SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla speċjali skont l-Artikolu 123b tar-Regoli tal-Proċedura)

24 ta’ Ġunju 2009

“Eżami mill-ġdid”

“Eżami mill-ġdid tas-sentenza T-12/08 P — Kawża fi stat li tiġi deċiża — Smigħ xieraq — Prinċipju ta’ kontradittorju — Preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt Komunitarju”

Fil-Kawża C-197/09 RX,

li għandha bħala suġġett proposta ta’ eżami mill-ġdid imressqa mill-Avukat Ġenerali Ewlieni, bis-saħħa tal-Artikolu 62 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-4 ta’ Ġunju 2009,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla speċjali skont l-Artikolu 123b tar-Regoli tal-Proċedura),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u K. Lenaerts (Relatur), Presidenti ta’ Awla,

wara li rat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 225(2) KE,

wara li rat l-Artikolu 62 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat il-proposta tal-Avukat Ġenerali Ewlieni, E. Sharpston,

tagħti l-preżenti

Deċiżjoni

1

Il-proposta ta’ eżami mill-ġdid imressqa mill-Avukat Ġenerali Ewlieni tirrigwarda s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (Awla tal-Appell) tas-6 ta’ Mejju 2009, M vs EMEA (T-12/08 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009”), li biha hija, minn naħa, annullat id-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Ottubru 2007, M vs EMEA (F-23/07) kif ukoll id-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMEA) tal-25 ta’ Ottubru 2006 li biha ċaħdet it-talba ta’ M, tat-8 ta’ Awwissu 2006, intiża sabiex il-każ tiegħu jitressaq quddiem il-Kumitat ta’ Invalidità (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006”), u, min-naħa l-oħra, ikkundannat l-EMEA għall-ħlas ta’ kumpens ta’ EUR 3000 lir-rikorrent.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Mis-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009 jirriżulta li M, membru tal-persunal temporanju li beda jaħdem mal-EMEA f’Ottubru 1996, safa vittma ta’ inċident tax-xogħol f’Marzu 2005 u jinsab, minn dakinhar, bil-leave tal-mard. Il-kuntratt tiegħu mal-EMEA skada fil-15 ta’ Ottubru 2006.

3

Fis-17 ta’ Frar 2006, M talab il-konvokazzjoni tal-Kumitat ta’ Invalidità, liema talba ġiet irrifjutata mill-EMEA b’ittra tal-31 ta’ Marzu 2006.

4

Fit-3 ta’ Lulju 2006, M ressaq, kontra dan ir-rifjut, kontestazzjoni li ġiet miċħuda bid-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006.

5

Sadanittant, M ressaq, fit-8 ta’ Awwissu 2006, talba ġdida għall-konvokazzjoni tal-Kumitat ta’ Invalidità, u annetta miegħu rapport mediku tat-tabib W.

6

B’ittra tad-29 ta’ Novembru 2006, l-EMEA għarraf lil M li din it-talba ma setgħatx tittieħed inkunsiderazzjoni bħala talba ġdida, fis-sens tal-Artikolu 59(4) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, u li hija kellha tiġi miċħuda għall-istess raġunijiet indikati fid-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006.

7

B’ittra tal-25 ta’ Jannar 2007, M ressaq kontestazzjoni li biha talab l-irtirar tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006 sa fejn hija kienet tiċħad it-talba tiegħu tat-8 ta’ Awwissu 2006. L-għada, huwa wkoll indirizza talba għall-kumpens mill-EMEA għad-danni morali u materjali li sofra.

8

Ittra tal-31 ta’ Jannar 2007 tal-EMEA ċaħdet din il-kontestazzjoni u din it-talba.

9

M ressaq, quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fid-19 ta’ Marzu 2007, rikors intiż, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006 u, min-naħa l-oħra, għall-kundanna tal-EMEA għall-ħlas ta’ EUR 100000 bħala danni għal nuqqasijiet fis-servizz.

10

Wara li tqajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mill-EMEA, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, bid-digriet M vs EMEA, iċċitat iktar ’il fuq, ċaħad ir-rikors bħala inammissibbli, f’dak li jirrigwarda kemm it-talba għal annullament kif ukoll it-talbiet għal kumpens. Huwa qies, b’mod partikolari, li t-talbiet indirizzati kontra d-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2006, sa fejn kienet ċaħdet it-talba ta’ M tat-8 ta’ Awwissu 2006, kienu inammissibbli, għar-raġuni li din id-deċiżjoni kellha tinqara bħala deċiżjoni purament konfermattiva tad-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tal-EMEA tal-31 ta’ Marzu 2006.

11

Wara appell ippreżentat minn M minn dan id-digriet, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009, annullatu, peress li qieset li kien ivvizzjat bi żball ta’ liġi għaliex kien ġie ddikjarat li t-talbiet għal annullament u għal kumpens kienu inammissibbli.

12

Peress li qieset li l-kawża kienet fi stat li tiġi deċiża, il-Qorti tal-Prim’Istanza, sussegwentement, b’mod partikolari ddeċidiet li t-talbiet għal kumpens ta’ M. kienu ammissibbli. Fir-rigward tal-mertu, hija kkundannat lill-EMEA għall-ħlas għal kumpens ta’ EUR 3000 għad-danni morali allegati minn M.

Kunsiderazzjonijiet

13

Għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ inkwistjoni, il-kwistjoni proċedurali, fis-sens tal-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, applikabbli, f’dak iż-żmien, għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li kienet tikkostitwixxi l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-EMEA quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, kellha bħala konsegwenza li t-trattazzjoni fl-ewwel istanza quddiem din il-qorti, u l-evalwazzjoni tiegħu, irrigwardaw esklużivament l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat minn M u t-talbiet li saru f’dan ir-rikors.

14

It-talbiet għal kumpens imressqa minn M, intiżi, b’mod partikolari, li jiksbu kumpens għad-dannu morali allegat minn dan tal-aħħar ma wasslu, f’dawn iċ-ċirkustanzi, għal ebda trattazzjoni bil-miktub, u lanqas orali, fuq il-mertu, quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Huma lanqas kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni u ta’ deċiżjoni fuq il-mertu minn dan it-tribunal.

15

Barra minn hekk, min-noti bil-miktub ippreżentati mill-partijiet ma jirriżultax li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, dawn l-istess talbiet kienu s-suġġett ta’ trattazzjoni bil-miktub fir-rigward tal-mertu, qabel ma din il-qorti, hija u tieħu deċiżjoni fuq il-fondatezza tat-talba għal kumpens għad-dannu morali mressqa minn M, iddeċidiet li tagħti li dan tal-aħħar, bi spejjeż tal-EMEA, kumpens ta’ EUR 3000 għal dan id-dannu. Barra minn hekk, la l-verbal tas-seduta li nżammet fit-23 ta’ Jannar 2009 mill-Qorti tal-Prim’Istanza, u lanqas is-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009, ma jagħtu xi indikazzjoni li l-mertu ta’ din it-talba, b’mod partikolari l-portata preċiża tad-dritt ta’ M għal kumpens għad-dannu morali, ma ġie ttrattat matul din is-seduta.

16

Għaldaqstant jirriżulta li, fis-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009, il-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħat parzjalment, fuq il-mertu, it-talba għal kumpens għad-dannu allegat minn M filwaqt li, minn naħa, il-kwistjoni proċedurali li tqajmet quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma ppermettietx trattazzjoni fuq il-mertu, kemm miktub u kemm orali, quddiem dan it-tribunal, u li, min-naħa l-oħra, ma jidhirx li din it-trattazzjoni seħħet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li hemm riskju serju ta’ preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt Komunitarju billi s-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009 ddeċidiet, fuq il-mertu, fuq it-talba għal kumpens għad-dannu morali allegat minn M.

18

Għaldaqstant, hemm lok ta’ eżami mill-ġdid tas-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009.

19

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat x’għandu jinftiehem b’ “kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża”, fis-sens tal-Artikoli 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u 13(1) tal-anness ta’ dan l-Istatut, meta, quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, f’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-konvenut ikun talabha tiddeċiedi fuq eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mingħajr ma jibda t-trattazzjoni fuq il-mertu, u li l-qorti tal-appell, f’dan il-każ il-Qorti tal-Prim’Istanza, tannulla d-digriet tal-qorti tal-ewwel istanza peress li tkun laqgħat l-imsemmija eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

20

Fit-tieni lok, hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-fatt li, wara li tkun annullat l-imsemmi digriet u ddeċidiet li rikors huwa ammissibbli, b’mod partikolari t-talbiet għal kumpens li jidhru f’dan tal-aħħar, il-qorti tal-appell, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza, tiddeċiedi fuq il-mertu dwar talba għal kumpens għad-dannu morali allegat mir-rikorrent, filwaqt li l-ebda trattazzjoni bil-miktub jew orali ma tkun seħħet quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, f’dan il-każ it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u li ma jkunx jidher li din it-trattazzjoni tkun seħħet quddiem il-qorti tal-appell, jikkostitwixxix jew le nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti marbuta mad-dritt għal smigħ xieraq, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-drittijiet tad-difiża.

21

Fit-tielet lok, fil-każ li jkun hemm lok li jiġi kkonstatat li s-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2009 tikser l-Artikoli 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll 13(1) tal-anness ta’ dan l-Istatut, u/jew mhux qed tosserva r-rekwiżiti marbuta mad-dritt għal smigħ xieraq, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, għandu jiġi eżaminat jekk hemmx u, jekk dan ikun il-każ, kemm hemm riskju serju ta’ preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt Komunitarju b’din is-sentenza.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla speċjali skont l-Artikolu 123b tar-Regoli tal-Proċedura) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Hemm lok li jsir eżami mill-ġdid tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (Awla tal-Appell) tas-6 ta’ Mejju 2009, M vs EMEA (T-12/08 P).

 

2)

L-eżami mill-ġdid għandu jirrigwarda l-kwistjoni li jsir magħruf jekk is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-6 ta’ Mejju 2009, M vs EMEA (T-12/08 P), toħloqx riskju serju ta’ preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt Komunitarju sa fejn l-imsemmija qorti, bħala qorti tal-appell, interpretat il-kunċett ta’ “kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża”, fis-sens tal-Artikoli 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u 13(1) tal-anness ta’ dan l-Istatut, b’mod li tippermettilha taqta’ kawża hija stess u tiddeċiedi fuq il-mertu, minkejja l-fatt li l-appell quddiemha kien jirrigwarda l-eżami tat-trattament mogħti fl-ewwel istanza fuq eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u li, fuq il-kwistjoni tal-kawża li tkun ġiet deċiża, l-ebda trattazzjoni ma tkun seħħet quddiemha, u lanqas quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea bħala qorti fl-ewwel istanza.

 

3)

Il-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-partijiet fil-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej huma mitluba jippreżentaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, f’terminu ta’ xahar li jibda jiddekorri min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub fuq din il-kwistjoni.

 

Firem