SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

18 ta’ April 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Politika agrikola komuni – Skemi ta’ appoġġ dirett favur il-bdiewa – Regolament (KE) Nru 1122/2009 – Skema ta’ pagament uniku skont l-erja – Artikolu 58 – Tnaqqis u esklużjonijiet applikabbli f’każijiet ta’ dikjarazzjonijiet żejda – Penali fil-każ ta’ dikjarazzjoni żejda li teċċedi l-50 % tal-erja ddeterminata – Irkupru tal-ammont tal-penali matul it-tliet snin kalendarji ta’ wara dik tal-konstatazzjoni – Kunċett ta’ ‘konstatazzjoni’ – Rapport ta’ kontroll li jikkonstata l-eżistenza ta’ irregolaritajiet fl-applikazzjoni għall-għajnuna kkonċernata”

Fil-Kawża C‑79/23 [Kaszamás] ( i ),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Jannar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Frar 2023, fil-proċedura

FJ

vs

Agrárminiszter,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, N. Wahl u M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għall-Gvern Ungeriż, minn Zs. Biró-Tóth u M. Z. Fehér, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Aquilina u V. Bottka, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 35 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal‑21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2010, L 286M, p. 1), u tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 58 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 tat‑30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU 2009, L 316, p. 65, rettifika fil-ĠU 2013, L 246, p. 3), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1368/2011 tal‑21 ta’ Diċembru 2011 (ĠU 2011, L 341, p. 33) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1122/2009”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn FJ u l-Agrárminiszter (il-Ministru għall-Agrikoltura, l-Ungerija) dwar ħlas bil-quddiem mogħti lil FJ taħt l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja għas-sena 2020, li nżamm għall-finijiet tal-irkupru ta’ penali imposta fuqu minħabba dikjarazzjoni żejda tal-erjas skont din l-iskema għas-sena 2013.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament Nru 1290/2005

3

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1290/2005 kien jistabbilixxi li:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti u regoli speċifiċi dwar il-finanzjament tal-infiq li jaqa’ taħt il-Politika Agrikola Komuni, inkluż l-infiq għall-iżvilupp rurali.”

4

L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi li:

“Sabiex jinkisbu l-objettivi tal-Politika Agrikola Komuni ddefinita mit-Trattat u jiġu ffinanzjati l-miżuri varji li jaqgħu taħtha, inkluż l-iżvilupp rurali, ġew stabbiliti dawn li ġejjin:

(a)

Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija, minn hawn ‘il quddiem imsemmi l-‘FAEG’;

(b)

Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, minn hawn ‘il quddiem imsemmi l-‘FAEŻR’.”

5

It-Titolu IV tal-imsemmi regolament, intitolat “Approvazzjoni tal-kontijiet u monitoraġġ mill-Kummissjoni [Ewropea]”, kien jinkludi l-Kapitolu 2, dwar l-“[i]rregolaritajiet”, li fih kienu jinsabu l-Artikoli 32 sa 35 tal-istess regolament.

6

L-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 1290/2005, li kien jipprevedi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-FAEG, kien jistabbilixxi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5 tiegħu, li:

“Jekk l-irkupru ma twettaqx fi żmien erba’ snin mis-sejba amministrattiva jew ġudizzjarja primarja, jew fi żmien tmien snin meta l-azzjoni tal-irkupru tittella’ fil-qrati nazzjonali, 50 % tal-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqas ta’ rkupru għandhom jinġarru mill-Istat Membru kkonċernat u 50 % mill-baġit Komunitarju.”

7

L-Artikolu 33 ta’ dan ir-regolament, li kien jipprevedi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-FAEŻR, kien jistabbilixxi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 8 tiegħu, li:

“Jekk l-irkupru ma jkunx seħħ qabel l-għeluq ta’ programm għall-iżvilupp rurali, 50 % tal-konsegwenzi finanzjarji tan-nuqqas ta’ rkupru jaqgħu fuq l-Istat Membru kkonċernat u 50 % fuq il-baġit Komunitarju u għandu jittieħed kont tagħhom jew fl-aħħar tal-perijodu ta’ erba’ snin wara l-ewwel sejba amministrattiva jew ġudizzjarja, jew tmien snin f’każ li l-azzjoni tal-irkupru tittella’ quddiem il-qrati nazzjonali, jew meta jagħlaq il-programm jekk dawn l-iskadenzi jiskadu qabel tali għeluq.”

8

L-Artikolu 35 tal-imsemmi regolament kien jaqra kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu is-sejba [l-ewwel att ta’ konstatazzjoni] amministrattiva jew ġudizzjarja primarja tfisser l-ewwel valutazzjoni bil-miktub minn awtorità kompetenti, jew amministrattiva jew ġudizzjarja, li fuq il-bażi ta’ fatti reali tikkonkludi li twettqet irregolarità, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li din il-konklużjoni tkun tista’ sussegwentement tiġi aġġustata jew irtirata minħabba żviluppi matul il-proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja.”

9

Ir-Regolament Nru 1290/2005, rilevanti ratione temporis għal dak li jirrigwarda l-fatti tal-kawża prinċipali, tħassar bir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83).

Ir‑Regolament Nru 885/2006

10

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006 tal‑21 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni ta’ l-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU 2008, L 322M, p. 162), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1034/2008 tal‑21 ta’ Ottubru 2008 (ĠU 2008, L 279, p. 13) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 885/2006”), kien jistabbilixxi, fl-Artikolu 5b tiegħu, li:

“Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni ta’ infurzar oħra stipulata fil-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jibbilanċjaw kwalunkwe dejn li għadu ma tħallsux lura ta’ benefiċjarju li jkun ġie stabbilit skont il-liġi nazzjonali bi kwalunkwe pagament futur li għandu jsir mill-aġenzija tal-ħlas responsabbli mill-irkupru tad-dejn lill-istess benefiċjarju.”

11

Dan ir-regolament, applikabbli ratione temporis għall-fatti tal-kawża prinċipali, tħassar bir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU 2014, L 255, p. 18).

Ir‑Regolament Nru 1122/2009

12

Kif jirriżulta mit-titolu tiegħu, ir-Regolament Nru 1122/2009 kien jistabbilixxi b’mod partikolari r-regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad‑19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU 2009, L 30, p. 16, rettifika fil-ĠU 2010, L 43, p. 7), fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ dirett għall-bdiewa previsti mir-Regolament Nru 73/2009.

13

Il-premessi 73, 90, 92 u 101 tar-Regolament Nru 1122/2009 kienu jgħidu li:

“(73)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli għall-istabbiliment ta’ rapporti ta’ kontroll għall-kundizzjonalità dettaljati u speċifiċi. Il-kontrolluri speċjalizzati fil-qasam għandhom jindikaw kull sejba kif ukoll il-grad ta’ serjetà ta’ sejbiet bħal dawn sabiex ikun possibbli għall-aġenzija tal-ħlas li tistabbilixxi t-tnaqqis relatat jew, skont kif ikun il-każ, li tiddeċiedi dwar l-esklużjonijiet milli jirċievu pagamenti diretti.

[…]

(90)

L-informazzjoni dwar ir-riżultati tal-verifiki tal-kundizzjonalità għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-aġenziji tal-ħlas kollha li huma responsabbli għall-ġestjoni tal-pagamenti differenti soġġetti għar-rekwiżiti tal-kundizzjonalità sabiex jiġi applikat it-tnaqqisiet xierqa, f’każ li s-sejbiet ikunu jiġġustifikaw dan.

[…]

(92)

Fir-rigward tal-obbligi ta’ kundizzjonalità, minbarra l-iggradar tat-tnaqqisiet u l-esklużjonijiet bil-ħsieb tal-prinċipju tal-proporzjonalità, għandu jiġi previst li f’ċertu żmien ksur ripetut tal-istess obbligu ta’ konformità għandu, wara twissija minn qabel lill-bidwi, jiġi ttrattat bħala non-konformità intenzjonali.

[…]

(101)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-prinċipju ta’ bona fede fil-Komunità, meta jinġabru l-ammonti mħallsa mhux b’mod xieraq, il-kundizzjonijiet li skonthom jista’ jiġi invokat dak il-prinċipju għandhom jiġu stabbiliti mingħajr preġudizzju għat-trattament tal-ispiża konċernata fil-kuntest tat-tneħħija tal-kontijiet skont ir-Regolament [Nru 1290/2005].”

14

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1122/2009, intitolat “Definizzjonijiet”, kien jipprevedi, fit-tieni paragrafu tiegħu, li:

“Għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(10)

‘irregolaritajiet’ tfisser kwalunkwe nuqqas ta’ osservanza tar-regoli rilevanti għall-għoti tal-għajnuna inkwistjoni;

[…]

(12)

‘skemi ta’ għajnuna relatati mal-erja’ tfisser […] l-iskemi ta’ għajnuna kollha stabbiliti skont it-Titoli IV u V tar-Regolament [Nru 73/2009] […];

[…]

(23)

‘erja determinata’ għandha tfisser l-erja li għaliha jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet kollha stipulati fir-regoli għall-għoti tal-għajnuna; […]

[…]

(31)

‘kundizzjonalità’ tfisser il-kundizzjonijiet amministrattivi statutorji [ir-rekwiżiti ta’ ġestjoni statutorji] u l-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba skont l-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament [Nru 73/2009];

[…]”

15

It-Titolu III tal-Parti II tar-Regolament Nru 1122/2009, intitolat “Kontrolli”, kien jinkludi l-Kapitolu II, dwar il-“[k]ontrolli fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibbiltà”. Fit-Taqsima II tiegħu, intitolata “Verifiki fuq il-post”, kien hemm l-Artikolu 32 tal-istess regolament, intitolat “Rapport tal-kontroll”, li kien jistabbilixxi li:

“1.   Kull verifika fuq il-post taħt din it-Taqsima għandha tkun is-suġġett ta’ rapport tal-kontroll li permezz ta’ hekk ikun possibbli li ssir reviżjoni tad-dettalji tal-verifiki mwettqa. […]

2.   Il-bidwi għandu jingħata l-opportunità li jiffirma r-rapport sabiex jivverifika l-preżenza tiegħu matul il-verifika u sabiex iżid osservazzjonijiet. Meta jinstabu l-irregolaritajiet il-bidwi għandu jirċievi kopja tar-rapport ta’ kontroll.

Fejn verifika fuq l-art titwettaq permezz ta’ remote sensing f’konformità mal-Artikolu 35, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jagħtux lill-bidwi jew ir-rappreżentant tiegħu l-opportunità li jiffirma r-rapport ta’ kontroll jekk ma jinkixfu l-ebda irregolaritajiet matul il-verifika permezz ta’ remote sensing. Jekk jinkixfu irregolaritajiet bħala konsegwenza ta’ dawk il-verifiki l-opportunità li jiġi ffirmat ir-rapport għandha tingħata qabel mal-awtorità kompetenti tasal għall-konklużjonijiet tagħha fir-rigward ta’ xi tnaqqisiet jew esklużjonijiet li jirriżultaw.”

16

It-Titolu III tal-Parti II tar-Regolament Nru 1122/2009 kien jinkludi barra minn hekk il-Kapitolu III, dwar il-“[k]ontrolli relatati mal-kundizzjonalità”, fejn it-Taqsima III tiegħu, intitolata “Verifiki fuq il-post”, kien jinkludi l-Artikolu 54 ta’ dan ir-regolament. Dan l-artikolu, intitolat “Rapport tal-kontroll”, kien jipprevedi li:

“1.   Kull kontroll fuq il-post skont dan il-Kapitolu […] għandu jkun is-suġġett ta’ rapport ta’ kontroll li jiġi stabbilit mill-awtorità kompetenti ta’ kontroll jew taħt ir-responsabbiltà tagħha.

Ir-rapport għandu jitqassam fil-partijiet li ġejjin

[…]

(b)

parti li tirrifletti separatament il-verifiki mwettqa fir-rigward ta’ kull wieħed mill-atti u l-istandards u li jkun fiha, partikolarment, l-informazzjoni li ġejja:

(i)

ir-rekwiżiti u l-istandards soġġetti għall-verifika fuq il-post;

(ii)

in-natura u l-firxa tal-verifiki mwettqa;

(iii)

is-sejbiet;

(iv)

l-atti u l-istandards li fir-rigward tagħhom instab li kien hemm nuqqas ta’ konformità;

[…]

2.   Il-bidwi għandu jiġi infurmat bi kwalunkwe nuqqas ta’ konformità determiat fi żmien tliet xhur wara d-data tal-verifika fuq il-post.

[…]

3.   […]

Meta l-awtorità kompetenti ta’ kontroll ma tkunx l-aġenzija tal-ħlas, ir-rapport għandu jintbagħat lill-aġenzija tal-ħlas jew lill-awtorità li tikkoordina fi żmien xahar minn meta dan jiġi ffinalizzat.

[…]”

17

It-Titolu IV tal-Parti II tal-imsemmi regolament, intitolat “Bażi għall-kalkolu tal-għajnuna, it-tnaqqisiet u l-esklużjonijiet”, kien jinkludi Kapitolu II, intitolat “Sejbiet b’relazzjoni ma’ kriterji tal-eliġibbiltà”, li t-Taqsima I tiegħu kienet tirrigwarda l-“[s]kema ta’ pagament uniku u skemi oħra ta’ għajnuna relatati mal-erja”. L-Artikolu 58 tal-istess regolament, li kien jinsab f’din it-taqsima taħt it-titolu “Tnaqqisiet u esklużjonijiet f’każijiet ta’ dikjarazzjoni żejda ”, kien jgħid li:

“Jekk, fir-rigward ta’ grupp ta’ uċuħ tar-raba’, l-erja ddikjarata għall-finijiet ta’ kwalunkwe skema ta’ għajnuna relatata mal-erja tkun akbar mill-erja ddeterminata skont l-Artikolu 57, l-għajnuna għandha tiġi kkalkulata abbażi tal-erja ddeterminata mnaqqsa bid-doppju tad-differenza misjuba jekk dik id-differenza tkun ta’ iktar minn 3 % jew minn żewġ ettari, iżda ma tkunx taqbeż l-20 % tal-erja ddeterminata.

Jekk id-differenza tkun ta’ iktar minn 20 % tal-erja stabbilita, ma għandha tingħata l-ebda għajnuna marbuta mal-erja għall-grupp ta’ uċuħ tar-raba’ konċernat.

Jekk id-differenza hija ta’ iktar minn 50 %, il-bidwi għandu jkun eskluż għal darb’oħra milli jirċievi għajnuna tal-ammont daqs l-ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-erja ddikjarata u ż-żona stabbilita skont l-Artikolu 57 ta’ dan ir-Regolament. Dak l-ammont għandu jkun ibbilanċjat skont l-Artikolu 5(b) tar-Regolament tal-Kummissjoni [Nru 885/2006]. Jekk l-ammont ma jkunx jista’ jiġi bbilanċjat kompletament skont dak l-Artikolu matul it-tliet snin kalendarji ta’ wara s-sena kalendarja tas-sejba, il-bilanċ li jkun għad fadal għandu jitħassar.”

18

It-Titolu IV tal-Parti II tar-Regolament Nru 1122/2009 kien jinkludi, barra minn hekk, il-Kapitolu III, intitolat “Sejbiet relatati mal-kundizzjonalità”. L-Artikolu 70 ta’ dan ir-regolament, li jinsab f’dan il-kapitolu taħt it-titolu “Prinċipji ġenerali u definizzjoni”, kien jistabbilixxi, fil-paragrafu 4 tiegħu, li:

“In-nuqqasijiet ta’ konformità għandhom jitqiesu li jkunu ‘ddeterminati’ jekk ikunu stabbiliti bħala konsegwenza ta’ xi tip ta’ kontrolli mwettqa skont dan ir-Regolament jew wara li l-awtorità kompetenti ta’ kontroll jew, fejn applikabbli, l-aġenzija tal-ħlas, tkun ġiet mgħarrfa, bi kwalunkwe mezz ieħor.”

19

Ir-Regolament Nru 1122/2009, applikabbli ratione temporis għall-fatti tal-kawża prinċipali sa fejn din tikkonċerna applikazzjoni għal għajnuna għas-sena 2013, tħassar b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2015 bir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal‑11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 181, p. 48).

Id‑dritt Ungeriż

20

L-Artikolu 60(1) tal-a mezőgazdasági, agrár-vidékfejlesztési, valamint halászati támogatásokhoz és egyéb intézkedésekhez kapcsolódó eljárás egyes kérdéseiről szóló 2007. évi XVII. törvény (il-Liġi Nru XVII tal‑2007 dwar Ċerti Kwistjonijiet Proċedurali Relatati mal-Għajnuna u Miżuri Oħra fil-Qasam tal-Agrikoltura, tal-Iżvilupp Agrikolu u Rurali u tas-Sajd, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Għajnuna”) jipprevedi li:

“Bla ħsara għal dispożizzjoni kuntrarja f’att tad-dritt Komunitarju direttament applikabbli, l-għajnuna li għaliha l-persuna kkonċernata hija intitolata għandha tinżamm mill-korp ta’ għajnuna għall-agrikoltura u għall-iżvilupp rurali sal-ammont tad-dejn li għandu jitħallas mill-persuna kkonċernata, skont il-miżuri, u d-dejn għandu għalhekk jitqies li tħallas. Jekk l-ammont tal-għajnuna li jista’ jintalab ma jkoprix id-djun kollha tal-benefiċjarju, dan għandu jiġi imputat lid-djun irreġistrati fl-ordni li dawn iridu jitħallsu.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

21

FJ huwa bidwi li, fl‑14 ta’ Mejju 2013, ippreżenta quddiem il-Magyar Államkincstár (it-Teżor Pubbliku Ungeriż, iktar ’il quddiem l-“Awtorità tal-Ewwel Grad”) applikazzjoni għal għajnuna taħt l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja għas-sena 2013 (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni għal għajnuna tal‑2013”).

22

Wara diversi kontrolli fuq il-post imwettqa matul l‑2013 u l‑2014, l-Awtorità tal-Ewwel Grad, permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Settembru 2014, ċaħdet l-applikazzjoni għal għajnuna tal‑2013 u eskludiet lil FJ mill-benefiċċju tal-għajnuna għal ammont ta’ 3834105 forint Ungeriżi (HUF) (madwar EUR 9900).

23

Permezz ta’ digriet tat‑23 ta’ Ġunju 2016, il-Ministru għall-Agrikoltura, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità tat-tieni grad, annulla din id-deċiżjoni minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni u ordna lill-Awtorità tal-Ewwel Grad tibda proċedura ġdida.

24

Din tal-aħħar iddeċidiet mill-ġdid dwar l-applikazzjoni għal għajnuna tal‑2013 permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ April 2018. Madankollu, wara lment ta’ FJ, din id-deċiżjoni ġiet annullata permezz ta’ digriet tal-Ministru għall-Agrikoltura tat‑13 ta’ Mejju 2019, li għat-tieni darba ordna lill-imsemmija awtorità tibda proċedura ġdida.

25

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Jannar 2020, l-Awtorità tal-Ewwel Grad ċaħdet mill-ġdid l-applikazzjoni għal għajnuna tal‑2013 u eskludiet lil FJ mill-benefiċċju tal-għajnuna għal ammont ta’ HUF 4253460 (madwar EUR 11000) abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009, dwar penali fil-każ ta’ dikjarazzjoni żejda li teċċedi l50 % tal-erja ddeterminata. FJ ma kkontestax din id-deċiżjoni.

26

Fil‑15 ta’ Mejju 2020, FJ ippreżenta lil din l-awtorità applikazzjoni għal għajnuna taħt l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja għas-sena 2020.

27

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Ottubru 2020, l-imsemmija awtorità tat lil FJ, abbażi ta’ din l-applikazzjoni għal għajnuna, ħlas bil-quddiem ta’ HUF 235564 (madwar EUR 600).

28

Madankollu, permezz ta’ digriet tal‑21 ta’ Ottubru 2020, l-istess awtorità ordnat, skont l-Artikolu 60(1) tal-Liġi dwar l-Għajnuna, iż-żamma tal-ammont sħiħ ta’ dan il-ħlas bil-quddiem, għall-finijiet tal-irkupru tal-penali imposta fuq FJ fid-deċiżjoni tagħha tas‑27 ta’ Jannar 2020.

29

Permezz ta’ digriet tat‑23 ta’ Frar 2021, il-Ministru għall-Agrikoltura kkonferma dan id-digriet, għar-raġuni li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009 u l-Artikolu 60(1) tal-Liġi dwar l-Għajnuna, l-irkupru tal-ammont ta’ din il-penali seta’ jseħħ f’terminu ta’ tliet snin kalendarji mid-deċiżjoni tas‑27 ta’ Jannar 2020.

30

FJ ippreżenta rikors kontra d-digriet tat‑23 ta’ Frar 2021 quddiem il-Fġvárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), li hija l-qorti tar-rinviju. Huwa jsostni li, billi assimila s-sena tal-konstatazzjoni, imsemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009, mas-sena li matulha ngħatat id-deċiżjoni definittiva dwar l-applikazzjoni tiegħu għal għajnuna, il-Ministru għall-Agrikoltura naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1290/2005, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “att ta’ konstatazzjoni” fil-każ ta’ irregolarità mwettqa fil-kuntest tal-finanzjament tal-politika agrikola komuni.

31

FJ isostni li, f’dan il-każ, is-sena tal-konstatazzjoni tikkorrispondi, fid-dawl ta’ dan il-kunċett ta’ “att ta’ konstatazzjoni”, għas-sena 2013 jew, fin-nuqqas ta’ dan, għas-sena 2014, li matulhom twettqu l-kontrolli fuq il-post, ġew stabbiliti l-proċessi verbali li jirrigwardaw dawn il-kontrolli u ġiet adottata l-ewwel deċiżjoni abbażi tal-imsemmija kontrolli. Għaldaqstant, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009, l-ammont tal-penali inkwistjoni, li ma ġiex irkuprat fit-tliet snin kalendarji ta’ wara s-sena 2014, għandu jiġi annullat.

32

Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Ministru għall-Agrikoltura għadu jsostni li, peress li din il-penali ġiet imposta permezz tad-deċiżjoni tas‑27 ta’ Jannar 2020, hija s-sena ta’ din id-deċiżjoni li għandha titqies bħala s-sena tal-konstatazzjoni.

33

F’dan ir-rigward, qabelxejn, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk il-kunċett ta’ “konstatazzjoni”, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009, li ma huwiex iddefinit f’dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kunċett ta’ “att ta’ konstatazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1290/2005. Hija tirrileva li dan l-Artikolu 35 jibda bl-espressjoni “[g]ħall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu”, b’tali mod li jista’ japplika biss fir-rigward tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Kapitolu 2 tat-Titolu IV ta’ dan ir-regolament, dwar l-irregolaritajiet. Madankollu, hija ma teskludix li l-kunċett ta’ “att ta’ konstatazzjoni”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 35, jista’ japplika wkoll għall-irkupru tal-penali prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009, peress li dan jagħmel riferiment għall-Artikolu 5b tar-Regolament Nru 885/2006 u li dan l-aħħar regolament jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1290/2005.

34

Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tqis li, abbażi tal-fatti tal-kawża prinċipali, jeżistu tliet interpretazzjonijiet possibbli tal-kunċett ta’ “att ta’ konstatazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1290/2005.

35

Skont l-ewwel interpretazzjoni, sostnuta mill-Ministru għall-Agrikoltura, l-att ta’ konstatazzjoni huwa d-deċiżjoni li ttemm b’mod definittiv il-proċedura ta’ applikazzjoni għal għajnuna. Din l-interpretazzjoni hija koerenti mal-għan ta’ tali deċiżjoni, li permezz tagħha l-awtorità tipproċedi għall-konstatazzjoni tal-fatti u tikklassifikahom fid-dritt. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-imsemmija interpretazzjoni hijiex konformi mal-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, espressa fil-premessi 92 u 101 tar-Regolament Nru 1122/2009, li jiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ gradwalità u ta’ bona fide fil-kuntest tat-tnaqqis u tal-esklużjoni tal-għajnuna, b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, l-awtorità tagħti d-deċiżjoni definittiva tagħha dwar l-applikazzjoni għal għajnuna seba’ snin wara l-preżentazzjoni tagħha u wara li żewġ deċiżjonijiet preċedenti li jiddeċiedu fuq din it-talba jiġu annullati minħabba l-illegalità tagħhom.

36

Skont it-tieni interpretazzjoni, l-att ta’ konstatazzjoni huwa l-kontroll fuq il-post imwettaq mill-awtorità kompetenti. Dan il-kontroll jista’ fil-fatt jitqies bħala l-ewwel evalwazzjoni bil-miktub li din l-awtorità twettaq sabiex tikkonkludi li teżisti irregolarità abbażi ta’ fatti konkreti. Il-qorti tar-rinviju tosserva li, fil-każ li l-imsemmija awtorità twettaq diversi kontrolli fuq il-post, din l-interpretazzjoni tqajjem il-kwistjoni dwar jekk l-att ta’ konstatazzjoni jirreferix għall-ewwel jew għall-aħħar wieħed minn dawn il-kontrolli.

37

Skont it-tielet interpretazzjoni, l-att ta’ konstatazzjoni huwa l-ewwel deċiżjoni mogħtija mill-awtorità kompetenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ applikazzjoni għal għajnuna. Din hija, f’dan il-każ, id-deċiżjoni tat‑30 ta’ Settembru 2014. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-kliem stess tal-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1290/2005, li jirreferi għas-“sejba [l-ewwel att ta’ konstatazzjoni]” u jippreċiża li dan huwa bla ħsara għar-reviżjoni jew għall-irtirar sussegwenti ta’ dan l-att.

38

Fl-aħħar nett, jekk id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “att ta’ konstatazzjoni” li tinsab fl-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1290/2005 ma għandhiex tkun applikabbli għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009, il-qorti tar-rinviju tistaqsi liema hija s-sena li tista’ titqies li hija, f’dan il-każ, is-sena tal-att ta’ konstatazzjoni.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-kunċett ta’ sejba [l-ewwel ta’ konstatazzjoni] ddefinit fl-Artikolu 35 tar-[Regolament Nru 1290/2005] dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni, huwa applikabbli meta jiġi interpretat u applikat it-tielet paragrafu tal-Artikolu 58 tar-[Regolament Nru 1122/2009]?

2)

Jekk id-domanda preċedenti tingħata risposta fl-affermattiv, il-kunċett ta’ sejba kif iddefinit fl-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1290/2005 għandu jiġi interpretat fis-sens li għandha titqies bħala s-sena kalendarja tal-ewwel att ta’ sejba amministrattiva jew ġudizzjarja s-sena kalendarja li fiha l-awtorità li tieħu konjizzjoni tal-proċedura amministrattiva bdiet fuq il-bażi tal-applikazzjoni:

–

twettaq l-ewwel azzjoni intiża sabiex jinkisbu provi li fihom tistabbilixxi l-eżistenza ta’ irregolarità, li f’din il-kawża hija s-sena li fiha ġie redatt ir-rapport li fih il-konklużjonijiet tal-valutazzjoni fuq il-post, jew

–

tieħu l-ewwel deċiżjoni fir-rigward tas-sustanza tal-materja bbażata fuq din l-azzjoni intiża sabiex jinkisbu provi, jew

–

tieħu, fil-kuntest tal-proċedura, id-deċiżjoni finali u definittiva li tiddetermina l-esklużjoni?

3)

Ir-risposta għad-domanda preċedenti għandha impatt fuq il-fatt li l-evalwazzjoni bil-miktub li tikkostitwixxi s-sejba tista’ sussegwentement tiġi rtirata jew aġġustata bħala riżultat tad-dritt ta’ appell mogħti lill-parti kkonċernata taħt ir-regolamenti u mhux bħala konsegwenza ta’ modifiki tal-proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja?

4)

Jekk is-sena kalendarja tas-sejba hija dik ta’ l-ewwel azzjoni mmirata lejn il-kisba ta’ provi u, kif inhu l-każ f’din il-kawża, dik l-azzjoni kienet tikkonsisti minn valutazzjoni fuq il-post imwettqa f’okkażjonijiet differenti, għandu jiġi interpretat l-kunċett tal-ewwel azzjoni ntiża sabiex jinkisbu provi tal-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1290/2005 fis-sens li jikkorrispondi għall-ewwel valutazzjoni fuq il-post tal-awtorità jew fis-sens li jikkorrispondi mal-aħħar valutazzjoni tagħha fuq il-post, li fih ittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-osservazzjonijiet u l-provi mogħtija mill-persuna kkonċernata?

5)

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv, dan ibiddel xi ħaġa fil-kontenut iddefinit minn qabel tas-sejba li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009?”

Fuq id‑domandi preliminari

40

Permezz tal-ħames domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “konstatazzjoni”, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009, għandux jiġi interpretat – jekk ikun il-każ fid-dawl tal-kunċett ta’ “att ta’ konstatazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1290/2005 – bħala li jirreferi, fil-każ fejn il-bidwi kien is-suġġett ta’ kontroll fuq il-post, għar-rapport ta’ kontroll stabbilit wara dan il-kontroll u li jikkonstata l-eżistenza ta’ irregolaritajiet fl-applikazzjoni għall-għajnuna kkonċernata, jew bħala li jirreferi għall-ewwel deċiżjoni dwar il-mertu adottata abbażi ta’ dan ir-rapport, jew ukoll bħala li jirreferi għad-deċiżjoni definittiva li tiddikjara l-esklużjoni tal-għajnuna.

41

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li d-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar il-possibbiltà li jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1290/2005 għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009 huma spjegati, b’mod partikolari, mill-fatt li, fil-verżjoni bil-lingwa Ungeriża ta’ dawn ir-regolamenti, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jużaw l-istess kelma, jiġifieri “ténymegállapítás”. Issa, għalkemm ċerti verżjonijiet lingwistiċi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jużaw l-istess espressjoni, bħall-verżjoni Ġermaniża (“Feststellung”) u dik Ingliża (“finding”), jew tal-inqas espressjonijiet simili, bħall-verżjoni Franċiża (rispettivament, “acte de constat” u “constatation”), verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-imsemmija dispożizzjonijiet jużaw kunċetti distinti, bħall-verżjoni Spanjola (rispettivament, “acto de comprobación” u “se haya descubierto la irregularidad”), dik Kroata (rispettivament, “nalaz” u “kada je utvrđen”), dik Taljana (rispettivament “verbale” u “accertamento”) jew dik Portugiża (rispettivament, “auto” u “a diferença seja constatada”).

42

Min-naħa l-oħra, minkejja li dawn iż-żewġ regolamenti jaqgħu taħt il-politika agrikola komuni, għandu jiġi osservat li r-Regolament Nru 1290/2005 għandu portata ġenerali, sa fejn, konformement mal-Artikolu 1 u mal-Artikolu 2(1) tiegħu, huwa jiddetermina l-kundizzjonijiet u r-regoli speċifiċi applikabbli għall-finanzjament tal-infiq li jaqa’ taħt din il-politika u jistabbilixxi ż-żewġ fondi ta’ finanzjament ta’ dan l-infiq, jiġifieri l-FAEG u l-FAEŻR, filwaqt li r-Regolament Nru 1122/2009 huwa intiż, b’mod iktar speċifiku, li jimplimenta r-Regolament Nru 73/2009 għal dak li jirrigwarda ċerti aspetti tal-iskemi ta’ appoġġ dirett favur il-bdiewa.

43

B’mod iktar preċiż, l-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1290/2005 jinsab fil-Kapitolu 2 tat-Titolu IV ta’ dan ir-regolament, li għandu b’mod partikolari l-għan li jistabbilixxi, fil-każ ta’ assenza ta’ rkupru tal-infiq wara irregolaritajiet imwettqa mill-benefiċjarji, it-tqassim tal-piż finanzjarju bejn l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea.

44

Għal dan l-għan, dan l-Artikolu 35 jipprevedi definizzjoni tal-konstatazzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja, filwaqt li jillimitaha espressament “[g]ħall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu”, jiġifieri l-Kapitolu 2, li fih jinsabu l-Artikoli 32 sa 35 tal-imsemmi regolament, u dan jeskludi r-rilevanza tiegħu għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra.

45

L-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009 ma jirrigwardax, min-naħa tiegħu, il-piżijiet finanzjarji li l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom iġorru, iżda s-sanzjonijiet li għandhom isostnu l-bdiewa li jkunu għamlu dikjarazzjoni żejda.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1290/2005 ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009.

47

Fit-tieni lok, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, De Ruiter, C‑361/19, EU:C:2021:71, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat, l-ewwel nett, li l-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009 jistabbilixxi, kif jirriżulta mit-titolu tiegħu, tnaqqis u esklużjonijiet applikabbli fil-każ ta’ dikjarazzjonijiet żejda. Id-dikjarazzjonijiet żejda jirrigwardaw il-każijiet li fihom bidwi li jkun applika, għal grupp ta’ uċuħ tar-raba’, għal għajnuna taħt waħda mill-iskemi ta’ għajnuna “skont l-erja” – li jinkludu, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-punt 12 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja inkwistjoni fil-kawża prinċipali, prevista fit-Titolu V tar-Regolament Nru 73/2009 – jiddikjara fl-applikazzjoni tiegħu għall-għajnuna erja ikbar mill-“erja ddeterminata”. Dan huwa ddefinit fil-punt 23 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1122/2009 bħala l-erja li għaliha l-kundizzjonijiet kollha applikabbli għall-għoti ta’ tali għajnuna huma ssodisfatti.

49

Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 58 ta’ dan ir-regolament, meta d-differenza kkonstatata bejn l-erja ddikjarata fl-applikazzjoni għall-għajnuna u l-erja ddeterminata teċċedi l-50 % ta’ din tal-aħħar, il-bidwi jiġi ppenalizzat sa ammont ugwali għall-ammont li jikkorrispondi għal din id-differenza. Dan l-ammont huwa rkuprat skont l-Artikolu 5b tar-Regolament Nru 885/2006, jiġifieri billi jittieħed minn kull ħlas futur li għandu jsir lil dan il-bidwi. Madankollu, jekk ma jkunx jista’ jiġi rkuprat kompletament skont dan l-aħħar artikolu matul it-tliet snin kalendarji ta’ wara s-sena kalendarja tal-konstatazzjoni, il-bilanċ li jifdal għandu jiġi annullat.

50

Għalhekk, il-kliem ta’ dan l-Artikolu 58 ma jippermettix, waħdu, li jiġi identifikat b’mod ċar is-sens li għandu jingħata lill-kunċett ta’ “konstatazzjoni” li jinsab fih.

51

Fir-rigward, it-tieni nett, tal-kuntest tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009, għandu jiġi rrilevat li t-termini “sejba [konstatazzjoni]” jew “misjub [ikkonstatat]” jidhru diversi drabi f’dan ir-regolament.

52

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 32 tal-imsemmi regolament, li jikkonċerna l-kontrolli fuq il-post relatati mal-kriterji ta’ eliġibbiltà – jiġifieri, kif jirriżulta mill-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 73/2009, il-kundizzjonijiet, previsti f’dan l-aħħar regolament, meħtieġa sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika minn għajnuna –, huwa partikolarment rilevanti għall-interpretazzjoni kuntestwali tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009 sa fejn dan l-aħħar artikolu jikkonċerna, kif jirriżulta mill-punt 17 ta’ din is-sentenza, il-konstatazzjonijiet dwar dawn il-kriterji.

53

L-Artikolu 32 ta’ dan ir-regolament jipprevedi, qabelxejn, li kull kontroll fuq il-post dwar il-kriterji ta’ eliġibbiltà għandha tkun is-suġġett ta’ rapport ta’ kontroll li jirrifletti bi preċiżjoni l-elementi differenti tal-kontroll. Sussegwentement, il-bidwi jibbenefika mill-possibbiltà li jiffirma dan ir-rapport u jirċievi, jekk jiġu kkonstatati irregolaritajiet, kopja tiegħu. Fl-aħħar nett, meta l-kontroll fuq il-post isir permezz ta’ remote sensing u jiżvela irregolaritajiet, il-bidwi għandu jingħata l-opportunità li jiffirma r-rapport qabel ma l-awtorità kompetenti tiddeċiedi dwar tnaqqis jew esklużjonijiet abbażi tal-konstatazzjonijiet li jkunu saru.

54

Għalhekk, minn dan l-Artikolu 32 jirriżulta b’mod ċar, minn naħa, li l-irregolaritajiet huma kkonstatati fir-rapport ta’ kontroll u, min-naħa l-oħra, li l-awtorità kompetenti, sabiex tiddeċiedi dwar l-eventwali tnaqqis jew esklużjonijiet, tagħmel dan abbażi tal-konstatazzjonijiet li jkunu saru f’dan ir-rapport.

55

Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “konstatazzjoni”, fis-sens tar-Regolament Nru 1122/2009 u, b’mod partikolari, tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 58 tiegħu, jikkorrispondi għall-konstatazzjonijiet dwar l-irregolaritajiet żvelati matul kontroll fuq il-post, kif jinsabu fir-rapport ta’ kontroll stabbilit f’din l-okkażjoni.

56

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1122/2009, dwar ir-rapporti ta’ kontroll li l-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi wara kull kontroll fuq il-post relatat mal-kundizzjonalità – jiġifieri, kif jirriżulta mill-punt 31 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, ir-rekwiżiti ta’ ġestjoni statutorji u l-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba konformement mal-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament Nru 73/2009 –, moqri fid-dawl tal-premessi 73 u 90 tar-Regolament Nru 1122/2009. Fil-fatt, dan l-Artikolu 54 jipprevedi b’mod partikolari, minn naħa, li dawn ir-rapporti għandhom jinkludu, fost oħrajn, il-konstatazzjonijiet magħmula fl-okkażjoni ta’ tali kontroll u, min-naħa l-oħra, li meta l-awtorità ta’ kontroll kompetenti ma tkunx l-aġenzija tal-ħlas, l-imsemmija rapporti għandhom jiġu trażmessi lil din tal-aħħar. Issa, kif jirriżulta mill-premessi 73 u 90 ta’ dan ir-regolament, il-konstatazzjonijiet li jinsabu fir-rapporti ta’ kontroll jippermettu lill-imsemmi aġenzija tal-ħlas tiffissa t-tnaqqis jew l-esklużjonijiet rilevanti.

57

Barra minn hekk, l-Artikolu 70(4) tar-Regolament Nru 1122/2009, dwar it-tnaqqis u l-esklużjonijiet relatati mal-kundizzjonalità, jistabbilixxi li l-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità stabbiliti wara kull kontroll imwettaq konformement ma’ dan ir-regolament jew li jkunu nġiebu għall-attenzjoni tal-awtorità ta’ kontroll kompetenti jew, jekk ikun il-każ, tal-aġenzija tal-ħlas, bi kwalunkwe mod ieħor, għandhom jitqiesu bħala “kkonstatati”. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tafferma mill-ġdid mhux biss li, bħala regola ġenerali, il-konstatazzjonijiet jirriżultaw direttament mill-kontrolli mwettqa skont l-imsemmi regolament, iżda wkoll li l-irregolaritajiet li jikkorrispondu għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità li jkunu sempliċement inġiebu għall-attenzjoni ta’ awtorità, u dan bi kwalunkwe mod li jkun, jistgħu jitqiesu li jkunu ġew ikkonstatati. Għaldaqstant jidher li l-kunċett ta’ “konstatazzjoni”, fis-sens tal-istess regolament, għandu natura informali u li, konsegwentement, ma għandux neċessarjament jimmaterjalizza f’deċiżjoni amministrattiva sostantiva adottata abbażi ta’ rapport ta’ kontroll.

58

It-tielet nett, l-interpretazzjoni li tinsab fil-punt 55 ta’ din is-sentenza hija sostnuta mill-għanijiet imfittxija mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009.

59

F’dan ir-rigward, għandu jsir riferiment għall-prinċipju ta’ ċertezza legali, li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni fil-qasam tal-għajnuna mħallsa lill-bdiewa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, De Ruiter, C‑361/19, EU:C:2021:71, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata), b’mod partikolari fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet li jikkonċernaw sanzjonijiet amministrattivi, bħalma huwa l-każ tar-regoli dwar l-esklużjoni ta’ għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2006, Haug, C‑286/05, EU:C:2006:296, punt 22). Fil-fatt, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009, sa fejn jistabbilixxi terminu għall-applikazzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva, huwa intiż preċiżament li jiżgura ċ-ċertezza legali tal-bdiewa.

60

Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li leġiżlazzjoni tal-Unjoni tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar ikollhom il-possibbiltà li jkollhom għarfien tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jaġixxu konsegwentement (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Teglgaard u Fløjstrupgård, C‑239/17, EU:C:2018:597, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

61

Issa, il-fatt li l-kunċett ta’ “konstatazzjoni”, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009, ikun jiddependi fuq l-inċertezzi tal-proċedura amministrattiva – u, jekk ikun il-każ, ġudizzjarja – nazzjonali huwa, kif juru l-fatti tal-kawża prinċipali, ta’ natura li jirrendi diffiċli għall-agrikoltur ikkonċernat li jipprevedi l-konsegwenzi finanzjarji li jkollu jbati fil-każ li jiddeċiedi li jressaq applikazzjoni ġdida għall-għajnuna u li din l-għajnuna tkun is-suġġett ta’ żamma parzjali jew totali minħabba irregolaritajiet identifikati iktar minn tliet snin kalendarji qabel.

62

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, minħabba l-annullament, f’żewġ okkażjonijiet, tad-deċiżjonijiet adottati mill-Awtorità tal-Ewwel Grad, għaddew iktar minn seba’ snin bejn il-mument meta seħħ l-ewwel kontroll fuq il-post fir-rigward tal-applikazzjoni għall-għajnuna kkonċernata, matul ix-xahar ta’ Ġunju 2013, u l-mument meta l-awtoritajiet nazzjonali pproċedew għall-irkupru tal-penali minħabba dikjarazzjoni żejda, matul ix-xahar ta’ Ottubru 2020.

63

Għalhekk, f’dan il-każ, għandu jitqies li s-sena tal-konstatazzjoni, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009, tikkorrispondi għas-sena kalendarja li matulha ġie stabbilit ir-rapport ta’ kontroll maħruġ wara verifika fuq il-post u li tikkonstata l-eżistenza ta’ irregolaritajiet fl-applikazzjoni għall-għajnuna kkonċernata.

64

Sa fejn saru, fil-kawża prinċipali, diversi kontrolli fuq il-post matul is-snin 2013 u 2014, għandu jiġi ppreċiżat li hija l-qorti nazzjonali, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti, li għandha tiddetermina liema minn dawn il-kontrolli ppermetta li tiġi bbażata b’mod definittiv, minħabba l-irregolaritajiet ikkonstatati, is-sanzjoni sussegwentement adottata mill-awtoritajiet nazzjonali, jiġifieri l-esklużjoni tal-għajnuna għal ammont ikkalkolat konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009.

65

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “konstatazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jirreferi, fil-każ li l-bidwi kien is-suġġett ta’ kontroll fuq il-post, għar-rapport ta’ kontroll stabbilit wara dan il-kontroll u li jikkonstata l-eżistenza ta’ irregolaritajiet fl-applikazzjoni għall-għajnuna kkonċernata.

Fuq l‑ispejjeż

66

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-tielet paragrafu tal-Artikolu 58 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 tat‑30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1368/2011 tal‑21 ta’ Diċembru 2011,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

il-kunċett ta’ “konstatazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jirreferi, fil-każ li l-bidwi kien is-suġġett ta’ kontroll fuq il-post, għar-rapport ta’ kontroll stabbilit wara dan il-kontroll u li jikkonstata l-eżistenza ta’ irregolaritajiet fl-applikazzjoni għall-għajnuna kkonċernata.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.