|
18.7.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 192/1 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1213
tat-12 ta' Lulju 2019
li jistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati li jiżguraw kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-interoperabbiltà u tal-kompatibbiltà tat-tagħmir għall-użin abbord skont id-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE tal-25 ta' Lulju 1996 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10d(5) tagħha,
Billi:
|
(1) |
It-tagħmir għall-użin abbord huwa opzjoni prevista għall-Istati Membri bid-Direttiva 96/53/KE sabiex iwettqu l-kontrolli fuq vetturi jew fuq kombinazzjonijiet ta' vetturi li jaf ikunu mgħobbija żżejjed. |
|
(2) |
F'konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 10d(5) tad-Direttiva 96/53/KE, sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà, it-tagħmir għall-użin abbord irid ikun kapaċi jittrażmetti d-data dwar il-piż fi kwalunkwe ħin minn vettura li tkun qiegħda tiċċaqlaq lill-awtoritajiet kompetenti u lis-sewwieq permezz ta' interfaċċa definita bl-istandards CEN DSRC. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu adottati l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jadattaw il-kontenut tal-istandards għall-ispeċifiċitajiet tal-informazzjoni li trid tiġi pprovduta bit-tagħmir għall-użin abbord. |
|
(3) |
It-tagħmir għall-użin abbord jista' jitwaħħal f'vetturi bil-mutur kif ukoll fi trejlers u f'semitrejlers. Jeħtieġ li jiġi ggarantit li t-tagħmir għall-użin abbord imwaħħal f'vetturi differenti ta' kombinazzjoni ta' vetturi jkun kompatibbli reċiprokament. Jenħtieġ li l-kompatibbiltà tiġi żgurata permezz tal-implimentazzjoni ta' standards Ewropej dwar is-C-ITS kif imsemmi fl-att delegat li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) fir-rigward tal-introduzzjoni u l-użu operattiv tas-sistemi tat-trasport intelliġenti u kooperattivi. |
|
(4) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri li jawtorizzaw l-installazzjoni ta' tagħmir għall-użin abbord ikunu jistgħu jeżentaw minn dak l-obbligu l-vetturi jew il-kombinazzjonijiet ta' vetturi li impossibbli li jaqbżu l-piż massimu awtorizzat, pereżempju t-trejlers jew is-semitrejlers iddisinjati speċifikament għat-trasport tal-likwidi jew tal-bhejjem. |
|
(5) |
L-użu ta' tagħmir għall-użin abbord għall-iskop ta' infurzar jista' jwassal għal tentattivi ta' manipulazzjoni, bħalma jiġri b'sistemi oħra tal-vetturi, bħat-takografu diġitali jew is-sistemi għar-restrizzjoni tal-emissjonijiet. Sabiex jinżamm livell xieraq ta' sigurtà kontra l-manipulazzjoni, trid tiġi żgurata l-komunikazzjoni bejn il-vettura bil-mutur u t-trejler jew is-semitrejler. Barra minn hekk, jenħtieġ li t-tagħmir għall-użin abbord jiġi ċċertifikat skont il-Kriterji Komuni, minn korp taċ-ċertifikazzjoni rikonoxxut mill-Kumitat ta' Ġestjoni fil-qafas tal-“Ftehim ta' Rikonoxximent Reċiproku taċ-Ċertifikati ta' Evalwazzjoni tas-Sigurtà tat-Teknoloġija tal-Informatika” tal-Grupp ta' Uffiċjali Għoljin dwar is-Sigurtà tas-Sistemi tal-Informazzjoni (SOG-IS). |
|
(6) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri li jagħżlu li jinstallaw fil-vettura tagħmir għall-użin abbord jiżguraw li l-vetturi jsirulhom spezzjonijiet fuq dak it-tagħmir minn workshops tal-OBW. Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi tar-regoli dwar l-interoperabbiltà stabbiliti f'dan ir-Regolament, jenħtieġ li dawk il-workshops jiggarantixxu li t-tagħmir abbord ikun qiegħed jaħdem b'livell xieraq ta' akkuratezza. Dawk il-workshops jistgħu jkunu, soġġett għall-aġġustamenti meħtieġa, ċentri tal-ittestjar imsemmija fid-Direttiva 2014/45/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), workshops imsemmija fir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jew kwalunkwe workshop ieħor li jirrispetta r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Istati Membri li ma jagħżlux l-introduzzjoni tat-tagħmir għall-użin abbord abbażi tal-Artikolu 10d(1) tad-Direttiva 96/53/KE ma jkollhomx għalfejn jistabbilixxu dawk il-workshops. |
|
(7) |
Minħabba l-istat attwali tat-teknoloġija, sas-27 ta' Mejju 2021, la mhija possibbli l-implimentazzjoni tal-istandards tal-komunikazzjoni CEN DSRC u lanqas dik tal-istandards tal-komunikazzjoni C-ITS fil-qasam tat-tagħmir għall-użin abbord. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi adottat approċċ b'diversi stadji għall-implimentazzjoni tat-tagħmir għall-użin abbord, sabiex l-industrija tkun kapaċi tiżviluppa prodotti li jkunu konformi mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament, u b'mod partikolari mal-Anness II tiegħu u ma' ċerti rekwiżiti tal-Anness III. Sas-27 ta' Mejju 2021, jenħtieġ li l-Istati Membri li jagħżlu li jinstallaw fil-vettura tagħmir għall-użin abbord japplikaw ir-rekwiżiti li jirreferu għall-istadju 1 stabbiliti fl-Annessi I u III. Jenħtieġ li jingħata perjodu addizzjonali ta' tliet snin għall-applikazzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II u ta' dawk li jirreferu għall-istadju 2 stabbiliti fl-Annessi I u III. |
|
(8) |
L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri speċifiċi biex jirrikjedu li l-vetturi li jridu jiġu kkontrollati mill-awtoritajiet kompetenti sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-Direttiva 96/53/KE u li jiddaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni mis-27 ta' Mejju 2021 u li jiġu rreġistrati fit-territorju tagħhom, ikunu mgħammra b'tagħmir għall-użin abbord. Jenħtieġ li l-vetturi li jiddaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni u li jiġu rreġistrati qabel dik id-data jiġu mgħammra retroattivament b'tali tagħmir. |
|
(9) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Trasport bit-Triq, imsemmi fl-Artikolu 10i tad-Direttiva 96/53/KE, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Kamp ta' applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi kundizzjonijiet uniformi għall-interoperabbiltà u għall-kompatibbiltà tat-tagħmir għall-użin abbord f'vetturi jew f'kombinazzjonijiet ta' vetturi bl-għan li tiġi żgurata l-konformità mal-Artikolu 10d(4) sa (5) tad-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE jew mar-rekwiżiti dwar il-piż massimu għat-traffiku nazzjonali tal-Istat Membru fejn il-vettura tkun qiegħda tintuża.
2. Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-Istati Membri li ma għażlux l-introduzzjoni tat-tagħmir għall-użin abbord skont l-Artikolu 10d(1) tad-Direttiva 96/53/KE.
3. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-obbligu li jirrikjedi l-installazzjoni ta' tagħmir għall-użin abbord fil-vetturi jew lil kombinazzjonijiet ta' vetturi li d-disinn jew it-tip ta' tagħbija tagħhom tagħmilha impossibbli li jaqbżu l-piż massimu awtorizzat. Dawk l-eżenzjonijiet ma għandhomx ikunu bbażati fuq il-massa massima mgħobbija teknikament permissibbli ta' vettura indikata mill-manifattur. Il-vetturi jew il-kombinazzjonijiet ta' vetturi li jibbenefikaw minn eżenzjoni jaf ikunu soġġetti xorta waħda għal kontroll mill-awtoritajiet kompetenti tal-piż massimu awtorizzat.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
“tagħmir għall-użin abbord” (“OBW”) tfisser it-tagħmir abbord vettura li kapaċi jiddetermina l-piż totali jew il-piż fuq il-fus; |
|
(b) |
“piż totali” tfisser il-piż totali ta' vettura bil-mutur u, f'każ ta' kombinazzjoni ta' vetturi, tal-kombinazzjoni ta' vetturi kif determinat mill-OBW, f'kilogrammi; |
|
(c) |
“piż fuq il-fus” jew “tagħbija fuq il-fus” tfisser il-piż ta' fus mgħobbi jew ta' grupp ta' fusien kif determinat mill-OBW, f'kilogrammi; |
|
(d) |
“piż ikkalkulat” jew “valur tal-piż” tfisser jew il-piż totali jew inkella l-piż fuq il-fus, f'kilogrammi; |
|
(e) |
“unità ta' vettura bil-mutur” (“MVU”) tfisser il-parti tal-OBW imqiegħda fil-vettura bil-mutur, esklużi s-sensuri, li kapaċi tiġbor, taħżen u tipproċessa d-data, kif ukoll tikkalkula valur tal-piż li jirriżulta minn dik id-data; |
|
(f) |
“unità ta' trejler” (“TU”) tfisser il-parti tal-OBW imqiegħda fi trejler jew f'semitrejler, esklużi s-sensuri, li kapaċi tiġbor, taħżen u tipproċessa d-data mit-tagħmir tat-trejler jew tas-semitrejler, kif ukoll tikkalkula valuri tal-piż fuq il-fus li jirriżultaw minn dik id-data; |
|
(g) |
“unità ta' vettura tal-komunikazzjoni dedikata fuq distanza qasira” (“DSRC-VU”) tfisser il-“faċilità għall-identifikazzjoni remota bikrija”, kif imsemmi fl-Appendiċi 14 tal-Anness IC tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/799 (5), li kapaċi tirċievi d-data tal-OWS jew mill-MVU jew inkella mill-istazzjoni tas-C-ITS u tibgħatha lill-REDCR; |
|
(h) |
“tagħmir għall-qari tal-komunikazzjoni tal-identifikazzjoni remota bikrija” (“REDCR”) tfisser it-tagħmir għall-qari tal-komunikazzjoni tal-identifikazzjoni remota bikrija f'idejn l-awtoritajiet tal-infurzar, li kapaċi jaqra d-data tal-OWS trażmessa mid-DSRC-VU. L-REDCR jista' jkun l-istess apparat bħal dak li jintuża għall-qari tad-data tal-RTM skont ir-Regolament (UE) 2016/799, għalkemm kemm it-trażmissjoni tad-data tal-RTM u kemm dik tad-data tal-OWS għandha titwettaq abbażi ta' talbiet separati mill-REDCR; |
|
(i) |
“data dwar il-piż” tfisser id-data mhux ipproċessata trażmessa bejn l-elementi tal-OBW li trid tiġi pproċessata sabiex jinkiseb il-piż ikkalkulat; |
|
(j) |
“data tas-sistema tal-użin abbord” (“id-data tal-OWS”) tfisser id-data f'qafas sigur b'format definit mitluba mill-REDCR mid-DSRC-VU; |
|
(k) |
“sensur” tfisser l-element tal-OBW li kapaċi jiġġenera data dwar il-piż billi jkejjel parametri fiżiċi speċifiċi, ladarba dik id-data tintuża jew mill-MVU jew inkella mit-TU għal ipproċessar ulterjuri; |
|
(l) |
“stazzjon ta' sistemi tat-trasport intelliġenti u kooperattivi” (“stazzjon C-ITS”) tfisser stazzjon C-ITS skont it-tifsira tal-att delegat li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-introduzzjoni u l-użu operattiv tas-sistemi tat-trasport intelliġenti u kooperattivi, adottat abbażi tal-Artikolu 6(1) ta' dik id-Direttiva; |
|
(m) |
“fażi tal-assenjazzjoni tal-indirizz” tfisser il-fażi preliminari ta' komunikazzjoni elettronika bejn il-vetturi ta' kombinazzjoni ta' vetturi li permezz tagħha tiġi assenjata pożizzjoni lil kull vettura. |
|
(n) |
“workshop tat-tagħmir għall-użin abbord” (“workshop tal-OBW”) tfisser workshop li jkun awtorizzat minn Stat Membru biex iwettaq spezzjonijiet fuq it-tagħmir għall-użin abbord. |
Artikolu 3
Politika taċ-ċertifikati
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm minn tal-inqas awtorità ewlenija waħda taċ-ċertifikazzjoni, awtorità ta' reġistrazzjoni u awtorità ta' awtorizzazzjoni, li jkunu kapaċi jwettqu, għall-fini tat-tagħmir għall-użin abbord, il-funzjonijiet stabbiliti fil-Politika taċ-Ċertifikati għall-Introduzzjoni u għat-Tħaddim tas-Sistemi Ewropej tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi (C-ITS) imsemmija fl-att delegat li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-introduzzjoni u l-użu operattiv tas-sistemi tat-trasport intelliġenti u kooperattivi, adottat abbażi tal-Artikolu 6(1) ta' dik id-Direttiva.
Artikolu 4
Spezzjonijiet perjodiċi
1. It-tagħmir għall-użin abbord għandu jkun soġġett għal spezzjoni perjodika minn workshop tal-OBW kull sentejn wara l-installazzjoni tiegħu fil-vettura jew f'kombinazzjoni ta' vetturi.
2. L-ispezzjonijiet perjodiċi għandhom jitwettqu f'konformità mal-Anness IV.
3. L-ispezzjonijiet għandhom jiżguraw li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti li ġejjin:
|
(a) |
it-tagħmir għall-użin abbord ikun ġie mwaħħal f'konformità mad-dokumentazzjoni pprovduta mill-manifattur u jkun xieraq għall-vettura; |
|
(b) |
it-tagħmir għall-użin abbord ikun qiegħed jaħdem sew u jkun qiegħed jagħti valuri tal-piż b'mod akkurat; |
|
(c) |
ma jkun hemm l-ebda apparat ta' manipulazzjoni mqabbad mat-tagħmir għall-użin abbord jew traċċi li ntużaw tali apparati. |
4. Malli tintemm l-ispezzjoni, il-workshop tal-OBW għandu joħroġ rapport ta' spezzjoni tat-tagħmir għall-użin abbord. Kopja tar-rapport għandha tinżamm fil-vettura.
5. Ir-rapport ta' spezzjoni għandu minn tal-inqas ikollu l-informazzjoni li ġejja:
|
(a) |
in-numru ta' identifikazzjoni tal-vettura (in-numru VIN jew in-numru tax-xażì); |
|
(b) |
il-post u d-data tat-test; |
|
(c) |
jekk għaddiex it-test (iva/le); |
|
(d) |
in-nuqqasijiet identifikati, inkluż manipolazzjoni, kif ukoll ir-rimedji adottati; |
|
(e) |
id-data tal-ispezzjoni perjodika li jmiss jew id-data tal-iskadenza taċ-ċertifikat attwali, jekk din l-informazzjoni ma tiġix ipprovduta b'mezzi oħra; |
|
(f) |
l-isem, l-indirizz u n-numru ta' identifikazzjoni tal-workshop tal-OBW u l-firma jew l-identifikazzjoni tal-ispettur responsabbli għall-ispezzjoni; |
|
(g) |
il-marka, it-tip, in-numru ta' identifikazzjoni, in-numru taċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip u d-data tal-aħħar verifika tal-apparat iċċertifikat għall-użin li ntuża għall-ispezzjoni perjodika. |
6. Ir-rapporti ta' spezzjoni għandhom jinżammu għal perjodu minimu ta' sentejn mill-waqt li tħejja r-rapport, għalkemm l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li r-rapporti ta' spezzjoni jintbagħtu lill-awtorità kompetenti matul dak il-perjodu. F'każijiet fejn ir-rapporti ta' spezzjoni jinżammu mill-workshop tal-OBW, dan għandu jara li r-rapporti tal-ispezzjonijiet u tal-kalibrazzjonijiet imwettqa matul dak il-perjodu jkunu disponibbli fuq talba mill-awtorità kompetenti.
Artikolu 5
Workshops tal-OBW
1. L-Istati Membri għandhom japprovaw, jivverifikaw regolarment u jiċċertifikaw il-workshops tal-OBW li jitħallew iwettqu spezzjonijiet fuq it-tagħmir għall-użin abbord.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-workshops tal-OBW li jinsabu fit-territorji tagħhom iwettqu spezzjonijiet fuq it-tagħmir għall-użin abbord b'mod affidabbli. Għal dak l-iskop, dawn għandhom jistabbilixxu u jippubblikaw sett ta' proċeduri li jiżguraw li l-kriterji minimi li ġejjin huma ssodisfati:
|
(a) |
il-persunal tal-workshop tal-OBW huwa mħarreġ sew; |
|
(b) |
it-tagħmir meħtieġ biex jitwettqu t-testijiet u l-kompiti rilevanti huwa disponibbli u ġie ċċertifikat skont id-Direttiva 2014/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jew id-Direttiva 2014/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7); |
|
(c) |
il-workshops għandhom reputazzjoni tajba. |
3. Il-workshops tal-OBW għandhom ikunu soġġetti għall-verifiki li ġejjin:
|
(a) |
minn tal-inqas darba kull ħames snin, għal verifika mwettqa minn korp superviżorju fuq il-proċeduri applikati fir-rigward tat-tagħmir għall-użin abbord. Il-verifika għandha tiffoka fuq il-kompiti u l-attivitajiet stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness V tad-Direttiva 2014/45/UE; il-korp superviżorju għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 2 ta' dak l-Anness; |
|
(b) |
jistgħu jsiru wkoll verifiki tekniċi għal għarrieda sabiex jiġu kkontrollati l-installazzjonijiet, l-ispezzjonijiet u, fejn ikun xieraq, il-kalibrazzjonijiet imwettqa. |
4. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jipprevjenu l-kunflitti tal-interessi bejn il-workshops tal-OBW u l-impriżi tat-trasport. B'mod partikolari, fejn hemm riskju serju ta' kunflitti tal-interessi, inkluż is-sjieda ta' workshops tal-OBW minn impriżi tat-trasport, għandhom jittieħdu miżuri speċifiċi addizzjonali sabiex jiġi żgurat li l-workshops tal-OBW jikkonformaw ma' dan l-Artikolu.
5. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jippubblikaw fuq is-siti web tagħhom lista aġġornata ta' workshops tal-OBW, b'minn tal-inqas id-data li ġejja:
|
(a) |
in-numru ta' identifikazzjoni tal-workshop u isem [l-entità/l-entitajiet li jikkostitwixxu] (i)l-workshop; |
|
(b) |
l-indirizz postali; |
|
(c) |
l-indirizz tal-posta elettronika; |
|
(d) |
in-numru tat-telefon. |
6. L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandhom jirtiraw l-approvazzjonijiet, jew b'mod temporanju jew inkella b'mod permanenti, mingħand workshops tal-OBW li ma jissodisfawx l-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament.
Artikolu 6
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mis-27 ta' Mejju 2021.
Madankollu, il-punti 1.4(d), 5.3 u 8.1 tal-Anness I, l-Anness II u l-punti 3, 8.2 u 10 tal-Anness III għandhom japplikaw mis-27 ta' Mejju 2024.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Lulju 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE tal-25 ta' Lulju 1996 li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità id-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali (ĠU L 235, 17.9.1996, p. 59).
(2) Id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta' Sistemi ta' Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma' modi oħrajn ta' trasport (ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1).
(3) Id-Direttiva 2014/45/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali għal vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom u li tħassar id-Direttiva 2009/40/KE (ĠU L 127, 29.4.2014, p. 51).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1).
(5) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/799 tat-18 ta' Marzu 2016 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-kostruzzjoni, l-ittestjar, l-istallazzjoni, l-operazzjoni u t-tiswija ta' takografi u l-komponenti tagħhom (ĠU L 139, 26.5.2016, p. 1).
(6) Id-Direttiva 2014/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għad-disponibbiltà fis-suq ta' strumenti tal-użin mhux awtomatiċi (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 107).
(7) Id-Direttiva 2014/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għat-tqegħid fis-suq ta' strumenti tal-kejl (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 149).
ANNESS I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI GĦAT-TAGĦMIR GĦALL-UŻIN ABBORD (“OBW”)
1. Dispożizzjonijiet ġenerali
1.1. It-tipi ta' sistemi tal-OBW li ġejjin huma inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament:
|
(a) |
sistema dinamika: sistema tal-OBW li tiddetermina l-piż billi tiġbor u tipproċessa l-informazzjoni minn parametri li jiġu analizzati waqt li l-vettura tkun qiegħda tiċċaqlaq, pereżempju aċċelerazzjonijiet u forzi tat-trazzjoni jew tal-ibbrejkjar, u li ma jseħħux meta l-vettura tkun wieqfa; |
|
(b) |
sistema statika: sistema tal-OBW li tiddetermina l-piż permezz ta' informazzjoni miksuba minn parametri li jiġu analizzati waqt li l-vettura tkun wieqfa, pereżempju l-pressjoni f'minfaħ tal-arja. |
1.2. L-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament issir f'żewġ stadji:
|
(a) |
OBW tal-istadju 1 imsemmi fil-punt 5.2.; |
|
(b) |
OBW tal-istadju 2 imsemmi fil-punt 5.3. |
1.3. L-OBW għandu jikkalkula l-piż totali u, fuq bażi fakultattiva, il-piż fuq il-fus.
1.4. L-OBW għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:
|
(a) |
unità ta' vettura bil-mutur (“MVU”) imqiegħda fil-vettura bil-mutur; |
|
(b) |
fuq bażi fakultattiva, TU fit-trejler jew fis-semitrejler; |
|
(c) |
sensuri; |
|
(d) |
għall-istadju 2, stazzjon C-ITS f'kull waħda mill-vetturi li jkollhom MVU jew TU. |
1.5. L-MVU u l-Unità ta' Trejler jistgħu jikkonsistu minn unità unika tal-ipproċessar kull waħda jew ikunu maqsuma f'unitajiet differenti.
2. Unità ta' vettura bil-mutur (“MVU”)
L-MVU għandha:
|
(a) |
tirċievi t-tagħbija fuq il-fus mit-TU, jekk dan tal-aħħar ikun preżenti; |
|
(b) |
tiġbor d-data dwar il-piż mis-sensuri fil-vettura bil-mutur; |
|
c) |
tipproċessa l-informazzjoni disponibbli u tikkalkula l-valuri tal-piż korrispondenti. |
3. Unità ta' trejler (“TU”)
Fejn tkun preżenti, it-TU għandha:
|
(a) |
tiġbor id-data mis-sensuri fit-trejler jew fis-semitrejler, tipproċessa l-informazzjoni disponibbli u tikkalkula l-piżijiet fuq il-fus li jirriżultaw minn dik id-data; |
|
b) |
tittrasferixxi l-valuri tal-piż fuq il-fus lill-vettura bil-mutur. |
4. Kalkolu tal-piż
4.1. Għal sistemi dinamiċi, l-ewwel valur tal-piż għandu jiġi kkalkulat mhux iktar tard minn 15-il minuta wara li l-vettura tibda tiċċaqlaq 'il quddiem u għandu jiġi kkalkulat mill-ġdid, kull 10 minuti wara dan jew iktar malajr.
4.2. Għal sistemi statiċi, il-valuri tal-piż għandhom jiġu kkalkulati kull minuta meta l-ignixin ikun mixgħul u l-vettura tkun wieqfa.
4.3. Ir-riżoluzzjoni tal-piż ikkalkulat għandha tkun ta' 100 kg jew aħjar.
5. Skambju ta' informazzjoni bejn il-vettura bil-mutur u t-trejlers jew is-semitrejlers ta' kombinazzjoni ta' vetturi
5.1. Kull trejler jew semitrejler għandu jkollu mezz biex il-valuri tal-piż ikkalkulati minnu jkunu disponibbli għall-vettura bil-mutur skont il-punti 5.2. jew 5.3., kif ikun applikabbli.
5.2. OBW tal-istadju 1
5.2.1. Kull trejler jew semitrejler għandu jiġi assenjat pożizzjoni fil-kombinazzjoni ta' vetturi fil-qafas ta' assenjazzjoni ta' indirizz dinamiku kif stabbilit fl-ISO 11992-2:2014.
5.2.2. Wara li titwettaq il-fażi tal-assenjazzjoni tal-indirizz, it-TU ta' kull trejler jew semitrejler għandha tittrasferixxi lill-MVU s-somma tat-tagħbija fuq il-fus jew it-tagħbija fuq il-fus f'konformità mad-deskrizzjoni mogħtija fil-punti 6.5.4.7. u 6.5.5.42. tal-ISO 11992-2:2014.
5.2.3. Il-messaġġi dwar is-somma tat-tagħbija fuq il-fus jew it-tagħbija fuq il-fus għandhom isegwu l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fl-ISO 11992-2:2014 għat-tipi ta' messaġġi EBS22 u RGE22.
5.2.4. Il-format, ir-routing u l-firxa ġenerali ta' parametri tal-messaġġi għandhom ikunu konformi mal-punti 6.1., 6.3. u 6.4. tal-ISO 11992-2:2014.
5.3. OBW tal-istadju 2
L-informazzjoni bejn vettura bil-mutur u t-trejlers jew is-semitrejlers irmonkati għandha tiġi skambjata permezz ta' stazzjonijiet C-ITS kif stabbilit fl-Anness II.
5.4. Kemm għall-OBW tal-istadju 1 u kemm għal dak tal-istadju 2, jistgħu jintużaw speċifikazzjonijiet differenti, diment li t-tagħmir tal-OBW fil-vettura bil-mutur u fit-trejlers jew fis-semitrejlers ikun kompatibbli magħhom.
6. Tħejjija tad-data u trasferiment lid-DSRC-VU
L-MVU għall-istadju 1 jew l-istazzjon C-ITS fil-vettura bil-mutur għall-istadju 2, għandhom jittrażmettu d-data tas-sistema għall-użin abbord (“OWS”) lill-modulu tad-DSRC-VU f'konformità mal-Anness III.
Illustrazzjoni 1
Eżempju ta' tqassim għall-OBW f'kombinazzjoni ta' vetturi ta' trakkijiet/semitrejlers tal-istadju 1
Sensuri tas-semitrejler
Skambju ta’ informazzjoni bejn l-MVU u t-TU permezz tal-ISO 11992-2:2014
TU
DSRC-VU
MVU
Semitrejler
Sensuri tal-vettura bil-mutur
Vettura bil-mutur
Illustrazzjoni 2
Eżempju ta' tqassim għall-OBW f'kombinazzjoni ta' vetturi ta' trakkijiet/semitrejlers tal-istadju 2
TU
C-ITS
C-ITS
DSRC-VU
MVU
7. Informazzjoni dwar il-piż lis-sewwieq
Minn tal-inqas, is-sewwieq għandu jkun infurmat bil-wiri tal-piż totali.
8. Akkuratezza
8.1. L-akkuratezza tal-piż ikkalkulat għandha tkun ta' ± 5 % jew aħjar meta l-vettura tkun mgħobbija b'iktar minn 90 % tal-piż massimu awtorizzat tagħha.
8.2. Minkejja l-punt 8.1., għall-OBW tal-istadju 1, l-akkuratezza tista' tkun ta' ± 10 % jew aħjar.
ANNESS II
DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦALL-OBW TAL-ISTADJU 2
1. Dan l-Anness japplika b'mod esklużiv għall-OBW tal-istadju 2.
2. Il-vettura bil-mutur u t-trejlers jew is-semitrejlers tal-kombinazzjoni ta' vetturi b'unità ta' trejler (“TU”) għandhom jiġu mgħammra bi stazzjon C-ITS imqabbad mal-unità ta' vettura bil-mutur (“MVU”) jew mat-TU tal-vettura korrispondenti. L-MVU u t-TU jistgħu jiġu integrati fl-istazzjonijiet C-ITS rispettivi tagħhom.
3. L-MVU u t-TU għandhom jittrażmettu l-informazzjoni meħtieġa għat-trażmissjoni tal-messaġġi lill-istazzjonijiet C-ITS li jkunu mqabbda magħhom f'konformità mal-punt 4.3. ta' dan l-Anness.
Illustrazzjoni 3
Eżempju ta' fluss ta' messaġġi f'OBW tal-istadju 2
Sensur
Sensur
Data tas-sensur għall-kalkolu tal-piż
Piżijiet fuq il-fus tat-trejler jew tas-semitrejler, ksur tas-sigurtà…
Piż fuq il-fus tal-vettura bil-mutur, il-piż totali, ksur tas-sigurtà…
Stazzjon C-ITS
Piż fuq il-fus tat-trejler jew tas-semitrejler, ksur tas-sigurtà, żball fil-komunikazzjoni
Stazzjon C-ITS
Data tas-sensur għall-kalkolu tal-piż
TU
MVU
Trejler b’OBW
Vettura bil-mutur b’OBW
4. Skambju ta' informazzjoni bejn vettura bil-mutur u trejlers jew semitrejler
4.1. L-informazzjoni dwar il-piż bejn il-vettura bil-mutur u t-trejlers jew is-semitrejlers li jkunu qegħdin jiġu rmonkati għandha tiġi skambjata permezz ta' konnessjoni mingħajr wajers stabbilita bejn l-istazzjonijiet C-ITS tal-vettura bil-mutur u dawk tat-trejlers jew tas-semitrejlers, f'konformità mal-istandards EN 302 663-V1.1.1, bl-eżenzjoni tal-klawżola 4.2.1, EN 302 636-4-1-V1.3.1, EN 302 636-5.1-V2.1.1 u mal-istandard Ewropew dwar l-applikazzjoni tal-OBW għas-C-ITS li għandha tiġi żviluppata mill-ETSI.
4.2. L-iskambju tal-messaġġi bejn l-istazzjonijiet C-ITS għandu jsir f'qafas sigur kif stabbilit fil-punt 5.1.
4.3. L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi trażmessa bejn l-istazzjonijiet C-ITS:
|
a) |
il-piż fuq il-fus tat-trejlers jew tas-semitrejlers li jkunu qegħdin jiġu rmonkati; |
|
b) |
il-messaġġi li jkun fihom avvenimenti ta' “żball fil-komunikazzjoni tal-OBW”: avveniment ta' żball fil-komunikazzjoni tal-OBW għandu jiġi skattat meta l-istazzjonijiet C-ITS ma jistabbilixxux komunikazzjoni reċiproka f'qafas sigur f'konformità mal-punt 5.1., għal iktar minn tliet tentattivi; |
|
c) |
il-messaġġi li jkun fihom avveniment ta' “tentattiv ta' ksur tas-sigurtà”: avveniment ta' tentattiv ta' ksur tas-sigurtà għandu jiġi skattat meta l-OBW jidentifika tentattiv ta' manipulazzjoni tal-OBW kif stabbilit fil-punt 5.2. u fl-Appendiċi. |
4.4. Il-format tal-messaġġi meħtieġa għall-fażi tal-assenjazzjoni tal-indirizz u għat-trażmissjoni tal-informazzjoni msemmija fil-punt 4.3. għandu jiġi stabbilit fl-istandard dwar l-applikazzjoni tal-OBW imsemmija fil-punt 4.1.
5. Dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà
5.1. Komunikazzjoni sigura bejn l-istazzjonijiet C-ITS
5.1.1. Il-komunikazzjoni bejn l-istazzjonijiet C-ITS għandha ssir f'qafas sigur f'konformità mal-istandard Ewropew ETSI TS 103 097-V1.3.1 u mal-istandard Ewropew dwar l-applikazzjoni tal-OBW għas-C-ITS imsemmi fil-punt 4.1.
5.1.2. F'konformità mal-Politika taċ-Ċertifikati għall-Introduzzjoni u għat-Tħaddim tas-Sistemi Ewropej tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi, adottata mill-Kummissjoni, l-istazzjonijiet C-ITS għandhom jiksbu:
|
(a) |
Kredenzjali tar-reġistrazzjoni mingħand awtorità ta' reġistrazzjoni li tawtorizzahom joperaw bħala stazzjonijiet C-ITS bl-iskop tal-użin abbord. |
|
(b) |
Għadd ta' biljetti ta' awtorizzazzjoni mingħand awtorità ta' awtorizzazzjoni li jippermettilhom joperaw fl-ambjent tas-C-ITS bħala parti mill-OBW. |
5.2. Protezzjoni kontra tentattivi ta' ksur tas-sigurtà
Il-protezzjoni tal-OBW tal-istadju 2 kontra tentattivi ta' ksur tas-sigurtà għandha tiġi implimentata f'konformità mal-Appendiċi ta' dan l-Anness.
APPENDIĊI TAL-ANNESS II
ĊERTIFIKAZZJONI TAS-SIGURTÀ GĦALL-OBW TAL-ISTADJU 2
1. L-MVU u t-TU għandhom jiġu ċċertifikati għas-sigurtà skont l-Iskema tal-Kriterji Komuni. F'dan l-Appendiċi, minn hawn 'il quddiem, issir referenza għall-MVU u għat-TU bħala “OBW-VU”.
2. Ir-rekwiżiti minimi għas-sigurtà li jridu jiġu ssodisfati mill-OBW-VU għandhom jiġu definiti f'Mira tas-Sigurtà (“ST”) skont l-Iskema tal-Kriterji Komuni.
3. L-ST għandha titfassal mill-manifattur tat-tagħmir li jrid jiġi ċċertifikat, u għandha tiġi approvata mingħand korp taċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà tal-IT tal-gvern organizzat fil-Grupp ta' Ħidma Konġunt ta' Interpretazzjoni (“JIWG”) li jappoġġa r-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati taħt il-kappa tal-SOGIS-MRA Ewropew (il-Ftehim dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku taċ-Ċertifikati ta' Evalwazzjoni tas-Sigurtà tat-Teknoloġija tal-Informatika).
4. Il-gateway V2X u l-Modulu tas-Sigurtà tal-Ħardwer tal-istazzjonijiet C-ITS għandhom jiġu ċċertifikati għas-sigurtà fil-konfront tal-profili ta' protezzjoni tal-Gateway V2X u tal-Modulu tas-Sigurtà tal-Ħardwer żviluppati mill-Konsorzju tal-Komunikazzjoni Car2Car.
5. Il-livell ta' assigurazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà tal-OBW-VU għandu jkun EAL2. Madankollu, jekk it-takografu jintuża bħala MVU, dan tal-ewwel għandu jiġi ċċertifikat għal livell ta' assigurazzjoni EAL4 awmentat bil-komponenti ta' assigurazzjoni ATE_DPT.2 u AVA_VAN.5, kif stabbilit fl-Appendiċi 10 tal-Anness IC tar-Regolament (UE) 2016/799.
6. Assi li jridu jiġu protetti mill-ST
L-assi li ġejjin għandhom jiġu protetti:
|
(a) |
Messaġġ tal-OBW-VU: kwalunkwe messaġġ li jintbagħat jew li jasal minn modulu tal-OBW-VU rilevanti b'informazzjoni li tkun meħtieġa għall-kalkolu tal-piż. Il-moduli tal-OBW rilevanti huma dawk l-unitajiet ta' ħardwer u ta' softwer tal-OBW-VU li jipproċessaw l-informazzjoni li, jekk tiġi attakkata, tista' tirriżulta f'kalkolu ħażin tal-piż totali jew fuq il-fus mill-OBW. OBW-VU tista' tkun modulu rilevanti uniku jew tkun magħmula minn moduli rilevanti differenti, f'konformità mal-punt 1.5. tal-Anness I, u f'dan il-każ l-ST għandha tidentifikahom. |
|
(b) |
Messaġġ dwar il-piż: messaġġ li jkun fih il-piż totali jew fuq il-fus ikkalkulat mill-OBW-VU. |
|
(c) |
Data tal-kalibrazzjoni: l-informazzjoni li tiddaħħal fil-memorja tal-OBW-VU sabiex jiġi kkalibrat l-OBW. |
|
(d) |
Informazzjoni ta' verifika: l-informazzjoni dwar tentattivi ta' ksur tas-sigurtà li jikkorrispondu għat-theddidiet indirizzati f'dan l-Appendiċi. |
|
(e) |
Softwer tal-OBW-VU: is-softwer li jintuża fl-OBW-VU biex jiġu implimentati u appoġġati l-funzjonijiet tal-OBW li jkun rilevanti għall-kalkolu tal-piż u għall-identifikazzjoni ta' tentattivi ta' ksur tas-sigurtà. |
Illustrazzjoni 4
Eżempju ta' Messaġġi tal-OBW-VU u ta' Messaġġi dwar il-piż li jridu jiġu protetti f'MVU magħmula minn żewġ moduli rilevanti
Messaġġ tal-OBW: data mhux ipproċessata
Modulu rilevanti 1: jikseb il-piż fuq il-fus u jikkalkula l-piż totali ta’ vettura bil-mutur jew ta’ kombinazzjoni ta’ vetturi
MVU
Messaġġ dwar il-piż: il-piż fuq il-fus tal-vettura bil-mutur, il-piż totali
Stazzjon C-ITS
Sensur
Modulu rilevanti 2: jikseb data mhux ipproċessata mis-sen-suri u jikkalkula l-piż fuq il-fus tal-fusien tal-vettura bil-mutur
Messaġġ dwar il-piż: il-piż fuq il-fus tal-vettura bil-mutur
Vettura bil-mutur b’OBW
7. Theddidiet li jridu jiġu indirizzati fl-ST
L-ST għandha tindirizza t-theddidiet li ġejjin:
|
(a) |
T.OBW-VU_message_spoof: persuna li twettaq attakk tista' tiġġenera messaġġi tal-OBW-VU li jkunu qarrieqa sabiex l-OBW-VU tikkalkula ħażin il-piż totali jew fuq il-fus. |
|
(b) |
T.OBW-VU_message_tamper: persuna li twettaq attakk tista' tiġġenera messaġġi tal-OBW-VU li jkunu mbagħbsa sabiex l-OBW-VU tikkalkula ħażin il-piż totali jew fuq il-fus. |
|
(c) |
T.Weight_message_spoof: persuna li twettaq attakk tista' tiġġenera messaġġi dwar il-piż li jkunu qarrieqa sabiex il-piż ikkalkulat mill-OBW-VU jiġi mmodifikat. |
|
(d) |
T.Weight_message_tamper: persuna li twettaq attakk tista' tiġġenera messaġġi dwar il-piż li jkunu mbagħbsa sabiex il-piż ikkalkulat mill-OBW-VU jiġi mmodifikat. |
|
(e) |
T.Audit_spoof: persuna li twettaq attakk tista' tiġġenera messaġġi ta' informazzjoni dwar il-verifiki li jkunu qarrieqa. |
|
(f) |
T.Audit_tamper: persuna li twettaq attakk tista' tiġġenera messaġġi ta' informazzjoni dwar il-verifiki li jkunu mbagħbsa. |
|
(g) |
T.Calibration_tamper: persuna li twettaq attakk tista' ddaħħal valuri żbaljati bħala data tal-kalibrazzjoni sabiex l-OBW-VU tikkalkula ħażin il-piż. |
|
(h) |
T.Software_tamper: persuna li twettaq attakk tista' timmodifika jew tissostitwixxi s-softwer tal-OBW-VU sabiex taltera il-kalkolu normali tal-piż. |
|
(i) |
T.Stored_Data_tamper: persuna li twettaq attakk tista' timmodifika jew tħassar l-informazzjoni rilevanti maħżuna fl-OBW-VU, inkluż l-informazzjoni dwar il-verifiki. |
8. L-objettivi tas-sigurtà għall-OBW-VU għandhom ikunu dawn li ġejjin:
|
(a) |
O.Plausibility_validation: l-OBW-VU għandha tivverifika li l-informazzjoni minn messaġġ li jasal għal modulu rilevanti, jew mis-sensuri jew inkella minn modulu ieħor, tista' tiġi fdata abbażi tal-plawżibbiltà tagħha. |
|
(b) |
O.OBW-VU_stored_information_protection: l-OBW-VU għandha tkun kapaċi tipproteġi s-softwer u d-data maħżuna mit-tbagħbis. |
|
(c) |
O.Notification: l-OBW-VU għandha tkun kapaċi tinnotifika tentattiv ta' ksur tas-sigurtà. |
9. Raġunament
|
(a) |
T.OBW-VU_message_spoof tiġi indirizzata minn O.Plausibility_validation u minn O.Notification. |
|
(b) |
T.OBW-VU_message_tamper tiġi indirizzata minn O.Plausibility_validation u minn O.Notification. |
|
(c) |
T.Weight_message_spoof tiġi indirizzata minn O.Plausibility_validation u minn O.Notification. |
|
(d) |
T.Weight_message_tamper tiġi indirizzata minn O.Plausibility_validation u minn O.Notification. |
|
(e) |
T.Audit_spoof tiġi indirizzata minn O.Plausibility_validation u minn O.Notification. |
|
(f) |
T.Calibration_tamper tiġi indirizzata minn O.Plausibility_validation u minn O.Notification. |
|
(g) |
T.Software_tamper tiġi indirizzata minn O.OBW-VU_stored_information_protection u minn O.Notification. |
|
(h) |
T.Stored_data_tamper tiġi indirizzata minn O.OBW-VU_stored_information_protection u minn O.Notification. |
Tabella 1
Raġunament tal-objettivi tas-sigurtà
|
|
O.Plausibility_validation |
O.OBW-VU_stored_information_protection |
O.Notification |
|
T.OBW_message_spoof |
X |
|
X |
|
T.OBW_message_tamper |
X |
|
X |
|
T.Weight_message_spoof |
X |
|
X |
|
T.Weight_message_tamper |
X |
|
X |
|
T.Audit_spoof |
X |
|
X |
|
T.Audit_tamper |
X |
|
X |
|
T.Calibration_tamper |
X |
|
X |
|
T.Software_tamper |
|
X |
X |
|
T.Stored_data_tamper |
|
X |
X |
ANNESS III
TĦEJJIJA TAD-DATA U TRASFERIMENT TAL-INFORMAZZJONI lill-REDCR
1. Dan l-Anness, komplementari għall-Appendiċi 14 tal-Anness IC tar-Regolament (UE) 2016/799 (minn hawn 'il quddiem l-Appendiċi 14), jispeċifika r-rekwiżiti għat-tħejjija u għat-trasferiment tad-data tal-OWS mill-vettura bil-mutur għat-Tagħmir għall-Qari tal-Komunikazzjoni tal-Identifikazzjoni Remota Bikrija” (“REDCR”).
2. Trasferiment tad-data tas-sistema għall-użin abbord (“OWS”) għall-OBW tal-istadju 1
2.1. Id-data tal-OWS għandha tiġi pprovduta lill-unità ta' vettura tal-komunikazzjoni dedikata fuq distanza qasira (“DSRC-MVU”) mill-unità ta' vettura bil-mutur “MVU”).
2.2. L-MVU għandha:
|
2.2.1. |
Tibni d-data tal-OWS bl-informazzjoni li tirċievi l-unità ta' vettura bil-mutur u l-unità ta' trejler (“TU”), skont l-istruttura stabbilita fil-punt 6; |
|
2.2.2. |
jibgħat id-data tal-OWS lid-DSRC-VU għal trażmissjoni ulterjuri lill-REDCR. |
Illustrazzjoni 5
Trażmissjoni tad-data tal-OWS mill-MVU lill-REDCR għall-OBW tal-istadju 1
Data tal-OWS
DSRC-VU
Data tal-OWS
MVU
REDCR
Vettura bil-Mutur b’OBW
3. Trasferiment tad-data tal-OWS għall-OBW tal-istadju 2
3.1. Id-data tal-OWS għandha tiġi pprovduta lid-DSRC-VU mill-istazzjon C-ITS fil-vettura bil-mutur.
Illustrazzjoni 6
Trażmissjoni tad-data tal-OWS mill-istazzjon C-ITS lill-REDCR għall-OBW tal-istadju 2
Stazzjon C-ITS fil-vettura bil-mutur
Data tal-OWS f’qafas
Data tal-OWS f’qafas
DSRC-VU
REDCR
Vettura bil-Mutur b’OBW
3.2. L-istazzjon C-ITS fil-vettura bil-mutur għandu:
|
3.2.1. |
Jibni d-data tal-OWS bl-informazzjoni li tirċievi mill-MVU u mill-istazzjonijiet C-ITS tat-trejlers jew tas-semitrejlers li jkunu qegħdin jiġu rmonkati, skont l-istruttura stabbilita fil-punt 6; |
|
3.2.2. |
iqiegħed id-data tal-OWS f'qafas sigur kif stabbilit fil-punt 8, u |
|
3.2.3. |
jibgħat id-data tal-OWS lid-DSRC-VU għal trażmissjoni ulterjuri lill-REDCR. |
4. It-trasferiment tad-data bejn id-DSRC-VU u l-MVU (l-istadju 1) jew inkella l-istazzjon C-ITS fil-vettura bil-mutur (l-istadju 2) għandu jiġi implimentat kif stabbilit fil-punt 5.6. tal-Appendiċi 14, fejn il-VU għandha tinftiehem li tkun jew l-MVU jew inkella l-istazzjon C-ITS, skont xi jkun l-istadju.
5. Komunikazzjoni bejn id-DSRC-VU u l-REDCR
5.1. Il-komunikazzjoni bejn id-DSRC-VU u l-REDCR għandha ssir permezz tal-interfaċċa definita bl-istandards CEN DSRC EN 12253, EN 12795, EN 12834, EN 13372 u ISO 14906, kif imsemmi fid-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE.
5.2. Il-protokoll tat-tranżazzjoni biex titniżżel id-data tal-OWS permezz tal-kollegament tal-interfaċċa tad-DSRC ta' 5,8 GHz għandu jkun l-istess bħal dak li jintuża għad-data tal-RTM fil-punt 5.4.1. tal-Appendiċi 14, filwaqt li l-unika differenza tkun li l-Identifikatur tal-Oġġett marbut mal-istandard TARV għandu jkun qiegħed jindirizza il-Parti 20 tal-istandard ISO 15638 (TARV) marbuta mal-WOB/OWS.
5.3. Il-kmandi li jintużaw għal tranżazzjoni tal-OWS għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti fil-punt 5.4.2. tal-Appendiċi 14 għal tranżazzjoni tal-RTM.
5.4. Is-sekwenza tal-kmand ta' interrogazzjoni għad-data tal-OWS għandha tkun l-istess bħal dik stabbilita fil-punt 5.4.3. tal-Appendiċi 14 għad-data tal-RTM.
5.5. Il-mekkaniżmu tat-trasferiment tad-data u d-deskrizzjoni tat-tranżazzjoni tad-DSRC għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti fil-punti 5.4.6. u 5.4.7. tal-Appendiċi 14. Madankollu, it-Tabella tas-Servizz tal-Vettura għandha tiġi adattata għat-trażmissjoni tad-data tal-OWS. B'konsegwenza ta' dan, l-Rtm-ContextMark għandha tiġi sostitwita b'Ows-ContextMark, u l-identifikatur tal-oġġett tagħha għandu jirreferi għall-Parti 20 tal-istandard ISO 15638 (TARV) marbuta mal-WOB/OWS.
5.6. Il-parametri tal-interfaċċa fiżika tad-DSRC għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti fil-punt 5.3. tal-Appendiċi 14.
6. Struttura tad-data
Id-definizzjoni tal-modulu tal-ASN.1 għad-data tad-DSRC fl-applikazzjoni tal-OWS hija definita kif ġej:
7. Elementi ta' data tal-OWS, azzjonijiet imwettqa u definizzjonijiet:
id-data tal-OWS għandha tiġi kkalkulata jew mill-MVU (l-istadju 1) jew mill-istazzjon C-ITS fil-vettura bil-mutur (l-istadju 2) skont it-tabella 1
Tabella 1
Elementi ta' data tal-OWS, azzjonijiet imwettqa u definizzjonijiet
|
Element OWSData |
Azzjoni mwettqa mill-istazzjon C-ITS fil-vettura bil-mutur |
Kumment |
Definizzjoni tad-data tal-ASN.1 |
|
OWS1 Piż totali |
Għandu jiġi ġġenerat valur ta' numru sħiħ. |
L-aħħar piż totali mkejjel |
recordedWeight INTEGER (0..65535), |
|
OWS2 massa massima mgħobbija teknikament permissibbli |
Għandu jiġi ġġenerat valur ta' numru sħiħ |
Massa massima mgħobbija teknikament permissibbli ddikjarata mill-manifattur |
maximumTechnicalWeight INTEGER (0..65535) |
|
OWS3 Konfigurazzjoni tal-fusien tal-vettura |
Għandha tiġi ġġenerata ġabra ta' ottetti tad-daqs 4. |
Konfigurazzjoni tal-fusien |
axlesConfiguration OCTET STRING SIZE (4), |
|
OWS4 Piż fuq il-fus |
Għandha tiġi ġġenerata ġabra ta' ottetti tad-daqs 26. |
Piż fuq kull fus |
axlesRecordedWeight OCTET STRING SIZE (26), |
|
OWS5 Il-ħin biex jiġi rreġistrat il-piż totali |
Għandu jiġi ġġenerat valur ta' numru sħiħ. Il-valur għall-OWS2 għandu jiġi stabbilit mal-ħin tar-reġistrazzjoni attwali tal-piż totali. |
Kronogramma tal-piż attwali rreġistrat |
tp15638Timestamp INTEGER (0..4294967295), |
|
OWS6 Żball fil-komunikazzjoni tad-DSRC |
Għandu jiġi ġġenerat valur Boolean. Għandu jiġi assenjat valur TRUE għall-varjabbli tp15638DSRCcommunicationError jekk l-OBW iltaqa' ma' minn tal-inqas avveniment wieħed tat-tip Żball fil-Komunikazzjoni bid-DSRC-VU fl-aħħar 30 jum. ELSE jekk ma jkun hemm l-ebda avveniment fl-aħħar 30 jum, għandu jiġi assenjat valur FALSE. |
1 (TRUE), jindika żball fil-komunikazzjoni bejn l-OBW u d-DSRC-VU fl-aħħar 30 jum |
tp15638DSRCcommunicationError, BOOLEAN, |
|
OWS7 Żball fil-komunikazzjoni tad-DSRC |
Għandu jiġi ġġenerat valur Boolean. Għandu jiġi assenjat valur TRUE għall-varjabbli tp15638CommunicationError jekk l-OBW iltaqa' ma' minn tal-inqas avveniment wieħed ta' żball fil-komunikazzjoni tal-OBW fl-OBW fl-aħħar 30 jum. ELSE jekk ma jkun hemm l-ebda avveniment fl-aħħar 30 jum, għandu jiġi assenjat valur FALSE. |
1 (TRUE), jindika żball fil-komunikazzjoni fl-OBW fl-aħħar 30 jum |
tp15638OBWCommunicationError, BOOLEAN, |
|
OWS8 Tentattiv ta' Ksur tas-Sigurtà |
Għandu jiġi ġġenerat valur Boolean. Għandu jiġi assenjat valur TRUE għall-varjabbli tp15638SecurityBreachAttempt jekk l-OBW irreġistra minn tal-inqas avveniment wieħed tat-tip tentattiv ta' ksur tas-sigurtà fl-aħħar sentejn (2). ELSE jekk ma jkunx hemm avvenimenti ta' tentattiv ta' ksur tas-sigurtà fl-aħħar sentejn (2), għandu jiġi assenjat valur FALSE. |
1 (TRUE), jindika tentattiv ta' ksur tas-sigurtà lill-OBW fl-aħħar sentejn (2) |
tp15638SecurityBreachAttempt BOOLEAN, |
fejn
|
(a) |
recordedWeight tirrappreżenta l-piż totali mkejjel tal-vettura jew ta' kombinazzjoni ta' vetturi b'riżoluzzjoni ta' 10 kg kif definit f'EN ISO 14906. Pereżempju, valur ta' 2 500 jirrappreżenta piż ta' 25 tunnellata. |
|
(b) |
axlesConfiguration tirrappreżenta l-konfigurazzjoni tal-vettura jew kombinazzjoni ta' vetturi bħala numru ta' fusien. Il-konfigurazzjoni hija definita b'mewwiet tal-bits ta' 20 bit (estiż mill-EN ISO 14906). Mewwiet tal-bits ta' żewġ (2) bits jirrappreżenta l-konfigurazzjoni ta' fus bil-format li ġej:
L-aħħar sitt (6) bits huma riżervati għal użi futuri. Tabella 2 Distribuzzjoni tal-bits għall-OWS2
|
|||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
(c) |
axlesRecordedWeight tirrappreżenta l-piż speċifiku rreġistrat għal kull fus b'riżoluzzjoni ta' 10 kg. Għal kull fus jintużaw żewġ ottetti. Pereżempju, valur ta' 150 jirrappreżenta piż ta' 1 500 kg. |
|
(d) |
Il-maximumTechnicalWeight tirrappreżenta l-massa massima mgħobbija teknikament permissibbli għall-vettura jew għall-kombinazzjoni ta' vetturi, kif iddikjarata mill-manifattur Dan il-valur għandu jiġi pprovdut biss għall-istadju 2. Għall-istadju 1 għandu jiġi assenjat valur ta' 0. |
8. Firma tad-data tal-OWS
8.1. Għall-istadju 1, id-data tal-OWS ma għandhiex tiġi ffirmata; it-test ordinarju tad-data tal-OWS għandu jiġi ttrasferit mill-MVU lid-DSRC-VU.
8.2. Għall-istadju 2, id-data tal-OWS għandha tiġi ffirmata fl-istazzjon C-ITS tal-vettura bil-mutur u għandha tiġi ttrasferita minn din tal-aħħar lid-DSRC-VU, f'konformità mad-dispożizzjonijiet li ġejjin:
|
8.2.1. |
L-istruttura tad-data f'qafas sigur għandha tinbena kif stabbilit fil-punti 5.1. u 5.2. ta' ETSI TS 103 097-V1.3.1. |
|
8.2.2. |
It-tip SignedData msemmija fil-punt 5.2. ta' ETSI TS 103 097-V1.3.1 għandu jkollu r-restrizzjonijiet li ġejjin:
|
|
8.2.3. |
Id-definizzjoni tal-modulu tal-ASN.1 għat-tip Firma (Signature) għandha tkun kif ġej:
|
|
8.2.4. |
Iċ-ċertifikat tal-iffirmar għandu jkun iċ-ċertifikat fil-biljett tal-awtorizzazzjoni li jkun qiegħed juża l-istazzjon C-ITS għat-tranżazzjoni bejn l-istazzjon C-ITS u l-REDCR, f'konformità mal-punt 6 ta' ETSI TS 103 097-V1.3.1. |
|
8.2.5. |
Meta jirċievi l-messaġġ, l-REDCR għandu jivverifika ċ-ċertifikat u għandu juża l-kjavi pubblika inkluża f'dak iċ-ċertifikat biex jaqra l-firma tad-data tal-OWS. |
9. Il-protokoll tal-applikazzjoni u l-indirizzar tal-iżbalji għad-data tal-OWS għandhom ikunu l-istess bħal kif stabbilit fil-punti 5.6.2. u 5.7. tal-Appendiċi 14.
10. Għall-istadju 2, id-data tal-OWS tista' tingħata wkoll direttament lill-REDCR tal-infurzatur permezz tal-istazzjon C-ITS fil-vettura bil-mutur minflok permezz tad-DSRC-VU. F'dak il-każ, l-REDCR ikun ukoll stazzjon C-ITS.
ANNESS IV
SPEZZJONIJIET PERJODIĊI
1. Għandhom isiru spezzjonijiet perjodiċi fuq it-tagħmir għall-użin abbord (“OBW”) billi l-vettura jew il-kombinazzjoni ta' vetturi tintiżen/jintiżnu fuq apparati ċċertifikati għall-użin f'konformità mal-Artikolu 5(2)(b) ta' dan ir-Regolament, bħal peddijiet portabbli għall-użin jew miżien tat-tagħbija.
2. Il-vetturi li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għal spezzjoni:
|
(a) |
il-vetturi bil-mutur; |
|
(b) |
it-trejlers u s-semitrejlers b'unità ta' trejler (“TU”). |
3. F'konformità mal-punt 2 għandha ssir spezzjoni fuq it-trejlers u s-semitrejlers meta jkunu mqabbda ma' vettura bil-mutur. L-ispezzjoni għandha ssir fuq il-vetturi bil-mutur maħsuba biex jirmonkaw is-semitrejlers meta jkunu mqabbda ma' semitrejler.
4. L-ispezzjoni perjodika għandha tikkonsisti minn:
|
(a) |
test bi tliet tagħbijiet, li għandu jsir sentejn wara r-reġistrazzjoni tal-vettura u kull erba' snin wara; |
|
(b) |
test b'tagħbija waħda, li għandu jsir sentejn wara t-test bi tliet tagħbijiet u kull erba' snin wara. |
Tabella 3
Sekwenza ta' prestazzjoni tal-ispezzjonijiet perjodiċi
|
Test |
Bi tliet tagħbijiet |
B'tagħbija waħda |
Bi tliet tagħbijiet |
B'tagħbija waħda |
Bi tliet tagħbijiet |
B'tagħbija waħda |
Bi tliet tagħbijiet |
… |
|
Snin wara d-data tar-reġistrazzjoni tal-vettura |
2 |
4 |
6 |
8 |
10 |
12 |
14 |
… |
5. Test bi tliet tagħbijiet
Test bi tliet tagħbijiet għandu jsir billi jitgħabbew tliet tagħbijiet differenti fuq il-vettura u l-valuri tagħhom għandhom jiġu kkalkulati kif ġej:
|
(a) |
tagħbija ta' bejn 45 % u 55 % tal-massa massima mgħobbija teknikament permissibbli tal-vettura; |
|
(b) |
tagħbija ta' bejn 65 % u 75 % tal-massa massima mgħobbija teknikament permissibbli tal-vettura; |
|
(c) |
tagħbija ta' bejn 90 % u 100 % tal-massa massima mgħobbija teknikament permissibbli tal-vettura. |
6. It-test b'tagħbija waħda għandu jsir billi titgħabba tagħbija fuq il-vettura li tkun minn tal-inqas ta' 90 % tal-massa massima mgħobbija teknikament permissibbli tal-vettura.
7. Għat-trejlers u għas-semitrejlers b'TU u għall-vetturi bil-mutur maħsuba biex jirmonkaw semitrejler, it-tagħbijiet fil-punti 5 u 6 għandhom jiġu kkalkulati fir-rigward tal-massa massima mgħobbija teknikament permissibbli tal-kombinazzjoni ta' vetturi.
8. Dispożizzjonijiet speċifiċi għal OBWs dinamiċi
8.1. Jekk il-massa massima mgħobbija teknikament permissibbli tal-vettura jew ta' kombinazzjoni ta' vetturi taqbeż il-piż massimu awtorizzat, it-tagħbijiet fil-punti 5 u 6 għandhom jiġu kkalkulati fir-rigward tal-piż massimu awtorizzat.
8.2. Sabiex jinkiseb valur tat-tagħbija mill-OBW, il-vettura jew kombinazzjoni ta' vetturi għandha/għandhom tinstaq/jinstaqu għal ċertu distanza b'kundizzjonijiet speċifiċi li jridu jiġu speċifikati fil-linji gwida tal-manifattur.
9. L-ispezzjoni għandha titqies li ma rnexxietx meta
|
(a) |
il-valur tat-tagħbija muri mill-OBW li jikkorrispondi għat-tagħbija ta' bejn 90 % sa 100 % tal-massa massima mgħobbija teknikament permissibbli msemmija fil-punt 5(c) ma jikkonformax mal-valuri mkejla bl-apparat iċċertifikat għall-użin, bil-livell ta' akkuratezza stabbilit fil-punt 8 tal-Anness I, u |
|
(b) |
il-valuri tat-tagħbija muri mill-OBW li jikkorrispondu għat-tagħbijiet ta' bejn 45 % u 55 % u ta' bejn 65 % u 75 % tal-massa massima mgħobbija teknikament permissibbli msemmija fil-punti 5(a) u 5(b) ma jikkonformawx mal-valuri mkejla bl-apparat iċċertifikat għall-użin, b'livell ta' akkuratezza ta' ±15 %. |
10. Meta l-ispezzjoni ma tirnexxix, għandha ssir spezzjoni ġdida fuq l-OBW mhux iktar tard minn xahrejn wara dik li saret qabel.
11. Flessibbiltajiet għall-ispezzjonijiet perjodiċi:
Sabiex jiġi ffaċilitat it-twettiq ta' spezzjonijiet perjodiċi għal tipi speċifiċi ta' vetturi, u sabiex jitnaqqas l-impatt tal-ispezzjonijiet perjodiċi fuq l-attivitajiet regolari tas-sewwieqa u tat-trasportaturi, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw l-applikazzjoni tal-flessibbiltajiet li ġejjin għal vetturi rreġistrati fit-territorju tagħhom:
|
(a) |
il-valuri tat-tliet tagħbijiet imsemmija fil-punt 5 jistgħu jinkisbu matul perjodu ta' tliet xhur; |
|
(b) |
l-użin effettiv tal-vettura jista' jsir fuq apparati ċċertifikati għall-użin li ma jkunux tal-faċilitajiet ta' tal-workshops tal-OBW imsemmija fl-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament, diment li jkun hemm superviżjoni tal-operazzjoni tal-użin minn membru tal-persunal ta' workshop tal-OBW. Sid il-vettura għandu jipprovdi evidenza lill-workshop tal-OBW li l-użin twettaq fuq apparat iċċertifikat għall-użin; |
|
(c) |
għal vetturi jew għal kombinazzjonijiet ta' vetturi li l-konfigurazzjoni speċifika tagħhom tagħmilha teknikament impossibbli li jaqbżu l-piż massimu awtorizzat waqt l-użu normali (eż. il-bawżers), it-tagħbijiet imsemmija fil-punti 5 u 6 jista' jkollhom valuri oħra; fil-każ tat-test bi tliet tagħbijiet, id-differenza bejn żewġ tagħbijiet konsekuttivi għandha tkun minn tal-inqas 15 % tal-piż massimu awtorizzat. |