Brussell, 16.7.2025

COM(2025) 554 final

2025/0234(NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1370/2013 fir-rigward tal-iskema ta’ għajnuna għall-provvista ta’ frott u ħaxix, banana u ħalib fi stabbilimenti tal-edukazzjoni
(“l-iskema għall-iskejjel tal-UE”)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Frar 2025 “Viżjoni għall-Agrikoltura u għall-Ikel” 1 tenfasizza l-importanza li l-konsumaturi tal-UE, speċjalment il-gruppi vulnerabbli bħat-tfal, jingħaqdu mill-ġdid mal-ikel u t-territorji lokali. Dan itejjeb il-kompetittività tas-settur agrikolu u b’hekk jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-politiki tal-PAK, kif ukoll iħeġġeġ drawwiet tal-ikel aktar tajbin għas-saħħa fost il-pubbliku ġenerali.

F’dan ir-rigward, l-għajnuna għall-provvista ta’ frott u ħaxix u ta’ ħalib u prodotti tal-ħalib fi stabbilimenti tal-edukazzjoni (“l-iskema għall-iskejjel tal-UE”) stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 uriet li hija effettiva biex iżżid il-konsum ta’ prodotti agrikoli magħżula. Fl-istess ħin, il-qafas finanzjarju pluriennali (“QFP”) għall-2028 sal-2034 huwa opportunità biex din l-iskema ssir aktar effettiva, aktar sempliċi u jkollha impatt akbar fir-rigward tal-finanzjament f’konformità mal-prinċipji ġenerali deskritti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-perkors lejn il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss” 3 , ippubblikata fil-11 ta’ Frar 2025. Il-Komunikazzjoni tenfasizza partikolarment il-ħtieġa li l-baġit jindirizza “l-kumplessitajiet, id-dgħufijiet u r-riġiditajiet li jeżistu bħalissa u jimmassimizza l-impatt ta’ kull euro li jonfoq” filwaqt li tiġi garantita l-kapaċità tal-baġit li jirreaġixxi għal realtà li qed tinbidel. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni introduċiet bidliet rilevanti fl-iskema għall-iskejjel tal-UE permezz tar-Regolament (UE) .../... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [ir-Regolament li jemenda l-OKS] 4 li se jipprovdu l-elementi bażiċi kollha tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, inklużi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-Iskema għall-Iskejjel tal-UE.

Fl-istess ħin, filwaqt li jqisu l-arkitettura l-ġdida tal-QFP, l-Istati Membri jkunu jistgħu jiffinanzjaw l-implimentazzjoni tal-Iskema għall-Iskejjel tal-UE permezz tal-Pjanijiet ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali (il-“Pjanijiet SNR”). Dan ifisser li d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 5 li jiffissaw l-ammont ta’ għajnuna mill-Unjoni skont l-Iskema għall-Iskejjel tal-UE, ma għadhomx meħtieġa u għandhom jitħassru.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat

It-tħassir tad-dispożizzjonijiet huwa konsistenti mal-proposti għar-Regolament (UE) .../... [ir-Regolament FSNR] u għar-Regolament (UE) …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [l-emenda tal-OKS]. Wara li l-Iskema għall-Iskejjel ġiet inkluża bħala tip ta’ intervent iffinanzjat mill-Fond, id-dispożizzjonijiet eżistenti tal-Iskema għall-Iskejjel tal-UE stabbiliti skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2023 ma għadhomx meħtieġa.

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-UE

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi legali

L-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) huwa l-bażi għall-proposta għal regolament li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1370/2013 biex jitħassru d-dispożizzjonijiet eżistenti dwar l-iskema għall-iskejjel tal-UE. Ir-Regolament (UE) Nru 1370/2013 ġie adottat abbażi tal-Artikolu 43(3) tat-TFUE u għalhekk jeħtieġ li jiġi emendat skont l-istess bażi legali.

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

It-tħassir ma jistax jinkiseb bil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

•Proporzjonalità

Mhux applikabbli

•Għażla tal-istrument

Minħabba l-objettivi u l-kontenut tal-proposta, l-aktar strument xieraq huwa emenda tar-Regolament eżistenti.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-proposta hija konsegwenza tal-arkitettura l-ġdida tal-QFP u b’mod partikolari tar-Regolament (UE) .../... [ir-Regolament FSNR] li għalih twettqu valutazzjoni tal-impatt ġenerali u konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati.

•Drittijiet fundamentali

Ir-reviżjoni tirrispetta d-drittijiet u tosserva l-prinċipji minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif stabbiliti fil-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament FSNR. Id-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament propost dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt se japplikaw ukoll għall-iskema għall-iskejjel tal-UE.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-iskema għall-iskejjel tal-UE eżistenti stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 mhijiex se titkompla. L-Iskema għall-Iskejjel tal-UE l-ġdida se tiġi ffinanzjata mill-Fond. Qed jiġi propost li l-allokazzjonijiet finanzjarji lill-Istati Membri jiġu rregolati fir-Regolament (UE) .../... [ir-Regolament FSNR] u li r-rekwiżiti għall-iskema għall-iskejjel jiġu rregolati fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

5.    ELEMENTI OĦRA

•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013 jistabbilixxi regoli dwar l-iffissar ta’ allokazzjonijiet indikattivi u definittivi u dwar ir-riallokazzjoni tal-għajnuna mill-Unjoni, dwar il-livelli massimi tal-għajnuna mill-Unjoni għall-finanzjament ta’ miżuri edukattivi ta’ akkumpanjament u l-kostijiet relatati kif ukoll dwar l-ammont massimu tal-għajnuna mill-Unjoni għall-komponent tal-ħalib.

L-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013 jistabbilixxi l-allokazzjonijiet indikattivi tal-għajnuna mill-Unjoni għal kull Stat Membru mill-1 ta’ Awwissu 2017 sal-31 ta’ Lulju 2023.

Sabiex tiżdied l-effettività u tiġi żgurata l-koerenza ma’ strumenti oħra tal-PAK, l-Iskema għall-Iskejjel tal-UE għandha tiġi implimentata bħala tip ta’ intervent appoġġat mill-Fond. Peress li għandha titħassar l-Iskema għall-Iskejjel tal-UE attwali stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, għandhom jitħassru wkoll id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-Iskema għall-Iskejjel tal-UE stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1370/2013.

2025/0234 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1370/2013 fir-rigward tal-iskema ta’ għajnuna għall-provvista ta’ frott u ħaxix, banana u ħalib fi stabbilimenti tal-edukazzjoni
(“l-iskema għall-iskejjel tal-UE”)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-pakkett tal-qafas finanzjarju pluriennali għall-2028 sal-2034 jinkludi r-Regolament (UE) .../... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [ir-Regolament FSNR] 6   li jistabbilixxi l-Fond għas-Sħubijiet Nazzjonali u Reġjonali (“il-Fond”) għall-perjodu mill-2028 sal-2034, li jiġbor flimkien il-fondi allokati minn qabel nazzjonalment skont il-Fond, inklużi l-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). Il-Fond irid jiġi implimentat permezz ta’ Pjanijiet ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali (il-“Pjanijiet SNR”) u l-Faċilità tal-Unjoni (il-“Faċilità”), li għandhom l-għan li jżidu l-flessibbiltà u jindirizzaw il-kriżijiet u l-interventi li jeħtieġu tmexxija jew koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni.

(2)L-għajnuna għall-provvista ta’ frott u ħaxix u ta’ ħalib u prodotti tal-ħalib fi stabbilimenti tal-edukazzjoni prevista fil-Parti II, it-Titolu I, il-Kapitolu II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 (“l-iskema għall-iskejjel tal-UE”) uriet li hija effettiva biex iżżid il-konsum ta’ prodotti agrikoli magħżula. Sabiex tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), jenħtieġ li l-Iskema għall-Iskejjel tal-UE titkompla. Madankollu, biex tiżdied l-effettività tagħha u tiġi żgurata l-koerenza ma’ strumenti oħra tal-PAK, jenħtieġ li l-iskema għall-iskejjel tal-UE tkun ibbażata skont il-prestazzjoni u jenħtieġ li tiġi implimentata bħala tip ta’ intervent appoġġat mill-Fond, soġġett għar-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) .../... [ir-Regolament FSNR] u Regolament (UE) …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [ir-Regolament dwar il-Prestazzjoni] 8 . Għalhekk, iridu jitħassru d-dispożizzjonijiet eżistenti dwar l-iskema għall-iskejjel tal-UE fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(3)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 9 jiffissa l-ammont ta’ għajnuna mill-Unjoni skont l-iskema għall-iskejjel tal-UE. Fid-dawl tat-tħassir tad-dispożizzjonijiet relatati mal-iskema għall-iskejjel tal-UE stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet relatati mal-iskema għall-iskejjel tal-UE fir-Regolament (UE) Nru 1370/2013 jitħassru wkoll.

(4)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1370/2013 jiġi emendat kif xieraq.

(5)Sabiex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bla xkiel għall-qafas legali l-ġdid skont il-Fond, jenħtieġ li l-emendi tar-Regolamenti (UE) Nru 1370/2013 u (UE) Nru 1308/2013 li jħassru d-dispożizzjonijiet relatati mal-iskema għall-iskejjel tal-UE, japplikaw mill-istess data. Madankollu, sabiex jiġu ffinalizzati l-pagamenti tal-miżuri wara l-31 ta’ Diċembru 2027, jenħtieġ li dawk id-dispożizzjonijiet ikomplu japplikaw fir-rigward tal-miżuri implimentati sal-31 ta’ Diċembru 2027,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1370/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)jitħassar l-Artikolu 5;

(2)jitħassar l-Anness I.

Artikolu 2

L-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1370/2013 għandu jkompli japplika wara l-31 ta’ Diċembru 2027 għall-miżuri implimentati sal-31 ta’ Diċembru 2027.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2028 [data skont id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) [...] li jistabbilixxi l-Fond għas-Sħubijiet Nazzjonali u Reġjonali għall-perjodu 2028-2034 u r-Regolament li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-iskema tal-frott, il-ħaxix u l-ħalib fl-iskejjel (“l-iskema għall-iskejjel tal-UE”)].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Viżjoni għall-Agrikoltura u għall-Ikel – Insawru flimkien settur tal-biedja u tal-ikel attraenti tal-UE għall-ġenerazzjonijiet futuri” 19.2.2025, COM(2025) 75 final.
(2)    Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj ).
(3)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Il-perkors lejn il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss” 11.2.2025, COM(2025) 46 final.
(4)    Ir-Regolament (UE) .../... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-iskema tal-Unjoni Ewropea tal-frott, il-ħaxix u l-ħalib fl-iskejjel (“l-iskema għall-iskejjel tal-UE”), l-interventi settorjali, il-ħolqien ta’ settur tal-proteini, ir-rekwiżiti għall-qanneb, il-possibbiltà ta’ standards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-ġobon, l-għelejjel li fihom il-proteini u laħam, l-applikazzjoni ta’ dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni, ir-regoli dwar id-disponibbiltà tal-provvisti f’emerġenzi u kriżijiet serji u garanziji (ĠU L ..., ELI:...).
(5)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta’ Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta’ ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1370/oj ).
(6)    Ir-Regolament (UE) …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [ir-Regolament FSNR] (ĠU L …, ELI:…).
(7)    Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj).
(8)    Ir-Regolament (UE) …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [ir-Regolament dwar il-Prestazzjoni] (ĠU L …, ELI:…).
(9)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta’ Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta’ ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1370/oj ).