European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1989

3.10.2025

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1989

tat-2 ta’ Ottubru 2025

li jikkoreġi r-Regolament (UE) Nru 1408/2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 108(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 tat-13 ta’ Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat orizzontali (1), b’mod partikolari l-Artikolu 2(1) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv dwar l-Għajnuna mill-Istat,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 (2) fih żbalji introdotti bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2024/3118 (3). B’mod partikolari, fl-Artikolu 7(3a) tar-Regolament (UE) Nru 1408/2013, id-data tal-20 ta’ Diċembru 2024 jenħtieġ li tkun mibdula bis-16 ta’ Diċembru 2024, biex tkun allinjata mad-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2024/3118. Fl-Anness għar-Regolament (UE) Nru 1408/2013, l-ammonti kumulattivi massimi tal-għajnuna de minimis mogħtija mir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq tenħtieġ li tkun EUR 65,37 miljun minflok EUR 59,96 miljun. Dawn l-iżbalji jaffettwaw is-sostanza ta’ dawk id-disposiżżjonijiet.

(2)

Barra minn hekk, l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1408/2013 fiha referenza skorretta għar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 (4). Dik ir-referenza kellha tkun aġġornata bir-Regolament (UE) 2024/3118 peress illi ir-Regolament (UE) Nru 1407/2013 kien diġà skada meta ġie adottat dak ir-Regolament. L-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1408/2013 fih referenza skorretta għall-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 717/2014 (5). Dik ir-referenza kellha tkun allinjata mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/2391 (6) li emendat ir-Regolamenti (UE) Nru 1408/2013 u (UE) Nru 717/2014.

(3)

Għalhekk, jenħtieġ li l-verżjonijiet bil-lingwi kollha tar-Regolament (UE) Nru 1408/2013 jiġu kkoreġuti kif xieraq.

(4)

Korrezzjonijiet ulterjuri huma meħtieġa wkoll f’uħud mill-verżjonijiet lingwistiċi.

(5)

L-Artikolu 3(2) tal-verżjoni bil-lingwa Żvediża tar-Regolament (UE) Nru 1408/2013 fiha żball fir-rigward tal-perjodu għall-għoti ta’ għajnuna de minimis lil impriża waħda. Dak l-iżball jaffettwa s-sustanza ta’ dik id-dispożizzjoni.

(6)

Barra minn hekk, hemm żball fl-Artikolu 3(3) tal-verżjoni bil-lingwa Griega tar-Regolament (UE) Nru 1408/2013 fir-rigward tal-perjodu għall-għoti tal-ammont kumulattiv ta’ għajnuna de minimis, u fl-Artikolu 5(2) tal-verżjonijiet bil-lingwa Daniża, Griega u Litwana ta’ dak ir-Regolament fir-rigward tal-limiti massimi applikabbli għall-ammont kumulattiv tal-għajnuna de minimis mogħtija lill-impriżi speċifikati f’dik id-dispożizzjoni. Dawk l-iżbalji jaffettwaw is-sustanza ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li l-verżjonijiet bil-lingwa Daniża, Griega, Litwana u Żvediża tar-Regolament (UE) Nru 1408/2013 jiġu kkoreġuti skont dan. Il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ma humiex affettwati minn dawn l-iżbalji.

(8)

Sabiex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-pajjiżi kollha li għalihom japplika r-Regolament (UE) Nru 1408/2013, il-korrezzjoni tal-iżbalji jenħtieġ li jkollha effett mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2024/3118. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mis-16 ta’ Diċembru 2024,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1408/2013 huwa kkoreġut kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Fejn impriża tkun attiva fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli u hija attiva wkoll f’settur wieħed jew aktar jew għandha attivitajiet oħra li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/2831, dak ir-Regolament għandu japplika għall-għajnuna mogħtija fir-rigward ta’ dawk is-setturi jew attivitajiet, sakemm l-Istat Membru kkonċernat jiżgura, b’mezzi xierqa bħas-separazzjoni tal-attivitajiet jew id-distinzjoni tal-ispejjeż, li l-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli ma tibbenefikax mill-għajnuna de minimis mogħtija f’konformità ma’ dak ir-Regolament.”

;

(2)

(ma japplikax għal-lingwa Maltija);

(3)

fl-Artikolu 5, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Meta impriża tkun attiva fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli kif ukoll fil-produzzjoni primarja ta’ prodotti tas-sajd u l-akkwakultura, l-għajnuna de minimis iggarantita għall-attivitajiet fis-settur tal-produzzjoni agrikola f’konformità ma’ dan ir-Regolament tista’ tiġi akkumulata mal-għajnuna de minimis għal attivitajiet fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 717/2014 sal-limitu massimu stabbilit f’xi wieħed minn dawn ir-Regolamenti, sakemm l-Istat Membru kkonċernat jiżgura, b’mezzi xierqa, li l-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli ma tibbenefikax minn għajnuna de minimis mogħtija f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 717/2014.”

;

(4)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 3a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3a.   Kull għajnuna de minimis individwali mogħtija bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u s-16 ta’ Diċembru 2024 f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament kif applikabbli fil-mument tal-għoti tal-għajnuna għandha titqies li ma tissodisfax il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għandha għalhekk tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat.”

;

(5)

fl-Anness, l-aħħar entrata fit-tabella hija sostitwita bis-segwenti:

“Ir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq

65,37”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mis-16 ta’ Diċembru 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Otturbru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 248, 24.9.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/1588/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 9, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1408/oj).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2024/3118 tal-10 ta’ Diċembru 2024 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1408/2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura (ĠU L, 2024/3118, 13.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/3118/oj).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1407/oj).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 717/2014 tas-27 ta’ Ġunju 2014 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU L 190, 28.6.2014, p. 45, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/717/oj).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/2391 tal-4 ta’ Ottubru 2023 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 717/2014, (UE) Nru 1407/2013, (UE) Nru 1408/2013 u (UE) Nru 360/2012 fir-rigward tal-għajnuna de minimis għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, u r-Regolament (UE) Nru 717/2014 fir-rigward tal-ammont totali ta’ għajnuna de minimis mogħtija lil impriża waħda, il-perjodu ta’ applikazzjoni tagħha u kwistjonijiet oħra (ĠU L, 2023/2391, 5.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2391/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1989/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)