European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/209

11.1.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/209

tal-10 ta’ Jannar 2024

li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ pjanċi b’bastun tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Turkija

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Inizjazzjoni

(1)

Fl-14 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-pjanċi b’bastun tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“iċ-Ċina” jew “ir-RPĊ”) u mit-Turkija (“il-pajjiżi kkonċernati”) abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni ppubblikat Notifika tal-Inizjazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-Notifika tal-Inizjazzjoni”).

(2)

Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment imressaq fit-30 ta’ Settembru 2022 minn Laminados Losal S.A.U. (“l-ilmentatur” jew “Losal”). L-ilment sar f’isem l-industrija tal-Unjoni tal-pjanċi b’bastun tal-azzar fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping u tad-dannu materjali li jirriżulta li kienet biżżejjed sabiex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni.

1.2.   Miżuri proviżorji

(3)

Fit-12 ta’ Lulju 2023, il-Kummissjoni ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1444 (3) li jimponi dazji anti-dumping proviżorji fuq l-importazzjonijiet ta’ pjanċi b’bastun tal-azzar li joriġinaw miċ-Ċina mit-Turkija (“ir-Regolament proviżorju”).

1.3.   Proċedura sussegwenti

(4)

Wara d-divulgazzjoni tal-fatti u tal-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġie impost dazju anti-dumping proviżorju (“id-divulgazzjoni proviżorja”), il-Gvern tat-Turkija, il-produttur esportatur Tork Özkan Demir, il-produttur esportatur Ċiniż Longteng u l-utent tal-Unjoni Fincantieri S.p.A (“Fincantieri”) ippreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub biex għamlu l-fehmiet tagħhom magħrufa dwar is-sejbiet proviżorji sal-iskadenza pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament proviżorju. Barra minn hekk, Losal ipprovdiet kumment dwar is-sottomissjoni ta’ Özkan Demir wara l-iskadenza prevista fil-punt 8 tan-Notifika tal-Inizjazzjoni.

(5)

Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw din l-opportunità. Saru seduti ta’ smigħ mal-Gvern tat-Turkija, ma’ Özkan Demir u ma’ Fincantieri.

(6)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset bħala neċessarja għas-sejbiet finali tagħha. Meta waslet għas-sejbiet definittivi tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat il-kummenti preżentati mill-partijiet interessati u rrevediet il-konklużjonijiet proviżorji tagħha meta kien xieraq.

(7)

Il-Kummissjoni għarrfet lill-partijiet ikkonċernati kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien biħsiebha timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ pjanċi b’bastun tal-azzar li joriġinaw mir-RPĊ u mit-Turkija (“divulgazzjoni finali”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li matulu setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali.

(8)

Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw ukoll din l-opportunità. Saru seduti ta’ smigħ ma’ Longteng u Özkan Demir.

1.4.   Affermazzjonijiet tal-inizjazzjoni

(9)

Wara d-divulgazzjoni proviżorja, l-ebda parti interessata ma ppreżentat xi affermazzjoni jew kumment ulterjuri dwar l-inizjazzjoni għajr dawk imsemmija fit-Taqsima 1.4 tar-Regolament proviżorju. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet u l-konklużjonijiet tagħha kif stabbiliti fil-premessi minn (8) sa (15) tar-Regolament proviżorju.

1.5.   Kampjunar

(10)

Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward il-kampjunar ta’ produtturi, importaturi u produtturi esportaturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessi minn (16) sa (23) tar-Regolament proviżorju.

1.6.   Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu kkunsidrat

(11)

Kif stipulat fil-premessa (28) tar-Regolament proviżorju, l-investigazzjoni ta’ dumping u ta’ dannu kienet tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2021 sat-30 ta’ Settembru 2022 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2019 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

2.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Prodott ikkonċernat

(12)

Il-Kummissjoni fakkret li, kif stabbilit fil-premessa (30) tar-Regolament proviżorju, il-prodott ikkonċernat huwa pjanċi b’bastun tal-azzar mhux illigat fil-medda sa 204 mm fil-wisa’ (“pjanċi b’bastun tal-azzar”), li joriġinaw mir-RPĊ u mit-Turkija, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7216 50 91 (il-kodiċi TARIC 7216509110) (“il-prodott ikkonċernat”).

(13)

Il-pjanċi b’bastun tal-azzar jintużaw prinċipalment fl-industrija tal-bini tal-bastimenti għall-kostruzzjoni tal-qafas tal-azzar ta’ kruċieri tal-passiġġieri, laneċ, bastimenti militari, u bastimenti merkantili. Il-pjanċi b’bastun tal-azzar jistgħu jintużaw ukoll fil-kostruzzjoni ta’ pjattaformi lil hinn mill-kosta u linji tat-tramm, iżda fl-Unjoni din l-applikazzjoni tal-pjanċi b’bastun tal-azzar tikkonċerna biss kwantitajiet marġinali.

2.2.   Prodott simili

(14)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe affermazzjoni oħra jew kumment ieħor, il-konklużjonijiet fil-premessi minn (31) u (32) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

3.   DUMPING

3.1.   Iċ-Ċina

(15)

Wara d-divulgazzjonijiet proviżorji, il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand Longteng dwar is-sejbiet proviżorji ta’ dumping.

3.1.1.   Proċedura għad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku

(16)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe affermazzjoni oħra jew kumment ieħor, il-konklużjonijiet fil-premessa (43) tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

3.1.2.   Valur normali

3.1.2.1.   L-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti

(17)

Id-dettalji tal-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti ġew stabbiliti fit-Taqsima 3.1.2.1 tar-Regolament proviżorju. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet proviżorji tagħha.

3.1.2.2.   Pajjiż rappreżentattiv

(18)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe affermazzjoni oħra jew kumment ieħor, il-konklużjonijiet fil-premessa (84) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

3.1.2.3.   Materja prima, enerġija, SG&A u profitti

(19)

Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Longteng issottomettiet kummenti relatati mal-parametri referenzjarji użati għal ċerti fatturi tal-produzzjoni u mal-kostijiet ġenerali u amministrattivi tal-bejgħ (“SG&A”) użati biex jinbena l-valur normali.

3.1.2.3.1.   Fatturi tal-produzzjoni

(20)

Longteng tenniet l-affermazzjonijiet tagħha ppreżentati fit-Tieni Nota għall-fajl mingħajr ma ppreżentat elementi ġodda. Dawn ġew miġbura fil-qosor u kkonfutati fil-premessi minn (92) sa (94) tar-Regolament proviżorju. Hija affermat ukoll li l-parametri referenzjarji użati għall-ossiġenu u għan-nitroġenu jenħtieġ li ma jkunux ibbażati fuq il-prezzijiet tal-importazzjoni fil-Malażja, billi dawn l-importazzjonijiet kienu bbażati prinċipalment fuq l-importazzjonijiet minn Singapore, li, allegatament, għandhom produzzjoni industrijali limitata, u dawk il-parametri referenzjarji ma setgħux jirriflettu l-kost assoċjat mal-produzzjoni tal-massa ta’ dawn il-prodotti. Longteng irreferiet ukoll għal valuri referenzjarji ħafna aktar baxxi tal-“valur mingħajr distorsjoni” għall-ossiġenu u għan-nitroġenu stabbiliti fi proċedimenti oħrajn, fejn il-Messiku ntgħażel bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq. Longteng ipproponiet li tuża l-valuri tal-kost tal-ossiġenu u tan-nitroġenu tal-produttur esportatur Tork li kkoopera, Özkan Demir.

(21)

Il-Kummissjoni stabbiliet li Singapore kienet tappartjeni għall-aqwa 10 pajjiżi fid-dinja għal dawn il-fatturi ta’ produzzjoni f’termini ta’ kwantitajiet ta’ esportazzjoni (4). Għalhekk, l-esportazzjonijiet tagħha lejn il-Malażja jistgħu jintużaw bħala bażi raġonevoli biex jiġu stabbiliti dawn il-parametri referenzjarji. Barra minn hekk, il-valuri tal-importazzjoni fil-Malażja, minħabba l-forzi tal-kompetizzjoni, huma maħsuba biex jirriflettu l-valur tal-fatturi rilevanti tal-produzzjoni fil-Malażja. Għalhekk, id-dikjarazzjoni ġenerali fir-rigward tal-kostijiet tal-produzzjoni fil-pajjiż esportatur għandha rilevanza limitata. Fir-rigward tal-parametri referenzjarji aktar baxxi użati fi proċediment ieħor, kif spjegat fil-premessa (90) tar-Regolament proviżorju, il-Messiku ma kienx meqjus eliġibbli biex jistabbilixxi parametri referenzjarji għal dawn l-inputs, minħabba li ma kellux importazzjonijiet fi kwantitajiet rappreżentattivi għat-tliet inputs kollha (5). Barra minn hekk, dawn il-valuri ma kinux relatati mal-istess perjodu ta’ investigazzjoni. Fl-aħħar nett, billi Özkan Demir ma xtarax l-ossiġenu u n-nitroġenu minħabba proċess ta’ produzzjoni differenti, tali informazzjoni ma kinitx disponibbli.

(22)

Longteng affermat li l-prezz medju tal-importazzjoni tal-argon fit-Turkija kien artifiċjalment għoli u pproponiet li jintuża l-kost reali tal-argon irrapportat minn Özkan Demir jew li dan il-fattur ta’ produzzjoni jiġi mċaqlaq għal “materjal konsumabbli”. Madankollu, fir-rigward tal-ossiġenu u n-nitroġenu, tali informazzjoni minn Özkan Demir ma kinitx disponibbli. Barra minn hekk, minħabba l-volumi rappreżentattivi tal-importazzjonijiet tal-argon fit-Turkija, ma kien hemm l-ebda raġuni oġġettiva biex dawn il-prezzijiet jitqiesu bħala mhux rappreżentattivi jew biex l-argon jiġi ttrattat bħala materjal konsumabbli.

(23)

Fuq din il-bażi, l-affermazzjonijiet relatati mal-fatturi ta’ produzzjoni ġew miċħuda.

(24)

Wara d-divulgazzjoni finali, Longteng affermat li l-parametri referenzjarji użati fil-kostruzzjoni tal-valur normali għall-ġebla tal-ġir, in-nitroġenu u l-ossiġenu kienu jvarjaw b’mod sinifikanti mill-kostijiet unitarji tagħhom stess. Barra minn hekk, Longteng ipproponiet li tuża l-prezz tal-importazzjoni fil-Brażil bħala parametru referenzjarju għall-ġebla tal-ġir filwaqt li għan-nitroġenu u l-ossiġenu rreferiet għall-prezzijiet mill-akbar pajjiż esportatur bħala parametri referenzjarji.

(25)

Il-Kummissjoni ċaħdet dawn l-affermazzjonijiet għar-raġuni li Longteng ma pprovdietx evidenza li tippermetti li jiġi stabbilit b’mod pożittiv li l-valuri tagħha għall-fatturi ta’ produzzjoni inkwistjoni kienu mingħajr distorsjoni, skont it-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Kwalunkwe argument ibbażat fuq tqabbil mal-valuri li huma distorti huwa inoperattiv. Barra minn hekk, sa fejn huma kkonċernati l-parametri referenzjarji alternattivi proposti minn Longteng, il-Kummissjoni nnotat li l-Brażil ma kellux importazzjonijiet ta’ nitroġenu u ossiġenu fi kwantitajiet rappreżentattivi biżżejjed filwaqt li, kif spjegat fil-premessa (90) tar-Regolament proviżorju u fil-premessa (22) hawn fuq, il-Kummissjoni għażlet lill-Malażja bħala l-uniku pajjiż rappreżentattiv li kellu kwantitajiet rappreżentattivi għat-tliet fatturi kollha fil-produzzjoni inkwistjoni. Għalhekk tali sors ma tqisx xieraq. Fuq din il-bażi, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

3.1.2.3.2.   Kostijiet SG&A u profitti

(26)

Longteng affermat li ċerti elementi tal-kost tal-“Ispejjeż tal-Bejgħ u tad-Distribuzzjoni tal-Kummerċjalizzazzjoni”, bħall-kummissjoni tal-merkanzija, tal-esportazzjoni, tat-trasport u tal-bejgħ, jenħtieġ li ma jiġux inklużi meta jiġu kkalkolati l-kostijiet SG&A tal-kumpanija rappreżentattiva, minħabba li l-valur normali kellu jiġi kkalkolat fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika.

(27)

Il-Kummissjoni eżaminat mill-ġdid ir-rapporti finanzjarji tal-produttur Tork, aċċettat l-affermazzjoni ta’ Longteng u neħħiet tali spejjeż mill-kalkolu tal-SG&A. Għall-kuntrarju ta’ dak li ġie affermat fil-premessa (109) tar-Regolament proviżorju, id-data finanzjarja ġiet estratta mir-rapporti finanzjarji tal-kumpanija li huma disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-kumpanija.

(28)

Madankollu, b’mod parallel, il-Kummissjoni stabbiliet ukoll li l-marġnijiet proviżorji tal-SG&A u tal-profitt tal-produttur Tork ma kinux ġew ikkalkolati kif suppost, minħabba li ċerti oġġetti kienu ġew inklużi/esklużi għall-kalkolu tal-marġni tal-SG&A, iżda mhux fil-kalkolu tal-marġni tal-profitt li wassal għal diskrepanza fil-kalkolu tal-marġnijiet. Korrezzjonijiet dettaljati ġew divulgati lill-produttur esportatur li kkoopera fir-RPĊ. Konsegwentement, il-perċentwali tal-SG&A u tal-profitti ġew ikkalkolati mill-ġdid u rriżultaw f’perċentwali ta’ 13,3 % u 16,9 % rispettivament tal-kost totali mingħajr distorsjoni tal-manifattura.

(29)

Wara d-divulgazzjoni finali, Longteng sostniet li l-Kummissjoni, meta kkalkolat il-marġni ta’ profitt tal-kumpanija rappreżentattiva, bi żball inkludiet l-ispejjeż tat-trasport, li tneħħew mill-SG&A, fil-kalkolu tal-profitt. Barra minn hekk, Longteng sostniet li l-proporzjon tal-SG&A u tal-profitt stabbiliti ma jistgħux jitqiesu realistiċi fl-industrija tal-azzar.

(30)

Il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni għax ma kienx hemm raġunijiet biex ma jkunux kkunsidrati l-linji “dħul/spejjeż oħra minn operazzjonijiet ewlenin” u l-“finanzjament tad-dħul/tal-ispejjeż” meta jkun ikkalkolat l-proporzjon tal-profitt minħabba li dawn l-entrati kienu kkunsidrati meta ġie kkalkolat l-ammont totali tal-SG&A. Il-kunsiderazzjoni ta’ dawn l-entrati, jew le, fil-kalkolu tal-profitt u l-SG&A ma għandu l-ebda impatt fuq id-determinazzjoni tad-dumping finali minħabba li kwalunkwe żieda/tnaqqis fl-SG&A se tara tnaqqis/żieda korrispondenti fil-marġni ta’ profitt.

(31)

Wara d-divulgazzjoni finali, Longteng affermat li l-Kummissjoni kellha tneħħi l-introjtu u l-ispejjeż tal-kambju mill-kalkolu tal-marġni SG&A peress li dawn jirriżultaw minn fluttwazzjonijiet għoljin fil-valwazzjoni tal-lira Torka matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(32)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li l-introjtu u l-ispejjeż tal-kambju normalment jitqiesu fil-kalkolu tal-ispejjeż SG&A sakemm tali spejjeż ikunu relatati mal-prodott li qed jiġi investigat. Barra minn hekk, li kieku dawn l-ispejjeż ġew esklużi, kienu jżidu l-marġni ta’ profitt applikabbli kif xieraq, u b’hekk ma kellhom l-ebda effett fuq il-livell kombinat ta’ SG&A u l-profitt. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(33)

Longteng sostniet ukoll li l-Kummissjoni ma kellhiex tadatta l-perċentwal tal-profitt wara li naqqset l-ispejjeż tat-trasport kif mitlub minn Longteng u nnotat fil-premessa (29). Huwa argumenta wkoll li l-perċentwali tal-SG&A u tal-profitt użati ma setgħux jitqiesu realistiċi għall-industrija tal-azzar.

(34)

Il-Kummissjoni qieset li l-kalkoli saru f’konformità mal-prattika standard tal-Kummissjoni u l-argumenti msemmija minn Longteng ma pprovdew l-ebda raġuni valida biex tipproċedi mod ieħor. Il-Kummissjoni qieset li ċ-ċifri ppreżentati minn Longteng ma kinux relatati mal-pajjiż rappreżentattiv u għalhekk ma setgħux jitqiesu għal din l-investigazzjoni. Fuq din il-bażi, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

3.1.2.3.3.   Enerġija

(35)

Wara d-divulgazzjoni proviżorja, il-Kummissjoni sabet li ż-żieda fil-prezzijiet tal-elettriku u tal-gass naturali fit-Turkija qabżet ir-rata tal-inflazzjoni fit-Turkija. Barra minn hekk, l-informazzjoni dwar il-prezzijiet tal-elettriku u tal-gass naturali fit-tieni nofs tal-2022 ma ġietx ippubblikata mill-Istitut Tork tal-Istatistika. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tuża l-kost mingħajr distorsjoni tal-elettriku u tal-gass naturali fil-Malażja. Tabilħaqq, il-Malażja hija pajjiż b’livell ta’ żvilupp ekonomiku simili għal dak tar-RPĊ u ntużat ukoll biex jiġi kkalkolat il-parametru referenzjarju għall-ossiġenu, in-nitroġenu u l-ġebla tal-ġir. Barra minn hekk, intużat ukoll bħala pajjiż rappreżentattiv f’investigazzjonijiet simili oħra.

(36)

Il-prezzijiet tal-elettriku fil-Malażja kienu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-kumpanija tal-utilitajiet tal-elettriku TNB (6). Il-Kummissjoni użat tariffi applikabbli għall-klijenti fil-kategorija ta’ “vultaġġ medju”. Il-prezzijiet tal-gass naturali fil-Malażja kienu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-kummissjoni għall-enerġija (7). Il-Kummissjoni użat it-tariffi tal-gass naturali applikabbli għall-utenti industrijali fir-raba’ trimestru tal-2021 u għażlet medda ta’ konsum f’konformità mal-konsum tal-gass naturali mill-ilmentatur.

Enerġija

Elettriku

 

Tenaga Nasional – il-prezz tal-elettriku tal-Malażja għall-utenti industrijali

CNY 0,51/kWh

Gass naturali

 

Kummissjoni għall-enerġija – il-prezz tal-gass għall-utenti industrijali

CNY 2,02/m3

3.1.3.   Kalkolu

(37)

Bl-eċċezzjoni tal-bidliet deskritti fil-premessi minn (26) sa (36), il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali kif stabbilit fil-premessi minn (110) sa (114) tar-Regolament proviżorju.

3.1.4.   Prezz tal-esportazzjoni

(38)

Id-dettalji tal-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni ġew stabbiliti fil-premessi (115) u (116) tar-Regolament proviżorju. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet proviżorji tagħha.

3.1.5.   Tqabbil

(39)

Id-dettalji dwar it-tqabbil tal-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ġew stabbiliti fil-premessi (117) u (118) tar-Regolament proviżorju. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet proviżorji tagħha.

3.1.6.   Marġnijiet tad-dumping

(40)

Wara l-konklużjoni dwar l-affermazzjonijiet minn Longteng deskritti fil-premessi (23) u (27), u s-sejbiet deskritti fil-premessi (28) u (36), il-Kummissjoni rrevediet il-marġnijiet tad-dumping.

(41)

Il-marġnijiet tad-dumping definittivi, espressi bħala perċentwal tal-prezz tal-kost, assigurazzjoni u nol (cost, insurance and freight, CIF) fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping definittiv

Changshu Longteng Special Steel Co., Ltd.

23  %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

23  %

3.2.   It-Turkija

(42)

Wara d-divulgazzjoni proviżorja, il-Kummissjoni rċeviet kummenti bil-miktub mill-Gvern tat-Turkija u minn Özkan Demir dwar is-sejbiet ta’ dumping proviżorju. Wara d-divulgazzjoni finali, il-Kummissjoni rċeviet kummenti bil-miktub mill-Gvern tat-Turkija u minn Özkan Demir.

3.2.1.   Valur normali

(43)

Id-dettalji tal-kalkolu tal-valur normali ġew stabbiliti fil-premessi minn (122) sa (133) tar-Regolament proviżorju.

(44)

Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Özkan Demir, fil-kuntest tal-affermazzjonijiet sussidjarji tiegħu dettaljati fil-premessa (74) hawn taħt, allega li t-“test tal-andament normali tal-kummerċ” (“test OCOT”) kellu jitwettaq fuq bażi trimestrali. Özkan Demir iġġustifika din l-affermazzjoni fuq il-bażi taż-żieda sostanzjali fil-kost tal-produzzjoni, li żdiedet b’aktar mid-doppju fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Özkan Demir spjega li dan wassal biex xi tranżazzjonijiet jiġu kkunsidrati li jagħmlu telf filwaqt li, fil-fatt, kienu profittabbli fuq bażi trimestrali. Özkan Demir afferma wkoll li fil-passat, meta ffaċċja varjazzjonijiet sostanzjali fil-kost tal-produzzjoni, il-Kummissjoni kienet wettqet kalkolu tad-dumping ta’ kull xahar jew trimestrali. B’appoġġ għall-allegazzjonijiet tiegħu, matul is-seduta ta’ smigħ, Özkan Demir irrefera għar-rapport tal-bord fir-Repubblika Dominicana – AD dwar il-Vireg tal-Azzar (il-Costa Rica) (8).

(45)

Mill-bidu nett, il-Kummissjoni nnotat li xejn fit-test tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku ma jagħti mandat għall-użu tad-data trimestrali tal-kost tal-produzzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 2(4) jirreferi għall-“kostijiet medji ponderati għall-perjodu ta’ investigazzjoni” bħala perjodu raġonevoli biex jiġi ddeterminat jekk il-prezzijiet jipprevedux l-irkupru tal-kostijiet. Il-Kummissjoni qieset li l-użu tal-kostijiet annwali tal-produzzjoni huwa ġeneralment aċċettat u jidher xieraq fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, peress li dan ineħħi l-estremitajiet u l-fluttwazzjonijiet għal żmien qasir kemm tal-kostijiet kif ukoll tal-prezzijiet. Hija saħansitra n-norma fil-prattika ta’ ħafna awtoritajiet tal-investigazzjoni. Il-kostijiet medji annwali ma jkunux ikkunsidrat biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali ħafna. Il-Kummissjoni qieset bir-reqqa din l-affermazzjoni sabiex tivvaluta jekk ikunx hemm raġunijiet biex tiddevja mill-metodu tat-twettiq tat-test tal-OCOT abbażi tal-kost medju annwali tal-produzzjoni. Madankollu, hija kkonkludiet li l-ebda ċirkostanza eċċezzjonali ma kienet preżenti f’dan il-każ.

(46)

L-ewwel nett, kif spjegat minn Özkan Demir, il-kumpanija ma tipproduċix il-prodott investigat kontinwament. Tabilħaqq, kien hemm xhur matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li fihom ma kien hemm l-ebda produzzjoni. L-użu ta’ intervalli ta’ żmien relattivament qosra (tliet xhur fil-każ ta’ trimestri) f’sitwazzjoni bħal din ma jwassalx għal riżultat medju li jirrappreżenta b’mod akkurat il-kostijiet għall-perjodu li jkopri. Fi kliem ieħor, peress li f’xi trimestri ma jkun hemm l-ebda data dwar il-produzzjoni għal mill-anqas terz tal-perjodu rilevanti, il-medja miksuba ma tirriflettix b’mod akkurat il-kostijiet rilevanti matul it-trimestru kollu. F’każ bħal dan, l-enfasi fuq perjodu itwal ta’ sena hija aktar xierqa peress li l-medja annwali tirrappreżenta b’mod aktar akkurat il-kostijiet tal-produzzjoni f’dak il-perjodu.

(47)

Wara d-divulgazzjoni finali, Özkan Demir afferma li l-preferenza ta’ kalkolu annwali, għal kalkolu trimestrali, fin-nuqqas ta’ produzzjoni f’mhux aktar minn terz tal-perjodu rilevanti kienet mingħajr mertu peress li xorta jkun hemm nuqqas ta’ produzzjoni f’xhur partikolari. Kif imsemmi fil-premessa (46), il-Kummissjoni qieset li l-użu ta’ kost medju annwali tal-produzzjoni jippermetti r-riflessjoni tal-kostijiet rilevanti matul is-sena kollha u b’hekk inaqqas l-impatt relatat man-nuqqas ta’ produzzjoni f’perjodi partikolari. Fi kliem ieħor, medja għal sena, anki jekk id-data dwar il-kostijiet għal xi xhur matul dik is-sena kienet nieqsa, tirrifletti b’mod aktar akkurat il-kostijiet tal-produzzjoni fil-perjodu li tkopri. Özkan Demir ma pprovda l-ebda evidenza għall-kuntrarju. Jidher ċar li dan mhuwiex il-każ għal medja ta’ trimestru fejn ma hemm l-ebda data dwar il-kostijiet għat-terz kollu ta’ dak it-trimestru. Għalhekk, għat-trimestri fejn it-terz tad-data dwar il-kostijiet tal-produzzjoni kien nieqes, il-kostijiet medji tal-produzzjoni ma tqisux mill-Kummissjoni bħala rappreżentattivi tal-perjodu li kienu maħsuba li jkopru. Fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni finali Özkan Demir ma pprovda l-ebda argument jew soluzzjoni li tindirizza dan in-nuqqas ovvju tal-metodu trimestrali f’dan il-każ partikolari. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li, għal diversi tipi ta’ prodotti, kien hemm diskrepanza bejn it-trimestri fejn ġew immanifatturati ċerti mudelli u t-trimestri meta nbiegħu fis-suq domestiku. Għalhekk, jekk l-approċċ trimestrali jiġi adottat, għal dawk it-tipi ta’ prodotti ma jkunx possibbli li jitwettaq test tal-andament ordinarju tal-kummerċ skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. Dan għaliex għal uħud mit-trimestri fejn sar il-bejgħ ma jkun hemm l-ebda data dwar il-kostijiet. Fi kliem ieħor, l-approċċ trimestrali mhux biss iwassal għal valuri mhux rappreżentattivi meta jitqiesu b’mod ġenerali, iżda, għal tipi speċifiċi ta’ prodotti, ma jippermettix tqabbil tal-prezz applikabbli f’dak it-trimestru mal-kostijiet korrispondenti fl-istess trimestru. Fuq din il-bażi, ġie kkonfermat li l-użu ta’ kost medju annwali tal-produzzjoni għal kull mudell jippermetti r-riflessjoni tal-kostijiet rilevanti matul is-sena kollha u jkun bażi xierqa għal kalkolu annwali tad-dumping. Għaldaqstant, l-affermazzjoni kienet miċħuda.

(48)

It-tieni, id-data pprovduta minn Özkan Demir ma tippermettix li jiġi stabbilit SG&A akkurat u vverifikat għal kull trimestru peress li din l-informazzjoni ġiet sottomessa biss fuq bażi annwali u għall-perjodu ta’ investigazzjoni kollu f’daqqa. Għalhekk, l-ebda data trimestrali ma kienet disponibbli biex tippermetti kalkolu tad-dumping jew test OCOT trimestrali bl-użu ta’ informazzjoni korrispondenti relatata ma’ kull trimestru sa fejn huma kkonċernati l-SG&A.

(49)

Wara d-divulgazzjoni finali, Özkan Demir afferma li l-SG&A ma varjawx matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u rrefera għall-perċentwali ta’ SG&A applikabbli fl-2021 u l-perjodu ta’ investigazzjoni biex isostni l-affermazzjoni tiegħu. Özkan Demir sostna wkoll li l-Kummissjoni ma talbitx tali informazzjoni filwaqt li talbet il-kost tal-produzzjoni ta’ kull xahar.

(50)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li, meta talab lill-Kummissjoni twettaq kalkoli ta’ dumping trimestrali, Özkan Demir kellu jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermetti lill-Kummissjoni twettaq tali kalkoli. Fin-nuqqas ta’ tali informazzjoni, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tivvaluta l-livell tal-SG&A applikabbli f’kull trimestru. Barra minn hekk, meta ssottometta l-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni finali, Özkan Demir lanqas ma pprovda l-SG&A fuq bażi trimestrali. F’dak li għandu x’jaqsam maċ-ċifri tal-SG&A tal-2021 u tal-perjodu ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni nnotat li, għalkemm il-perċentwali applikabbli jistgħu jidhru simili, dawn ma humiex relatati mad-diversi trimestri tal-perjodu ta’ investigazzjoni u għalhekk ma jipprovdux għarfien analitiku dwar il-fluttwazzjoni ta’ tali valuri matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Barra minn hekk, fid-dawl tal-fluttwazzjoni irregolari tal-Lira Torka mal-EUR u mal-USD matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, wieħed jista’ jistenna li l-SG&A, li fil-biċċa l-kbira jikkonsistu minn gwadann u telf mill-kambju, ma żviluppawx b’mod ugwali. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(51)

Fl-aħħar nett, kif stabbilit ukoll fil-premessa (77), il-bejgħ domestiku ma kienx ikkonċentrat f’perjodu partikolari, iżda kien imqassam b’mod ugwali għal kull trimestru tal-perjodu ta’ investigazzjoni, bl-ogħla volumi jinbiegħu matul it-tielet trimestru tal-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-bejgħ tal-esportazzjoni segwa l-istess mudell sabiex il-bejgħ tal-prodott investigat tqassam b’mod ugwali kemm fis-swieq domestiċi kif ukoll f’dawk tal-esportazzjoni u b’hekk ippermetta tqabbil ġust tal-bejgħ domestiku u tal-esportazzjoni li jkopri l-istess perjodu.

(52)

Wara d-divulgazzjoni finali, Özkan Demir afferma li l-bejgħ domestiku kien ikkonċentrat fir-raba’ trimestru tal-2021, filwaqt li l-bejgħ tal-esportazzjoni kien ikkonċentrat fl-ewwel trimestru tal-2022. Madankollu, il-metodoloġija ta’ Özkan Demir kienet żbaljata peress li kienet ibbażata fuq id-data tal-ordni, u mhux fuq id-data tal-fattura. Barra minn hekk, jekk il-Kummissjoni twettaq kalkolu ta’ dumping trimestrali, hija tuża d-data tal-fattura biex tiddistingwi l-bejgħ skont it-trimestru. Il-mudell tal-kummerċ għalhekk jeħtieġ li jiġi analizzat billi l-bejgħ jitqassam kull trimestru skont id-data tal-fattura tiegħu. Meta jsir dan, wieħed jista’ jinnota li l-ogħla volumi nbiegħu matul it-tielet trimestru tal-perjodu ta’ investigazzjoni kemm għall-bejgħ domestiku kif ukoll għal dak tal-esportazzjoni. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(53)

Il-Kummissjoni nnotat ukoll li r-rapport tal-bord fid-DS605 imsemmi minn Özkan Demir ġie appellat mir-Repubblika Dominicana u għalhekk ma ġiex adottat mill-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO. Barra minn hekk, il-fatti ta’ dan il-każ huma differenti. Fl-investigazzjoni f’DS605, aktar minn 50 % tal-bejgħ ġie eliminat mill-kalkolu tal-valur normali. Barra minn hekk, f’DS605, iż-żieda fil-kostijiet kienet tikkonċerna materja prima (ewlenija) waħda biss, filwaqt li f’dan il-każ tikkonċerna taħlita ta’ żieda fil-kost tal-produzzjoni, inflazzjoni u żvalutazzjoni tal-munita. B’kuntrast ma’ dan, fil-każ ta’ Özkan Demir, il-maġġoranza l-kbira tal-bejgħ domestiku (madwar [70-65 %] tal-volum tal-bejgħ) instab li kien fl-andament normali tal-kummerċ, u għalhekk intuża fil-kalkolu tal-valur normali. Dan għaliex, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li l-bejgħ ta’ Özkan Demir ma kienx ikkonċentrat fi trimestru partikolari iżda mifrux matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(54)

Għall-iskop tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku il-fatt li l-prezzijiet tal-bejgħ jippermettu għall-irkupru tal-kostijiet u jirriżultaw fi profittabbiltà fi żmien raġonevoli huwa rilevanti waqt li l-profittabbiltà f’ċertu punt ta’ żmien biss hija anqas rilevanti.

(55)

F’dan ir-rigward u meta kkunsidrat il-ġurisprudenza rilevanti adottata tad-WTO, il-Kummissjoni fakkret li l-Bord f’KE – Salamun (in-Norveġja) speċifikament irrikonoxxa li “sejba ta’ bejgħ magħmul bi prezzijiet ogħla mill-kost medju ponderat għall-perjodu ta’ investigazzjoni tkun biżżejjed biex turi li l-bejgħ kollu li ma nstabx li huwa ogħla mill-kost medju ponderat għall-perjodu ta’ investigazzjoni ma jipprevedix l-irkupru tal-kostijiet f’perjodu ta’ żmien raġonevoli”. (9) Il-bord iddiskuta wkoll it-tifsira tat-termini “fil-mument tal-bejgħ” u fil-paragrafu 7.243 innota li “l-Artikolu 2.2.1 [tal-Ftehim Anti-dumping] ma jispjegax xi jfisser “prezzijiet li huma anqas mill-kostijiet unitarji fil-ħin tal-bejgħ”. F’dan ir-rigward, naraw xebh bejn l-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 2.2.1. Għalkemm iż-żewġ sentenzi jipprevedu kalkolu tal-kostijiet unitarji fuq perjodu ta’ żmien, l-ebda waħda minnhom ma tispeċifika eżattament x’jenħtieġ li jkun dan il-perjodu ta’ żmien. Huwa minnu li t-tieni sentenza tmur lil hinn mill-ewwel sentenza peress li tikkontempla valutazzjoni tal-kostijiet fil-“mument tal-bejgħ”. Madankollu, fil-fehma tagħna dan ifisser biss li l-perjodu ta’ żmien rilevanti jrid jinkludi “il-mument tal-bejgħ”. Għalhekk, ikun kompletament konsistenti mat-tieni sentenza tal-Artikolu 2.2.1 li awtorità investigattiva li tikkalkola l-kostijiet unitarji fil-“mument tal-bejgħ” matul il-jum partikolari tal-bejgħ, jew medja li tinkludi dak il-jum, matul ġimgħa, xahar jew il-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-bord elabora aktar dwar ir-raġunament tiegħu fin-nota 417 f’qiegħ il-paġna fejn iddikjara li “F’dan ir-rigward, aħna nsibuha sinifikanti li filwaqt li l-abbozzaturi tal-Ftehim AD użaw il-kliem “data tal-bejgħ” fl-Artikolu 2.4.1, huma għażlu li jużaw “mument tal-bejgħ” fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2.2.1. Fil-fehma tagħna, din id-differenza tappoġġa l-fehma li l-“mument tal-bejgħ” imsemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 2.2.1 ma għandux neċessarjament ikun id-“data tal-bejgħ”, u jista’ jinkludi perjodi oħra ta’ “żmien”.

(56)

Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-valutazzjoni tal-profittabbiltà tal-bejgħ domestiku fuq bażi trimestrali jew annwali ma għamlet l-ebda differenza għal sehem sinifikanti tal-bejgħ domestiku kif spjegat fil-premessa (81) hawn taħt.

(57)

Wara d-divulgazzjoni finali, Özkan Demir reġa’ irrefera għar-rapport tal-bord f’DS605. Kif imsemmi fil-premessa (52), dan ir-rapport ġie appellat mir-Repubblika Dominicana u għalhekk ma ġiex adottat mill-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO. Fi kwalunkwe każ, kif innotat fil-premessi minn (46) sa (48) fil-każ ta’ Özkan Demir, għal raġunijiet speċifiċi ħafna partikolari għad-data tal-perjodu ta’ investigazzjoni tal-kumpanija, kalkolu affidabbli ta’ kull tliet xhur kien impossibbli. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba biex twettaq test trimestrali tal-OCOT.

3.2.2.   Prezz tal-esportazzjoni

(58)

Id-dettalji tal-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni ġew stabbiliti fil-premessi (134) u (135) tar-Regolament proviżorju. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet proviżorji tagħha.

3.2.3.   Tqabbil

(59)

Id-dettalji dwar it-tqabbil tal-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ġew stabbiliti fil-premessi minn (136) sa (138) tar-Regolament proviżorju.

(60)

Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament proviżorju, Özkan Demir ikkummenta dwar l-użu tad-data tal-ordni tax-xiri biex il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni jiġu kkonvertiti f’Lira Torka (TRY) f’konformità mal-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku.

(61)

Minħabba l-iżvalutazzjoni sinifikanti ta’ TRY matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u meta jitqies li t-termini materjali tal-bejgħ ġew stabbiliti meta saret l-ordni tax-xiri, kif spjegat fil-premessa (138) tar-Regolament proviżorju, meta kkonvertiet il-prezz kemm tal-bejgħ domestiku kif ukoll tal-esportazzjoni minn euro u USD għal TRY skont l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni użat ir-rata tal-kambju tad-data tal-ordni tax-xiri (minflok id-data tal-fattura).

(62)

Özkan Demir afferma li l-Kummissjoni kellha tuża d-data tal-fattura għall-konverżjoni tal-munita. Huwa sostna li t-termini materjali tal-bejgħ ma ġewx stabbiliti fiż-żmien tal-ordni, minħabba li xi fatturi kienu relatati ma’ kwantitajiet li kienu jaqgħu barra mit-tolleranza (+/- 5 jew 10 %) speċifikata fl-ordni tax-xiri. Madankollu, il-Kummissjoni nnotat li l-ebda bejgħ barra mit-tolleranzi ma ġie kkontestat mill-klijenti, li jindika l-fatt li t-tolleranzi ma jappartjenux għal tali termini materjali tal-bejgħ għall-kuntrarju tal-kwantità bażika u tal-prezz unitarju. Barra minn hekk, kif imsemmi fil-premessa (138) tar-Regolament proviżorju, l-analiżi tal-prattika konkreta tal-produttur esportatur Tork uriet li t-termini materjali tal-bejgħ, inklużi l-kwantitajiet u l-prezz, ġew saldati fil-mument tal-ordni tax-xiri.

(63)

Wara d-divulgazzjoni finali, Özkan Demir tenna l-affermazzjoni tiegħu li l-Kummissjoni kellha tuża d-data tal-fattura għall-konverżjoni tal-munita. B’mod partikolari, Özkan Demir argumenta li t-termini materjali tal-bejgħ u speċjalment il-kwantità finali u l-prezz ġew stabbiliti fiż-żmien tal-fattura. Huwa argumenta wkoll li l-Kummissjoni ammettiet li t-tolleranzi ma jikkostitwixxux termini materjali tal-bejgħ, iżda xorta tagħżel l-ordni tax-xiri, fejn it-tolleranza tirregola b’mod predominanti l-kwantità, bħala fattur determinanti għall-iffissar tat-termini materjali tal-bejgħ.

(64)

Il-Kummissjoni nnotat li l-użu tat-tolleranza huwa prattika ġenerali meta jinbiegħu pjanċi b’bastun iżda wkoll prodott tal-azzar b’mod aktar ġenerali. Meta ssir l-ordni, f’din l-industrija, il-Kumpaniji jaqblu dwar il-kwantitajiet u l-prezzijiet unitarji. Il-fatt li jintużaw tolleranzi huwa illustrattiv tas-settur tal-azzar fejn kwantitajiet approssimattivi huma ordnati bl-użu ta’ tolleranzi biex jirriflettu l-inabbiltà tal-produtturi li jikkunsinnaw kwantitajiet eżatti minħabba n-natura tal-prodott. L-użu ta’ dawn it-tolleranzi ma jaffettwax il-fatt li t-termini materjali tal-bejgħ, jiġifieri l-kwantitajiet u l-prezzijiet unitarji jiġu stabbiliti fil-mument tal-ordni. Tali konfutazzjoni hija kkonfermata wkoll mill-fatt li l-ebda bejgħ lil hinn mit-tolleranzi ma ġie kkontestat mill-klijenti, kif imsemmi fil-premessa (62). Fuq din il-bażi, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(65)

Özkan Demir sostna wkoll li l-Kummissjoni ma ssostanzjatx biżżejjed għaliex hija ddevjat mill-prattika standard tagħha u użat id-data tal-ordni minflok id-data tal-fattura għall-finijiet ta’ konverżjoni. Il-Kummissjoni qieset li kienu ġew esposti biżżejjed raġunijiet billi rreferiet għall-mument meta ġew stabbiliti t-termini materjali tal-bejgħ, l-iżvalutazzjoni ta’ TRY u l-impatt tal-prezz u t-tqabbil tal-prezzijiet biex jiġi ġġustifikat aġġustament. Filwaqt li kemm il-bejgħ domestiku kif ukoll dak tal-UE huma pprezzati f’munita barranija, id-differenza fiż-żmien bejn id-data tal-ordni tax-xiri u d-data tal-fattura tvarja minn tranżazzjoni għal oħra u, bħala medja, hija itwal għall-bejgħ tal-UE milli għall-bejgħ domestiku. Il-varjazzjoni tar-rata tal-kambju tista’ għalhekk taffettwa t-tqabbil tal-prezzijiet u tqabbil ġust jeħtieġ l-użu tad-data tal-bejgħ għall-konverżjoni tal-munita fi TRY.

(66)

Wara d-divulgazzjoni finali, Özkan Demir tenna l-affermazzjoni tiegħu li l-Kummissjoni ma ssodisfatx l-oneru tal-prova biex tagħmel aġġustament u ma wrietx l-impatt tal-varjazzjoni tar-rata tal-kambju fuq il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet. Il-Kummissjoni l-ewwel innotat li l-aġġustament previst mill-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku huwa l-konverżjoni tal-munita li tippermetti kalkolu tad-dumping fejn iridu jitqabblu l-valuri għall-kostijiet u l-prezzijiet f’diversi muniti. Özkan Demir ma kkontestax il-ħtieġa għal dan l-aġġustament. F’dan l-aġġustament il-Kummissjoni għandha tagħżel data għal rata ta’ konverżjoni. Skont l-Artikolu 2(10)(j), “ordni ta’ xiri jew konferma tal-ordni tista’ tintuża jekk dawk jistabbilixxu b’mod aktar xieraq it-termini materjali tal-bejgħ”. Kif spjegat hawn fuq u fil-premessa (138) tar-Regolament proviżorju, f’dan il-każ partikolari, l-ordni tax-xiri tistabbilixxi b’mod aktar xieraq it-termini materjali tal-bejgħ. Özkan Demir naqas milli jirribatti dan il-fatt fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni finali. Tabilħaqq, il-Kummissjoni nnotat li matul il-perjodu ta’ investigazzjoni l-iżvalutazzjoni tal-Lira Torka meta mqabbla mal-Euro kienet ta’ madwar 74 %. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-perjodu ta’ żmien bejn id-data tal-ordni u d-data tal-fattura kien ivarja ħafna: bejn 0 u 266 jum għall-bejgħ domestiku u bejn 20 u 219-il jum għall-bejgħ lill-UE. Dan ifisser li, kieku ntużat ir-rata tal-kambju tad-data tal-fattura, it-termini materjali tal-bejgħ (bħall-prezzijiet) stabbiliti fiż-żmien tal-ordni tax-xiri kienu jiġu distorti minn differenza sinifikanti fir-rata tal-kambju li seħħet bejn dik id-data u d-data tal-fattura minħabba l-iżvalutazzjoni tal-Lira Torka. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li Özkan Demir kien qed juża muniti barranin għall-bejgħ domestiku u għall-esportazzjoni tiegħu li juri li antiċipa varjazzjonijiet qawwija fil-valutazzjoni tal-munita domestika tiegħu meta mqabbla ma’ muniti barranin. Għalhekk, il-kumpanija nnifisha kienet qed ittaffi l-effetti tal-iżvalutazzjoni fuq il-prezz miftiehem fil-mument tal-ordni tax-xiri u l-introjtu li l-prezz miftiehem seta’ jiżgura meta jiġi fatturat. Fi kliem ieħor, Özkan Demir innifisu uża mekkaniżmi bbażati fuq il-munita sabiex jipprevjeni d-distorsjoni tal-prezzijiet miftiehma fl-ordnijiet ta’ xiri permezz tal-iżvalutazzjoni tal-munita domestika Torka.

(67)

Wara d-divulgazzjoni finali, Özkan Demir irrefera għal investigazzjoni fil-passat (10) fejn żewġ esportaturi Torok fittxew aġġustament tal-kambju tal-munita skont l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku u sostnew li l-Kummissjoni kienet qed tuża standard ta’ evidenza aktar baxx meta “twettaq” aġġustament tal-kambju tal-munita. Abbażi tal-fatti tal-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni qieset li kienet uriet li kien hemm biżżejjed elementi li jiġġustifikaw l-użu tad-data tax-xiri bħala d-data tal-kambju tal-munita kif imsemmi fil-premessa (138) tar-Regolament proviżorju u fil-premessi minn (61) sa (66) hawn fuq. Fuq din il-bażi, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(68)

Barra minn hekk, Özkan Demir sostna li l-użu tad-data tal-ordni kien wassal għal bidla fil-perjodu ta’ investigazzjoni u għall-użu ta’ sett ta’ data mhux komplut. Il-Kummissjoni ma qablitx u qieset li l-perjodu ta’ investigazzjoni baqa’ l-istess. Il-perjodu ta’ investigazzjoni ntuża b’mod konsistenti biex jiddefinixxi u jibbaża l-kalkolu tad-dumping fuq sett sħiħ ta’ tranżazzjonijiet b’data tal-fattura fil-perjodu ta’ investigazzjoni. L-użu tad-data tal-ordni kien strettament limitat għall-aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku.

(69)

Wara d-divulgazzjoni finali, Özkan Demir tenna l-affermazzjoni tiegħu li l-Kummissjoni użat settijiet ta’ data mhux kompluti, minħabba li d-data tal-bejgħ inbidlet mid-data tal-fattura għad-data tal-ordni. Fin-nuqqas ta’ elementi ġodda dwar dan il-punt, il-Kummissjoni rreferiet għall-premessa (68) li tirribatti l-affermazzjoni ta’ Özkan Demir.

(70)

Fil-kummenti tiegħu, Özkan Demir irrefera wkoll għall-istruzzjonijiet li jinsabu fil-kwestjonarju anti-dumping maħruġ lil Özkan Demir fejn sostna li huwa ngħata struzzjonijiet biex “juża d-data tal-fattura bħala d-data tal-bejgħ biex tiddetermina liema bejgħ jaqa’ fil-perjodu ta’ investigazzjoni” u indika li l-użu tad-data tal-ordni fil-kalkolu kien kuntrarju għal tali struzzjonijiet u wassal għal bidla fis-sett tad-data. Fl-istess rigward, Özkan Demir irrefera għal Dominican Republic – AD on Steel Bars (Costa Rica) (11) fejn l-UE indikat li “l-awtoritajiet investigattivi jenħtieġ li jqabblu l-prezzijiet tal-esportazzjoni u dawk domestiċi li jaqgħu fl-istess [perjodu ta’ investigazzjoni] u abbażi tal-istess kriterji (eż. id-data tal-fattura)”. F’dan ir-rigward, qed issir referenza għall-premessa (68) li tikkonferma l-użu tad-data tal-fattura biex jiġi definit il-perjodu tal-investigazzjoni kemm għall-bejgħ domestiku kif ukoll għall-esportazzjoni iżda bl-użu tad-data tal-ordni bħala modalità għall-aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku. Fuq din il-bażi, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(71)

Billi l-bejgħ kollu tal-esportazzjoni lejn l-UE u l-biċċa l-kbira tal-bejgħ domestiku saru f’euro, Özkan Demir sostna li l-kalkoli tal-marġni tad-dumping jistgħu jsiru f’euro biex jiġi evitat kwalunkwe effett marbut mal-konverżjoni tal-munita. Özkan Demir innotat li r-Regolament bażiku ma jsemmi xejn dwar il-munita użata għall-kalkolu tal-marġni tad-dumping. Madankollu, il-Kummissjoni qieset li din il-metodoloġija tkun teħtieġ ukoll il-konverżjoni tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-prezz tal-bejgħ ta’ ċertu bejgħ domestiku f’euro. Għal din ir-raġuni, tqies xieraq li l-kalkoli tad-dumping isiru fil-munita tal-pajjiż esportatur.

(72)

Fuq dawn il-bażijiet, l-affermazzjonijiet ta’ Özkan Demir ġew miċħuda.

(73)

L-ilmentatur afferma li d-data tal-offerta (li tiġi qabel id-data tal-ordni) jenħtieġ li tintuża bħala bażi għall-konverżjoni tal-munita. Madankollu, l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku ma jipprovdix tali bażi għall-konverżjoni. Aktar importanti minn hekk, offerta ma tistax titqies bħala ftehim dwar it-termini materjali tal-bejgħ bejn żewġ partijiet. Għaldaqstant, l-affermazzjoni tal-ilmentatur ġiet miċħuda.

(74)

Özkan Demir ressaq xi affermazzjonijiet sussidjarji, f’każ li l-Kummissjoni tirrifjuta l-affermazzjonijiet tiegħu relatati mal-użu tad-data tal-ordni tax-xiri għall-fini ta’ aġġustament skont l-artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku.

(75)

L-ewwel pretensjoni sussidjarja kienet li jiġu esklużi t-tranżazzjonijiet bid-data tal-ordni barra mill-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-Kummissjoni qieset li din il-metodoloġija tkun tfisser li jiġi injorat għadd sinifikanti ta’ tranżazzjonijiet li ġew fatturati fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-perjodu ta’ investigazzjoni u t-tranżazzjonijiet assoċjati ma setgħux jinbidlu matul l-investigazzjoni, kif ġustament fakkar ukoll Özkan Demir fis-sottomissjoni tiegħu. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(76)

It-tieni affermazzjoni sussidjarja kienet li l-kalkolu tad-dumping isir fuq bażi trimestrali.

(77)

L-ewwel nett, Özkan Demir iġġustifika din l-affermazzjoni bl-iżvalutazzjoni għolja u l-iperinflazzjoni fit-Turkija matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni nnotat li ma kien hemm l-ebda differenza sostanzjali fix-xejriet tal-bejgħ domestiku u tal-esportazzjoni li tiġġustifika l-kalkoli trimestrali. Fil-fatt, kemm il-bejgħ domestiku kif ukoll dak tal-esportazzjoni tqassmu b’mod ugwali kull trimestru, bl-ogħla volumi jinbiegħu matul it-tielet kwart tal-perjodu ta’ investigazzjoni kemm fis-suq domestiku kif ukoll fis-suq tal-esportazzjoni. Għalkemm id-differenzi fid-distribuzzjoni tal-bejgħ domestiku u tal-esportazzjoni huma mistennija li jseħħu, huwa biss f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali li l-Kummissjoni tista’ twarrab approċċ annwali u twettaq kalkoli trimestrali minflok kalkoli annwali. Tali sitwazzjoni eċċezzjonali ma ġietx osservata u, għalhekk, dan l-argument ma setax iwassal għal bidla fil-metodoloġija.

(78)

Wara d-divulgazzjoni finali, Özkan Demir tenna l-istess affermazzjonijiet bħal dawk imsemmija fil-premessi (75) u (76). Fin-nuqqas ta’ elementi ġodda dwar dan il-punt, il-Kummissjoni rreferiet għall-premessa (77) li tirribatti l-affermazzjoni ta’ Özkan Demir.

(79)

Barra minn hekk, qabel id-divulgazzjoni proviżorja, Özkan Demir iddikjara b’mod espliċitu, fit-tweġiba tiegħu għat-tieni notifika ta’ irregolarità, li kalkolu ta’ kull xahar jista’ ma jkunx xieraq f’dan il-każ. Il-Kummissjoni tonqos milli tifhem għaliex kalkolu tad-dumping trimestrali jenħtieġ li jkun aktar akkurat minn wieħed mensili, b’dan tal-aħħar jiġi miċħud mill-kumpanija. Tabilħaqq, għallanqas fit-teorija, kalkolu mensili għandu saħansitra jinnewtralizza aktar l-effetti ta’ żieda sinifikanti fil-kostijiet fil-perjodu ta’ investigazzjoni u/jew inflazzjoni għolja u żvalutazzjoni ta’ TRY. Il-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata li tiddevja mill-metodoloġija standard f’konformità mar-Regolament bażiku kull meta produttur esportatur jitlob metodoloġija differenti li ttejjeb il-marġni tad-dumping tiegħu.

(80)

Barra minn hekk, kif diġà stabbilit hawn fuq fil-premessa (77), kemm il-bejgħ domestiku kif ukoll dak tal-esportazzjoni tqassmu b’mod ugwali kull trimestru, bl-ogħla volumi jinbiegħu matul it-tielet kwart tal-perjodu ta’ investigazzjoni kemm fis-suq domestiku kif ukoll fis-suq tal-esportazzjoni. Dan wera li sar tqabbil ġust fir-rigward tal-bejgħ magħmul mill-qrib kemm jista’ jkun, fl-istess ħin, f’konformità mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Il-fatt li, kif iddikjarat minn Özkan Demir, il-perċentwali tal-volumi tal-bejgħ tal-esportazzjoni u tal-bejgħ domestiku għal ċerti tipi ta’ prodotti ivarjaw ftit kull trimestru, ma biddilx din il-konklużjoni. Barra minn hekk, l-eżempji teoretiċi mogħtija minn Özkan Demir (12) tabilħaqq juru li d-differenzi fit-twaqqit tal-bejgħ huma rilevanti, iżda altrimenti huma simplifikazzjonijiet tar-realtà, peress li pereżempju l-iżvalutazzjoni tal-TRY meta mqabbla mal-EUR ma titqiesx.

(81)

Barra minn hekk, it-twettiq ta’ kalkolu tad-dumping fuq bażi trimestrali jindirizza biss b’mod limitat ħafna t-tħassib ta’ Özkan Demir li l-bejgħ domestiku jiġi ttrattat bħala telf, filwaqt li, f’ċertu punt dan kien profittabbli b’mod limitat ħafna, meta jintużaw kalkoli trimestrali jew mensili. Anki li kieku l-Kummissjoni kellha twettaq kalkolu tad-dumping trimestrali, is-sehem tal-bejgħ domestiku li jitqies profittabbli ma jiżdiedx b’mod sinifikanti (anqas minn 10 %) meta mqabbel mal-kalkoli annwali tad-dumping.

(82)

Għalhekk, bħala bilanċ, il-Kummissjoni kkonkludiet li f’dan il-każ ma kien hemm l-ebda raġuni suffiċjenti biex tiddevja mill-kalkolu annwali tad-dumping u tirrikorri għal metodu ieħor. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(83)

It-tieni, l-aħħar affermazzjoni sussidjarja kienet li l-Kummissjoni suppost li kellha tikkalkola mill-ġdid il-kost tal-allowances irreġistrati fi TRY, li jirrigwardaw l-aktar il-kostijiet tat-trasport, billi tapplika r-rata tal-kambju fid-data tal-ordni, minflok fid-data tal-fattura, f’konformità mal-kalkolu tal-valur tal-bejgħ. Il-Kummissjoni nnotat li l-użu tad-data tal-ordni kien relatat ma’ aġġustament għall-konverżjoni tal-munita skont l-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku, filwaqt li l-aġġustamenti li għandhom x’jaqsmu mal-kostijiet tat-trasport, tal-assigurazzjoni, tal-immaniġġar, tat-tagħbija u dawk anċillari huma rregolati mill-Artikolu 2(10)(e) tar-Regolament bażiku, li bih għandu jintuża l-kost imġarrab. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

3.2.4.   Marġni tad-dumping

(84)

Il-marġnijiet tad-dumping definittivi, espressi bħala perċentwal tal-prezz tal-kost, assigurazzjoni u nol (cost, insurance and freight, CIF) fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping definittiv

Türkiye Özkan Demir Çelik Sanayi A.Ş

13,6  %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

13,6  %

4.   DANNU

4.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(85)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe affermazzjoni oħra jew kumment ieħor, il-konklużjonijiet fil-premessi minn (143) sa (145) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

4.2.   Konsum tal-Unjoni

(86)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe affermazzjoni oħra jew kumment ieħor, il-konklużjonijiet fil-premessi minn (146) sa (149) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

4.3.   L-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

4.3.1.   Valutazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

(87)

Il-Gvern tat-Turkija afferma li l-eżami tal-importazzjonijiet jenħtieġ li jsir separatament għal kull pajjiż ikkonċernat. Skont il-Gvern tat-Turkija, il-Kummissjoni għamlet analiżi kumulattiva tal-importazzjonijiet “biex tkun tista’ tiddetermina żieda fl-importazzjonijiet u tkun tista’ tkejjel”. Barra minn hekk, il-Gvern tat-Turkija afferma li żieda fis-sehem mis-suq ta’ 4 % mill-pajjiżi kkonċernati ma hijiex żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet kif identifikat fil-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-dumping.

(88)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li teżamina l-importazzjonijiet miċ-Ċina u mit-Turkija b’mod kumulattiv kienet konformi mal-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku u mal-Artikolu 3.3 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-dumping. Dawn iż-żewġ Artikoli għandhom żewġ kundizzjonijiet li fuqhom il-Kummissjoni tista’ twettaq valutazzjoni kumulattiva: “(a) il-marġni tad-dumping stabbilit b’rabta mal-importazzjonijiet minn kull pajjiż huwa aktar minn de minimis kif definit fl-Artikolu 9(3) [tar-Regolament bażiku u l-paragrafu 8 tal-Artikolu 5 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Anti-dumping] u l-volum tal-importazzjonijiet minn kull pajjiż ma huwiex negliġibbli; u (b) valutazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet hija xierqa fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn il-prodotti importati u l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn il-prodotti importati u l-prodott [domestiku] simili tal-Unjoni”.

(89)

“Żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet” kif imsemmi mill-Gvern tat-Turkija ma tifformax parti minn dawn il-kundizzjonijiet. Il-Gvern tat-Turkija ma kkontestax li xi wieħed minn dawk iż-żewġ elementi ġie ssodisfat f’dan il-każ. Għalhekk, il-konklużjoni tal-premessi minn (150) sa (153) tar-Regolament proviżorju li l-kundizzjonijiet għall-valutazzjoni kumulattiva ġew issodisfati ġiet ikkonfermata.

4.3.2.   Il-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

(90)

Kif imsemmi fil-premessa (87) hawn fuq, il-Gvern tat-Turkija afferma li ż-żieda ta’ 4 % fis-sehem mis-suq mill-pajjiżi kkonċernati bejn l-2019 u l-perjodu ta’ investigazzjoni murija fit-Tabella 3 fir-Regolament proviżorju ma kellhiex titqies bħala sinifikanti. Madankollu, skont id-WTO, il-kelma sinifikanti jenħtieġ li tiġi interpretata kif definita fid-dizzjunarju ta’ Oxford, jiġifieri “notevoli; konsegwenzjali, influwenti”. Addizzjonalment, l-Artikolu 3.2 tal-Ftehim dwar l-Anti-dumping tad-WTO (ekwivalenti għall-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku) li jirreferi għall-bżonn li jkun ikkunsidrat jekk kienx hemm żieda sinifikanti ta’ importazzjoni oġġett ta’ dumping “ma tistipulax livell limitu minimu dwar x’jikkwalifika bħala żieda ‘sinifikanti’; jekk żieda hijiex ‘sinifikanti’ jiddependi miċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ” (13).

(91)

Fil-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni qieset żieda ta’ 4 % bħala sinifikanti, speċjalment fid-dawl taż-żidiet ferm ogħla fis-snin preċedenti tal-perjodu kkonċernat. Kif spjegat fil-premessa (157) tar-Regolament proviżorju, is-sehem mis-suq aktar baxx fil-perjodu ta’ investigazzjoni meta mqabbel mas-snin 2020 u 2021 kien dovut għal sitwazzjoni partikolari fis-suq tal-Unjoni li ma kinitx strutturali jew x’aktarx tkompli wara l-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni rrifjutat l-affermazzjoni u kkonfermat il-premessi minn (154) sa (157) tar-Regolament proviżorju.

4.3.3.   Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, it-twaqqigħ tal-prezz u t-trażżin tal-prezzijiet

(92)

Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament proviżorju, Özkan Demir ikkontesta l-metodoloġija użata mill-Kummissjoni għall-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz. Skont din l-affermazzjoni, il-Kummissjoni wettqet “konverżjoni doppja” tal-bejgħ tal-UE billi kkonvertiet l-ammonti f’euro fuq il-fatturi ta’ Özkan Demir fi TRY bl-użu tar-rata tal-kambju tad-data tal-ordni u mbagħad ikkonvertiethom lura f’EUR b’rata tal-kambju differenti, jiġifieri dik tax-xahar tal-fattura. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet dan l-iżball u għamlet il-korrezzjoni meħtieġa billi użat l-ammonti f’euro fuq il-fatturi ta’ Özkan Demir (aġġustati għall-valur CIF żbarkat) biex tikkalkola l-prezzijiet tal-importazzjoni.

(93)

B’konsegwenza ta’ dan, il-prezz medju tal-importazzjoni għat-Turkija fil-perjodu ta’ investigazzjoni kif irrapportat fit-Tabella 4 fir-Regolament proviżorju ġie kkoreġut ukoll, kif muri fit-tabella ta’ hawn taħt:

Tabella 4

Prezzijiet tal-importazzjoni (EUR/tunnellata)

 

2019

2020

2021

Perjodu ta’ investigazzjoni

RPĊ

[800 -900 ]

[800 -900 ]

[850 -1 000 ]

[1 000 -1 200 ]

Indiċi

100

95

108

133

It-Turkija

[700 -800 ]

[700 -800 ]

[850 -1 000 ]

[1 100 -1 300 ]

Indiċi

100

92

119

157

Sors: Il-produtturi esportaturi li kkooperaw

(94)

Wara din il-korrezzjoni, il-marġni medju tat-twaqqigħ tal-prezz għat-Turkija sar de minimis, b’marġni ta’ bejgħ taħt il-prezz għat-Turkija ta’ 15,41 %. Kif konkluż fit-taqsima 4.3.3 tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni stabbiliet l-eżistenza ta’ trażżin tal-prezzijiet. Minħabba l-pressjoni sinifikanti fuq il-prezzijiet ikkawżata mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fis-suq tal-Unjoni f’volumi għoljin ħafna, l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx iżżid il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha biex tikseb sitwazzjoni profittabbli matul il-perjodu kkonċernat.

(95)

Il-Gvern tat-Turkija staqsa jekk il-Kummissjoni kkunsidratx il-piż fuq il-pjanċi b’bastun tal-azzar importati kkawżat mill-miżuri ta’ salvagwardja li kienu fis-seħħ kontra l-prodotti tal-azzar (14) inkluż il-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. F’każ li l-kwota tariffarja tiġi eżawrita għall-grupp ta’ prodotti li jinkludi l-pjanċi b’bastun tal-azzar, l-importaturi jkollhom iħallsu 25 % f’dazji ta’ salvagwardja fuq l-importazzjonijiet barra mill-kwota.

(96)

Meta analizzat l-effett tad-dazji ta’ salvagwardja, il-Kummissjoni qieset in-natura temporanja tad-dazji ta’ salvagwardja kif spjegat fil-premessa (252) tar-Regolament proviżorju. Barra minn hekk, instab li matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, id-dazji ta’ salvagwardja tħallsu biss fuq 18,5 % tal-importazzjonijiet kollha tal-Unjoni ta’ pjanċi b’bastun tal-azzar. Madankollu, id-data doganali disponibbli għal dan il-perjodu ma ppermettietx li ssir distinzjoni bejn il-prodott li qed jiġi investigat u pjanċi b’bastun tal-azzar oħrajn, li jinkludu daqsijiet barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott tal-investigazzjoni kurrenti. Madankollu, billi d-daqsijiet akbar ta’ pjanċi b’bastun tal-azzar ma jiġux prodotti fl-Unjoni, huwa probabbli li dawn ifformaw parti akbar mill-volumi tal-importazzjoni mill-prodott li qed jiġi investigat. L-informazzjoni pprovduta matul il-verifika fuq il-post tal-utent tal-Unjoni li kkoopera Fincantieri kkorroborat dan.

(97)

Billi 1) aktar minn 80 % tal-pjanċi b’bastun tal-azzar importati mit-Turkija ma kinux soġġetti għal dazji ta’ salvagwardja, 2) huwa probabbli li parti kbira mill-pjanċi b’bastun tal-azzar li fuqhom tħallsu d-dazji ta’ salvagwardja kienu jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni kurrenti, 3) ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza li turi l-impatt tad-dazji ta’ salvagwardja fuq il-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi Torok, u 4) id-dazji ta’ salvagwardja huma ta’ natura temporanja, il-Kummissjoni qieset li aġġustament tal-prezzijiet CIF sabiex jitqiesu d-dazji ta’ salvagwardja ma kienx ġustifikat. Fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dazji ta’ salvagwardja fuq l-importazzjonijiet ta’ pjanċi b’bastun tal-azzar mir-RPĊ, il-kwoti ma ġewx eżawriti fi kwalunkwe wieħed mit-trimestri matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(98)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-Gvern tat-Turkija tenna l-kummenti tiegħu dwar l-inklużjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja fil-kalkolu tal-marġni tad-dannu. Skont il-Gvern tat-Turkija, l-inklużjoni ta’ salvagwardji fil-kalkolu tista’ potenzjalment tnaqqas il-marġni tad-dannu għal anqas mill-marġni tad-dumping. Madankollu, kif indikat fil-premessi (96) u (97), volum limitat biss ta’ esportazzjonijiet kien soġġett għal miżuri ta’ salvagwardja matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza li volum limitat bħal dan kien ikun soġġett bis-sħiħ għall-ħlas tad-dazju ta’ salvagwardja ta’ 25 %. Għalhekk, huwa improbabbli li l-miżura ta’ salvagwardja kien ikollha xi impatt fuq il-prezzijiet tal-esportazzjoni.

(99)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ngħatat l-ebda evidenza dwar l-impatt tas-salvagwardji fuq il-prezzijiet tal-esportazzjoni. Wara d-divulgazzjoni finali, il-Gvern tat-Turkija afferma li la l-Gvern tat-Turkija u lanqas l-esportaturi Torok ma għandhom informazzjoni dwar l-influwenza tad-dazji ta’ salvagwardja fuq il-prezzijiet tal-esportaturi peress li l-importaturi biss ikollhom tali informazzjoni. Huma argumentaw li l-Kummissjoni minflok jenħtieġ li tibbaża fuq tranżazzjonijiet ta’ importazzjoni u dikjarazzjonijiet doganali. Madankollu, il-prezzijiet huma stabbiliti bejn il-fornitur u l-klijent. F’każ li d-dazji ta’ salvagwardja kien ikollhom impatt fuq il-prezzijiet tal-esportazzjoni, din il-kwistjoni x’aktarx kienet tkun parti min-negozjati dwar il-prezzijiet. Għalhekk, l-influwenza tagħha fuq il-prezzijiet tal-esportazzjoni tkun magħrufa sew għall-produtturi esportaturi. Madankollu, l-ebda talba għal aġġustament bħal dan ma saret minn xi importatur jew produttur esportatur, u lanqas ma ngħatat xi evidenza li setgħet tintuża għall-kalkolu ta’ tali aġġustament. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

4.4.   Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.4.1.   Rimarki ġenerali

(100)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe affermazzjoni oħra jew kumment ieħor, il-konklużjonijiet fil-premessi minn (164) sa (167) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

4.4.2.   Indikaturi makroekonomiċi

4.4.2.1.   Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

(101)

Il-Gvern tat-Turkija ddikjara li l-Kummissjoni “tassumi li l-falliment ta’ Laminorul huwa relatat maż-żieda fl-importazzjonijiet u mad-dumping allegat”, u li l-kawżi tal-falliment ta’ Laminorul jenħtieġ li jiġu analizzati b’mod rigoruż mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Gvern tat-Turkija staqsa jekk id-data ta’ Laminorul ġietx ikkunsidrata fir-rati tal-produzzjoni, tal-kapaċità u tal-użu tal-kapaċità.

(102)

Il-Kummissjoni qatt ma għamlet xi affermazzjoni dwar x’kienu l-kawżi għall-falliment ta’ Laminorul. Fil-fatt, il-falliment ta’ dik il-kumpanija kien fatt li tqies bħala tali biss. Kif ġie spjegat fil-premessi (11) u (12) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni qieset li Laminorul kienet parti mill-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat u, għalhekk, il-kumpanija ġiet inkluża fid-data u l-analiżi tagħha.

(103)

Kif spjegat ukoll fil-premessa (12) tar-Regolament proviżorju, l-effett tal-inklużjoni tad-data ta’ Laminorul fl-analiżi tagħha tqies b’mod espliċitu f’diversi taqsimiet tar-Regolament proviżorju. Dan kien ukoll il-każ għall-produzzjoni u l-kapaċità, fejn fil-premessi (169) u (170) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni wriet li mingħajr Laminorul, il-volumi tal-produzzjoni u r-rati ta’ użu tal-kapaċità naqsu matul il-perjodu kkunsidrat, filwaqt li l-kapaċità baqgħet stabbli. Dawn l-affermazzjonijiet kienu għalhekk miċħuda.

(104)

Għalhekk, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe affermazzjoni oħra relatata jew kumment ieħor relatat, il-konklużjonijiet fil-premessi minn (168) sa (170) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

4.4.2.2.   Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq

(105)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe affermazzjoni oħra jew kumment ieħor, il-konklużjonijiet fil-premessi minn (171) sa (172) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

4.4.2.3.   Tkabbir

(106)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe affermazzjoni relatata jew kumment relatat, il-konklużjoni fil-premessa (173) tar-Regolament proviżorju ġiet ikkonfermata.

4.4.2.4.   Impjiegi u produttività

(107)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe affermazzjoni oħra jew kumment ieħor, il-konklużjonijiet fil-premessi minn (174) sa (176) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

4.4.2.5.   Kobor tal-marġni tad-dumping u rkupru minn dumping fil-passat

(108)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe affermazzjoni oħra jew kumment ieħor, il-konklużjonijiet fil-premessi minn (177) sa (178) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

4.4.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

4.4.3.1.   Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(109)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe affermazzjoni oħra jew kumment ieħor, il-konklużjonijiet fil-premessi minn (179) sa (181) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

4.4.3.2.   Kostijiet lavorattivi

(110)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe affermazzjoni oħra jew kumment ieħor, il-konklużjonijiet fil-premessi minn (182) sa (183) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

4.4.3.3.   Inventarji

(111)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe affermazzjoni oħra jew kumment ieħor, il-konklużjonijiet fil-premessi minn (184) sa (185) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

4.4.3.4.   Profittabilità, fluss tal-flus, investimenti, redditu fuq l-investimenti u kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital

(112)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe affermazzjoni oħra jew kumment ieħor, il-konklużjonijiet fil-premessi minn (186) sa (190) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

4.4.4.   Konklużjoni dwar id-dannu

(113)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe affermazzjoni oħra relatata jew kumment relatat ieħor, il-konklużjonijiet fil-premessi minn (191) sa (198) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

5.   KAWŻALITÀ

5.1.   Effetti tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping

(114)

Il-Gvern tat-Turkija sostna li s-sehem mis-suq tat-Turkija naqas matul il-perjodu kkonċernat, tant li fil-perjodu ta’ investigazzjoni niżel għal livell li kien taħt dak tal-2019. Barra minn hekk, huma indikaw li l-produttur tal-Unjoni kellu l-kapaċità li jżid il-bejgħ tiegħu b’żieda fil-prezz ogħla mill-kostijiet tal-produzzjoni. Skonthom, dan juri li l-industrija tal-Unjoni ma hijiex kompetittiva.

(115)

Madankollu, il-Kummissjoni osservat li, kemm fl-2020 kif ukoll fl-2021, is-sehem mis-suq tat-Turkija kien ogħla mil-livell tal-2019, u ftit biss anqas minn dak il-livell fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Kif diġà ġie spjegat fil-premessa (91) hawn fuq u fil-premessa (157) tar-Regolament proviżorju, dan it-tnaqqis żgħir fis-sehem mis-suq fil-perjodu ta’ investigazzjoni kien fil-biċċa l-kbira relatat ma’ okkorrenza mhux strutturali f’dan il-perjodu, li x’aktarx ma kinitx se tkompli wara l-perjodu ta’ investigazzjoni. Fi kwalunkwe każ, billi għall-analiżi tad-dannu l-Kummissjoni akkumulat l-importazzjonijiet mit-Turkija u mir-RPĊ, bidliet speċifiċi fir-rigward tal-importazzjonijiet Torok ma humiex rilevanti.

(116)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-Gvern tat-Turkija argumenta li l-Kummissjoni jenħtieġ li “ma tinjorax ix-xejra pożittiva fl-indikaturi tal-industrija tal-Unjoni bħala elementi mhux strutturali tas-suq u tafferma li l-industrija qiegħda tiffaċċja dannu materjali.” Madankollu, kif ħareġ ċar mill-konklużjonijiet dwar id-dannu fit-taqsima 4.4.4. tar-Regolament proviżorju, ma kien hemm l-ebda xejra pożittiva viżibbli fl-indikaturi tal-industrija tal-Unjoni. L-elementi mhux strutturali tas-suq li l-Gvern tat-Turkija rrefera għalihom kienu jikkonċernaw biss iż-żieda tal-Unjoni fis-sehem mis-suq bejn l-2020 u l-perjodu ta’ investigazzjoni li, kif spjegat, x’aktarx li kienet ta’ natura temporanja. Barra minn hekk, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni kien għadu taħt dak tal-2019, il-bidu tal-perjodu kkonċernat.

(117)

Fir-rigward taż-żieda fil-prezz ogħla mill-kostijiet tal-produzzjoni msemmija mill-Gvern tat-Turkija, il-prezz medju tal-bejgħ unitarju fl-Unjoni kien konsistentement aktar baxx mill-kostijiet tal-produzzjoni matul il-perjodu kollu tal-investigazzjoni. Minbarra l-fatt li l-analiżi tal-Kummissjoni ma kinitx limitata għall-importazzjonijiet Torok biss, iżda flimkien mal-importazzjonijiet Ċiniżi, il-Kummissjoni nnotat li l-influss kontinwu ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping bi prezz baxx kemm mit-Turkija kif ukoll mir-RPĊ żamm lill-industrija tal-Unjoni milli tgħolli l-prezzijiet tagħha sal-livell meħtieġ biex tinkiseb sitwazzjoni profittabbli. Dan ma ġie kkontestat mill-ebda parti interessata. Għalhekk, din l-affermazzjoni tal-Gvern tat-Turkija ġiet miċħuda.

(118)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq u fin-nuqqas ta’ aktar kummenti, il-premessi minn (200) sa (206) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

5.2.   Effetti ta’ fatturi oħrajn

(119)

Il-Gvern tat-Turkija ħeġġeġ lill-Kummissjoni tesplora l-influwenza ta’ fatturi oħrajn bħall-bidliet fit-teknoloġija, il-preferenzi tal-klijenti u l-pressjoni kompetittiva ta’ importazzjonijiet mhux oġġett ta’ dumping li, skont huma, ġew esklużi mill-analiżi tal-Kummissjoni.

(120)

L-ewwel nett, ma kienx ċar għal liema bidliet fit-teknoloġija kien qed jirreferi l-Gvern tat-Turkija, u lanqas ma ġiet ippreżentata xi evidenza ta’ sostenn minn xi parti interessata dwar din il-kwistjoni.

(121)

It-tieni, l-influwenza tal-preferenzi tal-klijenti għall-pjanċi b’bastun tal-azzar importati meta mqabbla mal-pjanċi b’bastun tal-azzar prodotti mill-Unjoni ġiet inkluża fl-analiżi fit-Taqsima 2.3 tar-Regolament proviżorju. Hemmhekk ġie spjegat li l-pjanċi b’bastun tal-azzar, kemm dawk prodotti fil-pajjiżi kkonċernati kif ukoll dawk prodotti fl-Unjoni, għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi, kif ukoll l-istess użi bażiċi. Jistgħu jeżistu preferenzi tal-klijenti, għalkemm dawn ma għandhom l-ebda rwol fl-analiżi la tad-dumping u lanqas tad-dannu. Fi kwalunkwe każ, il-miżuri imposti ma għandhomx l-intenzjoni li jagħlqu s-suq jew li jkeċċu l-partijiet mis-suq. B’hekk, dan l-argument kien irrilevanti.

(122)

It-tielet, il-pressjoni kompetittiva tal-importazzjonijiet mhux oġġett ta’ dumping ġiet analizzata b’mod estensiv fit-Taqsima 5.2.1 tar-Regolament proviżorju. Hemmhekk ġie konkluż li, minħabba l-partikolaritajiet fil-produzzjoni tal-pjanċi b’bastun tal-azzar fir-Renju Unit u l-prezzijiet tal-importazzjoni relattivament għoljin, il-pressjoni kompetittiva minn dawk l-importazzjonijiet ma kinitx tali li ttaffi r-rabta kawżali bejn id-dannu tal-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati.

(123)

L-utent tal-Unjoni li kkoopera, Fincantieri, afferma li l-Kummissjoni ssottovalutat l-impatt tal-falliment ta’ Laminorul u tal-pandemija tal-Covid-19 fuq il-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Skont Fincantieri, il-Kummissjoni żbaljat meta qieset li dawn il-fatturi ma setgħux itaffu r-rabta kawżali bejn id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati. F’dan ir-rigward, Fincantieri rrefera b’mod speċjali għall-falliment ta’ Laminorul bħala l-kawża tad-dannu lill-industrija tal-Unjoni kollha kemm hi.

(124)

Madankollu, kif spjegat fil-premessa (103) hawn fuq, fir-Regolament proviżorju kollu intwera li d-dannu kien jeżisti kemm jekk Laminorul tkun inkluża fl-analiżi tad-dannu u wkoll jekk le. Mid-data jidher ċar li ma jistax jingħad li “l-indikaturi negattivi tal-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fl-2019” – jew fil-bqija tal-perjodu kkonċernat, għal dik il-kwistjoni – kienu kkawżati “prinċipalment jekk mhux esklużivament” mill-falliment ta’ Laminorul, kif affermat minn Fincantieri.

(125)

Pereżempju, kemm b’Laminorul kif ukoll mingħajrha, ir-rata tal-użu tal-kapaċità kienet anqas minn 50 % fl-2019 (il-premessa (170) tar-Regolament proviżorju), is-sehem mis-suq kien anqas minn 50 % (il-premessi (171) u (172)), il-prezz medju tal-bejgħ fl-Unjoni kien anqas mill-kost tal-produzzjoni (it-Tabella 8 tar-Regolament proviżorju), l-ilmentatur kien qed jagħmel it-telf (it-Tabella 11 tar-Regolament proviżorju), u kien hemm redditu negattiv fuq l-investiment (it-Tabella 11 ukoll). Kif konkluż ukoll fit-taqsima 4.4.4. tar-Regolament proviżorju, din is-sitwazzjoni negattiva ta’ dannu kkoinċidiet ma’ volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati.

(126)

Fincantieri rreferiet ukoll għad-dikjarazzjoni li saret fir-Regolament proviżorju fil-premessa (172) li parti mill-bejgħ ta’ Laminorul ġiet sostitwita b’importazzjonijiet aktar milli b’bejgħ ta’ produtturi oħrajn tal-Unjoni.

(127)

F’dan ir-rigward, Fincantieri affermat li, l-ewwel nett, il-produtturi tal-Unjoni komplew jirrappreżentaw sors primarju ta’ provvista għall-industrija tal-bini tal-bastimenti tal-Unjoni.

(128)

It-tieni, Fincantieri affermat li l-fatt li l-produttur tal-Unjoni Olifer s.p.l. (“Olifer”) ma ppreżentax ruħu wera li s-sitwazzjoni ekonomika tiegħu ma kinitx affettwata b’mod negattiv mill-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati. Skont Fincantieri, dan wera li l-problema hija tal-ilmentatur, Losal. Fincantieri affermat li l-mudell tan-negozju ta’ Losal kien affettwat minn nuqqasijiet strutturali serji. Skont Fincantieri, Losal sofriet mill-istess kwistjonijiet strutturali u loġistiċi li wasslu għall-falliment ta’ Laminorul u li kienu r-riżultat ta’ fatturi mhux relatati mal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati.

(129)

Madankollu, filwaqt li tabilħaqq il-produtturi tal-Unjoni kienu sors importanti ta’ provvista għall-industrija tal-bini tal-bastimenti tal-Unjoni, [57,0 – 64,0 %] tas-suq ġie fornut minn importazzjonijiet mit-Turkija u mir-RPĊ matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, il-pajjiżi kkonċernati kienu s-sors primarju ta’ provvista għall-bennejja tal-bastimenti tal-Unjoni, mhux l-industrija tal-Unjoni.

(130)

Ir-raġuni għaliex Olifer ma kkooperax ma hijiex magħrufa mill-Kummissjoni, iżda tista’ tkun dovuta, pereżempju, għaż-żmien u l-isforz meħtieġa għall-kooperazzjoni f’investigazzjoni, li ma humiex insinifikanti speċjalment għal intrapriża żgħira u ta’ daqs medju bħal Olifer. Tista’ tkun dovuta wkoll għall-biża’ li jiġu antagonizzati l-klijenti ewlenin tagħha, li wieħed minnhom huwa Fincantieri. Fi kwalunkwe każ, ma kien hemm l-ebda evidenza li n-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn Olifer kien indikattiv tas-sitwazzjoni ekonomika tagħha. Barra minn hekk, min-naħa tal-utent tal-Unjoni, kienet Fincantieri nnifisha biss li kkooperat fl-investigazzjoni. Jekk l-argument ta’ Fincantieri jgħodd għal Olifer, jista’ jingħad l-istess għall-industrija tal-bini tal-bastimenti tal-Unjoni, li hija magħmula minn għadd kbir ta’ kumpaniji oħra minbarra Fincantieri. Barra minn hekk, l-analiżi tal-Kummissjoni kienet ibbażata wkoll fuq l-indikaturi makroekonomiċi stabbiliti fit-taqsima 4.4.2 tar-Regolament proviżorju. Għal dik l-analiżi, kien irrilevanti min ikkoopera u min le.

(131)

Fir-rigward tal-affermazzjoni li s-sitwazzjoni kurrenti ta’ Losal kienet dovuta għal kwistjonijiet strutturali komparabbli ma’ Laminorul qabel il-falliment tagħha, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tqabbel is-sitwazzjoni taż-żewġ kumpaniji. L-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku, kif ukoll il-kummenti magħmula kemm minn Losal kif ukoll minn Fincantieri, urew li ma kien hemm l-ebda kunsens dwar ir-raġunijiet għat-tmiem ta’ Laminorul u l-falliment eventwali tagħha.

(132)

Madankollu, dak li kien ċar mill-informazzjoni pprovduta kemm minn Losal kif ukoll minn Fincantieri kien li tabilħaqq kien hemm xi kwistjonijiet bil-kunsinni minn Losal matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Madankollu, abbażi tad-dikjarazzjonijiet kemm minn Fincantieri fis-sottomissjoni tagħha fil-bidu kif ukoll minn Losal matul il-verifika fuq il-post, dawn dehru li kienu limitati għal żewġ ordnijiet speċifiċi, u affettwaw biss parti minn dawn l-ordnijiet. Il-problemi kienu prinċipalment dovuti għal kwistjonijiet ta’ trasport, ikkawżati minn strajks ta’ ċerti kumpaniji tat-trasport u d-diffikultà li jinstabu kumpaniji li jagħmlu kunsinni lejn Palermo, l-Italja. Fi kwalunkwe każ, sussegwentement ġiet stabbilita sistema speċifikament għal Fincantieri, li ppermettiet lill-utent isegwi l-istatus tal-ordnijiet tiegħu kull ġimgħa. Barra minn hekk, Fincantieri kienet biss waħda mill-ħafna klijenti ta’ Losal, għalkemm waħda importanti, u l-ebda klijent/utent ieħor ma ppreżenta ruħu biex jappoġġa din l-affermazzjoni.

(133)

Fincantieri affermat ukoll li Losal ma kellhiex skeda kontinwa u regolari u bdiet il-produzzjoni biss meta saru għadd imdaqqas ta’ ordnijiet mill-klijenti tagħha. Madankollu, abbażi tal-evidenza miġbura matul iż-żjara ta’ verifika fuq il-post f’Losal, dan ma kienx korrett.

(134)

Wara d-divulgazzjoni finali, Fincantieri tenniet il-kummenti tagħha dwar il-kwistjonijiet strutturali ta’ Losal u ddikjarat li l-Kummissjoni ma apprezzatx biżżejjed l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq Fincantieri. Barra minn hekk, Fincantieri tenniet l-affermazzjoni tagħha li l-prestazzjoni negattiva kienet ir-riżultat ta’ fatturi li ma kinux relatati mal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati. Ma tressaq l-ebda element ġdid biex jappoġġa dawn id-dikjarazzjonijiet.

(135)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-argumenti mressqa minn Fincantieri rigward l-effett tal-falliment ta’ Laminorul u l-kwistjonijiet strutturali u loġistiċi li jikkonċernaw lill-ilmentatur ma kinux tali li jtaffu r-rabta kawżali bejn id-dannu tal-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati.

5.2.1.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

(136)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe affermazzjoni jew kumment relatat, għajr dawk indirizzati fil-premessa (122) hawn fuq, il-premessi minn (207) sa (211) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

5.2.2.   Prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(137)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe affermazzjoni oħra jew kumment ieħor, il-konklużjonijiet fil-premessi minn (212) sa (214) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

5.2.3.   Il-pandemija tal-Covid-19 u t-tnaqqis fil-konsum

(138)

Kemm il-Gvern tat-Turkija kif ukoll Fincantieri tennew l-affermazzjoni tagħhom li l-pandemija tal-Covid-19 kellha rwol importanti fis-sitwazzjoni negattiva tal-industrija tal-Unjoni, speċjalment fir-rigward tal-impatt fuq il-volumi tal-bejgħ. Billi ma tressaq l-ebda element ġdid meta mqabbel ma’ dawk indirizzati fil-premessi (215) u (216) tar-Regolament proviżorju, il-konklużjoni f’dawk il-premessi ġiet ikkonfermata.

5.2.4.   Żieda fil-prezzijiet tal-enerġija

(139)

Il-Gvern tat-Turkija rrepeta l-affermazzjoni tiegħu fir-rigward tal-influwenza taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija fuq is-sitwazzjoni dannuża tal-industrija tal-Unjoni. Billi ma tressaq l-ebda argument ġdid meta mqabbel ma’ dawk indirizzati fil-premessi minn (217) sa (220), il-konklużjoni f’dawk il-premessi ġiet ikkonfermata.

5.2.5.   Diversifikazzjoni tal-prodott

(140)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe affermazzjoni oħra jew kumment ieħor, il-konklużjonijiet fil-premessi minn (221) sa (225) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

5.3.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(141)

Il-Kummissjoni vvalutat l-impatt ta’ fatturi oħrajn, filwaqt li qieset il-kummenti tal-partijiet interessati u kkonkludiet li dawk il-fatturi ma attenwawx ir-rabta kawżali. Tabilħaqq, fatturi bħall-falliment ta’ Laminorul, il-pandemija tal-Covid-19 jew kwalunkwe wieħed mill-fatturi l-oħrajn imressqa mill-partijiet differenti setgħu kellhom impatt fuq il-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Madankollu, dawn il-fatturi ma spjegawx it-trażżin tal-prezzijiet li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kollu taħt kunsiderazzjoni u, b’mod partikolari, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. F’ambjent kompetittiv normali, l-industrija tal-Unjoni jenħtieġ li tkun tista’ żżid il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha għal livell profittabbli jew għall-anqas biex tkopri l-kostijiet tal-produzzjoni tagħha. L-effett tal-fatturi diskussi hawn fuq, jekk hemm, ma setax jispjega l-inkapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tagħmel dan.

(142)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjoni fil-premessi minn (226) sa (228) tar-Regolament proviżorju.

6.   LIVELL TAL-MIŻURI

6.1.   Il-marġni tad-dannu

(143)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe affermazzjoni oħra jew kumment ieħor, il-konklużjonijiet fil-premessi minn (229) sa (235) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

(144)

Kif previst fl-Artikolu 9(4), it-tielet paragrafu, tar-Regolament bażiku, u minħabba li l-Kummissjoni ma rreġistratx l-importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni, din analizzat l-iżvilupp tal-volumi tal-importazzjoni biex tistabbilixxi jekk kienx hemm żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet soġġetti għall-investigazzjoni matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni deskritt fit-taqsima 1.2 tar-Regolament proviżorju u u għalhekk tirrifletti d-dannu addizzjonali li jirriżulta minn tali żieda fid-determinazzjoni tal-marġni tad-dannu.

(145)

Abbażi tad-data mill-bażi tad-data tas-Sorveljanza 2, il-volumi tal-importazzjonijiet mir-RPĊ u mit-Turkija matul il-perjodu ta’ erba’ ġimgħat ta’ qabel id-divulgazzjoni kienu 831,8 % u 13,7 %, rispettivament, ogħla mill-volumi medji tal-importazzjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni fuq bażi ta’ erba’ ġimgħat. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet soġġetti għall-investigazzjoni matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni għaż-żewġ pajjiżi.

(146)

Sabiex jiġi rifless id-dannu addizzjonali kkawżat miż-żieda fl-importazzjonijiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li taġġusta l-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu abbażi taż-żieda fil-volum tal-importazzjonijiet, li kien meqjus bħala l-fattur ta’ ponderazzjoni rilevanti abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, hija kkalkolat fattur multiplikanti stabbilit billi t-total tal-volum tal-importazzjonijiet matul l-erba’ ġimgħat tal-perjodu ta’ divulgazzjoni preliminari ta’ [1 400 – 1 800] tunnellata (għar-RPĊ) u [2 100 – 2 500] tunnellata (għat-Turkija) u matul it-52 ġimgħa tal-perjodu ta’ investigazzjoni kien diviż bil-volum tal-importazzjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni estrapolat għal 56 ġimgħa. Iċ-ċifra li tirriżulta, 59,3 % għar-RPĊ u 1 % għat-Turkija, kienet tirrifletti d-dannu addizzjonali kkawżat miż-żieda ulterjuri fl-importazzjonijiet. Għalhekk, il-marġnijiet proviżorji tad-dannu ġew immultiplikati b’dan il-fattur.

(147)

Kif deskritt fil-premessi (92) u (94), il-Kummissjoni rrevediet il-marġnijiet tad-dannu. Għalhekk, il-livell finali ta’ eliminazzjoni tad-dannu għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u għall-kumpaniji l-oħrajn kollha huwa kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Marġni tad-dannu definittiv

Ir-RPĊ

Changshu Longteng Special Steel Co., Ltd.

34,6  %

 

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

34,6  %

It-Turkija

Türkiye Özkan Demir Çelik Sanayi A.Ş

15,5  %

 

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

15,5  %

6.2.   Konklużjoni dwar il-livell ta’ miżuri

(148)

Wara l-valutazzjoni ta’ hawn fuq, id-dazji anti-dumping definittivi jenħtieġ li jiġu stabbiliti kif ġej f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku:

Pajjiż

Kumpanija

Marġni tad-dumping definittiv (%)

Marġni tad-dannu definittiv (%)

Dazju anti-dumping definittiv

Ir-RPĊ

Changshu Longteng Special Steel Co., Ltd.

23,0  %

34,6  %

23,0  %

 

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

23,0  %

34,6  %

23,0  %

It-Turkija

Türkiye Özkan Demir Çelik Sanayi A.Ş

13,6  %

15,5  %

13,6  %

 

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

13,6  %

15,5  %

13,6  %

7.   INTERESS TAL-UNJONI

7.1.   Interess tal-industrija tal-Unjoni

(149)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe affermazzjoni oħra jew kumment ieħor, il-konklużjonijiet fil-premessi minn (238) sa (241) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

7.2.   L-interess tal-utenti u tal-importaturi mhux relatati

(150)

Fincantieri sostniet li l-fatt li l-industrija tal-Unjoni kellha kapaċità ta’ riżerva matul il-perjodu kollu kkunsidrat mhux bilfors wera li l-industrija tal-Unjoni setgħet fil-fatt tipproduċi aktar. Fincantieri tilmenta wkoll li l-Kummissjoni assumiet li d-domanda tibqa’ stabbli, filwaqt li l-konsum kien affettwat ħafna mill-pandemija tal-COVID19. Barra minn hekk, Fincantieri dehret li kienet temmen li l-Kummissjoni allegat fir-Regolament proviżorju li l-produtturi tal-Unjoni setgħu jipproduċu biżżejjed biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-industrija tal-bini tal-bastimenti. Bl-istess mod, il-Gvern tat-Turkija staqsa jekk il-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni hijiex biżżejjed biex tissodisfa l-konsum domestiku.

(151)

Il-Kummissjoni stabbiliet, abbażi tad-data vverifikata ta’ Losal u l-informazzjoni disponibbli għal Olifer, li kien hemm kapaċità ta’ riżerva sinifikanti. L-industrija tal-Unjoni kienet qed tuża anqas minn nofs il-kapaċità tagħha biex tipproduċi l-pjanċi b’bastun tal-azzar. Minn perspettiva ekonomika, ma huwiex loġiku li jkun hemm, u li tinżamm il-kapaċità li jiġi prodott u mibjugħ aktar minn prodott, iżda li fil-fatt ma tiżdiedx il-produzzjoni, sakemm ma jkunx hemm biżżejjed domanda għall-prodott. Abbażi tal-fatti vverifikati kien jidher ċar li l-industrija tal-Unjoni kienet kapaċi u lesta li tforni volumi akbar ta’ pjanċi b’bastun tal-azzar lill-klijenti tagħha.

(152)

Madankollu, il-Kummissjoni qatt ma ddikjarat li l-industrija tal-Unjoni kienet kapaċi tforni biżżejjed pjanċi b’bastun tal-azzar biex tissodisfa bis-sħiħ il-ħtiġijiet tal-industrija tal-bini tal-bastimenti tal-Unjoni. Kif deher ċar mid-data murija fit-Tabelli 2 u 5 fir-Regolament proviżorju, il-konsum tal-Unjoni kien konsistentement ogħla mill-kapaċità tal-produzzjoni tal-Unjoni matul il-perjodu kkonċernat. Il-premessa (246) tar-Regolament proviżorju ddikjarat ukoll b’mod ċar li l-għan tal-miżuri anti-dumping ma huwiex li jingħalaq is-suq tal-Unjoni għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, iżda li jitneħħew l-effetti distorsivi tal-kummerċ minn dumping dannuż. Madankollu, il-fatt li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tissodisfa d-domanda sħiħa tal-Unjoni ma jfissirx li l-pjanċi b’bastun tal-azzar jenħtieġ li jitħallew jiġu importati bi prezzijiet oġġett ta’ dumping. Din il-konklużjoni tapplika irrispettivament mill-evoluzzjoni tad-domanda. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet dawn l-affermazzjonijiet.

(153)

Fincantieri kkontestat ukoll id-dikjarazzjoni fil-premessi (249) u (250) tar-Regolament proviżorju li l-produtturi tal-Unjoni jistgħu jivvalutaw mill-ġdid l-istrateġiji ta’ investiment tagħhom u jiffokaw fuq il-linji ta’ produzzjoni aktar profittabbli l-oħrajn tagħhom, minħabba li kwalunkwe riskju ta’ għajbien tal-industrija tal-Unjoni huwa purament ipotetiku u mhux appoġġat minn xi evidenza. Madankollu, jekk industrija tkun qed tagħmel telf b’mod kontinwu u ma jkun hemm l-ebda possibbiltà li l-prezzijiet jiżdiedu sa livell li jippermettilha tkopri l-kostijiet tagħha, aħseb u ara li jinkiseb profitt raġonevoli, huwa improbabbli ħafna li tali sitwazzjoni tkun tista’ tkompli għal perjodu itwal.

(154)

Barra minn hekk, huwa daqstant improbabbli li l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati “tnaqqas drastikament il-grupp ta’ fornituri disponibbli” kif affermat Fincantieri. Kif semmiet Fincantieri nnifisha, il-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni ma hijiex biżżejjed biex tkopri d-domanda sħiħa, u dan jimplika ħtieġa kontinwa għal provvista diversifikata ta’ pjanċi b’bastun tal-azzar. Huwa magħruf li hemm biss ftit fornituri ta’ pjanċi b’bastun tal-azzar fid-dinja, prinċipalment iż-żewġ produtturi tal-Unjoni, Özkan Demir u Longteng. Żieda fil-kost tal-pjanċi b’bastun tal-azzar mhux se tnaqqas il-ħtieġa għall-importazzjonijiet minn dawn il-fornituri. Dan huwa partikolarment minnu minħabba li, kif affermat Fincantieri, id-domanda għall-pjanċi b’bastun tal-azzar qed tiżdied. Barra minn hekk, dan mhux se jwaqqaf lill-klijenti tal-Unjoni milli jimportaw pjanċi b’bastun tal-azzar, minkejja li b’kost ogħla. Għalkemm wara d-divulgazzjoni finali Longteng allega li l-livell ta’ dazji anti-dumping għaċ-Ċina jkollu effett projbittiv fuq l-importazzjonijiet miċ-Ċina, ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza minn xi parti interessata li l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping tkun projbittiva għall-importazzjoni ta’ pjanċi b’bastun tal-azzar miċ-Ċina jew mit-Turkija. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet dawn l-affermazzjonijiet.

(155)

F’dan ir-rigward, Fincantieri affermat ukoll li l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping tkun evidentement għad-detriment tal-utenti, minħabba li l-impatt tal-miżuri ma huwiex negliġibbli u l-bennejja tal-bastimenti ma jistgħux jgħaddu ż-żieda fil-kost lill-klijenti finali tagħhom.

(156)

Fincantieri indikat li l-grupp Fincantieri rreġistra telf nett ta’ EUR 323 miljun fl-2022 u li, għalhekk, l-impatt negattiv ta’ żieda fil-kost tal-pjanċi b’bastun tal-azzar ikun sinifikanti. Madankollu, it-tweġiba għall-kwestjonarju li Fincantieri ssottomettiet f’din l-investigazzjoni, u li ġiet ivverifikata fuq il-post, uriet profitt imdaqqas ta’ [8 – 10 %] kemm fl-2021 kif ukoll matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kemm għall-kumpanija Fincantieri S.p.A., kif ukoll għall-prodotti li jinkorporaw il-pjanċi b’bastun tal-azzar. Il-kontijiet finanzjarji ta’ Fincantieri għall-2022 (15) urew li l-grupp Fincantieri kien għadu profittabbli fl-2021. Fil-biċċa l-kbira, it-telf sinifikanti fl-2022 deher li kien relatat ma’ introjtu u spejjeż straordinarji u mhux rikorrenti li ma kinux relatati mal-prodott li qed jiġi investigat, bħal telf minn indeboliment, assi intanġibbli oħra u litigazzjoni.

(157)

Wara d-divulgazzjoni finali, Fincantieri argumentat li kien irrilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu tal-Unjoni jekk dan it-telf kienx relatat mal-prodott investigat. Madankollu, anki jekk dak l-argument kellu jkun aċċettat, ma jnaqqasx mill-fatt li t-telf msemmi minn Fincantieri kellu x’jaqsam mal-grupp Fincantieri, u mhux mal-kumpanija verifikata Taljana Fincantieri S.p.A. Il-grupp Fincantieri kien jinkludi għadd ta’ entitajiet li mhumiex tal-Unjoni, fosthom tarzni, baċiri u sussisdjarji fl-Asja, fl-Oċeanja u fil-kontinent Amerikan. Li r-riżultati tal-grupp ikunu meqjusa bħala indikazzjoni għall-vijabbiltà finanzjarja tal-entitajiet tal-Unjoni jkun jekk xejn impreċiż u skorrett.

(158)

Barra minn hekk, fil-kummenti tagħha, Fincantieri ddikjarat li “il-Kummissjoni ma tippruvax li t-telf fl-2022 kien relatat ma’ ‘introjtu straordinarju u mhux rikorrenti’”. Madankollu, il-kontijiet finanzjarji tal-2022 għall-grupp Fincantieri nnifsu jsemmu dan li ġej: “ir-riżultat nett kien affettwat minn imposti meqjusa straordinarji għal tilwim relatat mal-esponiment għall-asbestos fi snin finanzjarji preċedenti (EUR 52 miljun), indeboliment ta’ assi intanġibbli (EUR 164 miljun), riskji probabbli relatati man-nuqqas ta’ prestazzjoni ta’ obbligi għal ftehimiet ta’ tpaċija (EUR 20 miljun) u imposti oħra (EUR 2 miljun)”. (16) Il-kontijiet finanzjarji tal-Grupp Fincantieri għall-ewwel nofs tal-2023 (17) urew ukoll li dawn il-kostijiet fil-biċċa l-kbira tagħhom m’għadx għandhom rwol, u l-Grupp Fincantieri kien naqqas it-telf tiegħu għal 22 miljun fl-aħħar ta’ Ġunju 2023. Barra minn hekk, il-prospettiva kienet pożittiva minħabba l-irkupru ta’ wara l-COVID tas-settur tal-kruċieri, u żidiet fl-investimenti kemm fil-qasam tad-difiża minħabba s-sitwazzjoni politika globali kif ukoll fil-qasam tal-produzzjoni tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta.

(159)

Barra minn hekk, il-kost addizzjonali tad-dazji anti-dumping imsemmija minn Fincantieri jkun biss parti żgħira ħafna mill-kostijiet ġenerali tal-kumpanija. Kif imsemmi fil-premessa (248) tar-Regolament proviżorju, il-kost tal-pjanċi b’bastun tal-azzar kien jikkostitwixxi parti negliġibbli (anqas minn 0,5 %) tal-kost ġenerali tal-produzzjoni ta’ Fincantieri għal prodotti li jinkorporaw pjanċi b’bastun tal-azzar. Ma jistax jiġi argumentat b’mod raġonevoli li żieda fil-kostijiet ta’ parti daqshekk żgħira tal-kost kumplessiv tal-produzzjoni tkun għad-detriment tal-utenti.

(160)

Fincantieri affermat li ma tista’ tgħaddi l-ebda żieda fil-kostijiet lill-klijenti finali tagħha, minħabba li ma hemm l-ebda possibbiltà li terġa’ tinnegozja jew taġġusta t-termini kuntrattwali ladarba l-kuntratt ikun ġie konkluż mas-sid tal-bastiment. Madankollu, kif imsemmi fil-premessa (156), kien ċar mit-tweġiba tal-kumpanija għall-kwestjonarju li baqgħet profittabbli minkejja ż-żieda fil-kost tal-materja prima u fl-enerġija matul l-aħħar snin. Għalhekk, jekk l-utent jistax jgħaddi kwalunkwe żieda fil-prezz lill-klijenti tiegħu jew le minħabba l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping ma huwiex rilevanti għall-kwistjoni dwar jekk Fincantieri tistax tassorbi ż-żieda fil-prezz. Barra minn hekk, ma kien hemm l-ebda evidenza li turi li ż-żieda fil-kost ma setgħetx tiġi mgħoddija lill-klijenti tal-bennejja tal-bastimenti għal kuntratti futuri. Ma tressaq l-ebda element ġdid minn Fincantieri dwar din il-kwistjoni fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet dawn l-affermazzjonijiet.

7.3.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(161)

Meta jitqies dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjoni fil-premessa (253) tar-Regolament proviżorju li ma kien hemm l-ebda raġuni konvinċenti li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li jiġu imposti miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-pjanċi b’bastun tal-azzar li joriġinaw mill-pajjiżi kkonċernati.

8.   MIŻURI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI

8.1.   Miżuri definittivi

(162)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward tad-dumping, tad-dannu, tal-kawżalità, tal-livell tal-miżuri u tal-interess tal-Unjoni, u f’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri anti-dumping definittivi sabiex ma jiġix ikkawżat dannu ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping tal-prodott ikkonċernat.

(163)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, ir-rati tad-dazju anti-dumping definittivi, espressi skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, jenħtieġ li jkunu kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Dazju anti-dumping definittiv (%)

Ir-RPĊ

Changshu Longteng Special Steel Co., Ltd.

23,0  %

 

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

23,0  %

It-Turkija

Türkiye Özkan Demir Çelik Sanayi A.Ş

13,6  %

 

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

13,6  %

(164)

Ir-rati tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Għalhekk dawn ir-rati tad-dazju huma applikabbli esklużivament għall-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat u mmanifatturat mill-entitajiet ġuridiċi msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija b’mod speċifiku fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija b’mod speċifiku, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

(165)

Kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali jekk hija sussegwentement tbiddel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (18). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li turi li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, jiġi ppubblikat regolament dwar il-bidla tal-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(166)

Kif spjegat fil-premessi minn (95) sa (97), il-pjanċi b’bastun tal-azzar jaqgħu f’kategorija ta’ prodotti tal-azzar soġġetti għal miżura ta’ salvagwardja. (19) Konsegwentement, ladarba jinqabżu l-kwoti tariffarji stabbiliti taħt il-miżura ta’ salvagwardja, id-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota u d-dazju anti-dumping isiru pagabbli fuq l-istess importazzjonijiet. Billi tali akkumulazzjoni ta’ miżuri anti-dumping b’miżuri ta’ salvagwardja tista’ twassal għal effett fuq il-kummerċ akbar milli mixtieq, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipprevjeni l-applikazzjoni simultanja tad-dazju anti-dumping mad-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota għall-prodott ikkonċernat għad-durata tal-impożizzjoni tad-dazju ta’ salvagwardja.

(167)

Dan ifisser li meta d-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 (20) isir applikabbli għall-prodott ikkonċernat u jaqbeż il-livell tad-dazju anti-dumping skont dan ir-Regolament, għandu jinġabar biss id-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi f’dak l-Artikolu. Matul il-perjodu ta’ applikazzjoni simultanja tad-dazju anti-dumping u ta’ salvagwardja, il-ġbir tad-dazji imposti skont dan ir-Regolament għandu jiġi sospiż.

8.2.   Ġbir definittiv tad-dazji proviżorji

(168)

Fid-dawl tal-marġnijiet ta’ dumping li nstabu u minħabba l-livell tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, l-ammonti ggarantiti permezz tad-dazji anti-dumping proviżorji, imposti bir-Regolament proviżorju, jenħtieġ li jinġabru b’mod definittiv sal-livelli stabbiliti skont dan ir-Regolament.

9.   DISPOŻIZZJONI FINALI

(169)

Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21), meta ammont ikun irid jiġi rimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-imgħax li jrid jitħallas jenħtieġ li jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikat fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

(170)

Il-miżuri previsti f’dan ir-regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Qed jiġi impost dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-pjanċi b’bastun tal-azzar mhux illigati fil-medda sa 204 mm fil-wisa’, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7216 50 91 (il-kodiċi TARIC 7216509110) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Turkija.

2.   Ir-rati tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, liberu fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u mmanifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, għandhom ikunu kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Dazju anti-dumping definittiv

Kodiċi addizzjonali TARIC

Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

Changshu Longteng Special Steel Co., Ltd.

23,0  %

899J

 

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

23,0  %

8999

It-Turkija

Türkiye Özkan Demir Çelik Sanayi A.Ş

13,6  %

899K

 

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

13,6  %

8999

3.   F’każijiet fejn il-merkanzija tkun saritilha ħsara qabel ma tidħol fiċ-ċirkolazzjoni libera u, għalhekk, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas jiġi mqassam għad-determinazzjoni tal-valur doganali skont l-Artikolu 131(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (22), l-ammont tad-dazju anti-dumping, ikkalkolat abbażi tal-ammonti ta’ hawn fuq, għandu jitnaqqas b’perċentwal li jikkorrispondi għat-tqassim tal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

1.   Meta d-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 isir applikabbli għall-pjanċi b’bastun tal-azzar mhux illigati u jaqbeż il-livell tad-dazju anti-dumping stabbilit fl-Artikolu 1(2), għandu jinġabar biss id-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159.

2.   Matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 1, il-ġbir tad-dazji imposti skont dan ir-Regolament għandu jiġi sospiż.

3.   Is-sospensjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun limitata fiż-żmien għall-perjodu tal-applikazzjoni tad-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159.

Artikolu 3

L-ammonti garantiti permezz tad-dazju anti-dumping proviżorju skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1444 għandhom jinġabru b’mod definittiv.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Jannar 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  In-Notifika tal-inizjazzjoni ta’ proċedura tal-anti-dumping fir-rigward tal-importazzjoni tal-pjanċi b’bastun li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Turkija (ĠU C 431, 14.11.2022, p. 11).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1444 tal-11 ta’ Lulju 2023 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ pjanċi b’bastun tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mit-Turkija (ĠU L 177, 12.7.2023, p. 63).

(4)  Disponibbli fuq https://oec.world/en/profile/bilateral-product/nitrogen/reporter/sgp and https://oec.world/en/profile/bilateral-product/oxygen/reporter/sgp, ikkonsultati fil-15 ta’ Settembru 2023.

(5)  Il-ġebla tal-ġir, l-ossiġenu u n-nitroġenu.

(6)  Disponibbli fuq https://www.tnb.com.my/commercial-industrial/pricing-tariffs1 (ikkonsultat l-aħħar fil-15 ta’ Settembru 2023).

(7)  Disponibbli fuq https://www.st.gov.my/en/web/consumer/details/2/10 (ikkonsultat l-aħħar fil-15 ta’ Settembru 2023).

(8)  DS605: Ir-Repubblika Dominicana – Miżuri Anti-dumping fuq Vireg tal-Azzar Ikkorrugati.

(9)  DS337: Il-Komunitajiet Ewropej – Miżura Anti-Dumping dwar is-Salamun Imrobbi min-Norveġja, il-para. 7.275.

(10)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1100 tal-5 ta’ Lulju 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti llaminati bis-sħana tal-ħadid, tal-azzar bil-karbonju jew azzar illigat ieħor li joriġinaw mit-Turkija (ĠU L 238, 6.7.2021, p. 32).

(11)  Ir-Rapport tal-Bord, Dominican Republic – Anti-Dumping Measures on Corrugated Steel Bars, WT/DS605/R, l-Anness C-4 Sommarju Eżekuttiv Integrat tal-Argumenti tal-Unjoni Ewropea.

(12)  Il-paġni 21 u 22 tas-sottomissjoni tas-27 ta’ Lulju 2023

(13)  Ir-Rapport tal-Bord tad-WT fil-Kawża DS538 – il-Pakistan – BOPP Film (UAE), il-punt 7.263.

(14)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/978 tat-23 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 li jimponi miżura ta’ salvagwardja definittiva kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L 167, 24.6.2022, p. 58).

(15)  Ara r-Rapport Finanzjarju Annwali 2022 ta’ Fincantieri, disponibbli fuq:

https://www.fincantieri.com/globalassets/investor-relations/bilanci-e-relazioni/2022/eng_fincantieri_annual_report_2022.pdf.

(16)   Ibid.

(17)  Disponibbli fuq https://www.fincantieri.com/globalassets/investor-relations/bilanci-e-relazioni/2023/half-year-financial-report-at-june-30-2023.pdf.

(18)  Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, id-Direttorat G, Wetstraat 170 Rue de la Loi, 1040 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/BELGIË. Indirizz elettroniku: TRADE-Defence-Complaints@ec.europa.eu.

(19)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/978.

(20)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 tal-31 ta' Jannar 2019 li jimponi miżuri definittivi ta' salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L 31, 1.2.2019, p. 27).

(21)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(22)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/209/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)