|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2259 |
10.10.2024 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2024/2259 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-11 ta’ April 2024
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (l-Uffiċċju tal-BEREC) għas-sena finanzjarja 2022
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija tal-BEREC (l-uffiċċju tal-BEREC) għas-sena finanzjarja 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0123/2024), |
|
A. |
billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u tan-nefqa tagħha (1), il-baġit finali adottat tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2022 kien jammonta għal EUR 7 428 456, u dan jirrappreżenta żieda ta’ 1,19 % meta mqabbel mal-2021; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni; |
|
B. |
billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2022 (ir-“rapport tal-Qorti”), tistqarr li l-Qorti kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari; |
|
C. |
billi fir-rigward tas-settur tal-akkwist tal-Aġenzija, ma ġiet irrapportata l-ebda kwistjoni li tirrikjedi azzjonijiet korrettivi għall-2022, u lanqas ma hemm azzjonijiet korrettivi għaddejjin jew pendenti mill-awditi u l-valutazzjonijiet tas-snin preċedenti; |
|
D. |
billi fir-rigward tas-sistemi ta’ kontroll intern tal-Aġenzija, ma ġiet irrapportata l-ebda kwistjoni li teħtieġ azzjonijiet korrettivi għall-2022, u lanqas ma hemm azzjonijiet korrettivi għaddejjin jew pendenti mill-awditi u l-valutazzjonijiet tas-snin preċedenti; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
1. |
Jinnota b’apprezzament li l-isforzi ta’ monitoraġġ tal-baġit, matul is-sena finanzjarja 2022 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ 99,99 % tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn tal-baġit finali adottat għas-sena, li tirrappreżenta żieda ta’ 0,02 % meta mqabbel mal-2021; jilqa’ l-fatt li r-rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit tinsab fil-limitu ta’ ’l fuq minn 95 % stabbilit mill-bord maniġerjali; jinnota li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-sena attwali kienet ta’ 82,78 %, li jfisser żieda ta’ 13,44 % meta mqabbla mal-2021; |
Prestazzjoni
|
2. |
Jinnota li l-Aġenzija tuża Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni (KPIs) biex tivvaluta r-riżultati miksuba fir-rigward tal-objettivi tagħha, inkluż fost l-oħrajn dwar l-appoġġ għall-gruppi ta’ ħidma, l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni, il-finanzjament u l-akkwist ċentralizzati u l-ġestjoni tar-riżorsi umani; jinnota li l-biċċa l-kbira tal-objettivi ntlaħqu, madankollu jirrakkomanda li jiġu indirizzati l-KPIs li għadhom ma ntlaħqux jew li qed jimxu ’l quddiem aktar bil-mod milli mistenni (p.e. it-titjib tal-proċess ta’ rimborż permezz tal-għodda ta’ portal avvanzat għal-laqgħat (AGM), l-iffirmar ta’ kuntratt b’appoġġ għall-iżvilupp tal- “Istrateġija tal-ICT tal-BEREC 2022-2025”; jirrakkomanda li l-Aġenzija tirfina l-KPIs fuq bażi regolari sabiex tottimizza l-prestazzjoni tagħha; |
|
3. |
Jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija kompliet tipprovdi appoġġ amministrattiv u professjonali ta’ kwalità għolja lill-Bord tar-Regolaturi tal-BEREC, lin-Network ta’ Kuntatt tal-BEREC, lill-laqgħat ta’ informazzjoni pubbliċi, lill-Gruppi ta’ Ħidma tal-BEREC, inklużi l-Gruppi ta’ Ħidma Ad Hoc u l-Grupp Konsultattiv tal-Uffiċċju tal-BEREC; |
|
4. |
Jilqa’ l-fatt li r-regolatur tat-telekomunikazzjoni tal-Ukrajna NCEC ġie aċċettat mill-Aġenzija bħala membru mingħajr drittijiet tal-vot; |
Effiċjenza u titjib
|
5. |
Jinnota li l-azzjonijiet biex jinkiseb titjib fl-effiċjenza fl-2022 kienu mmirati lejn l-oqsma ewlenin li ġejjin: iċ-ċentralizzazzjoni ta’ xi funzjonijiet, l-akkwist, titjib fl-effiċjenza miksub permezz tal-użu akbar tal-applikazzjonijiet tal-IT tal-Kummissjoni jew l-introduzzjoni ta’ oħrajn ġodda u l-użu ta’ riżorsi esterni biex jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ kapaċità tar-riżorsi umani jew għal kompiti ta’ natura teknika u awżiljarja; |
|
6. |
Jinnota li fil-qasam tal-akkwist fl-2022, l-Aġenzija kompliet tuża proċeduri ta’ akkwist interistituzzjonali u ngħaqdet ma’ seba’ proċeduri ta’ akkwist interistituzzjonali, li rriżultaw fil-konklużjoni ta’ sitt kuntratti qafas matul il-perjodu ta’ rapportar; |
|
7. |
Jilqa’ l-kisbiet fl-effiċjenza miksuba permezz ta’ użu akbar jew introduzzjoni ta’ applikazzjonijiet addizzjonali tal-IT tal-Kummissjoni; jinnota li, b’mod partikolari, fl-2022 l-Aġenzija kienet kompletament inkorporat u użat b’mod attiv il-moduli bażiċi kollha tas-Sysper2, p.e. il-ġestjoni tal-identità, il-ġestjoni tal-organizzazzjoni, il-ġestjoni tad-data personali, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-ġestjoni tat-talenti u l-ġestjoni tad-dokumenti u tlieta mis-sett fakultattiv ta’ moduli, p.e. il-ħin flessibbli, it-telexogħol, u d-drittijiet individwali; |
|
8. |
Jinnota li l-Aġenzija ilha topera sa mit-twaqqif tagħha b’nuqqas ta’ kapaċità ta’ riżorsi umani għal ċerti postijiet tax-xogħol; jieħu nota li l-Aġenzija tikkumpensa għal xi restrizzjonijiet tal-kapaċità, fejn fattibbli, tagħti prijorità lill-użu tas-servizzi offruti mill-Kummissjoni u aġenziji oħra tal-Unjoni bħala soluzzjoni primarja; josserva li dan l-approċċ jinkludi servizzi ta’ ingranaġġ ipprovduti mill-Uffiċċju tal-KE tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali (PMO) u l-iskwadra ta’ rispons f’emerġenza relatata mal-kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni (CERT-UE) għas-servizz tal-IT u tas-sigurtà; jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija tikkoopera b’suċċess kbir mal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-IT; dan jinkludi l-ospitar, l-iżvilupp tal-IT, l-irkupru minn diżastri, l-iżvilupp tad-disinn ġdid tas-sit web tal-Aġenzija, u servizzi oħra tal-IT; |
|
9. |
Ifakkar fl-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni tal-Aġenzija f’termini ta’ operazzjoni u ġestjoni interni iżda wkoll sabiex titħaffef id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Aġenzija tkompli tkun proattiva f’dan ir-rigward sabiex jiġi evitat distakk diġitali bejn l-aġenziji; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta’ sigurtà kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata, u jinsisti fuq il-ħtieġa li tiżdied l-azzjoni kontra l-attakki ċibernetiċi jew it-tentattivi ta’ infiltrazzjoni li joriġinaw b’mod partikolari mir-Russja jew miċ-Ċina; |
Politika dwar il-persunal
|
10. |
Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2022, it-tabella tal-persunal kienet tikkonsisti f’16-il aġent temporanju skont il-baġit tal-Unjoni (l-istess ammont ta’ pożizzjonijiet awtorizzati bħall-2021); jinnota wkoll, barra minn hekk, li, 19-il aġent kuntrattwali, 8 esperti nazzjonali sekondati u 10 impjegati interim u konsulenti ħadmu għall-Aġenzija fl-2022; |
|
11. |
Jilqa’ l-isforzi tal-Aġenzija biex tallinja l-operat tagħha mal-prinċipji tad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea tad-19 ta’ Lulju 2012 dwar l-aġenziji deċentralizzati, inkluż id-daqs kritiku minimu mistenni; |
|
12. |
Josserva li l-isfida ewlenija fil-qasam tal-politika tal-persunal kienet ir-rata għolja ta’ dawran tal-impjegati, li fl-2022 telgħet għal 16,3 % meta mqabbla ma’ 4,6 % għall-2021 u 5,4 % fl-2020; jieħu nota tal-fatt li ż-żieda qawwija tad-dawran tal-impjegati affettwat b’mod partikolari lill-unità tal-amministrazzjoni u l-finanzi; jinnota li biex jimtlew il-pożizzjonijiet vakanti u biex jiġi żgurat persunal b’kompetenzi ġodda meħtieġa għall-Aġenzija u l-amministrazzjoni tagħha fl-2022, l-Aġenzija nediet proċeduri ta’ selezzjoni sabiex timla ħames pożizzjonijiet vakanti (aġent temporanju wieħed u erba’ aġenti kuntrattwali) li għalihom ma kellhiex listi ta’ riżerva xierqa fis-seħħ filwaqt li għat-tliet pożizzjonijiet li kien fadal li saru vakanti, l-Aġenzija żgurat reklutaġġ rapidu mil-listi ta’ riżerva attivi tagħha; jitlob, madankollu, lill-Aġenzija tanalizza r-raġunijiet għad-dawran għoli tal-persunal u tieħu l-passi meħtieġa biex tevita dan fil-futur u tirrapporta lura lill-awtorità ta’ kwittanza; |
|
13. |
Ifaħħar l-inizjattivi tal-Aġenzija biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ħajja privata tal-membri tal-persunal, inklużi pariri legali għal kwistjonijiet privati, appoġġ finanzjarju għall-kindergarten, miżati għat-tagħlim għal skejjel internazzjonali, korsijiet tal-lingwa, oġġetti eżentati mill-VAT għal Esperti Nazzjonali Sekondati, programm ta’ induzzjoni għal parteċipanti ġodda, u assistenza għall-membri tal-familja li jistabbilixxu ruħhom fil-Latvja, xi wħud b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet Latvjani; |
|
14. |
Jieħu nota li fl-2022, kif ukoll fl-2021, inkiseb bilanċ bejn il-ġeneri b’mod ġenerali fi ħdan il-persunal, bi 52 % nisa u 48 % irġiel; jinsisti fuq l-intensifikazzjoni tal-isforzi biex jinżamm bilanċ raġonevoli bejn il-ġeneri fost il-persunal tal-Aġenzija; jirrikonoxxi li l-Aġenzija għandha biss tliet pożizzjonijiet maniġerjali intermedji u li nkiseb ukoll bilanċ aċċettabbli bejn il-ġeneri fil-maniġment intermedju, b’mara waħda u żewġt irġiel; |
|
15. |
Jinnota li l-Aġenzija għandha politika dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju psikoloġiku u sesswali, u li l-Aġenzija hija parti minn task force interaġenzjali ta’ konsulenti kunfidenzjali; jistenna bil-ħerqa li jirċievi r-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom; jinnota li ma kien hemm l-ebda każ irrappurtat ta’ fastidju fl-2022 u jħeġġeġ lill-Aġenzija tkompli u tiżviluppa l-ħidma biex tipprevjeni każijiet fil-futur ukoll; |
|
16. |
Jiddispjaċih li l-Aġenzija ma adottatx il-“Karta dwar id-diversità u l-inklużjoni” li għandha l-għan li tippromwovi t-trattament u l-opportunitajiet indaqs, irrispettivament minn kwalunkwe raġuni bħas-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali; ifakkar li wieħed mill-objettivi tal-Karta jikkonsisti fil-kisba tal-għan ta’ mill-inqas 40 % tal-ġeneru sottorappreżentat fil-maniġment intermedju fuq bażi ta’ terminu qasir sa medju; jieħu nota tat-tweġiba tal-Aġenzija għall-kwestjonarju standardizzat tal-kwittanza; iqis li l-fatt li jkun hemm numru bil-fard kemm għall-kategorija tal-pożizzjoni ta’ maniġer superjuri kif ukoll ta’ maniġer intermedju ma jipprevjenix l-adozzjoni tal-Karta; iħeġġeġ lill-Aġenzija tadotta l-Karta u tipparteċipa b’mod attiv f’inizjattivi li jippromwovu d-diversità u l-inklużjoni fuq il-post tax-xogħol; |
|
17. |
Jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija kompliet il-programm ta’ traineeship tagħha matul l-2022; jinnota li b’kollox 7 trainees issieħbu mal-Aġenzija u 15-il trainee pparteċipaw fil-programm ta’ traineeships tal-Aġenzija; |
Il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u t-trasparenza
|
18. |
Jinnota li l-Aġenzija tippubblika fuq is-sit web tagħha s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interess tal-bord maniġerjali tagħha; |
|
19. |
Jieħu nota tal-fatt li qabel ma jibdew ir-rwoli tagħhom fl-Aġenzija, il-membri il-persunal statutorju, l-esperti nazzjonali sekondati, it-trainees, u l-ħaddiema interim huma meħtieġa jissottomettu dikjarazzjoni ta’ interess, li mbagħad tiġi rieżaminata mill-awtorità tal-ħatra jew mid-direttur qabel l-approvazzjoni tal-assenjazzjoni tal-pożizzjoni; jinnota, barra minn hekk, li l-persunal jeħtieġlu jaġġorna regolarment din id-dikjarazzjoni matul l-impjieg biex jindirizza kwalunkwe sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess ad hoc u jeħtieġlu jinforma b’mod proattiv lill-Aġenzija dwar kwalunkwe attività esterna, inizjattiva professjonali matul il-liv personali, żamma ta’ rigali, impjieg tal-konjuġi, u kunflitti potenzjali permezz ta’ pubblikazzjonijiet jew diskorsi; jinnota li, mat-terminazzjoni tas-servizz, il-persunal statutorju u t-trainees huma meħtieġa jiżvelaw l-impenji professjonali futuri ppjanati tagħhom lill-Aġenzija f’perjodu ta’ żmien speċifikat wara l-impjieg; |
|
20. |
Jieħu nota tal-fatt li d-Direttur tal-Aġenzija adotta Nota għall-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess tal-membri tal-persunal matul is-selezzjoni u r-reklutaġġ, li tirrikjedi li tiġi ddikjarata kwalunkwe relazzjoni professjonali/personali mal-applikanti irrispettivament minn jekk din ir-relazzjoni tikkostitwix kunflitt ta’ interess jew le; jinnota, barra minn hekk, li l-membri tal-persunal għandhom jiddikjaraw ukoll jekk jistgħux iżommu l-imparzjalità jew le; jinnota li ladarba l-ismijiet tal-applikanti jiġu żvelati, il-membri tal-kumitat tas-selezzjoni jeħtiġilhom jissottomettu dikjarazzjoni tal-kunflitt ta’ interess f’konformità man-Nota msemmija hawn fuq, kif ukoll mal-linji gwida dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess li jikkonċernaw il-membri tal-persunal involuti fil-proċeduri tas-selezzjoni, tar-reklutaġġ jew tar-riklassifikazzjoni fl-Aġenzija; |
|
21. |
Jinnota li l-bord maniġerjali adotta l-istrateġija kontra l-frodi tal-Aġenzija 2023-2025 li għandha l-għan li ttejjeb l-identifikazzjoni, is-sanzjonar u l-prevenzjoni tal-frodi u tiġġieled kwalunkwe attività illegali oħra li tista’ taffettwa l-interess finanzjarju tagħha; jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija użat fil-produzzjoni l-moduli tal-etika fis-Sysper, li jkopru d-dikjarazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess, id-dikjarazzjoni tar-rigali jew tal-ospitalità, id-dikjarazzjoni tal-pubblikazzjoni, it-talba għall-awtorizzazzjoni ta’ attività esterna, it-talba għal attività esterna waqt il-liv għal raġunijiet personali, id-dikjarazzjoni tal-impjieg tal-konjuġi; |
|
22. |
Ifakkar fl-importanza li l-Aġenzija tiżviluppa viżibbiltà akbar fil-media, l-internet u l-media soċjali sabiex tagħmel xogħolha magħruf maċ-ċittadini; |
Kummenti oħra
|
23. |
Jinnota li minn Frar 2022 l-Aġenzija bdiet tuża l-Għodda ta’ Ġestjoni tal-Akkwist Pubbliku (PPMT) tas-servizzi tal-Kummissjoni, li ssimplifikat aktar il-proċessi ta’ akkwist pubbliku tagħha u tiżgura l-użu tal-aħħar mudelli tal-Kummissjoni u l-aħjar prattiki f’kull pass tal-proċess; |
|
24. |
Jirrikonoxxi li sabiex iżżid iċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tar-rekords diġitali fil-pussess tagħha, l-Aġenzija tagħmel użu minn awtentikazzjoni b’żewġ fatturi, firewalls tal-applikazzjoni tal-web, backups awtomatizzati, kriptaġġ applikat (fejn applikabbli/possibbli) u testijiet regolari ta’ rkupru ta’ sistemi kritiċi għan-negozju; jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija qed tuża protezzjoni bbażata fuq is-software għal apparati tal-utent finali bħal laptops u mowbajls, u s-servizzi tas-sigurtà tal-ICT ipprovduti minn CERT-UE; |
|
25. |
Jilqa’ l-isforzi tal-Aġenzija biex tittratta bi prijorità l-leġiżlazzjoni l-ġdida li tistabbilixxi miżuri dwar iċ-ċibersigurtà fl-istituzzjonijiet, fil-korpi, fl-uffiċċji u fl-aġenziji tal-Unjoni; jinnota bi tħassib il-piż sproporzjonat potenzjali tar-regolament dwar iċ-ċibersigurtà fuq aġenziji żgħar, bħall-Uffiċċju tal-BEREC, li jista’ jpoġġi l-konformità f’riskju; jistieden lill-Kummissjoni tqis dan fiċ-ċikli ta’ programmazzjoni tas-snin li ġejjin; |
|
26. |
Jilqa’ l-fatt li l-bord maniġerjali tal-Aġenzija stabbilixxa ċ-ċertifikazzjoni EMAS bħala mira għat-tliet snin li ġejjin; huwa konxju li l-Aġenzija bdiet it-tħejjija interna għaċ-ċertifikazzjoni, li tinkludi aġġornamenti ulterjuri dwar il-kalkolu tal-impronta tal-karbonju tal-aġenzija, il-parteċipazzjoni fl-eżerċizzju ta’ ġemellaġġ tan-network ta’ ekoloġizzazzjoni tan-Network tal-Aġenziji tal-UE u oħrajn; |
|
27. |
Jilqa’ b’apprezzament il-parteċipazzjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Ukrajna fl-operazzjonijiet ta’ kuljum tal-Aġenzija; ifaħħar lill-Aġenzija u lill-membri tagħha għall-istabbiliment ta’ qafas kollaborattiv biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-konnettività u titwitta t-triq għall-armonizzazzjoni tar-regolamenti Ukreni dwar il-komunikazzjoni elettronika mal-qafas Ewropew tat-telekomunikazzjoni; japprezza wkoll li abbażi tad-data miġbura mill-Aġenzija mill-operaturi tal-Unjoni u minn dawk Ukreni dwar il-miżuri applikati fil-livell tal-konsumatur ġiet miftiehma Dikjarazzjoni Konġunta li stabbiliet qafas stabbli biex tgħin lin-nies li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna jibqgħu konnessi mal-familji u l-ħbieb tagħhom lura f’pajjiżhom u jżommu l-aċċess għall-informazzjoni; |
|
28. |
Ifaħħar l-isforzi tal-Aġenzija fl-2022 biex iżżid is-sensibilizzazzjoni pubblika dwar il-mandat u l-ħidma tagħha fil-Latvja permezz ta’ inizjattivi ta’ komunikazzjoni fuq skala żgħira, bħal pereżempju l-ospitar ta’ studenti viżitaturi mill-Università ta’ Riga Stradiņš, it-trawwim ta’ sħubija li tgħin biex huma jifhmu aħjar l-aġenziji tal-UE, b’mod partikolari fil-Latvja, il-parteċipazzjoni fl-avveniment trażmess live biex jiġi ċċelebrat Jum l-Ewropa fil-Latvja, organizzat mir-rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’dak il-pajjiż u avvenimenti oħra; jistieden lill-Aġenzija tkompli taħdem biex iżżid il-viżibbiltà tal-Aġenzija, speċjalment fl-Istat Membru ospitanti; |
|
29. |
Jilqa’ l-fatt li l-uffiċċji lokali tal-Parlament u tal-Kummissjoni f’Riga u l-Aġenzija ngħaqdu mal-isforzi tagħhom biex jaħdmu flimkien biex jistabbilixxu Dar l-Ewropa konġunta, li se tkun id-dar tal-Istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni u tal-Aġenzija fil-Latvja; |
|
30. |
Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħra li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ April 2024 (2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) ĠU C 119, 31.3.2023, p. 11.
(2) Testi adottati, P9_TA(2024)0280.
ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2024/2259/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)