European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/848

7.5.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/848

tas-6 ta’ Mejju 2025

li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-partijiet dipendenti fuq kartiera

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (1), b’mod partikolari l-Artikolu 5b(11) tiegħu,

Billi:

(1)

Għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ partijiet dipendenti li jkun beħsiebhom jistrieħu fuq il-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali (“kartieri”) biex jipprovdu servizzi pubbliċi jew privati, kif jeżiġi r-Regolament (UE) Nru 910/2014, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu u jżommu reġistri nazzjonali tal-partijiet dipendenti fuq kartiera stabbiliti fit-territorju tagħhom.

(2)

Il-Kummissjoni tivvaluta teknoloġiji, prattiki, standards u speċifikazzjonijiet tekniċi ġodda b’mod regolari. Biex ikun żgurat l-ogħla livell ta’ armonizzazzjoni fost l-Istati Membri għall-iżvilupp u ċ-ċertifikazzjoni tal-kartieri, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti f’dan ir-Regolament jiddependu fuq il-ħidma mwettqa skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/946 (2) u b’mod partikolari l-Arkitettura u l-Qafas ta’ Referenza li hu parti minnu. F’konformità mal-premessa 75 tar-Regolament (UE) 2024/1183 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrieżamina u, jekk ikun meħtieġ, taġġorna dan ir-Regolament biex iżżommu konformi mal-iżviluppi dinjin, mal-Arkitettura u mal-Qafas ta’ Referenza u biex timxi skont l-aqwa prattiki fis-suq intern.

(3)

Biex jiżguraw aċċess wiesa’ għar-reġistri u biex jiksbu l-interoperabbiltà, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu interfaċċi li jinqraw mill-bniedem kif ukoll mill-magni u li jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti f’dan ir-Regolament. Il-fornituri taċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera u taċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera, meta disponibbli, jenħtieġ li għall-finijiet ta’ dawk iċ-ċertifikati jkunu jistgħu jistrieħu fuq dawk l-interfaċċi.

(4)

Peress li l-politiki tar-reġistrazzjoni jipprovdu gwida ċara lill-partijiet dipendenti fuq kartiera dwar il-proċess tar-reġistrazzjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu u jippubblikaw il-politiki tar-reġistrazzjoni applikabbli għar-reġistri nazzjonali stabbiliti fit-territorju tagħhom.

(5)

Ir-reġistrazzjoni tal-partijiet dipendenti fuq kartiera għandha l-iskop li żżid it-trasparenza ħalli tibni l-fiduċja fl-użu tal-kartieri. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu l-informazzjoni rilevanti disponibbli għall-pubbliku b’mod li jinqara mill-bniedem kif ukoll mill-magni. Għal dan il-għan, il-partijiet dipendenti fuq kartiera jenħtieġ li jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa, inkluż l-intitolament(i) tagħhom, lir-reġistri nazzjonali.

(6)

Barra minn hekk, għall-fini tat-trasparenza, il-partijiet dipendenti fuq kartiera jenħtieġ li jiddikjaraw jekk ikunx beħsiebhom jiddependu fuq l-identifikazzjoni elettronika tal-persuni fiżiċi.

(7)

Biex ikun żgurat li l-proċess tar-reġistrazzjoni jkun kosteffettiv u proporzjonat għar-riskju, ir-reġistraturi jenħtieġ li jistabbilixxu proċessi tar-reġistrazzjoni online u, meta applikabbli, awtomatizzati għall-partijiet dipendenti fuq kartiera li jkunu faċli biex jintużaw. Ir-reġistraturi jenħtieġ li jivverifikaw l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni mingħajr dewmien żejjed.

(8)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-kartieri jkunu jistgħu jawtentikaw lill-partijiet dipendenti fuq kartiera, irrispettivament minn fejn ikunu stabbiliti fl-Unjoni. Għal dan il-għan, il-partijiet dipendenti fuq kartiera jenħtieġ li jużaw iċ-“ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera” meta jidentifikaw lilhom infushom mal-unitajiet tal-kartiera. Biex tiġi garantita l-interoperabbiltà ta’ dawk iċ-ċertifikati fost il-kartieri kollha pprovduti fl-Unjoni, iċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera jenħtieġ li josservaw ir-rekwiżiti komuni stabbiliti fl-Anness. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżviluppa politiki taċ-ċertifikati u dikjarazzjonijiet tal-prattika taċ-ċertifikati armonizzati li jenħtieġ li jiġu implimentati mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni, b’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, jenħtieġ li timmonitorja mill-qrib l-iżvilupp ta’ standards ġodda jew alternattivi li fuqhom jistgħu jiġu implimentati ċertifikati tal-aċċess għall-partijiet dipendenti. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġu vvalutati l-mudelli tal-fiduċja li wrew l-effikaċja u s-sigurtà tagħhom fl-Istati Membri.

(9)

Kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 910/2014, il-partijiet dipendenti fuq kartiera jenħtieġ li ma jitolbux lill-utenti jipprovdu xi data għajr dik indikata għall-użu maħsub tal-kartieri waqt il-proċess tar-reġistrazzjoni. L-utenti tal-kartiera jenħtieġ li jkunu jistgħu jivverifikaw id-data tar-reġistrazzjoni tal-partijiet dipendenti fuq kartiera. Biex l-utenti tal-kartiera jkunu jistgħu jivverifikaw li l-attributi mitluba mill-parti dipendenti fuq kartiera huma fl-ambitu tal-attributi rreġistrati tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jeżiġu l-ħruġ ta’ ċertifikati tar-reġistrazzjoni tal-partijiet dipendenti fuq kartiera lill-partijiet dipendenti fuq kartiera rreġistrati. Biex tkun żgurata l-interoperabbiltà taċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni tal-partijiet dipendenti fuq kartiera, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li dawk iċ-ċertifikati jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti u l-istandards stabbiliti fl-Anness. B’mod partikolari, il-partijiet dipendenti fuq kartiera jenħtieġ li jiddikjaraw jekk ikunx beħsiebhom jiddependu fuq l-identifikazzjoni elettronika tal-persuni fiżiċi biex jissodisfaw wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) għall-fini tat-trasparenza. Il-partijiet dipendenti ma għandhomx jirrifjutaw l-użu ta’ psewdonimi, meta l-identifikazzjoni tal-utent ma tkunx meħtieġa bil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali.

(10)

Biex l-utenti jitħarsu mill-kondiviżjoni eċċessiva ta’ informazzjoni ma’ partijiet dipendenti fuq kartiera u jiġu mwissija f’każijiet bħal dawn, l-Istati Membri jenħtieġ li jinkludu politiki tal-aċċess komuni fil-politiki tagħhom dwar iċ-ċertifikati ħalli soluzzjoni tal-kartiera tkun tista’ tinforma lill-utent tal-kartiera kull meta parti dipendenti fuq kartiera titlob aktar informazzjoni minn dik li tkun irreġistrat jew ġiet awtorizzata taċċessa.

(11)

Biex jipproteġu lill-utenti tal-kartiera, ir-reġistraturi jenħtieġ li jkunu jistgħu jissospendu jew jikkanċellaw ir-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera mingħajr avviż minn qabel, meta r-reġistraturi jkollhom raġuni biex jemmnu li r-reġistrazzjoni fiha informazzjoni li ma tkunx eżatta, ma tkunx aġġornata jew tkun qarrieqa; li l-parti dipendenti fuq kartiera mhix tikkonforma mal-politika tar-reġistrazzjoni; jew li l-parti dipendenti fuq kartiera qed taġixxi b’xi mod ieħor li jikser id-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali jew id-Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali (5) b’mod li jkun relatat mar-rwol tagħha bħala parti dipendenti fuq kartiera, pereżempju jekk il-parti dipendenti fuq kartiera ma tkunx ġustament minimizzat is-sett ta’ attributi li titlob aċċess għalihom. Biex titħares l-istabbiltà tal-ekosistema tal-Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali (“l-ekosistema tal-kartieri”), id-deċiżjoni li tiġi sospiża jew ikkanċellata reġistrazzjoni jenħtieġ li tkun proporzjonata mat-interruzzjoni tas-servizz ikkaġunata bis-sospensjoni jew bil-kanċellazzjoni u l-kost u l-inkonvenjenza assoċjati għall-fornitur tas-servizzi u għall-utent. Skont l-Artikolu 46a(4), il-punt (f) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, il-korpi superviżorji għandu jkollhom ukoll is-setgħa li jissospendu u jikkanċellaw ir-reġistrazzjoni jekk ikun meħtieġ.

(12)

Għall-fini ta’ monitoraġġ ex post, ta’ investigazzjonijiet mill-korpi tal-infurzar tal-liġi, u ta’ trattament tat-tilwim, ir-reġistraturi jenħtieġ li jżommu rekords tal-informazzjoni kollha pprovduta mill-partijiet dipendenti fuq kartiera stabbiliti fir-reġistru nazzjonali tagħhom għal 10 snin.

(13)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 u, meta rilevanti, id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) japplikaw għall-attivitajiet tal-ipproċessar tad-data personali skont dan ir-Regolament.

(14)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u ta l-opinjoni tiegħu fil-31 ta’ Jannar 2025.

(15)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-kumitat stabbilit bl-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għar-reġistrazzjoni tal-partijiet dipendenti fuq kartiera.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“parti dipendenti fuq kartiera” tfisser parti dipendenti li jkun beħsiebha tiddependi fuq unitajiet tal-kartiera biex tipprovdi servizzi pubbliċi jew privati b’interazzjoni diġitali;

(2)

“unità tal-kartiera” tfisser konfigurazzjoni unika ta’ soluzzjoni tal-kartiera li tinkludi istanzi tal-kartiera, applikazzjonijiet kriptografiċi siguri tal-kartieri u apparati kriptografiċi siguri tal-kartieri pprovduti minn fornitur tal-kartieri lil utent individwali tal-kartiera;

(3)

“soluzzjoni tal-kartiera” tfisser kombinament ta’ software, hardware, servizzi, u konfigurazzjonijiet, inkluż istanzi tal-kartiera, applikazzjoni kriptografika sigura tal-kartieri waħda jew aktar, u apparat kriptografiku sigur tal-kartieri wieħed jew aktar;

(4)

“istanza tal-kartiera” tfisser l-applikazzjoni installata u konfigurata fuq apparat jew ambjent ta’ utent tal-kartiera, li hu parti minn unità tal-kartiera, u li l-utent tal-kartiera juża biex jinteraġixxi mal-unità tal-kartiera;

(5)

“applikazzjoni kriptografika sigura tal-kartieri” tfisser applikazzjoni li timmaniġġja assi kritiċi billi tkun konnessa ma’ u tuża l-funzjonijiet kriptografiċi u mhux kriptografiċi pprovduti mill-apparat kriptografiku sigur tal-kartieri;

(6)

“apparat kriptografiku sigur tal-kartieri” tfisser apparat reżistenti għat-tbagħbis li jipprovdi ambjent konness ma’ u juża l-applikazzjoni kriptografika sigura tal-kartieri biex jipproteġi l-assi kritiċi u jipprovdi funzjonijiet kriptografiċi għall-eżekuzzjoni sigura ta’ operazzjonijiet kritiċi;

(7)

“assi kritiċi” tfisser assi fi ħdan jew b’rabta ma’ unità tal-kartiera ta’ tali importanza straordinarja li meta d-disponibbiltà, il-kunfidenzjalità jew l-integrità tagħhom jiġu kompromessi, dan iħalli effett debilitanti serju ħafna fuq l-abbiltà li tiddependi fuq l-unità tal-kartiera;

(8)

“fornitur tal-kartieri” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi soluzzjonijiet tal-kartiera;

(9)

“utent tal-kartiera” tfisser utent li jkollu l-kontroll tal-unità tal-kartiera;

(10)

“reġistru nazzjonali tal-partijiet dipendenti fuq kartiera” tfisser reġistru elettroniku nazzjonali użat minn Stat Membru biex jagħmel l-informazzjoni dwar il-partijiet dipendenti fuq kartiera rreġistrati f’dak l-Istat Membru disponibbli għall-pubbliku kif stabbilit fl-Artikolu 5b(5) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014;

(11)

“fornitur ta’ ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li jkollha mandat minn Stat Membru biex toħroġ ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera għal partijiet dipendenti fuq kartiera rreġistrati f’dak l-Istat Membru;

(12)

“ċertifikat tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera” tfisser ċertifikat għas-siġilli jew firem elettroniċi li jawtentikaw u jivvalidaw il-parti dipendenti fuq kartiera maħruġ minn fornitur taċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera;

(13)

“fornitur ta’ data tal-identifikazzjoni personali” tfisser persuna fiżika jew ġuridika responsabbli biex toħroġ u tirrevoka d-data tal-identifikazzjoni personali u biex tiżgura li d-data tal-identifikazzjoni personali ta’ utent tkun marbuta b’mod kriptografiku ma’ unità tal-kartiera;

(14)

“reġistratur tal-partijiet dipendenti fuq kartiera” tfisser il-korp maħtur minn Stat Membru li jkun responsabbli biex jistabbilixxi u jżomm il-lista tal-partijiet dipendenti fuq kartiera li jkunu rreġistrati u stabbiliti fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru;

(15)

“ċertifikat tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera” tfisser oġġett tad-data li jiddeskrivi l-użu maħsub tal-parti dipendenti u jindika l-attributi li l-parti dipendenti rreġistrat li beħsiebha titlob mingħand l-utenti;

(16)

“fornitur ta’ ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li jkollha mandat mingħand Stat Membru biex toħroġ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-parti dipendenti fuq kartiera lil partijiet dipendenti fuq kartiera rreġistrati f’dak l-Istat Membru.

Artikolu 3

Reġistri nazzjonali

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jżommu mqar reġistru nazzjonali wieħed tal-partijiet dipendenti fuq kartiera bl-informazzjoni rigward il-partijiet dipendenti fuq kartiera rreġistrati stabbiliti f’dak l-Istat Membru.

2.   Ir-reġistru għandu jinkludi mqar l-informazzjoni stabbilita fl-Anness I.

3.   L-Istati Membri għandhom jaħtru mqar reġistratur wieħed biex jimmaniġġja u jopera mqar reġistru nazzjonali wieħed tal-partijiet dipendenti fuq kartiera.

4.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-informazzjoni stabbilita fl-Anness I dwar il-partijiet dipendenti fuq kartiera rreġistrati disponibbli online għall-pubbliku, kemm f’forma li tista’ tinqara mill-bniedem kif ukoll f’forma xierqa għall-ipproċessar awtomatizzat.

5.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun disponibbli fuq interfaċċa tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (API) komuni unika u fuq sit web nazzjonali. Din għandha tiġi ffirmata jew issiġillata b’mod elettroniku minn jew f’isem ir-reġistratur, f’konformità mar-rekwiżiti komuni għal API unika stabbiliti fit-Taqsima 1 tal-Anness II.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-API imsemmija fil-paragrafu 5 tkun konformi mar-rekwiżiti komuni stabbiliti fit-Taqsima 2 tal-Anness II.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistri jkunu konformi mal-politiki tar-reġistrazzjoni komuni rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 4.

Artikolu 4

Politiki tar-reġistrazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jippubblikaw politika tar-reġistrazzjoni nazzjonali waħda jew aktar applikabbli għar-reġistri nazzjonali stabbiliti fit-territorju tagħhom.

2.   L-Istati Membri jistgħu jinkludu jew jerġgħu jużaw politiki tar-reġistrazzjoni settorjali jew nazzjonali eżistenti.

3.   Il-politika tar-reġistrazzjoni nazzjonali għandha tinkludi mqar informazzjoni dwar:

(a)

il-proċeduri tal-identifikazzjoni u tal-awtentikazzjoni applikabbli għall-partijiet dipendenti fuq kartiera waqt il-proċess tar-reġistrazzjoni;

(b)

id-dokumentazzjoni ta’ sostenn meħtieġa, rigward l-identità, ir-reġistrazzjoni tan-negozju, l-intitolament(i) applikabbli, u informazzjoni rilevanti oħra dwar il-parti dipendenti fuq kartiera;

(c)

is-sorsi awtentiċi jew rekords elettroniċi uffiċjali oħra, u meta wieħed ikun jista’ jistrieħ fuq dawk is-sorsi jew ir-rekords biex tingħata data preċiża;

(d)

kwalunkwe informazzjoni oħra jew evidenza oħra meħtieġa bħala parti mill-proċess tar-reġistrazzjoni;

(e)

meta applikabbli, il-mezzi awtomatizzati li jippermettu lill-partijiet dipendenti fuq kartiera jirreġistraw jew jaġġornaw reġistrazzjoni eżistenti;

(f)

il-mekkaniżmu ta’ rimedju disponibbli għall-partijiet dipendenti fuq kartiera skont il-liġijiet u l-proċeduri tal-Istat Membru fejn hu stabbilit ir-reġistru nazzjonali;

(g)

ir-regoli u l-proċeduri għall-verifika tal-identità tal-partijiet dipendenti fuq kartiera rreġistrati u ta’ kull informazzjoni rilevanti oħra pprovduta minn dik il-parti.

4.   Il-proċeduri u d-dokumentazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, il-punti (a) u (b), għandhom jippermettu lill-partijiet dipendenti fuq kartiera jindikaw skont liema intitolament(i) speċifiċi qed jaġixxu, kif stabbilit fl-Anness I.

5.   Meta xieraq, ir-rekwiżiti stabbiliti fil-politika tar-reġistrazzjoni nazzjonali ma għandhomx ixekklu proċess awtomatizzat tar-reġistrazzjoni.

Artikolu 5

Informazzjoni li jridu jagħtu r-reġistri nazzjonali

1.   Il-partijiet dipendenti fuq kartiera għandhom imqar jipprovdu l-informazzjoni stabbilita fl-Anness I lir-reġistri nazzjonali.

2.   Il-partijiet dipendenti fuq kartiera għandhom jiżguraw li l-informazzjoni mogħtija tkun preċiża fil-mument tar-reġistrazzjoni.

3.   Il-partijiet dipendenti fuq kartiera għandhom jaġġornaw kull informazzjoni rreġistrata qabel fir-reġistru nazzjonali tal-partijiet dipendenti fuq kartiera mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 6

Proċessi tar-reġistrazzjoni

1.   Ir-reġistraturi għandhom jistabbilixxu proċessi awtomatizzati tar-reġistrazzjoni elettroniċi u faċli biex jintużaw għall-partijiet dipendenti fuq kartiera.

2.   Ir-reġistraturi għandhom jipproċessaw l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni mingħajr dewmien żejjedu jipprovdu tweġiba lill-applikant tat-talba għar-reġistrazzjoni tul il-perjodu definit fil-politika tar-reġistrazzjoni applikabbli, bil-mezzi xierqa u f’konformità mal-liġijiet u l-proċeduri tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit ir-reġistru nazzjonali.

3.   Meta possibbli, ir-reġistraturi għandhom jivverifikaw b’mod awtomatizzat:

(a)

l-eżattezza, il-validità, l-awtentiċità u l-integrità tal-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 5;

(b)

meta applikabbli, il-prokura ta’ rappreżentantu tal-partijiet dipendenti fuq kartiera mfassla u ppreżentata f’konformità mal-liġijiet u l-proċeduri tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit ir-reġistru nazzjonali;

(c)

it-tip ta’ intitolament(i) tal-partijiet dipendenti fuq kartiera kif stabbilit fl-Anness I;

(d)

in-nuqqas ta’ reġistrazzjoni eżistenti f’reġistru nazzjonali ieħor.

4.   Ir-reġistraturi għandhom jivverifikaw l-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 3 mad-dokumentazzjoni ta’ sostenn ipprovduta mill-partijiet dipendenti fuq kartiera jew ma’ sorsi awtentiċi xierqa jew rekords elettroniċi uffiċjali oħra fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit ir-reġistru nazzjonali u li r-reġistraturi jkollhom aċċess għaliha f’konformità mal-liġijiet u l-proċeduri nazzjonali applikabbli.

5.   Il-verifika tal-intitolamenti tal-partijiet dipendenti fuq kartiera msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (c) għandha ssir f’konformità mal-Anness III.

6.   Meta r-reġistratur ma jkunx jista’ jivverifika l-informazzjoni f’konformità mal-paragrafi 3 sa 5, ir-reġistratur għandu jirrifjuta r-reġistrazzjoni.

7.   Meta parti dipendenti fuq kartiera ma jkunx beħsiebha tibqa’ tiddependi fuq unitajiet tal-kartiera għall-forniment ta’ servizzi pubbliċi jew privati skont reġistrazzjoni speċifika, din għandha tinnotifika lir-reġistratur rilevanti mingħajr dewmien żejjed u titlob il-kanċellazzjoni ta’ dik ir-reġistrazzjoni.

Artikolu 7

Ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera

1.   L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw imqar awtorità waħda taċ-ċertifikati biex toħroġ ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri taċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera joħorġu ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera esklussivament lil partijiet dipendenti fuq kartiera rreġistrati.

3.   Il-politiki taċ-ċertifikati u d-dikjarazzjonijiet tal-prattika taċ-ċertifikati apposta għaċ-ċertifikati tal-aċċess għal partijiet dipendenti fuq kartiera, l-Istati Membri għandhom jimplimentawhom b’mod li jkun armonizzati sintattikament u semantikament, f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness IV.

Artikolu 8

Ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera

1.   L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw imqar awtorità waħda taċ-ċertifikati biex toħroġ ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera.

2.   Meta Stat Membru jkun awtorizza l-ħtuġ ta’ ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera, dak l-Istat Membru għandu:

(a)

jeżiġi li l-fornituri taċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera joħorġu ċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera esklussivament lil partijiet dipendenti fuq kartiera rreġistrati;

(b)

jiżgura li kull użu maħsub jiġi espress fiċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera;

(c)

jiżgura li ċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera jkollhom politika ġenerali tal-aċċess, ikunu armonizzati sintattikament u semantikament madwar l-Unjoni Ewropea, ikunu jinformaw lill-utenti li l-parti dipendenti fuq kartiera tista’ biss titlob id-data speċifikata fiċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni għall-użu maħsub irreġistrat fiċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni;

(d)

jiżgura li l-fornituri tas-soluzzjonijiet tal-kartiera stabbiliti f’dak l-Istat Membru jkunu konformi mal-politika ġenerali tal-aċċess billi jinfurmaw lill-utenti meta parti dipendenti fuq kartiera titlob data li mhix speċifikata fiċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni;

(e)

jimplimenta ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera b’mod li dawn ikunu armonizzati sintattikament u semantikament u jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness V;

(f)

jimplimenta politiki taċ-ċertifikati u dikjarazzjonijiet tal-prattika taċ-ċertifikati apposta għaċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness V;

(g)

jiżgura li l-partijiet dipendenti fuq kartiera jipprovdu URL għall-politika tal-privatezza dwar l-użu maħsub.

3.   Il-politika msemmija fil-punt (g) għandha tiġi espressa fiċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera.

Artikolu 9

Sospensjoni u kanċellazzjoni ta’ reġistrazzjoni

1.   Ir-reġistraturi għandhom jissospendu jew jikkanċellaw reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera meta sospensjoni jew kanċellazzjoni bħal din ikun talabha korp tas-sorveljanza skont l-Artikolu 46a(4), il-punt (f) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.

2.   Ir-reġistraturi jistgħu jissospendu jew jikkanċellaw reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera meta r-reġistraturi jkollhom raġunijiet biex jemmnu xi waħda minn dawn:

(a)

li r-reġistrazzjoni jkun fiha informazzjoni li ma tkunx preċiża, ma tkunx aġġornata jew tkun qarrieqa;

(b)

li l-parti dipendenti fuq kartiera ma tkunx konformi mal-politika tar-reġistrazzjoni;

(c)

li l-parti dipendenti fuq kartiera tkun qed titlob aktar attributi milli tkun irreġistrat f’konformità mal-Artikolu 5 u l-Artikolu 6;

(d)

li l-parti dipendenti fuq kartiera tkun qed taġixxi b’xi mod ieħor li jikser id-dritt tal-Unjoni jew tal-liġi nazzjonali b’mod relatat mar-rwol tagħha bħala p-arti dipendenti fuq kartiera.

3.   Ir-reġistraturi għandhom jissospendu jew jikkanċellaw reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera meta t-talba għal kanċellazzjoni jew sospensjoni tagħmilha l-istess parti dipendenti fuq kartiera.

4.   Meta jikkunsidra s-sospensjoni jew il-kanċellazzjoni f’konformità mal-paragrafu 2, ir-reġistratur għandu jwettaq valutazzjoni tal-proporzjonalità u jqis l-impatt fuq il-privatezza, is-sigurtà u l-kunfidenzjalità tal-utenti fl-ekosistema, kif ukoll is-severità tat-tfixkil ikkawżat mis-sospensjoni jew il-kanċellazzjoni u l-kostijiet assoċjati għall-parti dipendenti fuq kartiera u għall-utent. Skont ir-riżultat ta’ din il-valutazzjoni, ir-reġistratur jista’ jissospendi jew jikkanċella r-reġistrazzjoni b’notifika bil-quddiem jew mingħajrha lill-parti dipendenti fuq kartiera affettwata.

5.   Meta r-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera tiġi sospiża jew ikkanċellata, ir-reġistratur għandu jinforma lill-fornitur taċ-ċertifikati tal-aċċess rilevanti għal parti dipendenti fuq kartiera, lill-fornitur taċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni rilevanti ta’ parti dipendenti fuq kartiera, u lill-parti dipendenti fuq kartiera affettwata b’din l-azzjoni mingħajr dewmien żejjed u fi żmien 24 siegħa mis-sospensjoni jew mill-kanċellazzjoni. Din in-notifika għandha tinkludi informazzjoni dwar ir-raġunijiet għas-sospensjoni jew il-kanċellazzjoni u dwar il-mezzi disponibbli ta’ rimedju jew appell.

6.   Il-fornitur taċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera u l-fornitur taċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera, għandhom jirrevokaw, meta applikabbli u mingħajr dewmien żejjed, iċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera, u ċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera, rispettivament, tal-parti dipendenti fuq kartiera li għaliha r-reġistrazzjoni tkun ġiet sospiża jew ikkanċellata.

Artikolu 10

Żamma tar-rekords

Ir-reġistraturi għandhom iżommu rekords tal-informazzjoni pprovduta mill-partijiet dipendenti fuq kartiera u rreġistrata f’konformità mal-Anness I għar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera u għall-ħruġ taċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera u taċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera, u ta’ kull bidla sussegwenti f’din l-informazzjoni, għal 10 snin.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-24 ta’ Diċembru 2026.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/910/oj.

(2)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/946 tat-3 ta’ Ġunju 2021 dwar Sett ta’ Għodod komuni tal-Unjoni għal approċċ ikkoordinat lejn Qafas Ewropew għall-Identità Diġitali (ĠU L 210, 14.6.2021, p. 51, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2021/946/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2024/1183 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 fir-rigward tal-istabbiliment tal-Qafas Ewropew għall-Identità Diġitali (ĠU L, 2024/1183, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1183/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

(5)   ĠU C 23, 23.1.2023, p. 1.

(6)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/58/oj).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).


ANNESS I

Informazzjoni dwar il-partijiet dipendenti fuq kartiera

1.

Meta applikabbli, l-isem tal-parti dipendenti fuq kartiera, kif iddikjarat f’rekord uffiċjali flimkien mad-data tal-identifikazzjoni ta’ dak ir-rekord uffiċjali.

(a)

jekk l-ebda wieħed ma jkun applikabbli, għandu jintuża l-paragrafu 2.

2.

Meta applikabbli, isem faċli għall-utent tal-parti dipendenti fuq kartiera li jista’ jkun isem kummerċjali jew isem ta’ servizz li jista’ jingħaraf mill-utent.

3.

Meta applikabbli, identifikatur wieħed jew aktar tal-parti dipendenti fuq kartiera, kif dikjarat f-rekord uffiċjali flimkien mad-data tal-identifikazzjoni ta’ dak ir-rekord uffiċjali, espressi bħala:

(a)

numru tar-reġistrazzjoni u tal-identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi (EORI) kif imsemmi fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1352/2013 (1);

(b)

numru tar-reġistrazzjoni kif irreġistrat f’reġistru kummerċjali nazzjonali;

(c)

identifikatur ta’ entità ġuridika (LEI) kif imsemmi fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1860 (2);

(d)

numru tar-reġistrazzjoni tal-VAT (it-taxxa fuq il-valur miżjud);

(e)

numru tas-sisa kif imsemmi fl-Artikolu 2(12) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 389/2012 (3);

(f)

numru ta’ referenza tat-taxxa;

(g)

identifikatur uniku Ewropew (EUID) kif imsemmi fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1042 (4);

(h)

identifikatur jew identifikaturi nazzjonali oħra.

4.

L-indirizz fiżiku ta’ fejn tkun stabbilita l-parti dipendenti fuq kartiera.

5.

Meta applikabbli, lokalizzatur uniformi tar-riżorsi (“URL”) li jappartjeni għall-parti dipendenti fuq kartiera.

6.

Meta l-identifikatur jiġi espress f’konformità mal-punti 3 (a), (d), (f) jew (h), l-indikatur tal-pajjiż tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-parti dipendenti fuq kartiera għandu jkollu prefiss bil-kodiċijiet ISO 3166-1 Alpha 2, ħlief l-indikatur tal-pajjiż għall-Greċja li għandu jkun “EL”.

7.

Informazzjoni tal-kuntatt tal-parti dipendenti fuq kartiera, bi mqar waħda minn dawn:

(a)

sit web fejn il-parti dipendenti fuq kartiera tista’ tiġi kkuntattjata fuq kwistjonijiet relatati mal-forniment ta’ helpdesk u appoġġ;

(b)

numru tat-telefown għal kuntatt mal-parti dipendenti fuq kartiera dwar kwistjonijiet relatati mar-reġistrazzjoni tagħha u l-użu maħsub tal-unitajiet tal-kartiera;

(c)

indirizz tal-email għal kuntatt mal-parti dipendenti fuq kartiera dwar kwistjonijiet relatati mar-reġistrazzjoni tagħha u l-użu maħsub tal-unità tal-kartiera.

8.

Deskrizzjoni tat-tip ta’ servizzi li tipprovdi l-parti dipendenti fuq kartiera.

9.

Għal kull użu maħsub, lista tad-data, inkluż l-attestazzjonijiet u l-attributi, li l-parti dipendenti beħsiebha titlob, espressa bħala isem faċli għall-utent u isem tekniku, it-tip ta’ attestazzjoni u kwalunkwe sintassi oħra li d-data fi grupp skontha, b’format li jinqara mill-magni għal ipproċessar awtomatizzat.

10.

Għal kull użu maħsub, deskrizzjoni tal-użu maħsub tad-data li l-parti dipendenti fuq kartiera jkun beħsiebha titlob mingħand l-unitajiet tal-kartiera.

11.

Indikazzjoni dwar jekk il-parti dipendenti fuq kartiera hix korp tas-settur pubbliku.

12.

L-intitolament jew l-intitolamenti tal-parti dipendenti fuq kartiera li jridu jiġu espressi kif ġej:

(a)

“Service_Provider” li jesprimi l-intitolament tal-parti dipendenti fuq kartiera bħala fornitur tas-servizzi;

(b)

“QEAA_Provider” li jesprimi l-intitolament tal-parti dipendenti fuq kartiera bħala fornitur tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati li joħroġ attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi kwalifikati;

(c)

“Non_Q_EAA_Provider” li jesprimi l-intitolament tal-parti dipendenti fuq kartiera bħala fornitur tas-servizzi fiduċjarji li joħroġ attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi;

(d)

“PUB_EAA_Provider” li jesprimi l-intitolament tal-parti dipendenti fuq kartiera bħala fornitur ta’ attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli minn sors awtentiku;

(e)

“PID_Provider” li jesprimi l-intitolament tal-parti dipendenti fuq kartiera bħala fornitur ta’ data tal-identifikazzjoni personali;

(f)

“QCert_for_ESeal_Provider” li jesprimi l-intitolament tal-parti dipendenti fuq kartiera bħala fornitur tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati li joħroġ ċertifikati għas-siġilli elettroniċi kwalifikati;

(g)

“QCert_for_ESig_Provider” li jesprimi l-intitolament tal-parti dipendenti fuq kartiera bħala fornitur tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati li joħroġ ċertifikati għall-firem elettroniċi kwalifikati;

(h)

“rQSigCDs_Provider” li jesprimi l-intitolament tal-parti dipendenti fuq kartiera bħala fornitur tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati li jipprovdi servizzi fiduċjarji kwalifikati għall-ġestjoni ta’ apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi mill-bogħod;

(i)

“rQSealCDs_Provider” li jesprimi l-intitolament tal-parti dipendenti fuq kartiera bħala fornitur tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati li jipprovdi servizzi fiduċjarji kwalifikati għall-ġestjoni ta’ apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi mill-bogħod;

(j)

“ESig_ESeal_Creation_Provider” li jesprimi l-intitolament tal-parti dipendenti fuq kartiera bħala fornitur tas-servizzi fiduċjarji mhux kwalifikati li jipprovdi servizzi fiduċjarji mhux kwalifikati għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi jew siġilli elettroniċi mill-bogħod.

13.

Fir-rigward tal-paragrafu 12, il-punt (c), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu subintitolamenti addizzjonali biex jiddikjaraw liema attestazzjonijiet għandu joħroġ emittent speċifiku mhux kwalifikat ta’ attestazzjoni elettronika tal-attributi;

14.

Meta applikabbli, indikazzjoni li l-parti dipendenti fuq kartiera tiddependi fuq intermedjarju li jaġixxi f’isem il-parti dipendenti li jkun beħsiebha tiddependi fuq il-kartiera.

15.

Meta applikabbli, assoċjazzjoni mal-intermedjarju li l-parti dipendenti fuq kartiera tkun qed tiddependi fuqha u li tkun qed taġixxi f’isem il-parti dipendenti li jkun beħsiebha tiddependi fuq il-kartiera.


(1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1352/2013 tal-4 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-formoli previsti fir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 341, 18.12.2013, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/1352/oj).

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1860 tal-10 ta’ Ġunju 2022 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards, il-formati, il-frekwenza u l-metodi u l-arranġamenti għar-rapportar (ĠU L 262, 7.10.2022, p. 68, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/1860/oj).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 389/2012 tat-2 ta’ Mejju 2012 dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2073/2004 (ĠU L 121, 8.5.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/389/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1042 tat-18 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-proċeduri għas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2244 (ĠU L 225, 25.6.2021, p. 7 (ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/1042/oj).


ANNESS II

1.   REKWIŻITI GĦALL-FIREM JEW IS-SIĠILLI ELETTRONIĊI APPLIKATI GĦALL-INFORMAZZJONI DISPONIBBLI FUQ IL-PARTIJIET DIPENDENTI FUQ KARTIERA MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3

—

JavaScript Object Notation (“JSON”);

—

IETF 7515 għall-JSON Web Signatures.

2.   REKWIŻITI GĦALL-API KOMUNI UNIKA MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3

(1)

L-API komuni unika għandha:

(a)

tkun REST API, li tappoġġa l-JSON bħala format u ffirmata f’konformità mar-rekwiżiti rilevanti speċifikati fit-Taqsima 1;

(b)

tippermetti lil kull min jagħmel it-talba, mingħajr awtentikazzjoni minn qabel, biex ifittex u jitlob listi sħaħ mingħand ir-reġistru, għal informazzjoni dwar partijiet dipendenti fuq kartiera rreġistrati, b’mod li jkunu jistgħu jsiru tqabbiliet parzjali abbażi ta’ parametri definiti inkluż, meta applikabbli, in-numru uffiċjali jew tar-reġistrazzjoni tan-negozju tal-parti dipendenti fuq kartiera, l-isem tal-parti dipendenti fuq kartiera jew l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8, il-paragrafu 2, il-punt (g) u l-Anness I, il-punti 12, 13, 14 u 15;

(c)

tiżgura li t-tweġibiet tat-talbiet imsemmija fil-punt (b) li jaqblu ma’ mqar parti dipendenti fuq kartiera waħda jkunu jinkludu dikjarazzjoni waħda jew aktar dwar informazzjoni dwar partijiet dipendenti fuq kartiera rreġistrati u informazzjoni skont l-Anness I, ċertifikati tal-aċċess attwali u storiċi għal partijiet dipendenti fuq kartiera u ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ partijiet dipendenti fuq kartiera, iżda li ma jkunx fihom l-informazzjoni tal-kuntatt fl-Anness I, il-punt 4;

(d)

tiġi ppubblikata bħala verżjoni 3 tal-OpenAPI, flimkien mad-dokumentazzjoni u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi xierqa li jiżguraw l-interoperabbiltà madwar l-Unjoni;

(e)

tipprovdi funzjonijiet tas-sigurtà, inkluż is-sigurtà b’mod prestabbilit u mid-dissin, biex ikunu żgurati d-disponibbiltà u l-integrità tal-API u d-disponibbiltà tal-informazzjoni permezz tagħha.

(2)

Id-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-punt (c) għandhom jiġu espressi fil-forma ta’ fajls JSON iffirmati jew issiġillati elettronikament, b’format u struttura konformi mar-rekwiżiti dwar il-firem jew is-siġilli elettroniċi stabbiliti fit-Taqsima 1.


ANNESS III

Sors ta’ prova dokumentarja għall-verifika tal-intitolamenti ta’ partijiet dipendenti fuq kartiera msemmija fl-Artikolu 6

1.

Il-verifika li parti dipendenti fuq kartiera tkun fornitur ta’ attestazzjonijiet elettroniċi kwalifikati tal-attributi, fornitur ta’ ċertifikati kwalifikati għall-firem jew is-siġilli elettroniċi, jew fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati għall-ġestjoni ta’ apparati kwalifikati għall-ħolqien ta’ firem jew siġilli elettroniċi mill-bogħod, għandha tkun ibbażata fuq il-listi affidabbli nazzjonali ppubblikati f’konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.

2.

Il-verifika li parti dipendenti fuq kartiera tkun fornitur ta’ attestazzjonijiet elettroniċi mhux kwalifikati tal-attributi jew fornitur ta’ ħolqien ta’ firem jew siġilli elettroniċi mill-bogħod bħala servizz fiduċjarju mhux kwalifikat għandha tkun ibbażata, meta applikabbli, fuq il-listi affidabbli nazzjonali ppubblikati f’konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 jew, għall-fornituri tas-servizzi fiduċjarji mhux kwalifikati li mhumiex irreġistrati fil-listi affidabbli nazzjonali, fuq proċeduri ta’ verifika li l-Istati Membri jkunu stabbilew fil-politiki tar-reġistrazzjoni tagħhom kif stabbilit fl-Artikolu 4.

3.

Il-verifika li parti dipendenti fuq kartiera hija fornitur ta’ data tal-identifikazzjoni personali għandha tkun ibbażata fuq il-lista ta’ fornituri ta’ data tal-identifikazzjoni personali ppubblikata mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 5a(18) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.

4.

Il-verifika li parti dipendenti fuq kartiera hija fornitur ta’ attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi maħruġa minn jew f’isem korp tas-settur pubbliku responsabbli minn sors awtentiku għandha tkun ibbażata fuq il-lista ppubblikata mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 45f(3) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.


ANNESS IV

Rekwiżiti għaċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera msemmija fl-Artikolu 7

1.

Il-politika taċ-ċertifikat tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera applikabbli għall-forniment taċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera għandha tiddeskrivi r-rekwiżiti tas-sigurtà li japplikaw għal, u r-regoli li jindikaw l-applikabbiltà ta’, ċertifikat tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera biex il-partijiet dipendenti fuq kartiera jkunu jistgħu jinħarġulhom u jużaw dawk iċ-ċertifikati fl-interazzjonijiet tagħhom ma’ soluzzjonijiet tal-kartiera.

2.

Id-dikjarazzjoni tal-prattika taċ-ċertifikat tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera applikabbli għall-forniment ta’ ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera għandha tiddeskrivi l-prattiki li fornitur taċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera juża biex joħroġ, imexxi, jirrevoka jew joħroġ kjavi ġdid għaċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera.

3.

Il-politika taċ-ċertifikati u d-dikjarazzjoni tal-prattika taċ-ċertifikati applikabbli għall-forniment taċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera għandhom ikunu armonizzati sintattikament u semantikament mal-Unjoni kollha u għandhom, kif applikabbli, ikunu konformi mqar mar-rekwiżiti tal-politika taċ-ċertifikati normalizzata (“NCP”) kif speċifikat fl-istandard ETSI EN 319411-1 il-verżjoni 1.4.1 (2023-10), u għandhom jinkludu:

(a)

deskrizzjoni ċara tal-ġerarkija tal-infrastruttura tal-kjavi pubblika u tal-perkorsi taċ-ċertifikazzjoni miċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera tal-entità aħħarija sal-quċċata tal-ġerarkija użata għall-ħruġ tagħhom, li tkun tindika l-ankra/i tal-fiduċja mistennija f’tali ġerarkija u l-perkorsi li jenħtieġ li jistrieħu fuq il-qafas ta’ fiduċja stabbilit f’konformità mal-Artikolu 5a(18) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014;

(b)

deskrizzjoni komprensiva tal-proċeduri għall-ħruġ ta’ ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera, inkluż għall-verifika tal-identità u ta’ kull attribut ieħor tal-parti dipendenti fuq kartiera li għaliha għandu jinħareġ ċertifikat għal parti dipendenti fuq kartiera;

(c)

l-obbligu li l-fornituri taċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera, meta joħorġu ċertifikat tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera, jivverifikaw li:

—

il-parti dipendenti fuq kartiera tkun inkluża, bi status validu tar-reġistrazzjoni, f’reġistru nazzjonali tal-partijiet dipendenti fuq kartiera tal-Istat Membru li fih tkun stabbilita dik il-parti dipendenti fuq kartiera;

—

kull informazzjoni fiċ-ċertifikat tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera tkun preċiża u konsistenti mal-informazzjoni tar-reġistrazzjoni disponibbli f’dak ir-reġistru;

(d)

deskrizzjoni komprensiva tal-proċeduri għar-revoka taċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera;

(e)

l-obbligu li l-fornituri taċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera jimplimentaw miżuri u proċessi biex:

—

jimmonitorjaw kontinwament kull bidla fir-reġistru nazzjonali għal partijiet dipendenti fuq kartiera li fih ikunu rreġistrati l-partijiet dipendenti fuq kartiera li jkunu nħarġulhom ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera;

—

meta l-bidliet ikunu jeħtieġu dan, jirrevokaw kull ċertifikat ta’ parti dipendenti fuq kartiera li l-fornitur ikun ħareġ għall-parti dipendenti fuq kartiera korrispondenti, b’mod partikolari meta l-kontenut taċ-ċertifikat ma jkunx għadu preċiż u konsistenti mal-informazzjoni rreġistrata, jew meta r-reġistrazzjoni tal-parti dipendenti fuq kartiera tiġi sospiża jew ikkanċellata;

(f)

deskrizzjoni komprensiva tal-proċeduri u l-mekkaniżmi għall-validazzjoni armonizzata taċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera mal-Unjoni;

(g)

l-obbligu li l-fornituri taċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera jippermettu lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluż lill-partijiet dipendenti fuq kartiera fir-rigward taċ-ċertifikati tagħhom stess, lill-korpi kompetenti tas-sorveljanza u lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, jitolbu r-revoka taċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera;

(h)

l-obbligu li l-fornituri taċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera jirreġistraw kull revoka bħal din fil-bażi tad-data taċ-ċertifikati tagħhom u li jippubblikaw l-istatus tar-revoka taċ-ċertifikat fil-ħin, u fi kwalunkwe każ fi żmien 24 siegħa minn meta jirċievu t-talba għar-revoka;

(i)

l-obbligu li l-fornituri taċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera jipprovdu informazzjoni dwar l-istatus tal-validità jew tar-revoka taċ-ċertifikati ta’ parti dipendenti fuq kartiera maħruġa minn dak il-fornitur;

(j)

deskrizzjoni, meta rilevanti, ta’ kif fornituri taċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera jirreġistraw iċ-ċertifikati kollha tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera li jkunu ħarġu, f’konformità mat-talba għat-taskforce tal-inġinerija tal-Internet (IETF) għall-kummenti, (RFC) 9162 il-verżjoni 2.0 tat-Trasparenza taċ-Ċertifikat;

(k)

l-obbligu li ċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera jkun fihom:

—

il-post fejn ikun disponibbli ċ-ċertifikat li jappoġġa l-firma elettronika avvanzata jew is-siġill elettroniku avvanzat fuq dak iċ-ċertifikat, għall-perkors kollu taċ-ċertifikazzjoni sħiħ li jrid jinbena sal-ankra tal-fiduċja mistennija fil-ġerarkija tal-infrastruttura tal-kjavi pubblika użata mill-fornitur;

—

referenza proċessabbli minn magna għall-politika taċ-ċertifikat u d-dikjarazzjoni tal-prattika taċ-ċertifikat applikabbli;

—

l-informazzjoni msemmija fl-Anness I, il-punti 1, 2, 3, 5, 6 u 7, (a), (b) u (c).

4.

Ir-revoka stabbilita fil-punt 3(g) għandha ssir effettiva minnufih malli tiġi ppubblikata.

5.

L-informazzjoni stabbilita fil-punt 3(h) għandha tkun disponibbli mqar abbażi ta’ ċertifikat fi kwalunkwe ħin u mqar wara l-perjodu tal-validità taċ-ċertifikat b’mod awtomatizzat li jkun affidabbli, bla ħlas u b’mod effettiv f’konformità mal-politika taċ-ċertifikat.


ANNESS V

Rekwiżiti għaċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera msemmija fl-Artikolu 8

1.

Il-politika taċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera applikabbli għall-forniment ta’ ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera għandha tiddeskrivi r-rekwiżiti tas-sigurtà li japplikaw għal ċertifikat tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera, u r-regoli li jindikaw l-applikabbiltà tiegħu, għall-ħruġ u l-użu tiegħu minn partijiet dipendenti fuq kartiera fl-interazzjonijiet tagħhom ma’ soluzzjonijiet tal-kartiera. Il-politika taċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera għandha tiġi ppubblikata b’mod li jinqara mill-bniedem.

2.

Id-dikjarazzjoni tal-prattika taċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera applikabbli għall-forniment ta’ ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera għandha tiddeskrivi l-prattiki li fornitur ta’ ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera juża biex joħroġ, imexxi, jirrevoka u jagħti klavi ġodda għaċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera u, meta applikabbli, kif dawn jirrelataw maċ-ċertifikati tal-aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera maħruġa għall-partijiet dipendenti fuq kartiera. Id-dikjarazzjoni tal-prattika taċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera għandha tiġi ppubblikata b’mod li jinqara mill-bniedem.

3.

Il-politika taċ-ċertifikati u d-dikjarazzjoni tal-prattika taċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera applikabbli għall-forniment taċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera għandhom ikunu armonizzati sintattikament u semantikament mal-Unjoni kollha u għandhom ikunu konformi mqar mar-rekwiżiti NCP applikabbli kif speċifikat fl-istandard ETSI EN 319411-1 il-verżjoni 1.4.1 (2023-10), u għandhom jinkludu:

(a)

deskrizzjoni ċara tal-ġerarkija tal-infrastruttura tal-kjavi pubblika u tal-perkorsi taċ-ċertifikazzjoni miċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni tal-entità aħħarija tal-parti dipendenti fuq kartiera sal-quċċata tal-ġerarkija użata għall-ħruġ tagħhom, filwaqt li tindika l-ankra/i tal-fiduċja mistennija f’tali ġerarkija u perkors;

(b)

deskrizzjoni komprensiva tal-proċeduri għall-ħruġ taċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera, inkluż għall-verifika tal-identità u ta’ kull attribut tal-parti dipendenti fuq kartiera li għaliha jrid jinħareġ ċertifikat ta’ parti dipendenti fuq kartiera;

(c)

l-obbligu li l-fornitur taċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera, meta joħroġ ċertifikat tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera, jivverifika li:

—

il-parti dipendenti fuq kartiera tkun inkluża, bi status validu tar-reġistrazzjoni, f’reġistru nazzjonali għall-partijiet dipendenti fuq kartiera tal-Istat Membru li fih tkun stabbilita dik il-parti dipendenti fuq kartiera;

—

l-informazzjoni fiċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera tkun preċiża u konsistenti mal-informazzjoni tar-reġistrazzjoni disponibbli f’dak ir-reġistru;

—

iċ-ċertifikat ta’ aċċess għal parti dipendenti fuq kartiera jkun validu;

—

id-deskrizzjoni tal-proċeduri għar-revoka taċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera tkun komprensiva;

(d)

l-obbligu li l-fornitur taċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera jimplimenta miżuri u proċessi biex:

—

jimmonitorja kontinwament b’mod awtomatizzat kull bidla fir-reġistru nazzjonali tal-partijiet dipendenti fuq kartiera li fihom ikunu rreġistrati l-partijiet dipendenti fuq kartiera li għalihom ikunu nħarġu ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera;

—

jerġa’ joħroġ iċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera;

—

jirrevoka kull ċertifikat tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera li jkun ħareġ għall-parti dipendenti fuq kartiera korrispondenti, meta dawn il-bidliet ikunu jeħtieġu dan, b’mod partikolari meta l-kontenut taċ-ċertifikat ma jkunx għadu preċiż u konsistenti mal-informazzjoni rreġistrata, jew meta r-reġistrazzjoni tal-parti dipendenti fuq kartiera tiġi modifikata, sospiża jew ikkanċellata;

(e)

deskrizzjoni komprensiva tal-proċeduri u l-mekkaniżmi għall-validazzjoni armonizzata taċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera;

(f)

l-obbligu li l-fornitur taċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera jippermetti lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, inkluż il-partijiet dipendenti fuq kartiera fir-rigward taċ-ċertifikati tagħhom stess, il-korpi tas-sorveljanza kompetenti u l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, li jitolbu r-revoka taċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera;

(g)

l-obbligu li l-fornitur taċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera li jirreġistra din ir-revoka fil-bażi tad-data taċ-ċertifikati tiegħu u li jippubblika l-istatus tar-revoka taċ-ċertifikat fil-ħin, u fi kwalunkwe każ fi żmien 24 siegħa wara li jirċievi t-talba għar-revoka;

(h)

l-obbligu li l-fornituri taċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera jipprovdu informazzjoni dwar l-istatus tal-validità jew tar-revoka taċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera maħruġa minn dak il-fornitur;

(i)

deskrizzjoni, meta rilevanti, ta’ kif fornitur ta’ ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera jirreġistra ċ-ċertifikati kollha tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera li jkun ħareġ;

(j)

l-obbligu li ċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti fuq kartiera jkunu:

—

jinkludu l-post fejn tkunu qiegħda d-data tal-validazzjoni tal-firma elettronika avvanzata jew tas-siġill elettroniku avvanzat għaċ-ċertifikat użat għall-iffirmar jew għas-siġillar taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni, għall-katina kollha tal-fiduċja li trid tinbena sal-ankra tal-fiduċja mistennija;

—

jinkludu referenza li tinqara minn magna għall-politika taċ-ċertifikati u d-dikjarazzjoni tal-prattika taċ-ċertifikati applikabbli;

—

jinkludu l-informazzjoni msemmija fl-Anness I, il-punti 1, 2, 3, 5, 6 u 8, 9, 10, 11, 12, 13, 14 u 15;

—

jinkludu l-URL għall-politika tal-privatezza msemmija fl-Artikolu 8(2)g;

—

jinkludu politika ġenerali tal-aċċess kif imsemmi fl-Artikolu 8(3).

4.

Il-format għall-iskambju tad-data għaċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni ta’ parti dipendenti għandu jkun JSON Web Tokens (IETF RFC 7519) u CBOR Web Tokens (IETF RFC 8392) iffirmati.

5.

Ir-revoka msemmija fil-punt 3(g) għandha ssir effettiva minnufih malli tiġi ppubblikata.

6.

L-informazzjoni msemmija fil-punt 3(h) għandha tkun disponibbli mqar abbażi ta’ ċertifikat fi kwalunkwe ħin u mqar wara l-perjodu tal-validità taċ-ċertifikat b’mod awtomatizzat li jkun affidabbli, bla ħlas u b’mod effettiv f’konformità mal-politika taċ-ċertifikati.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/848/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)