|
26.4.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 141/19 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/671
tal-20 ta’ April 2021
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-proċedura bil-miktub mill-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni biex jiżdied l-appoġġ uffiċjali għall-krediti tal-esportazzjoni fil-forma ta’ spejjeż lokali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-linji gwida li jinsabu fl-Arranġament dwar Krediti ta’ Esportazzjoni Uffiċjalment Esportati (l-“Arranġament”) japplikaw fl-Unjoni permezz tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). |
|
(2) |
Il-145 sessjoni tal-Laqgħa tal-Parteċipanti fl-Arranġament, li saret fis-17 ta’ Novembru 2020, qablet li tadotta permezz ta’ proċedura bil-miktub deċiżjoni li temenda l-Arranġament biex jiżdied l-appoġġ uffiċjali għall-krediti tal-esportazzjoni fil-forma ta’ spejjeż lokali. |
|
(3) |
Id-deċiżjoni prevista biex jiżdied l-appoġġ uffiċjali għall-ispejjeż lokali hija maħsuba li tadatta d-dispożizzjonijiet dwar l-appoġġ għall-ispejjeż lokali fl-Arranġament għax-xejriet prevalenti tal-kummerċ u l-produzzjoni. Il-ktajjen tal-valur globali biddlu d-deċiżjonijiet tal-esportaturi dwar minn fejn jakkwistaw provvisti u l-biċċa l-kbira tal-esportaturi issa qed jiksbu provvisti minn diversi pajjiżi u qed tiżdied il-prattika li dan ikun minn fejn jinsab ix-xerrej. Sabiex l-esportaturi tal-Unjoni jingħataw aktar flessibbiltà u biex ikun hemm strateġiji ottimali dwar minn fejn isiru l-akkwisti, jenħtieġ li l-limitu fuq l-appoġġ uffiċjali għall-ispejjeż lokali jiżdied minn 30 % għal 40 % tal-valur tal-kuntratt ta’ esportazzjoni f’pajjiżi bi dħul għoli u minn 30 % għal 50 % tal-valur tal-kuntratt ta’ esportazzjoni f’pajjiżi bi dħul medju u baxx. |
|
(4) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni dwar id-deċiżjoni li għandha tiġi adottata mill-Parteċipanti fl-Arranġament fil-proċedura bil-miktub, peress li d-deċiżjoni prevista tkun tista’ tinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, permezz tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-proċedura bil-miktub mill-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni biex jiżdied l-appoġġ uffiċjali għall-krediti tal-esportazzjoni fil-forma ta’ spejjeż lokali għandha tkun ibbażata fuq il-proposta tal-Unjoni (2) .
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ April 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
A. P. ZACARIAS
(1) Ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 45).
(2) Ara d-dokument ST 7202/21 hawnhekk: http://register.consilium.europa.eu