26.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 187/74


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/1539

tal-20 ta’ Lulju 2023

li taħtar il-Prosekuturi Ewropej tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1696 tat-13 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (2),

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/133 tas-17 ta’ Jannar 2023 li taħtar il-membri tal-bord tal-għażla previst fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 (3),

Wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati u l-klassifikazzjoni tal-kandidati mħejjija mill-bord tal-għażla,

Billi:

(1)

L-UPPE ġie stabbilit bir-Regolament (UE) 2017/1939.

(2)

Il-Prosekuturi Ewropej jissorveljaw l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2017/1939.

(3)

Il-mandati ta’ tmien Prosekuturi Ewropej maħtura għal perjodu ta’ tliet snin li ma jiġġeddidx bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1117 (4) jiskadu fit-28 ta’ Lulju 2023. Biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonament tal-Kulleġġ tal-UPPE, li jikkonsisti mill-Kap Prosekutur Ewropew u Prosekutur Ewropew wieħed għal kull Stat Membru parteċipanti, jeħtieġ li l-Kunsill jaħtar tmien Prosekuturi Ewropej għal dawk il-pożizzjonijiet li mid-29 ta’ Lulju 2023 ser ikunu vakanti.

(4)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1696 tistabbilixxi r-regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 (“ir-regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla”).

(5)

Skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2017/1939, kull Stat Membru parteċipant irid jinnomina tliet kandidati għall-pożizzjoni ta’ Prosekutur Ewropew minn fost kandidati li huma membri attivi tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jew tal-ġudikatura tal-Istat Membru rilevanti, li l-indipendenza tagħhom tkun mingħajr dubju u li jkollhom il-kwalifiki meħtieġa biex jinħatru f’kariga għolja ta’ prosekuzzjoni jew ġudizzjarja fl-Istati Membri rispettivi tagħhom, u li jkollhom esperjenza prattika rilevanti tas-sistemi legali nazzjonali, ta’ investigazzjonijiet finanzjarji u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali f’materji kriminali.

(6)

Spanja u l-Portugall innominaw il-kandidati għall-pożizzjonijiet li ser isiru vakanti mid-29 ta’ Lulju 2023.

(7)

Il-bord tal-għażla ħejja l-opinjonijiet motivati u l-klassifikazzjoni għal kull wieħed mill-kandidati nominati minn dawk l-Istati Membri li ssodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2017/1939 u ppreżentahom lill-Kunsill, li rċevihom fit-30 ta’ Ġunju 2023.

(8)

Skont ir-raba’ paragrafu tar-Regola VII.2 tar-regoli ta’ ħidma tal-bord tal-għażla, il-bord tal-għażla kklassifika lill-kandidati skont il-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom. Il-klassifikazzjoni tindika l-ordni ta’ preferenza tal-bord tal-għażla iżda mhijiex vinkolanti fuq il-Kunsill.

(9)

F’konformità mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2017/1939, wara li jkun irċieva l-opinjonijiet motivati tal-bord tal-għażla, il-Kunsill jagħżel u jaħtar wieħed mill-kandidati biex ikun il-Prosekutur Ewropew tal-Istat Membru parteċipanti inkwistjoni.

(10)

F’konformità mal-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza sempliċi, jagħżel u jaħtar il-Prosekuturi Ewropej għal perjodu ta’ sitt snin li ma jiġġeddidx.

(11)

Il-Kunsill ivvaluta l-merti rispettivi tal-kandidati b’kont meħud tal-opinjonijiet motivati ppreżentati mill-bord tal-għażla.

(12)

Fuq il-bażi ta’ dik il-valutazzjoni tal-merti rispettivi tal-kandidati, il-Kunsill segwa l-ordni ta’ preferenza mhux vinkolanti indikata mill-bord tal-għażla għall-kandidati nnominati minn Spanja u l-Portugall,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-persuni li ġejjin huma b’dan maħtura Prosekuturi Ewropej tal-UPPE għal perjodu ta’ sitt snin li ma jiġġeddidx mid-29 ta’ Lulju 2023:

 

Is-Sur Ignacio DE LUCAS MARTÍN (5),

 

Is-Sur José António LOPES RANITO (6).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)   ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1.

(2)   ĠU L 282, 12.11.2018, p. 8.

(3)   ĠU L 17, 19.1.2023, p. 90.

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1117 tas-27 ta’ Lulju 2020 li taħtar il-Prosekuturi Ewropej tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (ĠU L 244, 29.7.2020, p. 18).

(5)  Nominat minn Spanja.

(6)  Nominat mill-Portugall.