17.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 185/18


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-21 ta’ Frar 2007

Dwar l-Għajnuna mill-Istat nru C 16/2006 (ex NN 34/2006) tar-Reġjun ta’ Sardinja lil Nuova Mineraria Silius SpA

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 473)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2007/499/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, partikolarment l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 88(2)

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, partikolarment l-Artikolu 62, il-paragrafu 1(a) tiegħu,

u wara li talbet lill-partijiet interessati (1) sabiex iressqu l-kummenti tagħhom, b’konformità ma’ dawn l-Artikoli, u b’kunsiderazzjoni tal-kummenti li ntbagħtulha,

billi:

PROĊEDURA:

(1)

L-għajnuna li l-Italja bi ħsiebha tagħti lil Nuova Mineraria Silius ġiet innotifikata lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra mibgħuta fit-30 ta’ Novembru 2005. Fil-21 ta’ Diċembru l-Kummissjoni talbet għal iktar informazzjoni, li l-Italja bagħtitilha permezz ta’ ittra rreġistrata fis-7 ta’ Frar 2006.

(2)

Permezz ta’ l-ittra tas-26 ta’ April 2006 il-Kummissjoni għarrfet lill-Italja li, dwar l-għajnuna in kwistjoni, kienet iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88, it-tieni paragrafu, tat-Trattat tal-KE.

(3)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni sabiex tiftaħ il-proċedura ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (2). Il-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom dwar dawn il-proċeduri.

(4)

Fit-12 ta’ Mejju 2006 saret laqgħa ma’ l-awtoritajiet Taljani, li taw ir-reazzjoni tagħhom dwar il-ftuħ tal-proċedura permezz ta’ l-ittri ta’ l-14 ta’ Lulju u tat-30 ta’ Awwissu 2006. Il-Kummissjoni talbet għal informazzjoni supplementari permezz ta’ l-ittra tat-18 ta’ Settembru, u li għaliha l-Italja rrispondiet fit-3 ta’ Novembru u fil-31 ta’ Diċembru 2006.

(5)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mill-partijiet interessati u bagħtithom lill-Italja, filwaqt li tatha ċ-ċans tweġibhom. L-awtoritajiet Taljani wieġbu permezz ta’ l-ittra tat-3 ta’ Novembru 2006.

DESKRIZZJONI TAL-BENEFIĊJARJU U TAL-MIŻURI TA’ GĦAJNUNA

(6)

Il-benefiċjarju ta’ l-għajnuna hija Nuova Mineraria Silius SpA (“NMS”), kumpanija li hija 100 % propjetà tar-Reġjun Awtonomu ta’ Sardinja (“RAS”). L-NMS tagħmel użu minn riżorsa ta’ fluorite (3) fil-komun ta’ Silius, f’Sardinja. Fl-2004 (skond l-aħħar data disponibbli), il-kumpanija rreġistrat bejgħ ta’ 4.96 miljun EUR u kellha 163 impjegat.

(7)

L-NMS ġiet stabbilita fl-1992 mir-RAS u mill-Minmet Financing Company. Fi stadju iktar tard, ir-RAS biegħet l-azzjonijiet (is-97.5 % fl-1996 u attwalment il-100 %) lill-entità pubblika “Ente Minerario Sardo” (“EMSA”). Fl-1998 l-EMSA sfat likwidata. Il-likwidatur ingħata mandat sabiex, jekk ikun possibbli, jipprivatizza l-impriża, jew inkella jagħlaqha. Madankollu, wara li fallew it-tentattivi ta’ privatizzazzjoni ta’ l-NMS, u l-EMSA waqqfet l-attivitajiet (f’Ġunju ta’ l-2002), l-NMS ma sfatx illikwidata.

(8)

Wara l-falliment tal-privatizzazzjoni, l-Italja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar il-proġett ta’ investiment ta’ kapital fil-kumpannija, bl-ammont totali jkun ta’ madwar 24 miljun EUR. Skond l-Italja, il-kapital il-ġdid jippermetti investimenti intiżi għall-użu ta’ riżorsi li jinsabu iktar fil-fond, li jwassal għal żieda fil-kontenut ta’ l-estrazzjoni tal-fluorite u b’hekk żieda fil-produzzjoni totali tal-minjiera.

(9)

L-Italja argumentat li nnotifikat din il-miżura biss għall-fini taċ-ċertezza legali, minħabba li l-miżura proposta ma tistax titqies bħala għajnuna mill-Istat, għaż-żewġ raġunijiet li ġejjin:

(a)

Ma tħalli l-ebda effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, billi l-provvista Komunitarja tal-fluorite bilkemm tlaħħaq it-30 % tad-domanda. Konsegwentement, l-uniċi riżultati probabbli tal-proġett jistgħu jkunu li titnaqqas l-importazzjoni minn pajjiżi terzi u li tiġi kkontrollata ż-żieda tal-prezzijiet.

(b)

RAS tinvolvi ruħha bħala investitur operattiv f’ekonomija tas-suq, billi (i) l-esportazzjonijiet ta’ fluorite miċ-Ċina, li jikkostitwixxu 50 % mill-produzzjoni dinjija, qegħdin jonqsu minħabba fiż-żieda tal-konsum nazzjonali, li probabbilment ser iwassal għal riperkussjonijiet pożittivi fuq il-prezzijiet tal-fluorite; (ii) l-NMS ħejjiet pjan idustrijali ġdid għat-8 snin li ġejjin, fejn qed jitbassar l-irkupru ta’ l-investiment kollu u li jibda jsir qligħ sa mir-raba’ sena, saħansitra fil-kundizzjonijiet attwali tas-suq; (iii) fit-tkomplija ta’ l-attivitajiet, l-azzjonist jevita t-telf ta’ l-investimenti preċedenti fl-impriża kif ukoll, probabbilment, it-tqajjim ta’ diversi kwistjonijiet legali mal-klijenti.

Min-naħa l-oħra, jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li fil-miżura proposta jeżisti element ta’ għajnuna mill-Istat, l-Italja targumenta li dan l-element ikun limitat għall-eċċess ta’ qligħ li jinkiseb minn proġett ta’ investimenti. Skond il-kalkoli ta’ l-Italja, dan l-eċċess ma jkunx ta’ iktar minn 26 % ta’ l-investimenti, u b’hekk ma jiżboqx il-limitu previst għall-għajnuna reġjonali kompatibbli fiż-żona in kwistjoni (4).

(10)

Barra l-miżura nnotifikata, skond l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Taljani, matul dawn l-aħħar snin l-NMS gawdiet minn għotjiet kontinwi minn fondi pubbliċi mill-unika azzjonista, ir-RAS (5), bl-iskop li jagħmlu tajjeb għat-telf kostanti rreġistrat mill-impriża fiż-żmien ta’ qabel il-likwidazzjoni. Mill-1997, dawn l-għotjiet laħqu l-ammont ta’ 90.7 miljun EUR, kif jidher mill-analiżi li ġejja.

(in euro)

Sena

Ammont mogħti

1997

7 230 397

1998

9 296 224

1999

5 706 849

2000

12 496 708

2001

11 671 925

2002

11 834 000

2003

14 379 827

2004

6 890 000

2005

11 200 000

Totale

90 705 931

Dawn l-għotjiet jinsabu mniżżla fil-karta tal-bilanċ tal-kumpanija, taħt l-intestaturi tal-kontijiet imsemmija “ RAS c/copertura perdite future ” u “ EMSA c/copertura perdite future ”.

(11)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Taljani kkonfermaw li l-NMS ibbenefikat mis-sussidji pubbliċi li ġejjin:

(a)

bid-digriet ministerjali tad-9 ta’ Mejju 2002, ingħataw 7.66 miljun EUR lill-kumpanija b’konformità mal-liġi tad-19 ta’ Diċembru ta’ l-1992 nru 488 (il-liġi 488/92) (6), għal investimenti eliġibbli għall-ammont ta’ 14.31 miljun EUR;

(b)

permezz tad-digriet ministerjali tat-28 ta’ Diċembru 2000 (7), ingħataw 1,869 miljun EUR lill-kumpanija b’konformità ma’ l-Artikolu 9 tal-liġi tas-6 ta’ Ottubru 1982, nru 752 (il-liġi 752/82), bl-għan li tiġi ffinanzjata r-riċerka dwar riżorsi li jinsabu iktar fil-fond fil-minjiera. Madankollu, skond l-awtoritajiet Taljani dawn l-ammonti għadhom ma ġewx imħallsa.

IL-FTUĦ TAL-PROĊEDURI

(12)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċeduri, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri in kwistjoni mas-suq komuni, u partikolarment dwar il-konformità tagħhom mal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi li jinsabu f’diffikultà (8) (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-linji gwida”).

IL-KUMMENTI MAGĦMULA MILL-PARTIJIET IKKONĊERNATI

(13)

Tliet kumpaniji kompetituri rrispondew għall-istedina tal-Kummissjoni sabiex jitressqu kummenti dwar il-miżura kkonċernata.

(14)

Skond l-ewwel waħda, l-NMS ilha f’diffikultajiet għal 20 sena u tista’ tibqa’ teżisti biss permezz ta’ għotjiet kostanti minn fondi pubbliċi. Għalkemm il-prezzijiet tas-suq żdiedu ħafna fl-aħħar 5 snin, li wasslu sabiex il-kumpanija tespandi il-minjieri tagħha jew li tiftaħ minjieri ġodda, l-NMS baqgħet ma rreġistratx qligħ. Barra minn hekk, il-privatizzazzjoni kienet impossibbli għaliex din is-soċjetà ma kinitx meqjusa bħala vijabbli, minkejja l-għajnuna li ħadet mingħand l-Istat. Skond dan il-kompetitur, l-ammonti li ngħataw f’għajnuna huma spettakolari, skandalużi u inkredibilment sproporzjonati, kif jixhed il-fatt li fl-2004 dawn ammontaw għal iżjed mid-doppju tal-bejgħ ta’ din il-kumpanija.

(15)

It-tieni kompetitur iddikjara ruħu mistagħġeb dwar is-sitwazzjoni. L-NMS u produtturi tal-fluorite oħrajn Ewropej intlaqtu ħażin ħafna mill-kundizzjonijiet ostili tas-suq fis-snin disgħin, ikkawżati mill-prattiċi ta’ dumping fiċ-Ċina, liema kundizzjonijiet ittaffew biss wara s-sena 2000. Anke jekk kien fatt magħruf li l-NMS kienet tirċievi fondi pubbliċi, il-kumpanija kompetitriċi ssostni li ma kinitx taf kemm kienu l-ammonti ta’ l-għajnuna, li skond hi huma eċċessivament għoljin. Skond il-kalkoli wiesa’ tagħha, din il-kumpanija kompetitriċi vvalutat li fl-aħħar 5-6 snin l-NMS irċeviet sussidji li jammontaw għal madwar 10 darbiet l-ammont ta’ investiment tipiku għal kull tunnellata, skond l-istandards normali tal-qasam. Din il-kompetitriċi, bħala produttriċi Ewropea operattiva fis-suq tal-fluorite, ikkaratterizzat minn kompetizzjoni qawwija, ikkonkludiet li ma tistax taċċetta sitwazzjoni fejn kumpanija waħda tinżamm miftuħa permezz ta’ għotjiet statali kbar għal ħafna snin.

(16)

It-tielet kompetitur wera l-oġġezzjonijiet qawwijin tiegħu kontra l-għoti ta’ għajnuna lill-NMS, li skond hu, huma kemm sostanzjali kif ukoll sproporzjonati. Skond dan il-kompetitur, l-ammont ta’ l-għajnuna finanzjarja lil kumpanija li twettaq ħidma tant skarsa fil-minjieri juri relazzjoni miżera ħafna bejn l-ispejjeż u r-riżultati u jeżisti r-riskju li l-għajnuna tiġi utilizzata biss għall-appoġġ ta’ ħidma fil-minjiera li mhix ekonomikament vijabbli.

IR-REAZZJONI TA’ L-ITALJA

(17)

Fir-reazzjoni tagħhom mal-ftuħ tal-proċeduri, l-awtoritajiet Taljani indikaw li r-RAS iddeċidiet li ma timplimentax l-għajnuna nnotifikata u tillikwida l-kumpanija, minħabba d-diffikultajiet finanzjarji tagħha. Permezz ta’ l-ittra tat-30 ta’ Awwissu 2006, l-awtoritajiet Taljani kkonfermaw li l-likwidazzjoni ta’ l-NMS hija effettivament prevista, skond kemm ġie konkluż fil-laqgħa straordinarja tat-28 ta’ Lulju.

(18)

Barra minn hekk, l-Italja sostniet: a) li l-likwidazzjoni ta’ l-ishma ma tippermettix l-irkupru tal-finanzjamenti mogħtija mir-RAS, b) li l-ħruġ mis-suq tal-kumpanija ma tikkawża l-ebda riperkussjoni oħra fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u c) li, minħabba dawn iċ-ċirkostanzi, l-ordni ta’ irkupru eventwali ta’ l-għajnuna ma jħalli l-ebda riżultat ċert. Bħala konklużjoni, l-Italja talbet lill-Kummissjoni sabiex toħroġ ordni ta’ rkupru.

(19)

Fir-rigward tal-kummenti mressqa mill-kompetituri ta’ l-NMS, l-Italja ma tqishomx iktar relevanti, billi n-notifika ġiet irtirata u l-kumpanija ser tiġi llikwidata.

IL-VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA

1.   Il-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat

(20)

L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE jiddikjara li l-għajnuna mogħtija fi kwalunkwe sura minn Stat Membru, jew minn riżorsi Statali, li tolqot b’mod negattiv il-kummerċ bejn l-Istati Membri u tkun ta’ distorsjoni jew ta’ theddida ta’ distorsjoni fuq il-kompetizzjoni, filwaqt li tiffavorixxi impriżi jew prodotti partikolari, mhix kompatibbli mas-suq komuni.

Il-proġett ta’ l-investimenti u l-kopertura tat-telf

(21)

Il-Kummissjoni tosserva li l-miżuri mniżżla fil-punti 8 u 10 jinkludu l-għoti ta’ riżorsi statali, li huma attribwibbli għal awtorità pubblika. Billi din l-għajnuna pubbika tiffavorixxi kumpanija waħda, hija konformi mal-kriterju tas-selettività. Barra minn hekk, billi l-NMS kienet topera fuq is-suq tal-fluorite, qasam li fih jeżisti kummerċ bejn l-Istati Membri, japplika wkoll il-kriterju tar-riperkussjonijiet fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. B’mod partikolari, l-argument ta’ l-awtoritajiet Taljani li jistqarru li ma hemm l-ebda riperkussjoni tista’ titwarrab minħabba li, skond każistika stabbilita, meta għajnuna mogħtija mill-Istat jew minn riżorsi statali tpoġġi lil impriża f’vantaġġ għad-detriment ta’ impriżi kompetituri fil-kummerċ bejn l-Istati Membri, l-għajnuna għandha titqies ta’ effett negattiv fuq il-kompetituri (9). Mill-bqija, il-fatt li jeżisti kummerċ bejn l-Istati Membri rriżulta b’evidenza mill-kummenti li tressqu, bħala reazzjoni għall-ftuħ tal-proċeduri, minn impriżi kompetituri fornituri tal-fluorite f’bosta Stati Membri.

(22)

Fir-rigward ta’ l-argument sostnut fin-notifika inizjali, li jisħaq li l-imġiba tar-RAS kienet waħda ta’ investitur operattiv f’ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni tosserva li, fid-dawl tar-riżultati ekonomiċi fl-aħħar snin u x-xejriet ta’ l-indiċi finanzjarji (10), l-NMS għandha tiġi kkunsidrata bħala “impriża f’diffikultà” skond it-taqsima 2.1 tal-linji gwida.

(23)

F’dan l-isfond, u meta tiġi kkunsidrata l-ħtieġa kontinwa ta’ l-NMS sabiex tkopri t-telf f’dawn l-aħħar snin, mingħajr ebda titjib tas-sitwazzjoni finanzjarja, jidher li huwa improbabbli ħafna li xi investitur li jopera f’ekonomija tas-suq jerġa’ jinvesti iktar fondi, għall-ammont ta’ 24 miljun EUR, fi proġett li sal-lum ma deherx li huwa vijabbli. Bħala appoġġ supplimentari għal din il-konklużjoni hemm il-fatt li l-isforzi li saru għall-privatizzazzjoni tal-kumpanija, li bdew fl-1999 u komplew sa’ l-2002, fallew kollha. Konferma oħra ta’ dan kienet ir-reazzjoni ta’ l-impriżi kompetituri fl-istess qasam.

(24)

Barra minn hekk, fil-passat ir-RAS qatt ma ħasbet biex tikkalkula l-ispejjeż fil-każ tal-likwidazzjoni, meta mqabbla ma’ l-ispejjeż meħtieġa sabiex tkompli l-ħidma ta’ l-NMS. Għall-kuntrarju, f’Ġunju ta’ l-2002 il-likwidazzjoni ġiet evitata b’mod espliċitu, meta kien jidher ċar li l-privatizzazzjoni ma kinitx irnexxiet.

(25)

Aktar minn hekk, min-notifika ħareġ b’mod ċar li, sa ċertu punt, ir-RAS kienet għenet lill-NMS għal raġunijiet soċjali, minħabba li kienet waħda mill-ftit impriżi industrijali li kien għad fadal fir-reġjun. Madankollu, argumenti ta’ dan it-tip m’għandhom l-ebda rilevanza għal investitur li jopera f’ekonomija tas-suq.

(26)

Għalhekk, fin-notifika inizjali fid-deċiżjoni tagħha tal-ftuħ tal-proċeduri, il-Kummissjoni kkonkludiet, u tisħaq li l-investimenti proposti fin-notifika inizjali, flimkien ma’ l-għotjiet ta’ l-azzjonisti intiżi għall-kopertura tat-telf, li jammontaw għal 114.7 miljun EUR, jikkostitwixxu għajnuna ta’ l-Istat skond l-Artikolu 87, l-ewwel paragrafu, tat-trattat tal-KE. It-tieni għajnuna (il-kopertura tat-telf) hija illegali, billi ngħatat bi ksur ta’ l-Artikolu 88, it-tielet paragrafu tat-Trattat. Fir-rigward tal-miżura nnotifikata inizjalment, l-awtoritajiet Taljani kkonfermaw li parti mill-fondi kienet diġà ngħatat lill-benefiċjarju sabiex iwettaq “ħidmiet urġenti u li ma setgħux jiġu posposti”. Għalhekk, anke din il-parti ta’ l-għajnuna, li l-ammont tagħha mhuwiex magħruf, kienet illegali.

Il-fondi mogħtija skond il-liġijiet nri 488/92 u 752/82

(27)

Fir-rigward tal-miżuri nazzjonali msemmija fil-punt 11, mhuwiex qed jiġi kkontestat il-fatt li dawn jikkostitwixxu għajnuna ta’ l-Istat skond l-Artikolu 87, l-ewwel paragrafu tat-Trattat. Barra minn hekk, l-Italja ddikjarat li għada ma ngħatat l-ebda għajnuna skond il-liġi nru 752/82.

2.   Derogi previsti għall-Artikolu 87, il-paragrafu 2 u 3 tat-Trattat

(28)

L-għan ewlieni tal-miżuri msemmija għall-punti 8 u 10 ta’ hawn fuq jidher li jikkonsisti minn għajnuna lil impriża f’diffikultà. F’dawn il-każi tista’ tiġi applikata, jekk jirriżulta li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet rilevanti, id-deroga prevista fl-Artikolu 87, it-tielet paragrafu (c) tat-Trattat, li tippermetti l-awtorizzazzjoni ta’ l-għajnuna mill-Istat intiża sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi partikolari, jekk din l-għajnuna ma tolqotx b’mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u ma tmurx kontra l-interessi Komunitarji.

(29)

L-għajnuna għas-salvataġġ u għall-istrutturar ta’ impriżi f’diffikultà hija rregolata mil-linji gwida.

(30)

Id-dispożizzjonijiet provviżorji tal-linji gwida jipprevedu li dawn jiġu applikati għall-valutazzjoni ta’ kull għajnuna, għas-salvataġġ u għar-ristrutturar, mogħtija mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni (għajnuna illegali) fil-każ li parti mill-għajnuna, jew kollha kemm hi, ingħatat wara l-1 ta’ Ottubru ta’ l-2004, il-jum tal-pubblikazzjoni tal-linji gwida ġodda fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea (punt 104). Għalhekk, billi n-notifika tressqet fl-2005 u mill-inqas 11-il miljun EUR f’għajnuna pubblika (mit-total ta’ 90.7 miljun EUR għall-kopertura tat-telf, imsemmija iktar ‘il fuq fil-punt 10) ingħataw wara l-1 ta’ Ottubru ta’ l-2004, għall-każ in kwistjoni japplikaw il-linji gwida ġodda.

(31)

Fir-rigward ta’ l-għajnuna mogħtija skond il-liġi nru 488/92 u eventwalment il-liġi nru 752/82, anke l-kompatibbiltà tagħhom trid tiġi vvalutata abbażi tal-linji gwida, minħabba li l-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuna lil impriżi f’diffikultà tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonimiċi, mingħajr ma tħalli l-ebda effett negattiv fuq il-kummerċ u fuq l-interessi Komunitarji, biss jekk jiġu rrispettati l-kundizzjonijiet indikati fil-linji gwida nfushom (11). Billi l-impriżi f’diffikultà huma espliċitament esklużi mill-iskop tal-liġi nru 488/92, il-Kummissjoni kkonkudiet li l-NMS ma kinitx eliġibbli għal għajnuna reġjonali skond il-liġi nru 488/92, minħabba li l-impriża kienet diġà tinsab f’diffikultà meta ngħatat l-għajnuna (f’Mejju ta’ l-2002) (12).

(32)

Għal din l-istess raġuni l-argument sussidjarju ta’ l-awtoritajiet Taljani, li jistqarr li l-għajnuna prevista għandha tiġi kkunsidrata li taqa’ taħt il-limitu ta’ għajnuna reġjonali lil Sardinja, għandu jiġi rrifjutat.

(33)

Fir-rigward ta’ l-eliġibbiltà ta’ l-NMS għall-għajnuna għar-ristrutturar, il-Kummissjoni tikkunsidra li ma ġewx sodisfatti l-kriterji rilevanti għall-għajnuna kompatibbli, stabbiliti fil-linji gwida. B’mod partikolari:

(a)

id-diversi għajnuniet mogħtija bħala kopertura tat-telf żammew kumpanija ħajja b’mod artifiċjali, meta kellha tiġi ddikjarata bħala falluta; jirriżulta li ma kien inbeda l-ebda ristrutturar; il-miżuri in kwistjoni jistgħu jitqiesu bħala għajnuna għall-operat;

(b)

la l-kopertura tat-telf fil-passat u lanqas il-miżura indikata fin-notifika inizjali ma jistgħu jiġu kkunsidrati bħala għajnuna kompatibbli għas-salvataġġ, minħabba li għaddew bosta snin, ingħataw f’sura li mhix aċċettabbli u ma ġiet prevista l-ebda rifużjoni jew pjan ta’ ristrutturar jew ta’ likwidazzjoni tal-kumpanija fi żmien sitt xhur.

(ċ)

il-pjan industrijali mibgħut fin-notifika lill-Kummissjoni jikkonsisti f’analiżi tat-tbassir ta’ vijabbiltà fid-dawl tal-proġett il-ġdid ta’ investimenti, mingħajr ebda indikazzjoni lejn miżuri ta’ ristrutturar, mingħajr ebda kundizzjoni marbuta ma’ l-għotja ta’ għajnuna pubblika u mingħajr kunsiderazzjoni ta’ l-għajnuna illegali li ngħatat fil-passat.

(d)

fin-nuqqas ta’ pjan ta’ ristrutturar, il-Kummissjoni mhix f’pożizzjoni li tivvaluta jekk l-għajnuna proposta tistax terġa’ toħloq il-vijabbiltà fuq terminu twil ta’ żmien, jekk din l-għajnuna hix limitata għal minimu u jekk jistgħux jiġu evitati distorzjonijiet mhux mixtieqa fuq il-kompetizzjoni (partikolarment meta tiġi kkunsidrata l-kopertura tat-telf fl-aħħar snin, li tmur kontra l-ġurisprudenza Deggendorf (13).

L-irtirar tan-notifika u l-likwidazzjoni tal-kumpannija

(34)

Il-Kummissjoni tieħu nota li l-Italja ġibdet l-attenzjoni dwar il-fatt li r-RAS iddeċidiet li ma timplimentax l-għajnuna nnotifikata, ta’ madwar 24 miljun EUR, u li tkompli bil-likwidazzjoni ta’ l-NMS, minħabba d-diffikultajiet finanzjarji tagħha. Minkejja l-argumenti ta’ l-awtoritajiet Taljani, il-Kummissjoni tikkunsidra, skond ir-Regolament (KE) Nru 659/1999 tal-Kunsill tat-22 ta’ Marzu 1999 dwar ir-regoli ddetaljati fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat KE (14), li fil-każ ta’ għajnuna illegali li mhix kompatibbli mas-suq komuni għandha terġa’ tiġi stabbilita l-kompetizzjoni effettiva u li għal dan il-għan hemm il-ħtieġa li l-għajnuna, flimkien ma’ l-interessi, jiġu rkuprati mingħajr telf ta’ żmien.

KONKLUŻJONI

(35)

Il-Kummissjoni tosserva li l-Italja applikat illegalment, bi ksur it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 88, tat-Trattat, il-miżuri li jikkonsistu minn kopertura ripetuta tat-telf ta’ l-NMS, permezz ta’ l-għoti ta’ għajnuna skond il-liġi 488/92 u tad-digriet ministerjali tat-28 ta’ Diċembru 2000 u, potenzjalment, bil-provvediment parzjali ta’ għajnuna supplementari li hija l-materja tan-notifika. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-għajnuna indikata fin-notifika inizjali u l-għajnuna mogħtija skond id-digriet ministerjali tat-28 ta’ Diċembru 2000 b’konformità ma’ l-Artikolu 9 tal-liġi nru 752/82 tar-Repubblika Taljana mhumiex kompatibbli mas-suq komuni, filwaqt li fuqhom ma tista’ tiġi applikata l-ebda deroga prevista mit-Trattat tal-KE. Għalhekk, il-parti tal-miżuri msemmija li għadha ma ngħatatx m’għandhiex tiġi implimentata (15) u għandha tiġi rkuprata l-għajnuna li diġà ngħatat, bl-ammont totali jkun ta’ 98,36 miljun EUR, li jinkludi 90,7 miljun EUR f’kopertura tat-telf (ara l-punt 10) kif ukoll 7,66 miljun EUR li ngħataw permezz tad-digriet ministerjali tad-9 ta’ Mejju ta’ l-2002 (ara l-punt 11),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-għajnuna ta’ l-Istat min-naħa ta’ l-Italja lil Nuova Mineraria Silius SpA, għall-ammont ta’ 98,36 miljun EUR mhix kompatibbli mas-suq komuni.

2.   L-għajnuna ta’ l-Istat lil Nuova Mineraria Silius SpA li l-Italja bi ħsiebha timplimenta, għall-ammont ta’ 25,869 miljun EUR mhix kompatibbli mas-suq komuni, u għalhekk m’għandhiex tiġi implimentata.

Artikolu 2

1.   L-Italja għandha tirkupra l-għajnuna illegali mingħand il-benefiċjarju skond l-ewwel paragrafu ta’ l-ewwel Artikolu.

2.   L-ammonti li għandhom jiġu irkuprati għandhom jipprovdu l-imgħax għall-perjodu kollu minn meta dawn ingħataw lill-benefiċjarju, sad-data meta jiġu rkuprati effettivament.

3.   L-imgħax għandu jiġi kkalkolat skond is-sistema ta’ imgħax stabbilita fil-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004, tal-21 ta’ April ta’ l-2004, dwar id-dispożizzjonijiet ta’ l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (16).

Artikolu 3

1.   L-Italja għandha tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tirkupra l-għajnuna illegali u li mhix kompatibbli mingħand il-benefiċjarju skond l-ewwel paragrafu ta’ l-ewwel Artikolu.

2.   L-irkupru għandu jitwettaq mingħajr telf ta’ żmien u fir-rispett tal-proċeduri stabbiliti fil-liġi nazzjonali, sakemm dawn jippermettu l-implimentazzjoni immedjata u effettiva ta’ din id-deċiżjoni.

3.   L-Italja għandha timplimenta din id-deċiżjoni fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika.

Artikolu 4

1.   L-Italja għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar l-iżviluppi tal-proċeduri nazzjonali ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, sakemm dawn jitwettqu bis-sħiħ.

2.   Fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-deċiżjoni l-Italja għandha tikkalkula l-ammont totali, f’kapital u imgħax, li għandu jiġi rkuprat mingħand il-benefiċjarju u għandha tressaq analiżi ddettaljata tal-miżuri diġà adottati jew previsti sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ din id-deċiżjoni. Fl-istess intervall ta’ żmien, l-Italja għandha tibgħat lill-Kummissjoni d-dokumenti sostantitvi kollha fir-rigward ta’ l-ordni ta’ rkupru mingħand il-benefiċjarju.

3.   Fi żmien ix-xahrejn imsemmija fit-tieni paragrafu, l-Italja għandha tressaq, fuq talba sempliċi min-naħa tal-Kummissjoni, rapport dwar il-miżuri adottati jew previsti sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ din id-deċiżjoni. Dan ir-rapport għandu jinkludi kjarifika dwar l-ammonti ta’ l-għajnuna u dwar l-imgħax irkuprat mingħand il-benefiċjarju.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, 21 ta’ Frar 2007.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU C 210, 1.9.2006, p. 39).

(2)  Ara n-nota 1.

(3)  Il-fluorite tintuża fis-sinteżi ta’ molekoli organiċi għall-produzjoni ta’ materjali plastiċi, bħal ma huma t-teflon, ir-reżina, l-aerosol u l-lubrifikanti.

(4)  N.B. Il-komun ta’ Silius jinsab fil-provinċja ta’ Cagliari, f’Sardinja, reġjun li jaqa’ taħt l-NUTS3 u li għalih tapplika għajnuna ta’ l-intensità ta’ 35 % f’ekwivalenti ta’ l-għotja netta għall-perjodu kollu bejn l-2000 u l-2006, skond l-Artikolu 87, il-paragrafu 3(a). Għall-SMEs huwa previst massimu ta’ 15 % ta’ l-ekwivlenti bħala għotja gross.

(5)  Inklużi l-fondi mogħtija sa l-2003 mill-kumpanija pubblika minn Sardinja, l-EMSA.

(6)  Il-liġi nru 488/92 tikkonċerna sistema ta’ għajnuna reġjonali, approvata mill-Kummissjoni permezz tad-Deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2000 (il-Każ Nru 715/99). Is-sistema skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2006.

(7)  Estiż permezz tad-digriet ministerjali ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002, li kien jipprevedi l-iskadenza tiegħu fl-2004 Fil-kontijiet tal-kumpanija għall-2004, 1.41 miljun EUR jinsabu mniżżla taħt din l-intestatura u għalihom hija prevista estensjoni wara l-2004.

(8)   ĠU C 244 ta’ l-1.10.2004, p. 2, li ssostitwixxew it-test preċedenti adottat fl-1999 (ĠU C 288 tad-9.10.1999, pġ. 2).

(9)  Ara per eżempju l-kawża 730/70 Philip Morris kontra l-Kummissjoni, ECR. 1980, p. 2671, punt 11 u l-kawża C-156/98 Il-Ġermanja kontra l-Kummissjoni, ECR. 2000, pġ I-6857, punt 33.

(10)  B’mod partikolari, fil-kontijiet annwali għall-2004 jinsab irreġistrat telf ta’ 10.46 miljun EUR, li jammonta għal 101 % tal-kapital mogħtija f’dak iż-żmien (10.33 miljun EUR). Fl-2003 it-telf ammonta għal 9.61 miljun EUR. Anke il-bejgħ irreġistra tnaqqis: minn 7.31 miljun EUR fl-2003 għal 4.96 miljun EUR fl-2004.

(11)  Il-punt 20 tal-linji gwida.

(12)  Skond il-punt 56 tal-linji gwida, il-fatt li l-impriża tinsab f’żona megħjuna skond l-Artikolu 87, paragrafu 3(a) tiegħu, jgħodd biss fir-rigward ta’ l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ kumpens u ta’ l-ammont tal-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju.

(13)  Ara l-Każ C-355/95 P Textilwerke Deggendorf kontra l-Kummissjoni u oħrajn, ECR 1997, pġ. I-2549.

(14)   ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(15)  Skond l-informazzjoni pprovduta mill-Italja, l-ammont huwa ta’ 24 miljun EUR tan-nofitika inizjali flimkien mal-1,869 miljun EUR ta’ l-applikazzjoni tad-digriet ministerjali tat-28 ta’ Diċembru 2000 u l-liġi nru 752/82 (ara l-punt 11 iktar ‘il fuq).

(16)   ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.