European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/381

6.3.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/381

tat-18 ta’ Frar 2025

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda tal-Anness IX (Servizzi finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1) u l-Artikolu 114, flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

(2)

Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li, fost l-oħrajn, jemenda l-Anness IX (Servizzi finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u d-Direttiva (UE) 2022/2556 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jenħtieġ li jiġu inkorporati fil-Ftehim ŻEE.

(4)

L-Anness IX (Servizzi finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE għalhekk jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta tal-Anness IX (Servizzi finanzjarji) għall-Ftehim ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Frar 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. DOMAŃSKI


(1)   ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1994/2894/oj.

(2)   ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1994/1/oj.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 909/2014 u (UE) 2016/1011, (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2554/oj).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2022/2556 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li temenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE, 2014/59/UE, 2014/65/UE, 2009/138/KE, (UE) 2015/2366 u (UE) 2016/2341 fir-rigward tar-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 153, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2556/oj).


ABBOZZ

TA’ DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru …

ta’ …

li temenda l-Anness IX (Servizzi finanzjarji) tal-Ftehim ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b'mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 909/2014 u (UE) 2016/1011 (1) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(2)

Id-Direttiva (UE) 2022/2556 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2022 li temenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE, 2014/59/UE, 2014/65/UE, (UE) 2015/2366 u (UE) 2016/2341 fir-rigward tar-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju (2) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li L-Anness IX tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness IX tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

1.

L-inċiż li ġej jiżdied fil-punt 1 (id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill), il-punt 14 (id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill), il-punt 19b (id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill), il-punt 30 (id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill), il-punt 31ba (id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) u l-punt 31bb (id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):

“—

32022 L 2556: Id-Direttiva (UE) 2022/2556 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 153).”

2.

Dan li ġej jiżdied mal-punt 16e (id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) u l-punt 31d (id-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):

“, kif emendat bi:

—

32022 L 2556: Id-Direttiva (UE) 2022/2556 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 153).”

3.

Dan li ġej jiddaħħal wara l-punt 31pc (ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2486):

“31q.

32022 R 2554: Ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 909/2014 u (UE) 2016/1011 (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 1).

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

(a)

Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 1 ta’ dan il-Ftehim, u sakemm ma jkunx provdut mod ieħor f’dan il-Ftehim, it-termini Stat Membru(i) u awtoritajiet kompetenti għandhom jinftiehmu li jinkludu, apparti t-tifsira tagħhom fir-Regolament, l-Istati tal-EFTA u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, rispettivament.

(b)

Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan il-Ftehim, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandhom jikkooperaw, jiskambjaw informazzjoni u jikkonsultaw lil xulxin għall-finijiet tar-Regolament, b’mod partikolari qabel ma jieħdu kwalunkwe azzjoni.

(c)

Deċiżjonijiet, talbiet, rakkomandazzjonijiet, opinjonijiet, pjanijiet u miżuri oħra tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA skont l-Artikoli 31, 33, 35-39, 42 u 43 għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jiġu adottati abbażi ta’ abbozzi mħejjija mill-ASE kompetenti skont l-Artikolu 31(1) fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA.

(d)

Meta r-Regolament jirreferi għall-banek ċentrali nazzjonali, għandu, fir-rigward tal-Liechtenstein, jirreferi għall-Ministeru tal-Finanzi fil-Liechtenstein.

(e)

Fil-punt (61) tal-Artikolu 3, il-kliem ‘jew l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, skont il-każ’ għandu jiddaħħal wara l-kelma ‘Awtorità Superviżorja Ewropea’.

(f)

Fil-punt (30) tal-Artikolu 3 l-Artikolu 55(3), il-kliem ‘liġi tal-Unjoni jew nazzjonali’ għandhom jiġu sostitwiti bi ‘dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE jew tal-liġi nazzjonali’.

(g)

Fl-Artikoli 6(10) u 19(5), il-kliem ‘il-liġi settorjali tal-Unjoni u dik nazzjonali’ għandu jiġi sostitwit bi ‘il-Ftehim ŻEE u l-liġi settorjali nazzjonali’.

(h)

Fl-Artikolu 19(7), il-kliem ‘u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati tal-EFTA’ għandhom jiddaħħlu wara l-kliem ‘membri tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali’.

(i)

Fl-Artikolu 31(1):

(i)

il-kliem ‘, jew l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, fir-rigward ta’ fornituri terzi ta’ servizzi tal-ICT stabbiliti fi Stat tal-EFTA jew fornituri terzi ta’ servizzi tal-ICT stabbiliti f’pajjiż terz iżda b’sussidjarja fi Stat tal-EFTA,’ għandu jiddaħħal wara l-kelma ‘Kumitat Konġunt’;

(ii)

il-kliem ‘jew, skont il-każ, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA,’ għandu jiddaħħal wara l-kelma ‘l-ESA li hija responsabbli’;

(iii)

dan li ġej għandu jiżdied ma punt (b):

‘L-awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandha tkun is-Sorveljant Ewlieni għal kull fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT stabbilit fi Stat tal-EFTA, jew fornituri terzi ta’ servizzi tal-ICT stabbiliti f’pajjiż terz iżda b’sussidjarja fi Stat tal-EFTA. L-ASEs għandhom, permezz tal-Kumitat Konġunt, jaħtru l-ASE rilevanti li għandha tassisti lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA fit-twettiq tar-rwol tagħha skont ir-Regolament, inkluż it-tħejjija tal-abbozzi msemmija fl-adattament (c).’

(j)

Fl-Artiklu 31(5), il-kliem ‘, jew l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, skont il-każ’ għandhom jiddaħħlu wara l-kelma ‘L-Awtorità’.

(k)

Fl-Artikolu 31(8) (ii), il-kliem ‘jew, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, l-oqfsa għall-finijiet ta’ appoġġ għall-istess kompiti kif imsemmi fl-Artikolu 127(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea’ għandu jiddaħħal wara l-kliem ‘it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea’.

(l)

Fl-Artikolu 31(11), il-kliem ‘, jew l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, skont il-każ’ għandu jiddaħħal wara l-kliem ‘Kumitat Konġunt’.

(m)

Fl-Artikolu 32(4), għandhom jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

‘L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati tal-EFTA għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-UE fil-ħidma tal-Forum ta’ Sorveljanza.

L-awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandu jkollha d-dritt li taħtar żewġ rappreżentanti fil-Forum ta’ Sorveljanza, li wieħed minnhom għandu jkun rappreżentant ta’ livell għoli, bl-istess drittijiet u obbligi bħar-rappreżentanti tal-ASEs.’.

(n)

Fl-Artikolu 32(8), il-kliem ‘regoli oħra tal-Unjoni’ għandhom jiġu sostitwiti bil-kliem ‘dispożizzjonijiet oħra tal-Ftehim ŻEE’.

(o)

Is-sentenza li ġejja għandha tiżdied fl-Artikolu 34(1):

‘L-awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, fir-rwol tagħha bħala Sorveljant Ewlieni, għandha tipparteċipa f’JON.’.

(p)

Fl-Artikoli 35(3), għandu jiżdied is-sottoparagrafu segwenti:

‘Qabel ma tħejji abbozz ta’ rakkomandazzjoni skont il-paragrafu 1, il-punt (d) għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, l-ESA responsabbli għandha tagħti lill-fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT l-opportunità li jipprovdi, fi żmien 30 jum kalendarju, informazzjoni rilevanti li turi l-impatt mistenni fuq il-klijenti li huma entitajiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u, fejn xieraq, jifformulaw soluzzjonijiet biex jimmitigaw ir-riskji.’.

(q)

Is-sentenza li ġejja għandha tiżdied fl-Artikolu 35(9):

‘Il-Kumitat Permanenti tal-Istati tal-EFTA għandu jiddetermina l-allokazzjoni tal-ammonti ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali miġbura mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, fir-rwol tagħha bħala Sorveljant Ewlieni.’.

(r)

Fl-Artikolu 35(11) is-subparagrafu li ġej għandu jiddaħħal qabel l-ewwel subparagrafu:

‘Qabel ma tħejji abbozz ta’ deċiżjoni dwar il-pagamenti perjodiċi ta’ penali skont il-paragrafu 6 għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, l-ESA responsabbli għandha tagħti lir-rappreżentanti tal-fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT soġġett għall-proċedimenti l-opportunità li jinstemgħu dwar is-sejbiet u għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq sejbiet li dwarhom il-fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT soġġett għall-proċedimenti kellu l-opportunità li jikkummenta.’.

(s)

Fl-Artikolu 36(2), il-kliem ‘jew l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA’ għandu jiddaħħal wara l-kliem ‘l-EBA, l-ESMA jew l-EIOPA’.

(t)

Fl-Artikolu 37(3), fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-punt (f) għandu jinqara kif ġej:

‘tindika d-dritt li d-deċiżjoni tiġi eżaminata mill-Qorti tal-EFTA skont l-Artikolu 36 tal-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja.’.

(u)

Fl-Artikolu 40(2):

(i)

il-kliem ‘u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA’ għandhom jiddaħħlu wara l-kliem ‘l-ESAs’;

(ii)

is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied:

‘Il-parteċipazzjoni tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA fit-tim konġunt tal-eżaminazzjoni għandha, f’każijiet fejn l-attivitajiet ta’ sorveljanza ma jinvolvux fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT jew sussidjarja stabbilita fi Stat tal-EFTA, tkun fuq bażi volontarja.’.

(v)

Fl-Artikolu 49(1), il-kliem ‘u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA’ għandu jiddaħħal wara l-kelma ‘il-Kummissjoni’.

(w)

Fl-Artikoli 49(2) u 56 (1), il-kliem ‘, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA’ għandu jiddaħħal wara l-kelma ‘ESAs’.

(x)

Fl-Artikolu 64, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, il-kliem ‘17 ta’ Jannar 2025’ għandu jsir ‘data magħżula skont il-liġi nazzjonali mhux aktar tard minn 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru [nn/ssss] tax-xahar/sena] (Din id-deċiżjoni).’.”

4.

L-inċiż li ġej jiżdied fil-punti 31baa (ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill), 31bc (ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill), 31bf (ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill), 31eb (ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) u 31 l (ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):

“—

32022 R 2554: Ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 1).”

Artikolu 2

It-testi tar-Regolament (UE) 2022/2554 u d-Direttiva (UE) 2022/2556 bil-lingwa Iżlandiża u b’dik Norveġiża, li se jiġu ppubblikati fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi …, bil-kundizzjoni li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*1).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi Brussell, ….

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Is-Segretarji

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE


(1)   ĠU L 333, 27.12.2022, p. 1.

(2)   ĠU L 333, 27.12.2022, p. 153.

(*1)  [Ma huwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.] [Huma indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/381/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)