15.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 188/6


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/779

tat-12 ta’ Ġunju 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/250 fir-rigward tad-dati ta’ applikazzjoni wara l-estensjoni tal-iskadenza tat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4), l-Artikolu 15(9) u l-Artikolu 24(4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2016/797 ġiet emendata bid-Direttiva (UE) 2020/700 (2) biex l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jestendu l-iskadenza għad-dħul fis-seħħ tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali meħtieġa għall-konformità mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 57(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797.

(2)

Fir-rigward tal-Istati Membri li nnotifikaw lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (“l-Aġenzija”) u lill-Kummissjoni li beħsiebhom jestendu l-perjodu tat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/797 skont l-Artikolu 57(2a) tagħha, jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/250 (3) tiġi posposta sal-31 ta’ Ottubru 2020.

(3)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/250 jiġi emendat skont dan.

(4)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 51(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797.

(5)

Biex ikun żgurat li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan ir-Regolament jenħtieġ jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/250 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 11, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 201/2011 għandu jibqa’ japplika għad-dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ tip imsemmija fl-Artikolu 26(4) tad-Direttiva 2008/57/KE sal-15 ta’ Ġunju 2020 fl-Istati Membri li nnotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 57(2) tad-Direttiva (UE) 2016/797 u f’dawk li ma nnotifikawx lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 57(2a) tad-Direttiva (UE) 2016/797.

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 201/2011 għandu jibqa’ japplika għad-dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ tip imsemmija fl-Artikolu 26(4) tad-Direttiva 2008/57/KE sat-30 ta’ Ottubru 2020 fl-Istati Membri li nnotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 57(2a) tad-Direttiva (UE) 2016/797.”;

(2)

ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Dan ir-Regolament għandu japplika mis-16 ta’ Ġunju 2020 fl-Istati Membri li nnotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 57(2) tad-Direttiva (UE) 2016/797 u f’dawk li ma nnotifikawx lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 57(2a) tad-Direttiva (UE) 2016/797.

Dan għandu japplika fl-Istati Membri kollha mill-31 ta’ Ottubru 2020.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2020/700 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 li temenda d-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798, fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi tat-traspożizzjoni tagħhom (ĠU L 165, 27.5.2020, p. 27).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/250 tat-12 ta’ Frar 2019 dwar il-mudelli għad-dikjarazzjonijiet u ċ-ċertifikati “KE” għall-kostitwenti u s-subsistemi ta’ interoperabbiltà ferrovjarja, dwar il-mudell ta’ dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ tip awtorizzat ta’ vettura ferrovjarja u dwar il-proċeduri ta’ verifika “KE” għas-subsistemi f’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 201/2011 (ĠU L 42, 13.2.2019, p. 9).