|
12.9.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 235/48 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1511
tas-7 ta’ Settembru 2022
dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni mogħtija għall-merkanzija meħtieġa biex jiġu miġġielda l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 matul l-2022
(notifikata bid-dokument C(2022) 6284)
(It-testi bl-Olandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Latvjan, bil-Portugiż u bis-Sloven biss huma awtentiċi)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2009/132/KE tad-19 ta’ Ottubru 2009 li tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 143(b) u (c) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti (1), u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53, tagħha,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 tas-16 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali (2), u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 76 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2313 (3) tagħti, wara għal ċerti Stati Membri, eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“il-VAT”) fuq l-importazzjoni tal-merkanzija meħtieġa biex jiġu miġġielda l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 mill-1 ta’ Jannar 2022 sat-30 ta’ Ġunju 2022. |
|
(2) |
Fil-15 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Istati Membri dwar jekk kinitx meħtieġa estensjoni tal-validità tal-miżuri stabbiliti f’dik id-Deċiżjoni. Il-Belġju, il-Latvja, l-Awstrija, il-Portugall u s-Slovenja (“l-Istati Membri li għamlu t-talba”) ressqu talbiet f’dan is-sens fil-21 ta’ Ġunju 2022. |
|
(3) |
L-importazzjonijiet lejn l-Istati Membri li għamlu t-talba skont id-Deċiżjoni (UE) 2021/2313 kienu ta’ benefiċċju biex l-organizzazzjonijiet tal-Istat jew l-organizzazzjonijiet oħrajn li ġew approvati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ngħataw aċċess għall-mediċini, għall-apparat mediku u għat-tagħmir ta’ sikurezza personali meħtieġa li kien hemm nuqqas tagħhom. L-istatistika kummerċjali għal tali merkanzija tindika li l-importazzjonijiet relatati qabdu xejra ’l isfel, iżda jistgħu jvarjaw wara d-domandi l-ġodda għall-merkanzija meħtieġa biex tiġi miġġielda l-pandemija tal-COVID-19. Minkejja t-tilqim li għaddej bħalissa fl-Unjoni u l-għadd ta’ miżuri li ttieħdu biex il-virus ma jinfirixx, l-għadd ta’ infezzjonijiet tal-COVID-19 fl-Istati Membri li għamlu t-talba għadu ta’ riskju għas-saħħa pubblika. Minħabba li f’dawk l-Istati Membri għadhom qed jirrapportaw nuqqas ta’ merkanzija meħtieġa biex tiġi miġġielda l-pandemija tal-COVID-19, jixraq li tingħata eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni imponibbli fuq il-merkanzija importata għall-finijiet speċifikati fl-Artikolu 74 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u eżenzjoni mill-VAT imponibbli fuq il-merkanzija importata għall-finijiet speċifikati fl-Artikolu 51 tad-Direttiva 2009/132/KE. |
|
(4) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri li għamlu t-talba jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar in-natura u l-kwantitajiet tal-oġġetti diversi ta’ merkanzija li ddaħħlu mingħajr dazju fuq l-importazzjoni u mingħajr VAT bil-għan li jiġu miġġielda l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19, dwar l-organizzazzjonijiet li awtorizzaw biex jiddistribwixxu jew ifornu dik il-merkanzija, u dwar il-miżuri li ħadu biex il-merkanzija ma tkunx tista’ tintuża għal finijiet oħra għajr biex jiġu miġġielda l-effetti ta’ dik it-tifqigħa. |
|
(5) |
Filwaqt li jitqiesu l-isfidi li jipprevedu li se jiffaċċjaw l-Istati Membri li għamlu t-talba, jenħtieġ li jingħataw l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT għall-importazzjonijiet li jsiru mill-1 ta’ Lulju 2022. Jenħtieġ li l-eżenzjoni tibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2022. |
|
(6) |
Fit-22 ta’ Lulju 2022, l-Istati Membri ġew ikkonsultati f’konformità mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 76 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tad-Direttiva 2009/132/KE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-merkanzija għandha tiddaħħal mingħajr dazji fuq l-importazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1), il-punt (a) tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009, u tkun eżentata mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq l-importazzjonijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1), il-punt (a) tad-Direttiva 2009/132/KE, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
il-merkanzija tkun maħsuba għal kwalunkwe wieħed mill-iskopijiet li ġejjin:
|
|
(b) |
il-merkanzija tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 75, 78, 79 u 80 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u fl-Artikoli 52, 55, 56 u 57 tad-Direttiva 2009/132/KE; |
|
(c) |
il-merkanzija hija importata mill-Belġju, mil-Latvja, mill-Awstrija, mill-Portugall u mis-Slovenja (“l-Istati Membri li għamlu t-talba”) għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera mill-organizzazzjonijiet tal-Istat, fosthom korpi tal-Istat, korpi pubbliċi u korpi oħra rregolati mil-liġi pubblika jew f’isimhom, jew minn organizzazzjonijiet approvati mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jew f’isimhom. |
2. Il-merkanzija għandha tiddaħħal ukoll mingħajr dazji fuq l-importazzjoni skont it-tifsira fl-Artikolu 2(1), il-punt (a) tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u tkun eżentata mill-VAT fuq l-importazzjonijiet skont it-tifsira fl-Artikolu 2(1), il-punt (a) tad-Direttiva 2009/132/KE, meta din tkun importata għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera minn aġenziji li jagħtu l-għajnuna f’każ ta’ diżastru jew f’isimhom, sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet tagħhom f’każ ta’ diżastru matul il-perjodu li fih jagħtu l-għajnuna lill-persuni affettwati mill-COVID-19 jew lil dawk li jinsabu f’riskju li jiġu affettwati minnha jew li huma involuti fil-ġlieda kontra t-tifqigħa tal-COVID-19.
Artikolu 2
1. Kull xahrejn, fil-15-il jum tax-xahar ta’ wara l-perjodu ta’ rappurtar, l-Istati Membri li għamlu t-talba għandhom jibagħtu l-informazzjoni lill-Kummissjoni dwar in-natura u l-kwantitajiet tal-oġġetti diversi ta’ merkanzija li jkunu ddaħħlu skont l-Artikolu 1, mingħajr dazji fuq l-importazzjoni u mingħajr VAT.
2. Kull Stat Membru li għamel it-talba għandu jibgħat l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2023:
|
(a) |
lista tal-organizzazzjonijiet approvati mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru rilevanti li għamel it-talba kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) il-punt (c); |
|
(b) |
l-informazzjoni kkonsolidata li ġejja dwar in-natura u l-kwantitajiet tal-oġġetti diversi ta’ merkanzija li jkunu ddaħħlu mingħajr dazji fuq l-importazzjoni u mingħajr VAT skont l-Artikolu 1:
|
|
(c) |
il-miżuri li ttieħdu biex jiżguraw konformità mal-Artikoli 78, 79, u 80 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 u mal-Artikoli 55, 56 u 57 tad-Direttiva 2009/132/KE; |
|
(d) |
fejn xieraq, il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskji u ta’ kontroll meħuda mill-Istat Membru li għamel it-talba, kif previst fl-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fir-rigward tal-merkanzija li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. |
Artikolu 3
L-Artikolu 1 għandu japplika għall-importazzjonijiet magħmula mill-Istati Membri li għamlu t-talba mill-1 ta’ Lulju 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2022.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika tal-Latvja, lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Repubblika Portugiża u lir-Repubblika tas-Slovenja.
Għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2022.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Settembru 2022.
Għall-Kummissjoni
Paolo GENTILONI
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 292, 10.11.2009, p. 5.
(2) ĠU L 324, 10.12.2009, p. 23.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2313 tat-22 ta’ Diċembru 2021 dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjonijiet tal-merkanzija meħtieġa biex jiġu miġġielda l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 matul l-2022 (ĠU L 464, 28.12.2021, p. 11).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).