European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1445

1.8.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1445

tat-8 ta’ Lulju 2025

dwar it-talba għar-reġistrazzjoni, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “L-Ikel huwa Dritt tal-Bniedem għal Kulħadd! Il-garanzija ta’ sistemi tal-ikel tajbin għas-saħħa, ġusti u sostenibbli”

(notifikata bid-dokument C(2025) 4607)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Talba għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “L-Ikel huwa Dritt tal-Bniedem għal Kulħadd! Il-garanzija ta’ sistemi tal-ikel tajbin għas-saħħa, ġusti u sostenibbli” ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fit-13 ta’ Ġunju 2025.

(2)

Din it-talba ssegwi t-talba għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “L-Ikel huwa Dritt tal-Bniedem għal Kulħadd!” li ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fil-31 ta’ Marzu 2025.

(3)

Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ April 2025 (C(2025) 2559 final), skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) 2019/788, il-Kummissjoni infurmat lill-grupp ta’ organizzaturi li fir-rigward tat-talba għar-reġistrazzjoni mressqa fil-31 ta’ Marzu 2025, ġew issodisfati r-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 6(3), l-ewwel subparagrafu, il-punti (a), (d) u (e) ta’ dak ir-Regolament u li l-Artikolu 6(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tiegħu ma kienx applikabbli. Madankollu, il-Kummissjoni spjegat ukoll li l-inizjattiva ma ssodisfatx ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 6(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2019/788. B’mod partikolari, il-Kummissjoni spjegat li xi wħud mill-proposti tal-organizzaturi ma talbux lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati.

(4)

Għalhekk, il-Kummissjoni infurmat lill-organizzaturi skont l-Artikolu 6(4), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2019/788 li jistgħu jew jemendaw l-inizjattiva biex iqisu l-valutazzjoni tal-Kummissjoni, jew iżommu, jew jirtiraw, l-inizjattiva inizjali f’konformità mal-Artikolu 6(4), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2019/788.

(5)

Fit-13 ta’ Ġunju 2025, il-grupp ta’ organizzaturi ressaq inizjattiva emendata.

(6)

L-għan tal-inizjattiva emendata kif espress mill-organizzaturi huwa li titlob lill-Unjoni “tagħmel id-dritt għall-ikel realtà u tintegrah” fil-qafas legali tal-Unjoni li għandu impatt fuq “id-dritt għall-ikel fl-UE u barra minnha”. L-organizzaturi jqisu li l-Unjoni “trid tiggarantixxi d-dritt għall-ikel b’mod sistematiku u tippromwovi sistemi tal-ikel tajbin għas-saħħa, ġusti, umani u sostenibbli”. Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-organizzaturi stabbilixxew erbatax-il objettiv speċifiku li jitolbu għall-proposta jew għall-emenda tal-atti legali tal-Unjoni f’dawn l-oqsma: (i) “sistemi tal-ikel ġusti u governanza demokratika”; (ii) “appoġġ għal inizjattivi nazzjonali dwar il-protezzjoni soċjali”; (iii) “rikonoxximent li l-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel mhumiex komoditajiet ordinarji”; (iv) “appoġġ għall-agroekoloġija tar-raħħala u għas-sistemi tal-ikel territorjali”; (v) “il-ġlieda kontra l-konċentrazzjoni tal-art agrikola”; (vi) “appoġġ għas-sistemi taż-żrieragħ tar-raħħala”; (vii) “regolamentazzjoni stretta tal-OĠM, inklużi dawk miksuba b’tekniki ġenomiċi ġodda”; (viii) “immaniġġjar sostenibbli tal-ilma”; (ix) “tisħiħ tal-benesseri tal-annimali”; (x) “appoġġ għall-konsum ta’ frott u ħxejjex u r-regolamentazzjoni ta’ prodotti tal-ikel ultraproċessati”; (xi) “akkwist sostenibbli tal-ikel”; (xii) “tikkettar tal-ikel sinifikanti”; (xiii) “it-twaqqif tal-ħela tal-ikel”; (xiv) “tisħiħ tad-dritt għall-ikel f’pajjiżi terzi”.

(7)

Anness għall-inizjattiva emendata jipprovdi aktar dettalji dwar l-isfond tagħha, is-suġġett tagħha u l-objettivi tagħha. Dan jiddikjara li d-dritt għall-ikel huwa “garantit meta kulħadd ikollu aċċess dinjituż għal ikel adegwat fuq bażi sostenibbli” u jelenka miżuri differenti li jistgħu jkunu rilevanti għall-objettivi tal-inizjattiva. Ġie ppreżentat ukoll dokument addizzjonali li jirriproduċi d-dettalji tal-inizjattiva mill-organizzaturi bħala parti mit-talba għar-reġistrazzjoni tagħhom.

(8)

Fir-rigward tal-ewwel, ir-raba’, il-ħames u s-sitt objettivi tal-inizjattiva, il-Kummissjoni tista’ tadotta proposta dwar sistemi tal-ikel sostenibbli u ġusti; tadotta proposta għall-appoġġ tal-agroekoloġija tar-raħħala u s-sistemi tal-ikel territorjali; tipproponi azzjonijiet relatati mat-titjib tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-impjiegi agrikoli u t-tiġdid ġenerazzjonali; u tipproponi regolament li jappoġġa l-awtonomija tas-sistemi taż-żrieragħ tar-raħħala rispettivament, abbażi tal-Artikoli 38 sa 44 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(9)

Fir-rigward tat-tieni objettiv, f’dan l-istadju ma jistax jiġi eskluż li l-Kummissjoni tista’ tadotta proposta biex tappoġġa u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri favur il-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema u/jew il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u/jew il-modernizzazzjoni tal-protezzjoni soċjali, abbażi tal-Artikolu 153(1)(c), (j) jew (k) tat-TFUE, sa fejn ir-riskji tas-sigurtà tal-ikel jistgħu jkunu relatati mal-introjtu minimu.

(10)

Bl-istess mod, fir-rigward tat-tielet objettiv, f’dan l-istadju ma jistax jiġi eskluż li l-Kummissjoni tista’ tadotta proposta għal att legali biex tirrikonoxxi li l-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel mhumiex komoditajiet ordinarji abbażi tal-Artikoli 38 sa 44 tat-TFUE.

(11)

Fir-rigward tas-seba’ objettiv, il-Kummissjoni tista’ tadotta proposta biex tirregola l-OĠM abbażi tal-Artikoli 43, 114 u 168(4)(b) tat-TFUE.

(12)

Fir-rigward tat-tmien u t-tlettax-il objettiv, il-Kummissjoni tista’ tadotta proposta dwar l-immaniġġjar sostenibbli tal-ilma u proposta dwar il-ħela tal-ikel rispettivament, abbażi tal-Artikoli 191 u 192 tat-TFUE.

(13)

Fir-rigward tad-disa’ objettiv, il-Kummissjoni tista’ tadotta proposta biex issaħħaħ il-benesseri tal-annimali abbażi tal-Artikolu 43(2) tat-TFUE.

(14)

Fir-rigward tal-għaxar objettiv, il-Kummissjoni tista’ tipproponi miżuri ta’ inċentiv għal azzjonijiet li jippromwovu dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli abbażi tal-Artikolu 168(5) tat-TFUE.

(15)

Fir-rigward tal-ħdax-il objettiv, f’dan l-istadju ma jistax jiġi eskluż li l-Kummissjoni tista’ tadotta proposta dwar l-akkwist sostenibbli tal-ikel abbażi tal-Artikolu 114 tat-TFUE.

(16)

Fir-rigward tat-tnax-il objettiv, il-Kummissjoni tista’ tadotta proposta dwar it-tikkettar tal-ikel abbażi tal-Artikolu 114 tat-TFUE.

(17)

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-erbatax-il objettiv, f’dan l-istadju ma jistax jiġi eskluż li l-Kummissjoni tista’ tadotta proposta biex issaħħaħ id-dritt għall-ikel f’pajjiżi terzi abbażi tal-Artikoli 207, 208 u/jew 212 tat-TFUE.

(18)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ebda parti mill-inizjattiva ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati.

(19)

Dik il-konklużjoni ma taffettwax il-valutazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet sostantivi konkreti meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi, inkluża l-konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà u l-kompatibbiltà mad-drittijiet fundamentali, ikunux issodisfati f’dan il-każ.

(20)

Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt f’konformità mal-Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament.

(21)

L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew kontra d-drittijiet minquxin fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(22)

Għalhekk, jenħtieġ li l-inizjattiva intitolata “L-Ikel huwa Dritt tal-Bniedem għal Kulħadd! Il-garanzija ta’ sistemi tal-ikel tajbin għas-saħħa, ġusti u sostenibbli” tiġi rreġistrata.

(23)

Il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 huma ssodisfati, ma timplikax li l-Kummissjoni b’xi mod jew ieħor tikkonferma l-korrettezza fattwali tal-kontenut tal-inizjattiva emendata, li hija r-responsabbiltà unika tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva. Il-kontenut tal-inizjattiva jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta’ organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej bit-titolu “L-Ikel huwa Dritt tal-Bniedem għal Kulħadd! Il-garanzija ta’ sistemi tal-ikel tajbin għas-saħħa, ġusti u sostenibbli” għandha tiġi rreġistrata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “L-Ikel huwa Dritt tal-Bniedem għal Kulħadd! Il-garanzija ta’ sistemi tal-ikel tajbin għas-saħħa, ġusti u sostenibbli”, irrappreżentata minn Olga KIKOU u Almudena GARCÍA SASTRE li jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.

Magħmul fi Strasburgu, it-8 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kummissjoni

Maroš ŠEFČOVIČ

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/788/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1445/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)