Brussell, 30.4.2020

COM(2020) 164 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

It-38 Rapport Annwali mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet tal-UE fir-rigward tal-Anti-dumping, tal-Antisussidji u tas-Salvagwardja u l-Użu ta’ strumenti għad-difiża tal-kummerċ minn Pajjiżi Terzi li huma mmirati lejn l-UE fl-2019

{SWD(2020) 71 final}


Sommarju eżekuttiv

Dan it-38 Rapport jagħti informazzjoni ewlenija dwar l-anti-dumping (AD), l-antisussidji (AS) u l-attivitajiet ta’ salvagwardja tal-UE, kif ukoll dwar l-attività għad-difiża tal-kummerċ ta’ pajjiżi terzi kontra l-UE fl-2019.

Il-ħidma fuq il-każijiet kienet partikolarment importanti fl-2019, bil-bidu ta’ 16-il każ (meta mqabbla ma’ 10 fl-2018), l-impożizzjoni ta’ miżuri fi 12-il każ ġdid (meta mqabbla ma’ 6 fl-2018), in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ miżuri f’5 każijiet ġodda, u b’attività ugwalment intensiva fir-rieżami tal-miżuri eżistenti, b’mod partikolari l-konklużjoni ta’ 18-il rieżami ta’ skadenza (meta mqabbla ma’ 7 fl-2018). Il-Kummissjoni kompliet ukoll taġixxi b’mod sod kontra miżuri ta’ pajjiżi terzi fil-konfront tal-esportazzjonijiet tal-UE. Dawn il-miżuri kienu għal darb’ oħra f’livell għoli (175), tendenza li mistennija tinżamm fil-futur, minħabba għadd kbir ta’ każijiet barranin mibdija fl-2019.

Il-Kummissjoni żiedet ukoll l-isforzi tagħha biex tinforza l-miżuri, b’mod partikolari billi fetħet erba’ każijiet antiċirkomvenzjoni, fosthom l-aktar investigazzjoni intensiva fir-riżorsi ta’ dan it-tip sa issa dwar oġġetti tal-mejda u oġġetti tal-kċina miċ-Ċina, li ġiet konkluża b’estensjoni ta’ dazju għal 30 kumpanija. Fir-rigward tal-infurzar imsaħħaħ tar-regoli modernizzati għad-difiża tal-kummerċ, fl-2019 ġew stabbiliti wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi biex tiġi estiża l-possibbiltà ta’ applikazzjoni ta’ miżuri għad-difiża tal-kummerċ għall-blata kontinentali tal-UE.

Peress li infurzar aktar sod ifisser aktar effikaċja, dan ir-rapport jinkludi wkoll ċifri ewlenin li juru l-effetti tal-miżuri imposti dan l-aħħar 1 . Iċ-ċifri juru l-effikaċja tal-miżuri għad-difiża tal-kummerċ fl-istabbiliment mill-ġdid ta’ kundizzjonijiet ekwi fis-suq tal-UE. Fil-fatt, bħala medja, l-impożizzjoni ta’ dazji AD u AS naqqset l-importazzjonijiet dannużi u inġusti bi 80 % (f’medda ta’ bejn 57 % u 99 %). Fl-istess ħin, id-dazji AD u AS ikkontribwew ukoll għat-twessigħ tas-sorsi ta’ provvista li l-importaturi u l-utenti tal-UE jeħtieġu, fil-forma ta’ żieda fl-importazzjonijiet ġusti minn pajjiżi oħra, minbarra l-produzzjoni proprja tal-UE. Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnutat li l-miżuri imposti fl-2019 ikkontribwew għal żieda fl-għadd ta’ impjiegi li jibbenefikaw minn miżuri TDI bi 23 000, u b’hekk l-għadd totali ta’ impjiegi diretti tal-UE protetti mit-TDI laħaq it-343 000.



I.    Applikazzjoni tal-Istrumenti għad-Difiża tal-Kummerċ (TDI) fl-2019 2

I.1Attività investigattiva 

I.1.1Ħarsa ġenerali

Fl-aħħar tal-2019, l-UE kellha fis-seħħ 140 miżura għad-difiża tal-kummerċ: 94 miżura AD definittiva (li ġew estiżi f’27 każ), 15-il miżura kompensatorja (estiżi f’każ wieħed) u 3 miżuri ta’ salvagwardja. 3  Dan jikkostitwixxi żieda ta’ 7 miżuri meta mqabbla mal-2018.

Ix-xogħol investigattiv żdied aktar meta mqabbel mal-ammont ta’ xogħol diġà sinifikanti tal-2018. Ix-xogħol kien jikkonsisti f’ħafna investigazzjonijiet ġodda skont is-settijiet ġodda ta’ regoli TDI, kif ukoll f’għadd saħansitra akbar ta’ investigazzjonijiet ta’ rieżami ttrattati. Fi tmiem l-2019, kienu għaddejjin 43 investigazzjoni, flimkien ma’ 2 investigazzjonijiet ta’ rifużjonijiet, li kienu jkopru 66 talba individwali ta’ rifużjoni minn importaturi.

Dan ir-Rapport huwa akkumpanjat minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SWD), li jipprovdi informazzjoni u statistika aktar dettaljati dwar l-attività annwali 4 . Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni jinkludi annessi rilevanti għal ċerti taqsimiet ta’ hawn taħt, kif indikat.

I.1.2Investigazzjonijiet AD u AS (ara l-Annessi A sa I)

Fl-2019, il-Kummissjoni bdiet 16-il investigazzjoni ġdida (li minnhom 11-il proċediment anti-dumping u 5 proċedimenti antisussidji). Fl-istess ħin, hija imponiet dazji provviżorji f’5 proċedimenti, filwaqt li ġew konklużi 7 każijiet bl-impożizzjoni ta’ dazji definittivi (li minnhom 3 kienu jikkostitwixxu miżuri kompensatorji). Ħames investigazzjonijiet ġew konklużi mingħajr miżuri 5 .

L-investigazzjonijiet ta’ rieżami komplew jirrappreżentaw parti konsiderevoli tal-każijiet. Fl-2019, il-Kummissjoni bdiet 8 rieżamijiet ta’ skadenza. F’termini ta’ impożizzjoni mill-ġdid tal-miżuri, mhux inqas minn 16-il rieżami ta’ skadenza ġew konklużi b’konferma tad-dazju, filwaqt li 2 minn dawn ir-rieżamijiet ġew konklużi bit-tmiem tal-miżuri. Miżura anti-dumping waħda skadiet awtomatikament wara ħames snin.

Fl-2019, il-Kummissjoni bdiet 2 rieżamijiet interim, it-tnejn dwar miżuri kompensatorji u temmet rieżami wieħed bħal dan mingħajr ma emendat il-miżuri.

Fl-aħħar nett, fl-2019 inbdew 7 investigazzjonijiet mill-ġdid (imsejħa wkoll ftuħ mill-ġdid), li normalment jikkonċernaw l-implimentazzjoni ta’ sentenzi tal-qorti. B’mod kumplessiv, il-Kummissjoni kkonkludiet 22 rieżami fl-2019.

I.1.3Investigazzjonijiet ta’ salvagwardja (ara l-Anness L)

Fit-2 ta’ Frar 2019, l-UE imponiet dazju definittiv ta’ salvagwardja erga omnes fuq ċerti prodotti tal-azzar 6 u wettqet rieżami ta’ dan tal-aħħar, li rriżultat fil-modifika tal-miżuri fl-1 ta’ Ottubru 2019 7 .

Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll żewġ investigazzjonijiet ta’ salvagwardja bilaterali dwar l-importazzjonijiet tar-ross Indica mill-Kambodja u mill-Myanmar, skont l-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (SĠP): fis-16 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni stabbiliet mill-ġdid ir-rata tat-Tariffa Doganali Komuni ta’ EUR 175/tunnellata, b’liberalizzazzjoni progressiva għal EUR 125/tunnellata fuq tliet snin 8 .

Fl-2019, ma nbdiet l-ebda investigazzjoni ta’ salvagwardja ġdida.

I.1.4Attivitajiet ta’ verifika 

Matul l-investigazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni twettaq żjarat biex teżamina r-rekords ta’ kumpaniji jew assoċjazzjonijiet bil-għan li tivverifika l-informazzjoni pprovduta matul il-proċedimenti. Matul l-2019, is-servizzi tat-TDI tal-UE wettqu 137 żjara bħal dawn, li ammontaw għal 1948 siegħa ta’ xogħol ta’ persuna bħala xogħol ta’ verifika.

I.2Infurzar tal-miżuri (ara l-Annessi J, K, M, Q)

Huwa ta’ importanza kbira li jiġi żgurat l-infurzar effettiv tal-miżuri tad-difiża tal-kummerċ fis-seħħ, sabiex l-operaturi ekonomiċi ma jevitawx miżuri permezz ta’ assorbiment jew ċirkomvenzjoni tad-dazju. Fl-2019, il-Kummissjoni bdiet 4 rieżamijiet antiċirkomvenzjoni, li sal-aħħar tas-sena kienu kollha għadhom għaddejjin. Barra minn hekk, inbdiet investigazzjoni anti-assorbiment waħda (li kienet għadha għaddejja fi tmiem l-2019) u oħra ġiet itterminata mingħajr żieda fid-dazju.

Il-monitoraġġ tal-impenji jifforma parti mill-attivitajiet ta’ infurzar. Fil-bidu tal-2019, kien hemm 3 impenji fis-seħħ. Il-Kummissjoni aċċettat 8 impenji ġodda, li ġabu l-għadd ta’ impenji fis-seħħ fi tmiem l-2019 għal 11.

I.3    Intrapriżi Żgħar u Medji (SMEs)

Matul l-2019, fl-ispirtu tal-modernizzazzjoni reċenti tat-TDI, il-Kummissjoni żammet l-enfasi tagħha fuq l-appoġġ għall-SMEs, billi pprovdiet assistenza u gwida lill-SMEs li kienu involuti fl-investigazzjonijiet tat-TDI. B’mod partikolari, il-Kummissjoni appoġġat lill-SMEs billi ffaċilitat il-kooperazzjoni tagħhom fl-investigazzjonijiet: hija llimitat kemm jista’ jkun ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni permezz ta’ kwestjonarji anqas ta’ piż u perjodi ta’ investigazzjoni allinjati mas-sena finanzjarja tal-SMEs fejn fattibbli. Il-Kummissjoni bdiet ukoll investigazzjoni fejn l-industrija tal-UE tikkonsisti prinċipalment f’SMEs: l-investigazzjoni AD dwar l-importazzjonijiet ta’ Pins u stejpils mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (minn hawn ’il quddiem iċ-Ċina).

Il-Kummissjoni aġixxiet ukoll bis-saħħa kontra ċerti prattiki mill-esportaturi Ċiniżi biex jevitaw il-miżuri tal-UE fuq Oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina (ara t-Taqsima II). Dan żgura t-tkomplija tal-effikaċja ta’ dawn il-miżuri għall-benefiċċju tal-produtturi taċ-ċeramika tal-UE u l-impjegati tagħhom – ħafna mid-ditti ta’ dan is-settur huma SMEs.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni pprovdiet assistenza teknika speċifika lill-SMEs f’għadd ta’ Stati Membri, inklużi l-Awstrija u Spanja, biex iżżid l-għarfien tagħhom tat-TDI.

I.4     Standards soċjali u ambjentali

Meta l-Kummissjoni tapplika l-metodoloġija l-ġdida tal-kalkolu tal-valur normali, din trid tagħżel pajjiż rappreżentattiv xieraq biex jinbena valur normali mhux mgħawweġ ta’ prodott. Il-Kummissjoni tuża data dwar il-prezzijiet minn tali pajjiż, flimkien ma’ data dwar il-konsum tal-inputs fil-pajjiż esportatur. Skont l-Artikolu 2 (6a)(a) l-ewwel inċiż in fine, meta jkun hemm aktar minn pajjiż wieħed bħal dan b’data xierqa u disponibbli, il-Kummissjoni jenħtieġ li tibbaża l-għażla tagħha fuq valutazzjoni tal-livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali fil-pajjiżi kkonċernati 9 .

Fl-2019, analiżi bħal din kienet meħtieġa fir-rieżami ta’ skadenza tal-miżuri li jikkonċernaw Prodotti tal-azzar miksija b’materjal organiku li joriġinaw miċ-Ċina. F’dak il-proċediment, il-Kummissjoni sabet żewġ pajjiżi xierqa, li setgħu jitqiesu bħala rappreżentattivi sabiex taħdem il-valur normali: il-Malasja u l-Messiku. Għalhekk, il-Kummissjoni vvalutat il-livell tagħhom ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali biex tagħżel dak preferibbli. Il-Kummissjoni sabet li l-Malasja ma rratifikatx tlieta mit-tmien konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) 10 . Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet li l-Malasja ma rratifikatx wieħed mill-ftehimiet ambjentali ewlenin - il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes. Fir-rigward tal-Messiku, il-Kummissjoni stabbiliet li l-pajjiż kien irratifika kważi l-konvenzjonijiet fundamentali kollha tal-ILO, ħlief għal waħda. Barra minn hekk, il-Messiku kien irratifika l-ftehimiet ambjentali ewlenin kollha. Konsegwentement, il-Kummissjoni għażlet il-Messiku bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq fl-imsemmi rieżami ta’ skadenza.

Fl-investigazzjonijiet li kien fadal li ġew konklużi fl-2019, il-Kummissjoni kull darba għażlet pajjiż rappreżentattiv mingħajr il-ħtieġa li tirrikorri aktar għal analiżi tal-livell ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali, peress li data xierqa kienet disponibbli għal pajjiż wieħed biss 11 .

Il-ftehimiet ambjentali multilaterali (u l-protokolli tagħhom), kif ukoll il-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO għandhom rwol ukoll meta jiġi stabbilit il-marġni ta’ dannu. Mid-dħul fis-seħħ tar-regoli TDI modernizzati, skont l-Artikolu 7(2d) tar-regolament AD bażiku, meta l-Kummissjoni tikkalkula l-prezz indikattiv mhux dannuż ta’ prodott, hija tirrifletti wkoll l-ispejjeż attwali jew futuri tal-produzzjoni tal-kumpaniji tal-UE, li jirriżultaw jew li kieku jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ ftehimiet u konvenzjonijiet bħal dawn 12 .

Fost il-każijiet konklużi fl-2019, il-Kummissjoni pproċediet għall-kalkolu tal-imsemmija spejjeż addizzjonali fl-investigazzjoni dwar l-Urea u n-Nitrat tal-Ammonju (UAN) li joriġinaw mir-Russja, minn Trinidad u Tobago u mill-Istati Uniti tal-Amerika (l-Istati Uniti). Il-Kummissjoni ddeċidiet li żżid il-prezz indikattiv tal-UAN bi 3,7 % sabiex tirrifletti l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-konformità futura tal-produtturi tal-UE mal-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet (ETS). L-ETS tikkostitwixxi wieħed mill-istrumenti li permezz tiegħu l-UE għandha l-għan li tilħaq l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi - Ftehim Ambjentali Multilaterali rilevanti li l-UE hija parti minnu. Il-katina ta’ produzzjoni tal-UAN, li hija intensiva fl-emissjonijiet, hija soġġetta għall-ETS fl-UE. Iċ-ċifra ta’ 3,7 % kienet ibbażata fuq l-ispiża tal-medja stmata ta’ kwoti tal-ETS li jridu jiġu akkwistati mill-produtturi matul il-ħajja tal-miżuri.

Fil-każijiet l-oħra li ġew konklużi fl-2019, il-partijiet interessati ma għamlu l-ebda dikjarazzjonijiet dwar il-kostijiet kurrenti jew futuri skont l-Artikolu 7(2d). Għalhekk, il-Kummissjoni ma investigatx jekk dawn il-kostijiet addizzjonali għandhomx jiżdiedu mal-prezz indikattiv.

I.5    Rieżami ġuridiku mill-Qrati tal-UE (l-Anness S)

Fl-2019, il-Qorti Ġenerali (QĠ) u l-Qorti tal-Ġustizzja (QtĠ) taw 31 sentenza u ordni fil-qasam tad-TDIs: il-QĠ tat 14-il deċiżjoni u l-QtĠ ddeċidiet dwar 8 appelli, 5 kawżi dwar it-tassazzjoni tal-ispejjeż u għamlet 4 deċiżjonijiet preliminari. L-aktar sentenzi interessanti huma deskritti fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

Fl-2019, ġew introdotti erbgħa u għoxrin każ ġdid b’rabta mat-TDI.

I.6    L-attivitajiet ta’ pajjiżi terzi fil-konfront tal-UE

Il-Kummissjoni mhux biss tipproteġi lill-industrija tal-UE minn importazzjonijiet dannużi u inġusti, iżda wkoll taġixxi b’mod vigoruż kontra miżuri TDI meħuda mis-sħab kummerċjali tagħna, kull meta hija tqis li dawn il-miżuri ma jissodisfawx ir-rekwiżiti legali eżiġenti. Azzjoni bħal din hija essenzjali llum peress li wħud mill-pajjiżi kummerċjali ewlenin ta’ spiss ipoġġu f’dubju l-ordni ġuridiku tad-WTO. Azzjonijiet protettivi mhux ġustifikati jirrestrinġu l-aċċess għas-suq u għalhekk l-opportunitajiet għall-ħolqien tal-impjiegi u tat-tkabbir għall-esportaturi tal-UE. Għalhekk, l-evitar ta’ miżuri għad-difiża tal-kummerċ barrani mhux ġustifikati qed isir saħansitra aktar importanti.

Fl-2019, l-attività għad-difiża tal-kummerċ madwar id-dinja baqgħet intensiva. Is-servizzi tal-Kummissjoni komplew jintervjenu b’mod regolari fil-maġġoranza l-kbira ta’ investigazzjonijiet barranin fil-konfront tal-esportazzjonijiet tal-UE. Dawn l-interventi kienu jikkonsistu fost l-oħrajn f’sottomissjonijiet bil-miktub u f’parteċipazzjoni f’seduti ta’ smigħ fil-livell tekniku. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni intervjeniet ukoll ma’ awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi f’livell politiku ogħla.

Filwaqt li l-Kummissjoni tintervjeni fil-biċċa l-kbira tal-każijiet li huma mmirati lejn l-UE, hija tiffoka b’mod speċjali fuq kwistjonijiet sistemiċi u każijiet li jaffettwaw b’mod konsiderevoli l-industrija tal-UE. Bl-azzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni għandha l-għan li tiżgura applikazzjoni korretta tar-regoli tad-WTO, u b’hekk tipprevjeni l-użu abbużiv ta’ TDI barrani. Interventi persistenti bħal dawn, li jiffukaw fuq l-inkonsistenzi tad-WTO u d-difetti sistemiċi, ipprevenew ħafna miżuri mhux ġustifikati.

Pereżempju, il-Kummissjoni interveniet b’mod persważiv fit-tielet rieżami ta’ skadenza AD li twettaq mill-Brażil, dwar l-importazzjonijiet tat-trab tal-ħalib mill-UE. Dawn l-azzjonijiet wasslu għall-waqfien tal-miżuri, bil-ftuħ ta’ suq prekluż għall-esportaturi tal-UE mill-2001. Il-valur tal-esportazzjoni qabel l-impożizzjoni tal-miżuri kien jammonta għal EUR 45 miljun.

Il-Kummissjoni, flimkien mal-industrija u l-Istati Membri, intervjeniet ukoll b’suċċess biex tneħħi l-bqija tad-dazji AD fuq l-esportazzjonijiet Taljani ta’ tadam tal-bott fl-Awstralja, li xi wħud minnhom kien ilhom fis-seħħ mill-2014, u kienu jaffettwaw esportazzjonijiet annwali tal-UE ta’ EUR 22 miljun. Sa mill-bidu tal-ewwel investigazzjoni, il-Kummissjoni ddedikat sforzi konsiderevoli biex tneħħi dawn id-dazji, b’mod partikolari minħabba l-metodoloġija dubjuża applikata mill-awtoritajiet Awstraljani u r-riskju sistemiku tagħhom għall-importazzjonijiet ta’ prodotti agrikoli pproċessati tal-UE. Fl-aħħar nett, l-Awstralja ddeċidiet li ttemm dawn id-dazji.

Aktar eżempji ta’ interventi ta’ suċċess tal-Kummissjoni huma deskritti fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni anness.

Minkejja l-interventi tagħha, il-Kummissjoni mhux dejjem rebħet u xi miżuri mhux ġustifikati xorta waħda ġew imposti. F’każijiet b’interess ekonomiku u/jew sistemiku importanti, il-Kummissjoni rrikorriet għal proċeduri ta’ soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO sabiex tikseb it-tneħħija ta’ miżuri mhux ġustifikati. Dan kien il-każ għal dazji AD imposti mill-Kolombja fuq ċipps iffriżati mill-Belġju, mill-Ġermanja u min-Netherlands, kif ukoll id-dazji AS u AD imposti mill-Istati Uniti fuq importazzjonijiet ta’ żebbuġ misjur Spanjol (ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni għad-dettalji). Dawn iż-żewġ proċeduri għadhom għaddejjin.

Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni tista’ wkoll tirrikorri għas-soluzzjoni tat-tilwim bilaterali prevista fil-ftehimiet kummerċjali, f’każijiet fejn is-sħab ma jirrispettawx l-obbligi tagħhom skont tali ftehimiet. F’dan il-kuntest, fl-2019, il-Kummissjoni kompliet tagħmel konsultazzjonijiet mal-Afrika t’Isfel rigward is-salvagwardji bilaterali fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ tiġieġ iffriżat mill-UE, li l-Kummissjoni tqis bħala illegali. Peress li ma nstabet l-ebda soluzzjoni aċċettabbli b’mod reċiproku, il-Kummissjoni beħsiebha ssegwi l-proċedura bilaterali ta’ soluzzjoni tat-tilwim.

Attività ta’ TDI barrani f'numri

Il-miżuri TDI totali fis-seħħ li jaffettwaw l-esportazzjonijiet tal-UE ammontaw għal 175 fi tmiem l-2019 (174 fl-2018). L-għadd kbir kumplessiv ta’ miżuri kontra l-UE huwa mistenni li jinżamm matul is-snin li ġejjin, anki minħabba l-għadd kbir ta’ investigazzjonijiet ġodda fl-2019 (37–bħal fl-2018), li jistgħu jerġgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ ħafna miżuri fl-2020.

L-għadd ta’ miżuri ta’ salvagwardja barranin baqa’ għoli fl-2019 b’37 miżura fis-seħħ fi tmiem l-2019 (tnejn aktar mill-2018), filwaqt li l-AD jibqa’ l-istrument l-aktar użat globalment, b’132 miżura fis-seħħ mill-175. 13

L-Istati Uniti reġgħu rrappreżentaw l-akbar parti tal-miżuri kontra esportazzjonijiet tal-UE, b’36 miżura fis-seħħ (33 fl-2018). Meta mqabbel mal-2016, dan jirrappreżenta żieda ta’ 71 %, li huwa prinċipalment dovut għall-ħafna miżuri ġodda imposti, b’mod partikolari fis-settur tal-azzar. L-azzjonijiet tal-Istati Uniti xprunaw ukoll iż-żieda globali ta’ miżuri peress li anki pajjiżi bħall-Kanada, l-Eġittu, il-Marokk jew l-Unjoni Ekonomika Ewroasjatika (EAEU) imponew jew estendew miżuri eżistenti fuq ċerti prodotti tal-azzar, x’aktarx bħala reazzjoni għall-miżuri tal-Istati Uniti fit-Taqsima 232 dwar l-azzar.

Iċ-Ċina hija t-tieni l-akbar utent ta’ TDI fil-konfront tal-UE b’20 miżura fis-seħħ (18 fl-2018), segwita mill-Indja (18-il miżura, meta mqabbel ma’ 21 fl-2018).

F’termini ta’ investigazzjonijiet ġodda fl-2019, l-Indja bdiet 7, l-Indoneżja u Madagascar 4 kull wieħed, l-Ukrajna 3, u l-EAEU, il-Marokk u l-Filippini żewġ investigazzjonijiet ġodda kull wieħed. Minbarra l-utenti regolari ta’ TDI, bħall-Indja, id-dehra ta’ utenti ġodda hija wieħed mill-fatturi li kkontribwixxa għal-livell għoli ġenerali ta’ investigazzjonijiet ġodda.

Fir-rigward tal-25 miżuri ġodda imposti fl-2019, l-Istati Uniti jinsabu fl-ewwel post b’ 4 miżuri ġodda, segwiti mill-Awstralja u mill-Marokk (3 miżuri ġodda), u mill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (2 miżuri ġodda). Iċ-Ċina imponiet miżura waħda ġdida fl-2019 kontra l-UE.

Meta wieħed iħares lejn is-setturi, il-prodotti tal-azzar kienu soġġetti għall-ogħla sehem ta’ miżuri fis-seħħ fil-konfront tal-UE fl-2019 (72 minn 175). Anki l-prodotti kimiċi komplew jiġu affettwati minn għadd kbir ta’ miżuri (42). Fir-rigward tal-investigazzjonijiet ġodda li nbdew, l-azzar reġa’ kien is-settur l-aktar immirat, b’9 inizjazzjonijiet minn 37, segwit mis-settur kimiku (8 każijiet ġodda) u s-settur agrikolu (7 każijiet).

I.7    Attivitajiet fil-qafas tad-WTO

Il-Kummissjoni mmultiplikat l-isforzi biex tagħti spinta lill-aġenda relatata mas-sussidji fid-WTO. L-għan huwa li d-dixxiplini ta’ sussidju multilaterali jiġu adattati b’tali mod li jkunu aktar adatti għall-isfidi tal-ambjent kummerċjali attwali. Matul l-2019, komplew in-negozjati intensivi dwar is-sussidji tas-sajd f’Ġinevra. L-UE kompliet tippreżenta ruħha bħala proponent ewlieni f’dawn in-negozjati billi ssottomettiet proposti testwali konkreti fiż-żewġ oqsma prinċipali tat-taħdidiet: projbizzjoni ta’ sussidji għal sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) u ta’ sussidji li jikkontribwixxu għal kapaċità żejda u sajd eċċessiv. Filwaqt li fl-2019 ma nkiseb l-ebda eżitu, l-UE u Membri oħra tad-WTO jistinkaw għal riżultat ambizzjuż u komprensiv li għandu jintlaħaq fit-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Nur-Sultan f’Ġunju 2020.

F’April u Novembru 2019, il-Kummissjoni ħadet sehem b’mod attiv fil-ħidma tal-kumitati tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kompensatorji (SCM), dwar l-Anti-dumping u dwar is-Salvagwardji, kif ukoll il-Grupp Informali dwar l-Antiċirkomvenzjoni u l-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Implimentazzjoni - Anti-dumping (WGI).

Fil-Kumitat AD, l-UE kompliet tiddefendi l-bidliet fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-TDI tal-2017 u tal-2018. Il-Kummissjoni qajmet ukoll ċerti każijiet minn pajjiżi terzi, li hija tqis li ma jikkonformawx mal-obbligi tad-WTO ta’ pajjiżi terzi u li jaffettwaw b’mod negattiv l-esportaturi tal-UE (eż. l-investigazzjoni tal-Kolombja dwar iċ-ċipps iffriżati). L-UE wieġbet ukoll għall-mistoqsijiet u pprovdiet kjarifiki dwar xi wħud mill-investigazzjonijiet tagħha.

Fid-WGI, l-UE involviet ruħha f’diskussjonijiet dwar għadd ta’ kwistjonijiet tekniċi, pereżempju fir-rigward tad-determinazzjoni tar-rabta ta’ kawżalità jew l-analiżi tat-theddida ta’ dannu.

Fil-laqgħat regolari tal-Kumitat SCM, komplew id-diskussjonijiet dwar kif is-sussidji kkontribwew għal kapaċità eċċessiva f’diversi setturi. F’dan il-kuntest, f’April, l-Istati Uniti u l-UE ospitaw flimkien preżentazzjoni tar-Rapport tal-OECD dwar id-distorsjonijiet fil-katina tal-valur tal-aluminju 14 . Fil-laqgħa ta’ Novembru, il-Kumitat iddiskuta aktar il-kwistjoni tal-kapaċità żejda flimkien ma’ preżentazzjoni dwar il-ħidma tal-Forum Globali dwar il-Kapaċità Eċċessiva tal-Azzar. Saru wkoll diskussjonijiet dwar modi biex titjieb it-trasparenza dwar is-sussidji mill-membri tad-WTO, bl-UE ttenni l-importanza li jiġu rispettati l-obbligi tad-WTO dwar in-notifika tas-sussidji.

Ir-rieżamijiet tan-notifika tas-sussidji tal-2017 komplew f’April fil-laqgħa speċjali tal-Kumitat SCM. Fil-bidu ta’ Lulju 2019, l-UE ppreżentat in-notifika ġdida u kompluta tagħha lid-WTO li tkopri s-sussidji mogħtija fl-2017 u fl-2018. Dan l-eżerċizzju jsir kull sentejn u jkopri s-sussidji mogħtija kemm fil-livell tal-UE kif ukoll mill-Istati Membri individwali. Ir-rieżamijiet tan-notifiki tas-sussidji tal-2019 bdew fil-laqgħa speċjali ta’ Novembru tal-Kumitat SCM u se jkomplu fl-2020.

Fil-Kumitat dwar is-Salvagwardji, l-UE qajmet għadd ta’ kwistjonijiet ta’ tħassib relatati ma’ investigazzjonijiet ta’ salvagwardja ta’ Membri oħra (eż. il-Filippini – Madum taċ-ċeramika u madum tal-ħajt, it-Turkija – Ħjut tan-najlon u poliamidi oħra, l-Ukrajna – Fertilizzanti tan-nitroġenu, Fowms tal-poliuretan). L-UE wieġbet ukoll għall-mistoqsijiet minn Membri oħra rigward il-miżuri ta’ salvagwardja dwar ċerti prodotti tal-azzar, b’mod partikolari r-riżultati tar-rieżami reċenti ta’ dawn il-miżuri.

I.8     Attivitajiet tal-Uffiċjal tas-Seduta

Mill-2018 ’l hawn, bħala riżultat tar-riformi leġiżlattivi tat-TDI, ir-rwol tal-Uffiċjal tas-Seduta huwa inkorporat b’mod sod fir-Regolamenti AD u AS bażiċi. L-Uffiċjal tas-Seduta ntalab jikkontribwixxi għall-proċeduri li għandhom jiġu applikati fl-implimentazzjoni tal-modernizzazzjoni, sabiex tiżdied it-trasparenza u jiġu ggarantiti d-drittijiet proċedurali tal-partijiet skont ir-regoli l-ġodda. Bħala segwitu, it-Termini ta’ Referenza (TOR) tal-Uffiċjal tas-Seduta ġew modernizzati u adottati mill-President tal-Kummissjoni fl-2019. Dawn jipprovdu spjegazzjonijiet aktar ċari lill-partijiet interessati dwar ir-rwol u s-setgħat tal-Uffiċjal tas-Seduta, fid-dawl tar-realtajiet il-ġodda. L-Uffiċjal tas-Seduta ntalab ukoll jintervjeni f’oqsma oħra lil hinn mill-oqsma “klassiċi” ta’ investigazzjonijiet AD u AS, oqsma li huma koperti wkoll mit-TOR. Dan kien jikkonċerna investigazzjoni ta’ salvagwardja, u proċedimenti relatati mal-applikazzjoni tal-SĠP.

Fl-2019, l-Uffiċjal tas-Seduta rċieva 19-il talba ta’ intervent u organizza tmien seduti ta’ smigħ. F’okkażjoni minnhom, huwa estenda l-iskadenza għall-kummenti. F’għadd ta’ każijiet, it-talba għal intervent ġiet ippreżentata minn partijiet fl-istess ħin ma’ talba għal seduta ta’ smigħ mas-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-investigazzjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta sostna li l-partijiet interessati l-ewwel għandhom jindirizzaw it-tħassib tagħhom lis-servizzi tal-Kummissjoni u dan għandu jintervjeni biss f’każ li ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, dan l-approċċ ippermetta lill-partijiet interessati jsibu soluzzjoni direttament mal-iskwadri ta’ investigazzjoni.

Fl-2019, l-għadd ta’ investigazzjonijiet li wasslu għal talbiet ta’ intervent kien relattivament baxx, b’mod simili għall-2018. Il-partijiet interessati, fil-biċċa l-kbira, ikkontestaw id-determinazzjonijiet, il-fatti u l-konklużjonijiet tal-investigazzjonijiet. Fil-każijiet kollha, fejn kien iġġustifikat, intlaħaq ftehim mas-servizzi biex jiġu pprovduti kjarifiki jew divulgazzjonijiet addizzjonali.



II.    Infurzar aktar sod tal-miżuri

II.1    Attivitajiet antiċirkomvenzjoni

Iċ-ċirkomvenzjoni sseħħ meta produtturi esportaturi f’pajjiżi terzi jinvolvu ruħhom f’attivitajiet speċifiċi għall-iskop uniku li jevitaw li jħallsu dazji anti-dumping jew kompensatorji. Prattiki bħal dawn jinkludu, eż. konsenja tal-prodott minn pajjiż li mhux soġġett għal dazji biex tinħeba l-oriġini reali tiegħu (trasbord), modifika żgħira tal-prodott b’tali mod li ma jkollux dazji fuqu (modifika żgħira), jew esportazzjoni permezz ta’ produttur esportatur b’rati individwali aktar baxxi ta’ dazji anti-dumping jew kompensatorji (direzzjonar ta’ kumpaniji).

Iċ-ċirkomvenzjoni ta’ miżuri AD u AS mhijiex aċċettabbli. Din iddgħajjef id-dritt tal-industrija tal-Unjoni li tikseb serħan kontra prattiki kummerċjali inġusti u b’hekk tipperikola l-impjiegi u t-tkabbir fl-Unjoni.

L-infurzar xieraq tal-miżuri AD u AS dejjem kien fuq quddiem nett fl-aġenda tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha rekord ippruvat ta’ twettiq ta’ azzjoni qawwija kontra ċ-ċirkomvenzjonita’ miżuri. Fil-fatt, mill-140 miżura fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2019, 28 minnhom kienu miżuri antiċirkomvenzjoni.

Fl-2019, il-Kummissjoni ħadet il-ġlieda kontra ċ-ċirkomvenzjonigħal livelli ogħla billi żiedet l-investigazzjonijiet antiċirkomvenzjoni ex officio u billi saħħet il-partijiet operattivi tar-regolamenti li jimponu miżuri TDI, sabiex tnaqqas ir-riskju ta’ abbuż.

Investigazzjonijiet antiċirkomvenzjoni ex officio

Kull meta l-Kummissjoni kellha biżżejjed informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha li kienet qed isseħħ ċirkomvenzjoni, hija fetħet fuq inizjattiva tagħha stess (u mingħajr ma rċeviet ilment mill-industrija) investigazzjoni dwar il-materja (investigazzjoni ex officio). Il-Kummissjoni kienet kapaċi tiġbor biżżejjed evidenza biex tiftaħ il-każijiet fuq l-inizjattiva tagħha stess minħabba l-attivitajiet ta’ monitoraġġ tagħha.

Fl-2019, il-Kummissjoni fetħet erba’ investigazzjonijiet antiċirkomvenzjoni ex officio. Dan huwa xi ħaġa bla preċedent. L-erba’ każijiet jikkonċernaw:

·il-prattiki ta’ direzzjonar ta’ kumpaniji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina miċ-Ċina (“il-każ tal-oġġetti tal-mejda”);

·il-prattiki ta’ direzzjonar ta’ kumpaniji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ perossosulfati miċ-Ċina (għaddejjin bħalissa);

·il-prattiki ta’ modifika żgħira li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ azzar reżistenti għall-korrużjoni miċ-Ċina (għaddejjin bħalissa);

·il-prattiki ta’ trasbord mil-Laos, mill-Indja u mit-Tajlandja li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ elettrodi tat-tungstenu miċ-Ċina (għaddejjin bħalissa).

Dawn il-każijiet huma importanti. L-ewwel nett, tnejn minn erbgħa, jiġifieri l-każ tal-azzar u l-każ tal-oġġetti tal-mejda jikkonċernaw setturi tal-industrija li jimpjegaw ħafna ħaddiema fl-Ewropa. Bħala eżempju, is-settur tal-oġġetti tal-mejda jipprovdi kważi 27 000 impjieg dirett.

It-tieni nett, l-erba’ każijiet juru l-firxa wiesgħa ta’ attivitajiet ta’ ċirkomvenzjoni u d-determinazzjoni użata mill-produtturi esportaturi Ċiniżi. L-investigazzjoni antiċirkomvenzjoni dwar l-oġġetti tal-mejda kienet l-akbar proċediment antiċirkomvenzjoni tal-Kummissjoni f’termini ta’ riżorsi: il-Kummissjoni investigat 50 produttur Ċiniż, u 20 investigatur tal-Kummissjoni wettqu verifiki fuq il-post ta’ madwar 40 kumpanija Ċiniża fi żmien l-iskadenza obbligatorja ta’ 9 xhur. Il-Kummissjoni sabet li ħafna esportaturi li għandhom rata ta’ dazju aktar baxxa (prinċipalment 17,9 %) esportaw merkanzija taħt l-isem tagħhom stess minn produtturi li għandhom rata ta’ dazju ogħla (36,1 %), u għalhekk deliberatament ibbenefikaw b’mod mhux korrett minn dazju aktar baxx.

B’riżultat ta’ dan, f’ħafna każijiet, l-awtoritajiet doganali ma setgħux jiġbru l-ammont korrett ta’ dazju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti tal-mejda. L-investigazzjoni tal-Kummissjoni identifikat aktar minn 30 esportatur Ċiniż li kienu involuti f’din it-tip ta’ mġiba illegali. Peress li dawn il-kumpaniji użaw ħażin ir-rata ta’ dazju individwali u vantaġġuża tagħhom, il-Kummissjoni għamlithom soġġetti għar-rata tad-dazju ogħla applikabbli (36,1 %).

Leġiżlazzjoni aħjar

Is-sejbiet tal-investigazzjoni dwar l-oġġetti tal-mejda wrew ir-riskju tad-direzzjonar tal-esportazzjonijiet b’identità ħażina. Sabiex jitnaqqas dan ir-riskju, il-Kummissjoni żviluppat standards ta’ monitoraġġ u infurzar ogħla.

Pereżempju, il-Kummissjoni saħħet il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-rata tad-dazju individwali u vantaġġuża. L-importaturi li jridu jibbenefikaw minn rati ta’ dazju individwali jridu jissottomettu serje ta’ dokumenti addizzjonali.

Barra minn hekk, f’regolamenti ta’ implimentazzjoni futuri li jimponu miżuri, il-Kummissjoni se ttenni li l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jridu jagħmlu l-kontrolli meħtieġa lil hinn mis-sempliċi eżami ta’ dawn id-dokumenti.

OLAF

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-miżuri, il-Kummissjoni taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), bil-għan li tipprevjeni u tikxef il-frodi. Aktar dettalji jistgħu jinstabu fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni anness.

II.2    Applikazzjoni tat-TDI għal konsenji lejn il-blata kontinentali/EEZ tal-UE

Qabel l-implimentazzjoni sħiħa tal-modernizzazzjoni tat-TDI, 15 kien hemm distakk sinifikanti fl-applikazzjoni territorjali tad-dazji AD u AS. Dawn id-dazji kellhom l-istess kamp ta’ applikazzjoni territorjali bħad-dazji doganali, jiġifieri setgħu jiġu applikati biss fir-rigward tat-territorju doganali tal-UE. Madankollu, dan tal-aħħar ma jinkludix la l-blata kontinentali u lanqas iż-żona ekonomika esklussiva (EEZ) tal-Istati Membri. Madankollu, l-attività ekonomika fil-blata kontinentali/EEZ tinkludi l-użu tal-merkanzija tipikament soġġetta għal miżuri TDI, b’mod partikolari pajpijiet u tubi, kif ukoll prodotti użati fil-ġenerazzjoni tal-enerġija mir-riħ.

Sabiex telimina din il-lakuna importanti fl-infurzar tar-regoli TDI tagħha, l-UE segwiet approċċ f’żewġ stadji. L-ewwel nett, fil-kuntest tal-modernizzazzjoni tat-TDI, il-koleġiżlaturi ddeċidew li l-miżuri AD u AS jistgħu fi prinċipju japplikaw ukoll għal konsenji fil-blata kontinentali/EEZ tal-UE. It-tieni nett, peress li l-liġi doganali tapplika biss għat-territorju doganali, il-Kummissjoni ħolqot għodda doganali leġiżlattiva ad hoc li żgurat li l-leġiżlazzjoni doganali tal-UE tista’ tapplika mutatis mutandis għall-ġbir ta’ dazji AD u AS għal konsenji fil-blata kontinentali/EEZ. Il-proċess leġiżlattiv tlesta fit-3 ta’ Lulju 2019 16 u l-Għodda Doganali saret operattiva u applikabbli b’mod sħiħ mill-4 ta’ Novembru 2019. 17 L-għodda l-ġdida tipprevedi wkoll il-possibbiltà li jiġu rreġistrati importazzjonijiet fil-blata kontinentali/EEZ. Dan jippermetti li tinkiseb id-data statistika meħtieġa. Dan jippermetti wkoll li l-Kummissjoni tapplika miżuri għad-difiża tal-kummerċ b’effett retroattiv, jekk meħtieġ.



III.    L-effikaċja tal-applikazzjoni tal-miżuri reċenti

Il-veru għan tal-applikazzjoni tat-TDI huwa li jiġu restawrati kundizzjonijiet tal-kummerċ ġusti bejn l-importazzjonijiet u l-oġġetti prodotti fl-UE. Jekk pajjiż terz jesporta prodotti bi prezz artifiċjalment baxx (bħala riżultat ta’ dumping jew sussidjar), dan ħafna drabi jikkawża dannu lill-kumpaniji tal-UE, u distorsjoni fil-flussi kummerċjali li joriġinaw minn oriġini oħra (jiġifieri importazzjonijiet ġusti minn pajjiżi terzi li mhumiex oġġett ta’ dumping jew sussidjati). L-għan tal-miżuri TDI tal-UE huwa li jirrimedjaw l-effett dannuż ikkawżat mill-importazzjonijiet innegozjati b’mod inġust. Normalment ir-rimedju jikkonsisti fiż-żieda ta’ dazju anti-dumping jew kompensatorju fuq il-prezz tal-importazzjoni. Bħala riżultat, importazzjonijiet bħal dawn normalment jonqsu, peress li ma jibqgħux kompetittivi - ma jibbenefikawx minn dumping u/jew sussidji fis-suq tal-UE.

III.1    Tnaqqis fl-importazzjonijiet dannużi

Ladarba tinbeda investigazzjoni, l-ewwel azzjoni li l-Kummissjoni tista’ tieħu hija li tirreġistra l-importazzjonijiet, bil-ħsieb li jinġabru d-dazji b’mod retroattiv fil-mument tal-impożizzjoni tal-miżuri definittivi. F’ħafna każijiet, tali reġistrazzjoni diġà jkollha ċertu effett rimedjali – l-importaturi jantiċipaw ir-riskju li jkollhom iħallsu, fil-futur qarib, id-dazji li jistgħu jirriżultaw mill-konklużjonijiet tal-investigazzjoni.

Madankollu, huwa wara l-impożizzjoni nnifisha ta’ miżuri, li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping jew sussidjati jonqsu l-aktar. Il-proporzjon li bih ikun hemm tnaqqis fl-importazzjonijiet wara l-impożizzjoni tal-miżuri jista’ jikkostitwixxi indikatur tajjeb tal-effiċjenza ta’ tali miżuri. Dan juri kemm l-importazzjonijiet ipprezzati b’mod inġust jitneħħew mis-suq tal-UE. L-evoluzzjoni ta’ dan il-proporzjon tippermetti, f’ħafna każijiet, li jinsiltu konklużjonijiet dwar jekk il-miżuri tal-UE humiex effettivi u infurzati kif suppost. Fil-fatt, tnaqqis żgħir fl-importazzjonijiet wara l-impożizzjoni ta’ dazji AD jew AS jista’ jindika tentattivi ta’ assorbiment jew ta’ ċirkomvenzjoni minn dawn tal-aħħar. Kif intqal qabel, l-infurzar xieraq tal-miżuri huwa ta’ importanza kbira għall-effiċjenza tagħhom.

It-tabella ta’ hawn taħt turi l-effett tal-miżuri tal-UE adottati fis-snin 2017-2018 fuq il-flussi tal-importazzjoni tal-prodotti kkonċernati 18 :

Prodott taħt il-miżura (pajjiż ta’ oriġini)

% tat-tnaqqis tal-importazzjonijiet

Oġġetti tal-ħadid fondut miċ-Ċina

-57 %

Azzar reżistenti għall-korrużjoni miċ-Ċina

-100 %

Roti elettriċi miċ-Ċina

-83 %

Pjanċi tqal miċ-Ċina

-99 %

Prodotti ċatti b’laminazzjoni fis-sħana mill-Brażil, miċ-Ċina, mill-Iran, mir-Russja u mill-Ukrajna

-71 %

Tajers ġodda u b’wiċċ ġdid għal karozzi tal-linja jew trakkijiet miċ-Ċina

-74 %

Rebars mill-Belarussja

-86 %

Pajpijiet mingħajr saldatura tal-ħadid jew tal-azzar miċ-Ċina

-98 %

Fittings issaldjati tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar inossidabbli miċ-Ċina u mit-Tajwan

-81 %

Karta termika mir-Repubblika tal-Korea (il-Korea)

-90 %

Tnaqqis medju

-80 %

Sors: Kalkoli proprji bbażati fuq l-istatistika Comext (f’kg), ħlief għal Roti elettriċi u Tajers, li għalihom intużat id-data doganali tal-Istati Membri dwar unitajiet importati

Kif muri fit-tabella ta’ hawn fuq, fil-każ tal-oġġetti tal-ħadid fondut, l-importazzjonijiet naqsu b’57 % wara l-impożizzjoni tal-miżuri fi Frar 2019. Dan huwa inqas mill-proporzjon medju ta’ tnaqqis osservat f’każijiet reċenti. Fir-rigward ta’ dak il-prodott, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni anti-assorbiment fit-18 ta’ Diċembru 2019. Il-bidu kien ibbażat fuq evidenza li turi li, wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali, u wara l-impożizzjoni tad-dazji anti-dumping provviżorji, il-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi tal-prodott kienu naqsu. Dan it-tnaqqis seta’ naqqas l-effetti rimedjali tal-miżuri fis-seħħ. L-evidenza disponibbli għall-Kummissjoni indikat li t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-esportazzjoni ma setax jiġi spjegat minn tnaqqis fil-prezz tal-materja prima ewlenija jew minn bidla fit-taħlita tal-prodotti. L-evidenza wriet ukoll li l-importazzjonijiet ta’ oġġetti tal-ħadid fondut komplew jidħlu b’volumi sinifikanti fl-Unjoni, kif ikkorroborat ukoll miċ-ċifri ta’ hawn fuq dwar l-importazzjonijiet. Ir-riżultati ta’ din l-investigazzjoni antiassorbiment se jkunu disponibbli fl-2020.

III.2    Sorsi aktar diversifikati ta’ provvista

Ekonomija tal-UE li tiffunzjona b’mod tajjeb mhux biss tiddependi fuq l-esportazzjonijiet iżda wkoll fuq l-importazzjonijiet. F’dak ir-rigward, il-miżuri TDI tal-UE jaffettwaw biss lil dawk l-importazzjonijiet, li huma inġusti u dannużi. L-effett tal-miżuri TDI huwa li dawn l-importazzjonijiet inġusti u dannużi normalment jiġu sostitwiti jew mill-produzzjoni tal-UE jew inkella mill-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra, li għalihom ma hemm l-ebda evidenza ta’ pprezzar inġust (u li għalhekk mhuma soġġetti għall-ebda miżura). Għalhekk, id-dazji AD u AS jirrestawraw il-kundizzjonijiet ekwi kemm għall-industrija tal-produzzjoni tal-UE kif ukoll għall-fornituri ta’ pajjiżi terzi oħra, u b’hekk l-utenti tal-UE jkunu jistgħu jkomplu jgawdu minn sorsi diversifikati ta’ provvista. It-tabella ta’ hawn taħt turi kif is-sehem ta’ oġġetti prodotti fl-UE u importazzjonijiet mhux dannużi fil-konsum totali tal-UE nbidel wara l-impożizzjoni tal-miżuri 19 :

 

Qabel il-miżuri 20

Wara

miżuri 21

Sehem mis-suq tal-UE ta’ oġġetti prodotti fl-UE:

 

 

Radjaturi tal-aluminju miċ-Ċina

76 %

95 %

Fittings ta’ tubi u pajpijiet mill-Korea, mill-Malasja, mir-Russja u mit-Turkija 22

72 %

59 %

Prodotti tal-azzar miksija b’materjal organiku miċ-Ċina

76 %

85 %

Folji tal-aluminju f’rombli żgħar miċ-Ċina

85 %

92 %

Oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina miċ-Ċina

21 %

31 %

Fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin ta’ ħadid fondut malleabbli miċ-Ċina u mit-Tajlandja

39 %

63 %

Sehem mis-suq tal-UE ta’ importazzjonijiet dannużi inġusti 23 :

 

 

Radjaturi tal-aluminju miċ-Ċina

24 %

3 %

Fittings ta’ tubi u pajpijiet mill-Korea, mill-Malasja, mir-Russja u mit-Turkija

22 %

21 %

Prodotti tal-azzar miksija b’materjal organiku miċ-Ċina

14 %

0 %

Folji tal-aluminju f’rombli żgħar miċ-Ċina

13 %

2 %

Oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina miċ-Ċina 24  

67 %

56 %

Fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin ta’ ħadid fondut malleabbli miċ-Ċina u mit-Tajlandja

52 %

26 %

Sehem mis-suq tal-UE ta’ importazzjonijiet ġusti 25 :

 

 

Radjaturi tal-aluminju miċ-Ċina

0 %

2 %

Fittings ta’ tubi u pajpijiet mill-Korea, mill-Malasja, mir-Russja u mit-Turkija

6 %

20 %

Prodotti tal-azzar miksija b’materjal organiku miċ-Ċina

10 %

15 %

Folji tal-aluminju f’rombli żgħar miċ-Ċina

1 %

6 %

Oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina miċ-Ċina

12 %

13 %

Fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin ta’ ħadid fondut malleabbli miċ-Ċina u mit-Tajlandja

8 %

10 %

Sors: Regolamenti tal-UE

III.3    Impjiegi tal-UE protetti minn miżuri għad-difiża tal-kummerċ

Kif intqal hawn fuq, l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping jew sussidjati jikkawżaw jew jheddu li jikkawżaw dannu lill-kumpaniji tal-UE, u b’hekk ipoġġu f’riskju l-vijabbiltà tan-negozji tal-UE, u għalhekk tal-impjiegi tal-UE wkoll. Miżuri għad-difiża tal-kummerċ, billi jiġu rrestawrati l-kundizzjonijiet tal-kummerċ mhux dannużi, jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-impjiegi fil-kumpaniji tal-UE. F’kull investigazzjoni, il-Kummissjoni tikkalkula l-għadd ta’ impjiegi tal-UE li huma affettwati direttament mill-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat fil-kumpaniji li jsirilhom dannu mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping jew sussidjati. Dan in-numru jagħti idea dwar kif il-miżuri għad-difiża tal-kummerċ tal-UE jikkontribwixxu, billi jipproteġu l-impjiegi industrijali, biex iżommu ekonomija tal-UE b’saħħitha. Fi tmiem l-2019, il-137 miżura anti-dumping u antisussidji tal-UE kienu qed iħarsu minn kompetizzjoni inġusta madwar 343 000 impjieg dirett fl-UE. Il-miżuri imposti fl-2019 ikkontribwew għal żieda ta’ 23 000 fl-għadd ta’ impjiegi li bbenefikaw mill-miżuri TDI.

III.4    Sistema ġdida biex tiġi mmonitorjata l-effikaċja tal-miżuri

Il-Kummissjoni bħalissa qed tiżviluppa sistema interna ġdida li se ttejjeb il-monitoraġġ tal-effikaċja tal-miżuri fis-seħħ.

Is-sistema se tintegra f’post tal-ħżin wieħed l-informazzjoni dwar il-flussi kummerċjali u ċ-ċifri ta’ impjieg relatati mal-investigazzjonijiet u mal-miżuri. Il-Kummissjoni se taġġorna d-data b’mod regolari.

Dan se jippermetti li jitqabblu ċ-ċifri dwar l-importazzjonijiet ta’ prodotti soġġetti għal miżuri mal-importazzjonijiet irrappurtati għal perjodi qabel l-impożizzjoni tal-miżuri. B’dan se jkun possibbli li ssir evalwazzjoni rapida tal-effiċjenza u tal-impatt tal-miżuri. Barra minn hekk, is-sistema se taħżen ukoll informazzjoni dwar il-profittabbiltà, l-impjiegi u l-investiment minn rieżamijiet ta’ skadenza sussegwenti li se jippermettu li tiġi segwita l-evoluzzjoni tal-kundizzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(1)      Jikkonċerna l-impożizzjoni ta’ miżuri ġodda fl-2017 u l-2018. Fil-mument tal-finalizzazzjoni ta’ dan ir-Rapport ma kinitx disponibbli data affidabbli għall-2019.
(2)      Din il-parti tar-Rapport tħejjiet skont id-dispożizzjonijiet aġġornati tal-Artikolu 23 tar-Regolament Bażiku Anti-Dumping (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21), tal-Artikolu 34 tar-Regolament Bażiku Antisussidju (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55) u tal-Artikolu 23 tar-Regolament Bażiku dwar is-Salvagwardji (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16).
(3)    Il-miżuri jingħaddu għal kull prodott u għal kull pajjiż ikkonċernat. Il-miżuri ġew estiżi fil-qafas tal-attivitajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni, bħala riżultat ta’ investigazzjonijiet antiċirkomvenzjoni.
(4)      Id-dokumenti kollha huma disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/trade/issues/respectrules/anti_dumping/legis/index_en.htm  
(5)      In-numri ta’ inizjazzjonijiet u konklużjonijiet mhux se jiżdiedu minħabba li każ mibdi f’sena partikolari mhux neċessarjament jiġi konkluż fl-istess sena.
(6)      ĠU L 31, 1.2.2019, p.27
(7)      ĠU L 248, 27.9.2019, p.28
(8)      ĠU L 15, 17.1.2019, p.5
(9)      Din ir-regola tapplika f’investigazzjonijiet ġodda u rieżamijiet ta’ skadenza li nbdew wara l-20 ta’ Diċembru 2017.
(10)      Ara l-Anness Ia tar-Regolament AD bażiku.
(11)      Kull darba ntgħażel pajjiż rappreżentattiv uniku minħabba li: kien jirrappreżenta livell ta’ żvilupp ekonomiku simili għaċ-Ċina; il-prodott taħt rieżami/investigazzjoni ġie prodott f’dak il-pajjiż; u data pubblika rilevanti dwar l-ispejjeż tal-produzzjoni u tal-bejgħ kienet disponibbli f’dak il-pajjiż.
(12)      Dan jirriżulta b’żieda mal-elementi tas-soltu tal-prezz indikattiv, jiġifieri l-ispiża totali reali tal-produzzjoni u profitt raġonevoli.
(13)      għandu jiġi mfakkar li għall-kuntrarju tal-miżuri tal-AS u tal-AD, is-salvagwardji huma ġeneralment applikati fuq bażi mhux selettiva (jiġifieri ta’ “l-pajjiż l-aktar favorit”).
(14)      OECD (2019), Measuring distortions in international markets: the aluminium value chain, OECD Trade Policy Papers, (Inkejlu d-distorsjonijiet fi swieq internazzjonali: il-katina tal-valur tal-aluminju, Dokumenti dwar il-Politika Kummerċjali tal-OECD), Nru 218, OECD Publishing, Pariġi
(15)      ĠU L 143, 7.6.2018, p.1
(16)      ĠU L 179, 3.7.2019, p.12
(17)      ĠU C 366, 30.10.2019, p. 61
(18)      Tqabbil bejn l-importazzjonijiet qabel (jiġifieri fil-Perjodu ta’ Investigazzjoni (PI) u wara l-miżuri (fil-perjodu bejn Ottubru 2018 u Settembru 2019, li għalih kienet disponibbli l-aktar data kompluta reċenti fil-mument tal-finalizzazzjoni ta’ dan ir-Rapport)
(19)      Data bbażata fuq rieżamijiet ta’ skadenza reċenti. Il-każijiet kollha magħżula jirrappreżentaw miżuri li kienu soġġetti għall-ewwel rieżami ta’ skadenza li ġiet konkluża fl-2019 b’estensjoni.
(20)      Data dwar il-PI tal-investigazzjoni oriġinali.
(21)      Data relattiva għall-PI ta’ Rieżami fl-aħħar rieżami ta’ skadenza.
(22)      Filwaqt li l-miżuri rigward dan il-prodott ilhom fis-seħħ mill-2002, il-miżuri rigward ir-Russja issa ġew riveduti għall-ewwel darba (u estiżi).
(23)      Importazzjonijiet soġġetti għal miżuri tal-UE.
(24)      Fir-rigward tal-Oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina, iċ-ċifri ma jqisux l-effett tal-miżuri antiċirkomvenzjoni reċenti (ara t-Taqsima II.I).
(25)      L-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kollha mhux soġġetti għal miżuri tal-UE.