Brussell, 28.8.2020

COM(2020) 434 final

ANNESS

ta' [...]

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

li tapprova l-emendi għall-Ftehim għall-kooperazzjoni dwar kif jiġi trattat it-tniġġis tal-Baħar tat-Tramuntana bħala riżultat taż-żejt u ta’ sustanzi oħra ta’ ħsara (Il-Ftehim ta’ Bonn) fir-rigward tal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni materjali u ġeografika tiegħu


Deċiżjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar it-trattament tat-Tniġġis tal-Baħar tat-Tramuntana minn Żejt u Sustanzi Oħra ta’ Ħsara dwar l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim bil-ħsieb ta’ kooperazzjoni dwar is-sorveljanza fir-rigward tar-rekwiżiti tal-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL

Il-partijiet Kontraenti tal-Ftehim għall-Kooperazzjoni fit-Trattament tat-Tniġġis fil-Baħar tat-Tramuntana miż-Żejt u Sustanzi Oħra Perikolużi (“il-Ftehim”),

Filwaqt li jfakkru l-Artikolu 16 tal-Ftehim, li jipprevedi li Parti Kontraenti waħda jew aktar tista’ tipproponi emendi għall-Ftehim u li dawn jistgħu jiġu adottati b’vot unanimu f’laqgħa tal-Partijiet Kontraenti,

Bl-intenzjoni li jiżguraw li l-Gvern Depożitarju jirċievi n-notifiki ta’ approvazzjoni mill-Partijiet Kontraenti kollha mill-aktar fis possibbli sabiex tali emendi jkunu jistgħu jidħlu fis-seħħ f’qasir żmien kif stabbilit fl-Artikolu 16(2) tal-Ftehim,

Bl-għan li jtejbu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti fil-ġlieda kontra l-emissjonijiet fl-arja illegali kkawżati mit-trasport marittimu sabiex ikun hemm limitu fuq il-konsegwenzi negattivi tal-kombustjoni tal-karburanti għall-użu marittimu b’kontenut għoli ta’ kubrit jew nitroġenu għas-saħħa tal-bniedem, il-bijodiversità u l-ambjent tal-baħar kollu,

jadottaw id-deċiżjoni segwenti permezz ta’ vot unanimu:

Il-Paragrafu 1 – Emenda tat-titolu tal-Ftehim

It-titolu tal-Ftehim għandu jiġi emendat biex jinqara kif ġej:

“Ftehim għall-Kooperazzjoni fit-Trattament tat-Tniġġis taż-Żona tal-Baħar tat-Tramuntana miż-Żejt u Sustanzi Oħra Perikolużi inkluż it-Tniġġis tal-Arja Kkawżat mit-Trasport Marittimu”

Il-Paragrafu 2 – Emenda tal-preambolu tal-Ftehim

It-titolu tal-Ftehim għandu jiġi emendat kif ġej:

il-kelma “l-Irlanda,” tiddaħħal qabel il-kliem “ir-Renju tan-Netherlands”.

Il-paragrafi preambolari 2 sa 6 għandhom jiġu emendati biex jinqraw kif ġej:

“Filwaqt li jirrikonoxxu li t-tniġġis tal-baħar miż-żejt u sustanzi oħra perikolużi kif ukoll it-tniġġis tal-arja kkawżat mit-trasport marittimu fiż-żona tal-Baħar tat-Tramuntana jista’ jkun ta’ theddida għall-ambjent tal-baħar, għall-bijodiversità, għas-saħħa tal-bniedem u għall-interessi korrispondenti tal-Istati kostali,

Filwaqt li jinnotaw li dan it-tip ta’ tniġġis jirriżulta minn għadd ta’ sorsi u li d-diżgrazzji u inċidenti oħra fil-baħar huma ta' tħassib kbir,

Konvinti li huma meħtieġa l-abbiltà li dan it-tip ta’ tniġġis jiġi missielet kif ukoll il-kooperazzjoni attiva u l-assistenza reċiproka fost l-Istati għall-protezzjoni tal-kosti tagħhom u tal-interessi relatati,

Filwaqt li jilqgħu l-progress li diġà nkiseb fl-ambitu tal-qafas tal-Ftehim għall-Kooperazzjoni fit-Trattament tat-Tniġġis fil-Baħar tat-Tramuntana miż-Żejt, iffirmat f'Bonn fid-9 ta' Ġunju 1969,

Filwaqt li jixtiequ jiżviluppaw aktar assistenza reċiproka u kooperazzjoni fil-monitoraġġ tat-tipi differenti ta’ tniġġis u l-ġlieda kontrih, “

Il-Paragrafu 3 – Emenda tal-Artikolu 1

L-Artikolu 1 għandu jiġi emendat biex jinqara kif ġej:

“Artikolu 1

Dan il-Ftehim għandu japplika fl-ambitu taż-żona tal-Baħar tat-Tramuntana, kif definita fl-Artikolu 2:

(1)    kull darba li l-preżenza jew il-preżenza prospettiva taż-żejt jew ta’ sustanzi oħra perikolużi li jniġġsu jew jheddu li jniġġsu l-baħar tkun ta’ periklu serju u imminenti għall-kosta jew għall-interessi relatati ta’ Parti Kontraenti waħda jew aktar; jew

(2)    kull darba li l-preżenza jew il-preżenza prospettiva ta’ emissjonijiet ikkawżati mit-trasport marittimu fis-sens tal-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL li jniġġsu jew jheddu li jniġġsu l-ambjent tal-baħar tikkontribwixxi għall-ewtrofikazzjoni tal-baħar u thedded is-saħħa tan-nies li jgħixu mal-kosta jew tal-ħlejjaq tal-baħar; kif ukoll

(3)    għas-sorveljanza li ssir bħala għajnuna għall-identifikar tat-tniġġis u għall-ġlieda kontrih kif stabbilit fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu u biex tipprevjeni l-ksur tar-regolamenti kontra t-tniġġis.”

Il-Paragrafu 4 – Emenda tal-Artikolu 5

L-Artikolu 5 għandu jiġi emendat biex jinqara kif ġej:

“Artikolu 5

(1)    Kull meta Parti Kontraenti tkun taf b’inċident jew bil-preżenza taż-żejt jew ta’ sustanzi oħra perikolużi inklużi l-emissjonijiet mill-bastimenti fiż-żona tal-Baħar tat-Tramuntana li x’aktarx tikkostitwixxi theddida serja għall-kosta jew għall-interessi relatati ta' kull Parti Kontraenti oħra, għandha tinforma lil dik il-Parti mingħajr dewmien permezz tal-awtorità kompetenti tagħha.

(2)    Il-Partijiet Kontraenti jieħdu impenn li jitolbu lill-kaptani tal-bastimenti kollha li jtajru l-bnadar tagħhom u lill-bdoti tal-inġenji tal-ajru rreġistrati fil-pajjiżi tagħhom jirrapportaw mingħajr dewmien permezz tal-kanali li, fiċ-ċirkostanzi, ikunu l-aktar prattikabbli u adegwati:

(a)    l-inċidenti kollha li jikkawżaw jew x’aktarx jikkawżaw tniġġis tal-ambjent tal-baħar;

(b)    il-preżenza, in-natura u l-firxa taż-żejt jew ta’ sustanzi oħra perikolużi li x’aktarx jikkostitwixxu theddida serja għall-kosta jew għall-interessi relatati ta' Parti Kontraenti waħda jew aktar.

(3)    Il-Partijiet Kontraenti għandhom jużaw formola standard għar-rapportar tat-tniġġis kif meħtieġ skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.”

Il-Paragrafu 5 – Emenda tal-Artikolu 6

L-Artikolu 6 għandu jiġi emendat biex jinqara kif ġej: 

“Artikolu 6

(1)    Għall-iskop waħdieni ta' dan il-Ftehim iż-żona tal-Baħar tat-Tramuntana hija mqassma f’żoni mfissra fl-Anness ma’ dan il-Ftehim.

(2)    Il-Parti Kontraenti li fiż-żona tagħha sseħħ sitwazzjoni bħal dik deskritta fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 1 ta’ dan il-Ftehim, għandha tivvaluta kif meħtieġ in-natura u l-iskala ta’ kwalunkwe inċident jew, skont il-każ, it-tip u l-kwantità approssimattiva ta’ żejt jew ta’ sustanzi oħra perikolużi u d-direzzjoni u l-veloċità tal-moviment tagħhom.

(3)    Il-Parti Kontraenti kkonċernata għandha tgħarraf minnufih il-Partijiet Kontraenti l-oħra kollha permezz ta' l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ta' l-istimi tagħha u ta' kull azzjoni li tkun ħadet biex tissielet maż-żejt jew sostanzi oħra perikolużi u għandha żżomm dawn is-sostanzi taħt osservazzjoni sakemm idumu fiż-żona tagħha.

(4)    L-obbligazzjonijiet tal-Partijiet Kontraenti skond id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu fir-rigward taż-żoni ta' responsabbilità konġunta għandhom ikunu s-suġġett ta' arranġamenti li għandhom ikunu konklużi bejn il-Partijiet kkonċernati. Dawn l-arranġamenti għandhom ikunu kkomunikati lill-Partijiet Kontraenti l-oħra.”

Il-Paragrafu 6 – Emenda tal-Artikolu 15

L-Artikolu 15 għandu jiġi emendat biex jinqara kif ġej: 

“Artikolu 15

(1)    Il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprevedu t-twettiq tad-dmirijiet segretarjali fir-rigward ta' dan il-Ftehim, wara li jitqiesu l-arranġamenti li diġà jeżistu fil-qafas tal-ftehimiet internazzjonali l-oħra dwar il-prevenzjoni tat-tniġġis tal-ambjent tal-baħar u tal-ambjent tal-ajru fis-seħħ għall-istess reġjun bħal dak ta’ dan il-Ftehim.

(2)    Kull Parti Kontraenti għandha tikkontribwixxi 2,5 % għan-nefqa ta' kull sena tal-Ftehim. Il-bilanċ tan-nefqa tal-Ftehim għandu jitqassam fost il-Partijiet Kontraenti barra l-Komunità Ekonomika Ewropea fi proporzjon mal-prodott nazzjonali gross skont l-iskala ta' valutazzjoni adottata regolarment mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Fl-ebda każ kontribuzzjoni ta’ Parti Kontraenti għal dan il-bilanċ ma għandha taqbeż 20% tal-bilanċ.”

Il-Paragrafu 7 – Dħul fis-seħħ

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data meta l-Gvern Depożitarju jkun irċieva n-notifiki ta' approvazzjoni mill-Partijiet Kontraenti kollha.    

ANNESS[…]