12.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 211/185


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1397

tal-11 ta’ Awwissu 2022

li ma jiġux sospiżi d-dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu Alkoħol tal-Polivinil li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina imposti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1336

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(4) tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fid-29 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) imponiet dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċertu Alkoħol tal-Polivinil (PVA, Polyvinyl Alcohol) li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”) permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1336 (2) (“ir-Regolament oriġinali”).

(2)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri, għaxar partijiet (3) allegaw li seħħet bidla temporanja fil-kundizzjonijiet tas-suq wara l-perjodu ta’ investigazzjoni (“PI”) (mill-1 ta’ Lulju 2018 sat-30 ta’ Ġunju 2019) u sostnew li l-miżuri definittivi jenħtieġ li jiġu sospiżi skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036 (“ir-Regolament bażiku”), fid-dawl ta’ dawn il-bidliet.

(3)

Fit-3 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni ddeċidiet li teżamina ulterjorment it-talbiet għal sospensjoni u talbet lill-partijiet interessati fl-Unjoni biex jipprovdu informazzjoni dwar l-hekk imsejjaħ “PI ta’ sospensjoni” (jiġifieri l-perjodu wara l-PI minn Lulju 2020 sa Ġunju 2021) biex jeżaminaw u jivvalutaw l-impatt, jekk hemm, taċ-ċirkostanzi allegatament mibdula fis-suq tal-Unjoni.

(4)

Wara d-divulgazzjoni finali, erba’ partijiet interessati, Carbochem, Far Polymers, Gamma Chimica u Jeniuschem, ikkontestaw l-għażla tal-PI ta’ sospensjoni li saret mill-Kummissjoni.

(5)

Fil-fehma tagħhom, il-PI ta’ sospensjoni kellu jibda minn Ottubru 2020 u kellu jkopri wkoll ix-xhur ta’ Lulju u Awwissu 2021 peress li l-Kummissjoni talbet tali data fil-kwestjonarju.

(6)

Il-Kummissjoni rċeviet l-ewwel talba għal sospensjoni fis-17 ta’ Ġunju 2021 u bdiet l-investigazzjoni ta’ sospensjoni fit-3 ta’ Settembru 2021, billi għażlet il-perjodu ta’ 12-il xahar qabel il-preżentazzjoni tat-talba, meta allegatament seħħew l-allegati bidliet tal-kundizzjoni tas-suq.

(7)

Fir-rigward tax-xhur ta’ Lulju u Awwissu 2021, il-Kummissjoni talbet data dwar dawn ix-xhur sabiex tiġbor informazzjoni dwar l-evoluzzjoni tas-suq anki wara l-PI ta’ sospensjoni. Madankollu, mhux il-partijiet kollha li kkooperaw kellhom tali data disponibbli. Madankollu, meta kienet disponibbli l-Kummissjoni qieset id-data għal Lulju u Awwissu 2021, kif imsemmi fil-premessa (53).

(8)

L-affermazzjoni ġiet għalhekk miċħuda.

(9)

Informazzjoni dwar l-allegata bidla temporanja fiċ-ċirkostanzi fis-suq waslet minn 2 produtturi tal-Unjoni u 10 partijiet interessati inklużi utenti, importaturi u assoċjazzjonijiet. Il-produtturi tal-Unjoni pprovdew ukoll l-informazzjoni mitluba relatata ma’ ċerti indikaturi tad-dannu.

(10)

Fl-20 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni ddivulgat l-intenzjoni tagħha li ma tissospendix il-miżuri skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku. Ġie konċess perjodu li fih il-partijiet kollha setgħu jikkummentaw.

2.   EŻAMI TAL-KUNDIZZJONIJIET TAS-SUQ MIBDULA

(11)

L-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku, jipprevedi li, fl-interess tal-Unjoni, il-miżuri anti-dumping jistgħu jiġu sospiżi meta l-kundizzjonijiet tas-suq jinbidlu temporanjament sal-punt li jkun improbabbli li d-dannu jerġa’ jokkorri bħala riżultat ta’ tali sospensjoni. Minn dan jirriżulta li l-miżuri anti-dumping jistgħu jiġu sospiżi biss f’sitwazzjoni fejn iċ-ċirkostanzi jkunu nbidlu b’tali mod li l-industrija tal-Unjoni ma tkunx għadha qiegħda ġġarrab dannu materjali, u li jkun improbabbli li tali dannu jerġa’ jokkorri.

2.1.   Sejbiet tal-investigazzjoni anti-dumping oriġinali

(12)

L-investigazzjoni li wasslet għar-Regolament definittiv uriet li, matul il-perjodu kkunsidrat (2016 – Ġunju 2019) l-importazzjonijiet Ċiniżi żdiedu bi 53 %, u laħqu sehem mis-suq ta’ [30 % – 35 %] fil-PI (Lulju 2018 – Ġunju 2019), żieda minn 22 % fl-2016. B’mod parallel, is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni marret għall-agħar u wriet xejra negattiva fl-indikaturi ewlenin kollha: Il-produzzjoni (- 12 %), il-bejgħ tal-UE (- 27 %), is-sehem mis-suq (minn [35 % – 40 %] għal [25 % – 30 %]) u l-profittabbiltà (minn [- 0,5 % għal - 5 %] għal [- 10 % għal - 15 %] fil-PI). Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali kkaġunat mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping miċ-Ċina.

2.2.   Analiżi tal-bidliet fil-kundizzjonijiet tas-suq matul il-PI ta’ sospensjoni

(13)

L-allegati bidliet temporanji tal-kundizzjonijiet tas-suq wara l-PI kienu jikkonsistu fi tfixkil fil-katina tal-provvista tal-materja prima prinċipali tal-monomeru tal-aċetat tal-vinil (VAM, vinyl acetate monomer), flimkien ma’ żieda sinifikanti fil-kostijiet tat-trasport, li wasslu għal skarsezza globali tal-prodott ikkonċernat u għal żidiet sinifikanti fil-prezzijiet.

(14)

Abbażi tal-analiżi tal-kummenti li waslu mid-diversi partijiet wara t-talba tal-Kummissjoni għal informazzjoni ulterjuri, kontroverifikata mad-data miġbura matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li tabilħaqq kien hemm tfixkil temporanju fil-katina tal-provvista globali fir-rigward tal-VAM. Dan it-tfixkil kien ikkawżat prinċipalment mill-maltempati tax-xitwa fi Frar 2021 f’Texas. Dan l-avveniment ġiegħel lil kull produttur tal-VAM ewlieni tal-Istati Uniti jwaqqaf temporanjament il-produzzjoni u jinvoka force majeure għall-konsenji tiegħu, u b’hekk joħloq skarsezza globali tal-VAM u għalhekk ta’ PVA fl-ewwel nofs tal-2021. L-analiżi żvelat li l-kwistjoni ewlenija għall-provvista tal-PVA kienet tabilħaqq l-għajbien ta’ sorsi alternattivi ta’ provvista (prinċipalment l-Istati Uniti u l-Ġappun), kif spjegat fit-Taqsima 2.3.2. Madankollu, is-sitwazzjoni sadanittant innormalizzat u huwa mistenni ritorn għall-volumi ta’ produzzjoni normali matul l-2022.

(15)

Wara d-divulgazzjoni finali, Ahlstrom-Munksjö, Carbochem, Cepi, Far Polymers, Gamma Chimica u Jeniuschem ikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tar-ritorn għall-volumi ta’ produzzjoni normali ta’ VAM.

(16)

Il-partijiet argumentaw li l-iskarsezza tal-VAM għadha tippersisti sal-lum peress li, skont xi pubblikazzjonijiet, il-produtturi tal-Istati Uniti għadhom qegħdin jinvokaw force majeure fir-rigward tal-konsenji tal-VAM u għaldaqstant ma jistax jiġi konkluż li se jkun hemm ritorn għall-volumi normali tal-produzzjoni.

(17)

Dan l-argument kellu jiġi rifjutat. L-ewwel nett, il-Kummissjoni analizzat l-impatt tal-maltempati fix-xitwa f’Texas bħala waħda mir-raġunijiet ewlenin għat-tibdil fil-kundizzjonijiet tas-suq imsemmija fit-talbiet għal sospensjoni. L-investigazzjoni wriet li l-effett tal-maltempati fix-xitwa fl-2021 issa kważi għadda kompletament. Id-data provduta minn wieħed mill-produtturi ewlenin tal-VAM fl-Istati Uniti indikat li l-produzzjoni tiegħu reġgħet lura għal-livell normali fit-tieni trimestru tal-2021 u qabżet il-livell ta’ qabel il-maltempati fit-tielet trimestru tal-2021. It-tieni, id-dikjarazzjoni ta’ force majeure msemmija mill-partijiet tirreferi għal avvenimenti li seħħew wara l-PI ta’ sospensjoni u affettwaw produtturi uniċi għal avvenimenti speċifiċi u ma jikkostitwixxux bidla ġenerali fil-kundizzjonijiet tas-suq.

(18)

L-utenti sostnew ukoll li wara l-impożizzjoni tal-miżuri, iċ-Ċina naqqset il-produzzjoni tal-PVA tagħha. Dan it-tnaqqis kien allegatament minħabba l-iskarsezza fil-provvista tal-VAM fiċ-Ċina minħabba bidliet fil-politika tal-Gvern Ċiniż, inklużi l-politiki ta’ kontroll doppju tal-enerġija u l-minimizzazzjoni tat-tniġġis u l-politiki dwar l-iffrankar tal-enerġija għal-Logħob Olimpiku tax-Xitwa tal-2022. Il-VAM ma jintużax biss għall-produzzjoni tal-PVA, iżda huwa prodott kimiku standard li jintuża f’ħafna applikazzjonijiet. L-utenti sostnew li minħabba l-iskarsezza, il-prezzijiet tal-VAM żdiedu sal-punt li kien aktar profittabbli għall-produtturi Ċiniżi li jiffokaw fuq il-produzzjoni u l-bejgħ tal-VAM aktar milli jikkonvertu l-VAM għall-PVA.

(19)

Madankollu, id-data miġbura fl-investigazzjoni ma kkonfermatx din l-allegazzjoni. Il-prezzijiet tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-UE ma nbidlux b’mod sinifikanti matul il-PI ta’ sospensjoni meta mqabbla mal-PI tal-investigazzjoni oriġinali, kif spjegat fit-Taqsima 2.3.2. Barra minn hekk, meta analizzat il-volumi globali tal-esportazzjonijiet tal-PVA miċ-Ċina, il-Kummissjoni nnutat li l-kwantitajiet esportati baqgħu l-istess matul il-PI ta’ sospensjoni meta mqabbla mal-PI tal-investigazzjoni oriġinali (ara t-Tabella 1). L-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni biss naqsu, iżda dan it-tnaqqis ġie kkumpensat mill-istess żieda ta’ esportazzjonijiet lejn il-Korea, il-Malażja, Singapore u l-Vjetnam. Għaldaqstant, l-allegata skarsezza ta’ VAM ma affettwax il-kapaċità tal-produzzjoni tal-PVA tal-produtturi Ċiniżi u l-volumi mnaqqsa tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni kienu prinċipalment il-konsegwenza tad-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-PVA miċ-Ċina.

Tabella 1

Esportazzjonijiet tal-PVA miċ-Ċina (tunnellati)

Pajjiż tad-destinazzjoni

PI

PI ta’ sospensjoni

EU 27

53 602

31 300

Il-Brażil

6 075

6 097

Il-Kanada

2 626

2 903

L-Indja

16 421

19 651

L-Indoneżja

8 412

7 472

Il-Korea t’Isfel

5 957

13 788

Il-Malażja

5 304

12 950

Il-Pakistan

9 106

11 095

Singapore

3 828

5 120

It-Tajlandja

3 557

3 071

It-Turkija

8 111

7 984

L-Istati Uniti

3 973

3 589

Il-Vjetnam

4 416

6 293

TOTAL

131 388

131 313

Sors: Global Trade Atlas.

(20)

L-utenti semmew kwistjonijiet tal-katina tal-provvista marbuta mal-pandemija tal-COVID-19. Tabilħaqq, in-nuqqas ta’ kontejners wassal għal żieda fir-rati għat-trasport, b’mod partikolari miċ-Ċina u minn naħa għal oħra tal-Oċean Atlantiku, li fixkel parzjalment il-ktajjen tat-trasport globali.

(21)

Fl-aħħar nett, l-importaturi u l-utenti argumentaw li l-industrija tal-Unjoni għadha mhijiex f’pożizzjoni li tissodisfa d-domanda kompluta tal-Unjoni għall-PVA. Il-Kummissjoni nnutat li filwaqt li l-industrija tal-Unjoni bdiet iżżid il-produzzjoni tagħha wara l-impożizzjoni tal-miżuri, tabilħaqq ma kinitx f’pożizzjoni li tissodisfa d-domanda kompluta tal-Unjoni matul il-PI ta’ sospensjoni, parzjalment minħabba t-tnaqqis preċedenti tagħha fil-kapaċità u minħabba l-iskarsezza globali tal-VAM. Fi kwalunkwe każ, din mhijiex ċirkostanza ġdida, peress li matul il-PI tal-investigazzjoni oriġinali, l-industrija tal-Unjoni diġà ma kinitx f’pożizzjoni li tissupplixxi għall-konsum kollu tal-PVA fl-Unjoni. Madankollu, il-kapaċità tal-Unjoni li tissupplixxi mhijiex kundizzjoni tas-suq għas-sospensjoni tal-miżuri.

(22)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, Ahlstrom-Munksjö, Carbochem, Cepi, Far Polymers, Gamma Chimica u Jeniuschem, argumentaw li l-Kummissjoni rrifjutat li tqis bħala ċirkostanza mibdula, l-inabbiltà tal-industrija tal-Unjoni li tissupplixxi għad-domanda Ewropea, minkejja li l-Kummissjoni aċċettat b’mod espliċitu li din l-inabbiltà li tissupplixxi kienet konsegwenza diretta tal-iskarsezza tal-VAM.

(23)

Kif spjegat fil-premessa (21), l-industrija tal-Unjoni ma kellhiex il-kapaċità li tissupplixxi għad-domanda kompluta tal-Unjoni anki qabel l-iskarsezza tal-VAM u ma naqqsitx b’mod sinifikanti l-livelli ta’ produzzjoni tagħha matul il-PI ta’ sospensjoni, kif spjegat fil-premessi (36) u (37). Kuntrarjament, it-Tabella 2 tindika b’mod ċar li l-provvista mnaqqsa fis-suq tal-Unjoni kienet fil-fatt dovuta għal tnaqqis sostanzjali fl-importazzjonijiet, u mhux minħabba nuqqas ta’ produzzjoni mill-industrija tal-Unjoni. Għalhekk ma tistax titqies bħala bidla fiċ-ċirkostanzi tas-suq li tiġġustifika sospensjoni tal-miżuri eżistenti. Din l-affermazzjoni ġiet għalhekk miċħuda.

2.3.   Is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni matul il-PI ta’ sospensjoni

(24)

Il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni matul il-PI ta’ sospensjoni kienet tinkludi evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi prinċipali li kellhom impatt fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat.

(25)

Fil-kummenti tagħha għad-divulgazzjoni finali, Ahlstrom-Munksjö argumentat li l-Kummissjoni pparagunat is-sitwazzjoni matul il-PI ta’ sospensjoni mas-sitwazzjoni fl-2016, mentri kellha tqabbilha mal-PI tal-investigazzjoni oriġinali.

(26)

Din l-affermazzjoni kellha tiġi rifjutata. Il-Kummissjoni pparagunat b’mod ċar is-sitwazzjoni matul il-PI ta’ sospensjoni mas-sitwazzjoni fil-PI tal-investigazzjoni oriġinali. Barra minn hekk, ipparagunat ukoll xi indikaturi mas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni fl-2016, qabel iż-żieda fl-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping dannużi miċ-Ċina.

2.3.1.   Il-konsum tal-Unjoni

(27)

Il-konsum fis-suq ħieles kien 52 % inqas matul il-PI ta’ sospensjoni meta mqabbel mal-PI tal-investigazzjoni oriġinali. Dan it-tnaqqis jista’ jiġi attribwit għat-tnaqqis tal-importazzjonijiet peress li, kif spjegat fit-Taqsima 2.3.4, il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni baqa’ stabbli. Il-konsum għall-użu ristrett ma kienx affettwat minn dawn l-iżviluppi u baqa’ stabbli.

2.3.2.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat u minn pajjiżi terzi

Tabella 2

Importazzjonijiet miċ-Ċina u minn pajjiżi terzi

 

PI

It-3et trimestru 2020

Ir-4a’ trimestru 2020

L-1el trimestru 2021

It-2ni trimestru 2021

It-2ni nofs 2020

L-1el nofs 2021

PI ta’ sospensjoni

Importazzjonijiet miċ-Ċina (tunnellati)

53 930

6 668

650

6 250

6 994

7 318

13 244

20 562

Indiċi tal-PI tal-investigazzjoni oriġinali = 100 (4)

100

49

5

46

52

27

49

38

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra (tunnellati)

60 623

2 186

1 217

6 292

3 956

3 403

10 248

13 651

Indiċi tal-PI = 100

100

14

8

42

26

11

34

23

Sors: Il-bażi tad-data Comext.

(28)

L-importazzjonijiet mill-pajjiżi esportaturi prinċipali, jiġifieri ċ-Ċina, it-Tajwan, il-Ġappun u l-Istati Uniti, naqsu b’mod sinifikanti matul il-PI ta’ sospensjoni meta mqabbla mal-PI tal-investigazzjoni oriġinali. F’termini ta’ volumi, it-tnaqqis fl-importazzjonijiet mill-Istati Uniti kien l-aktar wieħed sinifikanti.

(29)

L-analiżi tas-sitwazzjoni żvelat li dan it-tnaqqis maġġuri fl-importazzjonijiet kien dovut għal taħlita ta’ fatturi. Fuq livell globali, it-tnaqqis fl-importazzjonijiet ħabat fl-istess żmien tal-kwistjonijiet tal-katina tal-provvista globali marbuta mal-pandemija tal-COVID-19. Madankollu, għaċ-Ċina, it-tnaqqis fl-importazzjonijiet ħabat fl-istess żmien tal-impożizzjoni ta’ miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-PVA miċ-Ċina, peress li l-volum totali tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn id-destinazzjonijiet l-oħra kollha baqa’ stabbli, kif spjegat fit-Taqsima 2.2. Fir-rigward tal-Istati Uniti, it-tnaqqis fl-importazzjonijiet kien aggravat mill-iskarsezza ta’ VAM minħabba l-maltempati fix-xitwa.

(30)

Dawn il-fatturi kollha rriżultaw fi produzzjoni limitata tal-PVA disponibbli għall-esportazzjoni, bit-tnaqqis maġġuri jseħħ fit-tieni nofs tal-2020. L-irkupru inizjali tal-ewwel nofs tal-2021 imbagħad reġa’ ġie affettwat mill-maltempati tax-xitwa fl-Istati Uniti. Madankollu, peress li d-dannu mġarrab matul il-maltempata fix-xitwa fl-Istati Uniti fl-2021 kienet ta’ durata limitata ħafna, l-iskarsezza ta’ VAM li rriżultat diġà qiegħda tbatti. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-produtturi tal-Unjoni, il-produzzjoni tal-VAM fl-Istati Uniti, wara l-maltempata fix-xitwa, bdiet tirkupra mill-ewwel nofs tal-2022.

(31)

Minkejja t-tnaqqis sinifikanti (bi 62 %), il-kwantitajiet tal-importazzjonijiet miċ-Ċina baqgħu sinifikanti wara l-PI. Barra minn hekk, il-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet Ċiniżi kienu biss 2 % ogħla meta mqabbla mal-PI tal-investigazzjoni oriġinali. Bħala medja, dawn għadhom 4 % inqas mill-prezz mhux dannuż tal-industrija tal-Unjoni (5), kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali. Barra minn hekk, il-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet Ċiniżi mingħajr id-dazji anti-dumping huma bħala medja 38 % anqas mill-prezz mhux dannuż.

Tabella 3

Prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi

 

PI

It-3et trimestru 2020

Ir-4a’ trimestru 2020

L-1el trimestru 2021

It-2ni trimestru 2021

It-2ni nofs 2020

L-1el nofs 2021

PI ta’ sospensjoni

Prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi (EUR/tunnellata)

1 498

1 370

1 346

1 393

1 835

1 368

1 627

1 535

Indiċi tal-PI tal-investigazzjoni oriġinali = 100

100

91

90

93

122

91

109

102

Sors: Il-bażi tad-data Comext.

(32)

Wara d-divulgazzjoni Ahlstrom-Munksjö argumentat li l-importazzjonijiet miċ-Ċina kważi waqfu kompletament wara l-impożizzjoni tal-miżuri, u kien biss meta kien hemm intoppi fil-provvista tal-VAM li kkawżaw skarsezza tal-PVA, li l-utenti tal-PVA tal-Unjoni ġew imġiegħla jixtru prodott li joriġina mir-RPĊ. Għalhekk, fil-fehma tagħha, l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tkun fi stat prekarju minħabba l-importazzjonijiet tal-PVA miċ-Ċina.

(33)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni ċċarat li li jiġi stabbilit jekk hemmx kawżalità bejn is-sitwazzjoni dannuża misjuba u l-importazzjonijiet inkwistjoni mhuwiex fattur rilevanti bħala tali fil-proċediment attwali. Jekk l-industrija tal-Unjoni ma tkunx fi stat li tiffaċċja l-okkorrenza mill-ġdid tal-importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi, huwa improbabbli li l-miżuri attwali jiġu sospiżi peress li tali sospensjoni tista’ biss taggrava s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kkonkludietx li l-industrija tal-Unjoni tinsab f’sitwazzjoni prekarja minħabba l-importazzjonijiet attwali miċ-Ċina.

(34)

It-tieni, it-tnaqqis tal-importazzjonijiet miċ-Ċina kien konsegwenza mistennija tad-dazji anti-dumping. Madankollu, il-kapaċità tal-produzzjoni Ċiniża għadha disponibbli u għad hemm domanda fl-Unjoni għall-importazzjonijiet Ċiniżi. L-utenti tal-PVA fl-Unjoni għadhom qegħdin jixtru l-PVA miċ-Ċina fi kwantitajiet sinifikanti, kif enfasizzat fil-premessa (31), iżda bi prezzijiet ġusti. Barra minn hekk, minkejja d-dazji anti-dumping, l-utenti għadhom qegħdin jagħmlu profitt, kif spjegat fil-premessa (66). Dan jissuġġerixxi li d-dazji anti-dumping qegħdin ikollhom l-effett maħsub tagħhom. Din l-affermazzjoni ġiet għalhekk miċħuda.

2.3.3.   Produzzjoni u kapaċità tal-produzzjoni

(35)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw kif ġej matul il-PI ta’ sospensjoni:

Tabella 4

Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

 

PI

It-3et trimestru 2020

Ir-4a’ trimestru 2020

L-1el trimestru 2021

It-2ni trimestru 2021

It-2ni nofs 2020

L-1el nofs 2021

PI ta’ sospensjoni

Il-volum tal-produzzjoni (tunnellati)

[80 000 – 90 000 ]

[15 000 – 20 000 ]

[15 000 – 20 000 ]

[20 000 – 25 000 ]

[20 000 – 25 000 ]

[30 000 – 40 000 ]

[40 000 – 50 000 ]

[80 000 – 90 000 ]

Indiċi tal-PI tal-investigazzjoni oriġinali = 100

100

75

90

102

113

83

108

95

Kapaċità tal-produzzjoni (tunnellati)

[100 000 – 120 000 ]

[20 000 – 30 000 ]

[20 000 – 30 000 ]

[20 000 – 30 000 ]

[20 000 – 30 000 ]

[50 000 – 60 000 ]

[50 000 60 000 ]

[100 000 – 120 000 ]

Indiċi tal-PI = 100

100

100

100

100

100

100

100

100

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju.

(36)

Il-volum tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqas kumplessivament b’5 % fil-PI ta’ sospensjoni meta mqabbel mal-PI tal-investigazzjoni oriġinali, filwaqt li l-kapaċità ma nbidlitx. Madankollu, analiżi trimestrali turi stampa inqas definita.

(37)

Il-volum tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni kien għadu qiegħed jonqos fl-ewwel trimestru tal-PI ta’ sospensjoni peress li ħabat fl-istess żmien tal-aħħar trimestru qabel l-impożizzjoni tal-miżuri, u għalhekk l-industrija tal-Unjoni kienet għadha qiegħda ssofri l-pressjoni tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping miċ-Ċina. Minn Ottubru 2020, wara l-impożizzjoni tad-dazji anti-dumping, il-volumi tal-produzzjoni reġgħu bdew jiżdiedu u laħqu, fit-tieni nofs tal-PI ta’ sospensjoni, livell li kien 8 % ogħla mill-volum matul il-PI tal-investigazzjoni oriġinali.

2.3.4.   Volum tal-bejgħ

(38)

Il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni żviluppa kif ġej matul il-perjodu ta’ sospensjoni tal-PI.

Tabella 5

Il-volum tal-bejgħ u l-prezzijiet tal-bejgħ

 

PI

It-3et trimestru 2020

Ir-4a’ trimestru 2020

L-1el trimestru 2021

It-2ni trimestru 2021

It-2ni nofs 2020

L-1el nofs 2021

PI ta’ sospensjoni

Volum tal-bejgħ totali fis-suq tal-Unjoni (tunnellati)

[40 000 – 50 000 ]

[5 000 – 10 000 ]

[5 000 – 10 000 ]

[10 000 – 15 000 ]

[10 000 – 15 000 ]

[15 000 – 20 000 ]

[25 000 – 30 000 ]

[40 000 – 50 000 ]

Indiċi tal-PI tal-investigazzjoni oriġinali = 100

100

77

80

119

118

79

118

99

Prezzijiet tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni (EUR/tunnellata)

1,5 – 2,5

1,5 – 2,5

1,5 – 2,5

1,5 – 2,5

1,5 – 2,5

1,5 – 2,5

1,5 – 2,5

1,5 – 2,5

Indiċi tal-PI tal-investigazzjoni oriġinali = 100

100

98

100

100

105

99

103

101

Kost unitarju tal-produzzjoni (EUR/tunnellata)

1,5 – 2,5

1,5 – 2,5

1,5 – 2,5

1,5 – 2,5

1,5 – 2,5

1,5 – 2,5

1,5 – 2,5

1,5 – 2,5

Indiċi tal-PI tal-investigazzjoni oriġinali = 100

100

76

74

85

92

75

88

83

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju.

(39)

Il-volum tal-bejgħ fl-UE baqa’ relattivament stabbli fil-livell tal-PI oriġinali. L-istess japplika għall-prezzijiet tal-bejgħ. Il-prezz medju tal-PVA tal-industrija tal-Unjoni matul il-PI ta’ sospensjoni kien 1 % ogħla milli kien fil-PI tal-investigazzjoni oriġinali. Madankollu, kif innutat għall-volum tal-produzzjoni, kemm il-kwantitajiet kif ukoll il-prezzijiet bdew juru t-tendenza li jkunu ferm aktar baxxi milli fil-PI tal-investigazzjoni oriġinali fl-ewwel nofs tal-PI ta’ sospensjoni. Imbagħad għal darb’ oħra, meta d-dazji anti-dumping daħlu fis-seħħ, it-tnejn li huma bdew jiżdiedu u laħqu, fl-aħħar trimestru, livell li kien 18 % u 5 % rispettivament ogħla milli fil-PI tal-investigazzjoni oriġinali.

(40)

Il-kost tal-produzzjoni għall-PVA naqas matul l-ewwel żewġ trimestri tal-PI ta’ sospensjoni, wara t-tendenza globali ta’ tnaqqis tal-prezzijiet tal-VAM. Madankollu, mit-tielet trimestru ’l quddiem, li ġie fl-istess żmien eżatt tal-kwistjonijiet tal-provvista tal-VAM fl-Istati Uniti msemmija fit-Taqsima 2.3.2, il-kost tal-produzzjoni reġa’ beda jiżdied b’14 % meta mqabbel mat-tieni trimestru tal-PI ta’ sospensjoni, wara t-tendenza li l-prezzijiet tal-VAM għolew.

(41)

Wara d-divulgazzjoni finali Ahlstrom-Munksjö, Carbochem, Far Polymers, Gamma Chimica u Jeniuschem ikkontestaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni.

(42)

Ahlstrom-Munksjö argumentat li l-prezzijiet tal-esportazzjoni miċ-Ċina żdiedu aktar mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni filwaqt li, fl-istess ħin, il-kost unitarju tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqas b’mod sinifikanti. Dan it-tnaqqis, fil-fehma ta’ Ahlstrom-Munksjö, issarraf f’żieda fil-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni ta’ 18 %.

(43)

Din l-analiżi hija manifestament żbaljata. L-ewwel nett, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi fil-PI ta’ sospensjoni żdiedu biss b’punt perċentwali aktar mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni u, minkejja dan, xorta waqqgħu l-prezz mhux dannuż tal-industrija tal-Unjoni anki bid-dazji anti-dumping inklużi. It-tieni, l-analiżi trimestrali tal-kost unitarju tal-produzzjoni żvelat li wara tnaqqis inizjali fl-ewwel żewġ trimestri tal-PI ta’ sospensjoni, dan beda jerġa’ jiżdied (wara t-tendenza li l-prezzijiet tal-VAM għolew). Il-kost tal-produzzjoni, fl-aħħar trimestru tal-PI ta’ sospensjoni, kien 21 % ogħla milli fl-ewwel trimestru filwaqt li, fl-istess perjodu, il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni żdiedu b’7 % biss. Dan ippermetta lill-industrija tal-Unjoni terġa’ lura għall-profittabbiltà iżda jikkonferma wkoll li din it-tendenza ’l fuq kienet riċenti ħafna (kienet tikkonċerna biss l-aħħar trimestru) u mhux b’saħħitha biżżejjed biex tilħaq il-profitt fil-mira, kif spjegat fil-premessa (49).

(44)

L-affermazzjoni ġiet għalhekk rifjutata.

(45)

Carbochem, Far Polymers, Gamma Chimica u Jeniuschem, sostnew li l-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq id-data pprovduta mill-produtturi tal-Unjoni fit-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju minn naħa waħda, iżda ma qisitx l-informazzjoni pprovduta mill-utenti li kkooperaw fir-rigward tal-prezz applikat mill-industrija tal-Unjoni min-naħa l-oħra.

(46)

Il-prezz medju tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kif stabbilit mill-Kummissjoni jiġi kkalkulat fuq il-bejgħ totali tal-industrija tal-Unjoni matul il-PI ta’ sospensjoni. L-utenti li kkooperaw ipprovdew informazzjoni dwar l-offerti tal-prezzijiet għal gradi speċifiċi tal-PVA biss lil klijenti speċifiċi. Dawn l-offerti ma jistgħux jitqiesu bħala rappreżentattivi tas-suq kollu u għalhekk ma jistgħux jintużaw bħala punti ta’ riferiment għall-prezz medju tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni jew il-prezz medju tal-importazzjoni miċ-Ċina.

(47)

Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

2.3.5.   Profittabbiltà

(48)

Il-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni żviluppat kif ġej matul il-perjodu ta’ sospensjoni tal-PI:

Tabella 6

Il-profittabbiltà

 

PI

It-3et trimestru 2020

Ir-4a’ trimestru 2020

L-1el trimestru 2021

It-2ni trimestru 2021

It-2ni nofs 2020

L-1el nofs 2021

PI ta’ sospensjoni

Il-profittabbiltà tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati (% tal-fatturat mill-bejgħ)

-10  % sa -15  %

-10  % sa -15  %

0  % sa 5  %

5  % sa 10  %

0  % sa 5  %

-5  % sa 0  %

2  % sa 7  %

-2  % sa 3  %

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju.

(49)

L-industrija tal-Unjoni għamlet profitt matul il-perjodu tal-PI ta’ sospensjoni. Filwaqt li dan huwa titjib ċar meta mqabbel mal-PI tal-investigazzjoni oriġinali, fejn l-industrija tal-Unjoni ġarrbet telf ta’ [- 10 % sa - 15 %] fuq il-fatturat, il-profittabbiltà tal-Unjoni għadha ferm taħt il-profitt fil-mira (6 %). Iż-żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ kienet ikkumpensata, sa ċertu punt, miż-żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni minħabba ż-żieda fil-prezz tal-materja prima u dewmien fl-aġġustament tal-prezzijiet, bħala konsegwenza tal-ftehimiet kuntrattwali mal-klijenti.

(50)

Wara d-divulgazzjoni Ahlstrom-Munksjö u Cepi kkontestaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni.

(51)

Ahlstrom-Munksjö argumenta li, minkejja l-volumi ta’ importazzjonijiet allegatament sinifikanti miċ-Ċina, l-industrija tal-Unjoni kienet kapaċi ttejjeb b’mod sinifikanti l-profittabbiltà tagħha.

(52)

Il-Kummissjoni ma kkontestatx il-fatt li l-industrija tal-Unjoni żiedet il-profittabbiltà tagħha, bħala konsegwenza tad-dazji anti-dumping. Madankollu, kif spjegat fil-premessa (49), il-profitt miksub mill-industrija tal-Unjoni għadu ferm taħt il-profitt fil-mira kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali.

2.3.6.   Konklużjoni dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(53)

L-analiżi trimestrali tal-PI ta’ sospensjoni u l-iżviluppi li segwew ma jindikawx titjib dejjiemi tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Huwa minnu li matul it-tieni semestru tal-PI ta’ sospensjoni, il-volum tal-produzzjoni żdied bi 8 % u l-volum tal-bejgħ żdied bi 18 %, meta mqabbel mal-PI tal-investigazzjoni oriġinali. Madankollu, is-sitwazzjoni ma damitx hekk, billi l-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni reġgħet bdiet tonqos mir-raba’ trimestru ’l quddiem. Dan jista’ jiġi spjegat miż-żieda sinifikanti fil-prezz tal-VAM u ż-żieda li rriżultat fil-kost tal-produzzjoni għall-PVA filwaqt li l-prezzijiet tal-PVA ma segwewx mal-ewwel iż-żieda fil-kost tal-produzzjoni. Minn data lil hinn mill-PI ta’ sospensjoni miġbura matul l-investigazzjoni, ta’ min jinnota li fil-perjodu minn April 2021 sa Settembru 2021, il-prezzijiet tal-VAM żdiedu b’57 % u l-kost tal-produzzjoni għall-PVA żdied bi 28 %, iżda l-prezzijiet tal-PVA żdiedu biss b’26 %.

3.   PROBABBILTÀ LI D-DANNU JERĠA’ JOKKORRI

(54)

Matul il-PI ta’ sospensjoni, il-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni fl-Unjoni lil partijiet mhux relatati naqas bi ftit b’1 % meta mqabbel mal-PI, filwaqt li l-prezzijiet tal-bejgħ żdiedu b’1 %. Madankollu, meta mqabbel mas-sena ta’ referenza tal-perjodu kkunsidrat (jiġifieri l-2016), il-bejgħ fl-UE kien għadu 28 % inqas. L-użu tal-kapaċità naqas b’5 %, filwaqt li l-kapaċità ma nbidlitx. Madankollu, meta mqabbla mal-2016, il-volumi tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità matul il-PI ta’ sospensjoni naqsu b’20 %.

(55)

Fl-istess waqt, il-kwantitajiet tal-importazzjonijiet miċ-Ċina baqgħu sinifikanti matul il-PI ta’ sospensjoni. Barra minn hekk, minkejja l-allegazzjoni, kemm il-kapaċità tal-produzzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi kif ukoll l-imġiba tal-prezzijiet tagħhom ma nbidlux b’mod sinifikanti meta mqabbla mas-sejbiet tal-investigazzjoni oriġinali.

(56)

Kif spjegat fit-Taqsimiet 2.2 u 2.3, il-volum tal-produzzjoni Ċiniża baqa’ l-istess matul il-PI ta’ sospensjoni meta mqabbel mal-PI tal-investigazzjoni oriġinali, u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi għadhom anqas mill-prezzijiet mhux dannużi tal-industrija tal-Unjoni.

(57)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni bbenefikat mill-impożizzjoni ta’ miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-PVA miċ-Ċina li, sa ċertu punt, ippermettew lill-industrija tal-Unjoni żżid il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha fis-suq tal-Unjoni matul il-PI ta’ sospensjoni, kif intwera mit-tendenza pożittiva ta’ ċerti indikaturi bħall-volum tal-bejgħ, il-prezzijiet tal-bejgħ u l-profittabbiltà. Madankollu, dawn is-sinjali ta’ rkupru ma kinux b’saħħithom biżżejjed u sa issa damu biss għal ftit taż-żmien. Il-Kummissjoni qieset ukoll l-imġiba tal-ipprezzar tal-produtturi esportaturi Ċiniżi matul il-PI ta’ sospensjoni, kif ukoll il-possibbiltà li jerġgħu jiżdiedu f’daqqa l-importazzjonijiet tal-PVA miċ-Ċina peress li, kif spjegat fit-Taqsima 2.3, l-allegata skarsezza tal-VAM ma affettwax il-kapaċità tal-produzzjoni Ċiniża u l-livelli ta’ esportazzjoni tagħha.

(58)

Għalhekk, ma jistax jiġi konkluż li huwa improbabbli li d-dannu jerġa’ jokkorri fin-nuqqas ta’ miżuri, fl-eventwalità li l-miżuri jiġu sospiżi. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-evidenza ma wrietx li l-kundizzjonijiet tas-suq kienu nbidlu temporanjament sal-punt li jkun improbabbli li d-dannu jerġa’ jokkorri bħala riżultat ta’ sospensjoni.

(59)

B’segwitu għad-divulgazzjoni finali, Ahlstrom-Munksjö argumentat li l-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni matul il-PI ta’ sospensjoni naqas b’1 % biss meta mqabbel mal-PI oriġinali, filwaqt li żdied bi 18 % fl-ewwel nofs tal-2021 meta mqabbel mal-PI oriġinali. Fil-fehma tagħha dan jikkontradixxi l-konklużjoni tal-Kummissjoni li huwa probabbli li d-dannu jerġa’ jokkorri fin-nuqqas tad-dazji.

(60)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din il-fehma. L-ewwel nofs tal-PI ta’ sospensjoni kien affettwat mill-pandemija tal-COVID-19 u l-iskarsezza tal-VAM. Fit-tieni nofs, l-industrija tal-Unjoni, filwaqt li bbenefikat mill-miżuri, setgħet iżżid il-produzzjoni tagħha biex tissodisfa d-domanda tal-Unjoni. Filwaqt li dan huwa sinjal ċar ta’ rkupru, l-investigazzjoni wriet li: (i) il-produtturi esportaturi Ċiniżi għad għandhom kapaċità ta’ riżerva sinifikanti disponibbli u diġà qegħdin jesportaw lejn l-UE fi kwantitajiet sinifikanti anki bid-dazji fis-seħħ, (ii) il-prezzijiet tagħhom għadhom iwaqqgħu l-prezzijiet tal-Unjoni anke bid-dazji anti-dumping inklużi, (iii) is-suq tal-Unjoni huwa attraenti għall-produtturi Ċiniżi għal-livelli tal-prezzijiet tiegħu u d-domanda sinifikanti, u (iv) iż-żieda fil-prezzijiet tal-VAM qiegħda taffettwa b’mod negattiv il-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni u l-profittabbiltà tagħha. Filwaqt li qieset dawn l-elementi kollha, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-dannu, anki kieku ma kienx jeżisti, huwa probabbli li jerġa’ jokkorri bħala riżultat tas-sospensjoni.

(61)

L-affermazzjoni ġiet għalhekk rifjutata.

(62)

Cepi argumentat li sospensjoni temporanja tad-dazju ma treġġax lura t-tendenza evidentement pożittiva ta’ profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni, anki fid-dawl taż-żidiet fil-prezzijiet wara l-PI ta’ sospensjoni. Il-kumpanija nnutat li anki fil-każ ta’ prodotti tal-aluminju llaminati ċatti, l-industrija tal-Unjoni kienet għadha ma laħqitx il-livell fil-mira ta’ profittabbiltà iżda, madankollu, il-Kummissjoni pproċediet bis-sospensjoni temporanja tad-dazju wara li rrikonoxxiet li huwa improbabbli li tali sospensjoni treġġa’ lura t-tendenzi pożittivi tal-industrija tal-Unjoni (6).

(63)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-analiżi. Fl-investigazzjoni dwar il-prodotti tal-aluminju llaminati ċatti, is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni tjiebet b’mod sinifikanti wara l-PI sabiex l-istess dannu materjali li nstab matul il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali ma kienx għadu preżenti fil-perjodu ta’ wara l-PI. Fil-fatt, f’dak il-każ, fl-ewwel semestru tal-2021, il-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni fl-Unjoni lil partijiet mhux relatati żdied b’aktar minn 55 % meta pparagunat mal-perjodu ta’ investigazzjoni u kienet mistennija żieda ulterjuri għall-2022. B’kuntrast ma’ dan, fil-proċediment attwali l-industrija tal-PVA tal-Unjoni mhijiex qiegħda tbati minħabba tnaqqis fil-kwantità tal-bejgħ iżda minn tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet ikkawżat mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping miċ-Ċina. Kwalunkwe żieda ulterjuri fil-profittabilità tista’ toriġina biss minn tnaqqis tal-kost tal-produzzjoni (li huwa improbabbli minħabba t-tendenza ’l fuq tal-prezzijiet tal-materja prima) jew mill-prezzijiet tal-bejgħ li jerġgħu jirritornaw għal livelli mhux dannużi.

(64)

Barra minn hekk, is-sospensjoni tad-dazji anti-dumping tippermetti lill-PVA Ċiniż jidħol fis-suq tal-Unjoni bi prezzijiet oġġett ta’ dumping li jwaqqgħu b’mod sinifikanti l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, kif spjegat fil-premessa (31). Din il-pressjoni fuq il-prezzijiet tkompli tnaqqas il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni u għalhekk ikollha effett negattiv immedjat fuq il-profittabbiltà tagħha. Din l-affermazzjoni ġiet għalhekk miċħuda.

4.   KONKLUŻJONI

(65)

L-impożizzjoni tal-miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-PVA miċ-Ċina kienet evidentement ta’ benefiċċju għall-industrija tal-PVA tal-Unjoni li tbigħ fis-suq ħieles. Dan ippermetta lill-industrija tal-Unjoni tirkupra, tal-anqas parzjalment, mid-dumping dannuż. Madankollu, is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni għadha fraġli u, kif spjegat hawn fuq, huwa probabbli li d-dannu jerġa’ jokkorri mingħajr il-miżuri matul perjodu potenzjali ta’ sospensjoni tal-miżuri attwali.

(66)

Il-Kummissjoni nnutat ukoll li, minkejja l-allegazzjonijiet ta’ impatti negattivi mġarrba mill-utenti tal-PVA, id-data miġbura matul l-analiżi tas-sospensjoni turi li d-disa’ utenti u l-importaturi kollha li kkooperaw u pprovdew tweġiba għall-kwestjonarju ta’ sospensjoni, ħlief wieħed, baqgħu jagħmlu profitt wara l-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-PVA miċ-Ċina.

(67)

Fil-kummenti tagħhom għad-divulgazzjoni finali, Ahlstrom-Munksjö, Carbochem, Far Polymers, Gamma Chimica u Jeniuschem ikkontestaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-impatt tad-dazji anti-dumping fuq l-utenti tal-PVA.

(68)

Carbochem, Far Polymers, Gamma Chimica u Jeniuschem argumentaw li l-marġnijiet miksuba mill-importaturi u l-utenti tal-PVA ġejjin mill-bejgħ tal-istokk tal-PVA mixtri qabel id-dħul fis-seħħ tad-dazji anti-dumping.

(69)

Madankollu, l-informazzjoni miġbura fl-investigazzjoni ma tappoġġax din il-konklużjoni. Fl-aħħar trimestru qabel l-impożizzjoni tal-miżuri, il-kwantitajiet tal-importazzjoni miċ-Ċina ma żdidux. Kuntrarjament dawn naqsu b’51 % (ara t-Tabella 2). Barra minn hekk, fis-sottomissjoni tagħhom stess, il-partijiet ikkonfermaw li setgħu jittrasferixxu ż-żieda fil-prezzijiet tal-PVA fuq il-klijenti tagħhom, kif diġà ġie stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali u kkonfermat fil-proċediment attwali. L-affermazzjoni ġiet għalhekk miċħuda.

(70)

Ahlstrom-Munksjö argumentat li l-Kummissjoni ma wettqitx analiżi kif suppost tal-interess tal-Unjoni.

(71)

Din l-affermazzjoni kellha tiġi rifjutata. Minn naħa waħda, il-Kummissjoni kkonkludiet li huwa probabbli li d-dannu tal-industrija tal-Unjoni jerġa’ jokkorri kieku l-miżuri kellhom jiġu sospiżi. Min-naħa l-oħra, l-investigazzjoni kkonkludiet li l-produzzjoni tal-VAM (u tal-PVA) qiegħda terġa’ lura għal livelli normali, li l-produtturi esportaturi Ċiniżi għadhom qegħdin jesportaw bi prezzijiet kompetittivi, minkejja d-dazji anti-dumping u li l-utenti tal-Unjoni tal-PVA setgħu jittrasferixxu ż-żieda fil-prezz fuq il-klijenti tagħhom u baqgħu jagħmlu profitt. Għaldaqstant, il-Kummissjoni rriżultalha li ma kien hemm l-ebda raġuni biex jiġi konkluż li kien fl-interess tal-Unjoni li jiġu sospiżi d-dazji anti-dumping.

(72)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku għas-sospensjoni tal-miżuri anti-dumping attwalment ma kinux issodisfati. Din id-deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li fil-futur tieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-kundizzjonijiet biex jiġi sospiż id-dazju anti-dumping definittiv impost mill-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1336 dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti alkoħols tal-polivinil li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina f’konformità mal-Artikolu 14(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036 mhumiex issodisfati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Awwissu 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1336 tal-25 ta’ Settembru 2020 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti alkoħols tal-polivinil li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 315, 29.9.2020, p. 1).

(3)  Carbochem Srl, Cordial Adhesives B.V., EOC Belgium NV, FAR Polymers Srl„ Gamma Chimica SpA, Grünig KG, Jeniuschem SpA, Solutia Europe SPRL, Wacker Chemie AG, Wegochem Europe B.V..

(4)  Għal paragun sinifikanti l-indiċi trimestrali huwa kkalkulat fuq ¼ tal-volum annwali fil-PI, u l-indiċijiet ta’ nofs is-sena huma kkalkulati fuq ½ l-istess volum.

(5)  Wara l-aġġustamenti għad-dazji doganali, id-dazji anti-dumping u l-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni.

(6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1788 tat-8 ta’ Ottubru 2021 li tissospendi d-dazji anti-dumping definittivi imposti bir-Regolament (UE) 2021/1784 dwar l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-aluminju rrumblati ċatti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 359, 11.10.2021, p. 105).