30.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 336/297


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/2248

tad-19 ta’ Diċembru 2019

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Kanada u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Kanada u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha ("il-Ftehim") ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/702 (1) u daħal fis-seħħ fis-16 ta' Mejju 2019.

(2)

L-Artikolu 17 tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt biex jiżgura l-funzjonament u l-implimentazzjoni korretti tal-Ftehim.

(3)

L-Artikolu 17(8) tal-Ftehim jipprevedi li l-Kumitat Konġunt jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

(4)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim, jenħtieġ li jiġu adottati r-regoli ta' proċedura tal-Kumitat Konġunt.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni matul l-ewwel laqgħa tal-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 17 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Kanada u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, b'rabta mal-adozzjoni tar-regoli ta' proċedura tal-Kumitat Konġunt, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Jista’ jintlaħaq qbil dwar bidliet żgħar fl-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mir-rappreżentanti tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

K. MIKKONEN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/702 tal-15 ta' April 2019 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kanada, min-naħa l-oħra (ĠU L 120, 8.5.2019, p. 1).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI NRU 1/2020 TAL-KUMITAT KONĠUNT KANADA – UE STABBILIT BIL-FTEHIM DWAR IT-TRASPORT BL-AJRU BEJN IL-KANADA U L-KOMUNITÀ EWROPEA U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHA

ta' …

li tadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu

IL-KUMITAT KONĠUNT KANADA – UE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Kanada u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, (“il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

B’dan, ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni huma adottati.

Magħmul fi ...,

Għall-Kumitat Konġunt,

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea

[isem]

Il-Kap tad-Delegazzjoni Kanadiża

[isem]


ANNESS

REGOLI TA’ PROĊEDURA

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Kanada u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u b’mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

ADOTTA R-REGOLI TA’ PROĊEDURA LI ĠEJJIN:

Artikolu 1

Kapijiet tad-Delegazzjoni

1.   Il-Kumitat Konġunt għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet.

2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jkun presedut b’mod konġunt mill-Kapijiet tad-Delegazzjoni tal-Partijiet.

Artikolu 2

Laqgħat

1.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena, filwaqt li r-responsabbiltà għall-ospitar talterna bejn il-Partijiet. Barra minn hekk, kull Parti tista’ titlob li tissejjaħ laqgħa tal-Kumitat Konġunt skont l-Artikolu 17(3) tal-Ftehim.

2.   Il-Kumitat Konġunt jista’ jorganizza laqgħat wiċċ imb wiċċ jew permezz ta’ mezzi oħra (telekonferenzi jew vidjokonferenzi).

Artikolu 3

Delegazzjonijiet

1.   Qabel laqgħa, il-Kapijiet tad-Delegazzjoni għandhom jinformaw lil xulxin dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjonijiet tagħhom għal dik il-laqgħa.

2.   Ir-rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati tal-industrija tat-trasport bl-ajru jistgħu jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat bħala osservaturi, jekk il-Kumitat Konġunt ikun jaqbel li jsir hekk.

3.   Il-Kumitat Konġunt jista’ jaqbel li jistieden lil partijiet interessati jew lil esperti oħra biex jattendu l-laqgħat sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti partikolari.

Artikolu 4

Segretarjat

Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tal-Gvern tal-Kanada għandhom jaġixxu b’mod konġunt bħala s-segretarji tal-Kumitat Konġunt.

Artikolu 5

Aġenda tal-laqgħat

1.   Il-Kapijiet tad-Delegazzjoni għandhom jistabbilixxu l-aġenda proviżorja ta’ kull laqgħa bi ftehim reċiproku. Sabiex jiġu ffaċilitati d-distribuzzjoni lill-membri ta’ kull delegazzjoni u l-konsultazzjoni magħhom, u sa fejn huwa possibbli, dik l-aġenda proviżorja għandha tiġi stabbilita mhux aktar tard minn ħmistax-il jum qabel id-data tal-laqgħa.

2.   L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kumitat Konġunt fil-bidu ta’ kull laqgħa. Jistgħu jiġu inklużi fl-aġenda punti oħra minbarra dawk li jkunu jidhru fl-aġenda proviżorja jekk il-Kumitat Konġunt jaqbel li jsir hekk.

3.   Il-Kapijiet tad-Delegazzjoni jistgħu jqassru l-limitu ta’ żmien previst fil-paragrafu 1 sabiex titqies in-natura urġenti ta’ kwistjoni partikolari.

Artikolu 6

Reġistru tal-Laqgħa

1.   Għandu jitfassal abbozz ta’ Reġistru tal-Laqgħa għal kull laqgħa tal-Kumitat Konġunt fl-aħħar ta’ kull laqgħa. Dan għandu jindika l-punti li jkunu ġew diskussi u kwalunkwe konklużjoni konġunta li tkun intlaħqet, inkluż kwalunkwe rakkomandazzjoni u deċiżjoni li tkun ġiet adottata.

2.   Ir-Reġistru tal-Laqgħa għandu jiġi approvat bil-miktub mill-Kapijiet tad-Delegazzjoni fi żmien 30 jum mid-data tal-laqgħa jew sa kwalunkwe data oħra deċiża mill-Partijiet.

3.   Meta jiġi approvat, ir-Reġistru tal-Laqgħa għandu jiġi ffirmat mill-Kapijiet tad-Delegazzjoni u tiġi ppreżentata kopja oriġinali waħda minn kull waħda mill-Partijiet. Il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li l-iffirmar u l-iskambju ta’ kopji elettroniċi jissodisfaw dak ir-rekwiżit.

4.   Sakemm ma jintlaħaqx qbil mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt ma għandhomx ikunu pubbliċi. Ir-Reġistri tal-Laqgħa u l-iskambji ta’ korrispondenza, skont il-każ, għandhom ikunu pubbliċi sakemm ma jkunx mitlub mod ieħor minn waħda mill-Partijiet. Jekk ikun meħtieġ, il-Kumitat Konġunt jista’ jaqbel li jirrakkomanda l-ħruġ ta’ stqarrija konġunta għall-istampa.

Artikolu 7

Proċedura bil-miktub

Meta jkunu meħtieġa, u debitament motivati, id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt jistgħu jiġu adottati permezz ta’ proċedura bil-miktub. Għal dak il-għan, il-Kapijiet tad-Delegazzjoni għandhom jiskambjaw l-abbozz ta’ miżuri li dwarhom tintalab l-opinjoni tal-Kumitat Konġunt, li mbagħad jistgħu jiġu kkonfermati permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza.

Artikolu 8

Deliberazzjonijiet

1.   Il-Kumitat Konġunt għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu u jifformula rakkomandazzjonijiet abbażi ta’ kunsens.

2.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandu jkollhom it-titolu “Deċiżjoni” u “Rakkomandazzjoni” ujkunu segwiti b’numru tas-serje, bid-data tal-adozzjoni tagħhom u b’deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom.

3.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jiġu ffirmati mill-Kapijiet tad-Delegazzjoni ujiġu mehmuża mar-Reġistru tal-Laqgħa.

4.   Kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Kumitat Konġunt għandha tiġi implimentata mill-Partijiet f'konformità mal-proċeduri interni tagħhom stess.

Artikolu 9

Gruppi ta’ Ħidma

1.   Il-Kumitat Konġunt jista’ jaqbel li jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma biex jistudjaw kwistjonijiet speċifiċi ta’ rilevanza għall-Ftehim. It-termini ta’ referenza għal grupp ta’ ħidma għandhom jiġu approvati mill-Kumitat Konġunt u inklużi fir-Reġistru tal-Laqgħa adattata.

2.   Il-kompożizzjoni tal-gruppi ta’ ħidma għandha tiġi ddeterminata mill-Kumitat Konġunt.

3.   Il-gruppi ta’ ħidma għandhom jirrappurtaw lill-Kumitat Konġunt. Ma għandhomx jieħdu deċiżjonijiet iżda jistgħu jagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat Konġunt.

4.   Fi kwalunkwe ħin, il-Kumitat Konġunt jista’ jaqbel li jabolixxi kwalunkwe grupp ta’ ħidma eżistenti, li jimmodifika t-termini ta’ referenza tagħhom jew li jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma ġodda biex jgħinuh fil-qadi tal-kompiti tiegħu.

Artikolu 10

Spejjeż

1.   Il-membri ta’ kull delegazzjoni għandhom ikopru l-ispejjeż tagħhom relatati mal-parteċipazzjoni tagħhom f’laqgħa jew fi grupp ta’ ħidma.

2.   Kwalunkwe spiża oħra relatata mal-organizzazzjoni materjali ta' laqgħat għandha titħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.

Artikolu 11

Emendi għar-Regoli ta’ Proċedura

Il-Kumitat Konġunt jista’, fi kwalunkwe ħin, jemenda dawn ir-Regoli ta’ proċedura permezz ta’ deċiżjoni meħuda f'konformità mal-Artikolu 8.