granada għandhom rabtiet maż-żoni protetti (il-park nazzjonali tas-Sierra Nevada u l-parks naturali tas-Sierra Nevada, is-Sierra de Baza, is-Sierra de Huétor, is-Sierra de Castril u s-Sierras de Tejeda, Alhama y Almijara), li huma ż-żona ta’ residenza normali tagħhom. L-istabbilimenti tagħhom jibqgħu f’dawn iż-żoni għal parti mis-sena, jew għall-produzzjoni jew matul ix-xitwa. Il-moviment tan-naħal li jieħdu ħsieb dawk li jrabbuhom fil-provinċja kollha ta’ Granada, meta jfittxu l-aktar provvisti rikki ta’ fjuri matul is-sena, jew siti għal matul ix-xitwa, sussegwentement jipprovdi lill-“Miel de Granada” spettru sħiħ tal-għabra tad-dakra. Dawn iż-żoni baqgħu iżolati għal żmien twil u t-trobbija tan-naħal kellha rwol ekonomiku importanti peress li pprovdiet sors alternattiv ta’ introjtu agrikolu. Il-varjetà tal-fjuri f’dawn il-parks tfisser li l-għasel li jipproduċu joffri kombinamenti ta’ fjuri uniċi u mhux tas-soltu. Is-Sierra Nevada waħdu għandu aktar minn 160 endemiżmu, li madwar 60 minnhom huma esklużivi għar-reġjun. L-istudji dwar l-għabra tad-dakra fil-provinċja identifikaw madwar 92 forma li jappartjenu għal madwar 50 familja botanika. Il-“Miel de Granada” tipikament fih l-ispettru li jinkludi l-familji li ġejjin: Cistaceae, Lamiaceae, Fagaceae, Rosaceae, Asteraceae, Brassicaceae, Fabaceae, Borraginaceae, Salicaceae, Campanulaceae, Resedaceae, Plantaginaceae, Apiaceae, Caesalpinaceae u Lauraceae. Dan l-għarfien tal-ispettru tal-għabra tad-dakra tal-“Miel de Granada”, flimkien mal-kwantità konsiderevoli ta’ endemiżmi botaniċi, jippermettilna nsibu indikaturi ġeografiċi li jippermettulna niddistingwu b’mod ċar l-għasel li nipproduċu minn dak prodott f’postijiet oħrajn fil-Peniżola Iberika.

Referenza elettronika (URL) għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://lajunta.es/5mep7


(1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/4996/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)