Brussell, 13.12.2019

COM(2019) 625 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

li jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar informazzjoni b’rabta mal-miżuri marbuta mal-politika agrikola komuni


1.Introduzzjoni

Skont l-Artikolu 23a tar-Regolament (KE) 1760/2000 1 , il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li jittratta l-implimentazzjoni u l-impatt tad-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar volontarju taċ-ċanga, inkluża l-possibbiltà tar-rieżami tagħhom.

Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 ġie adottat wara l-kriżi tal-Enċefalopatija Sponġiformi Bovina (BSE), sabiex titjieb it-trasparenza u tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi fiċ-ċanga.

Ir-Regolament ippreveda regoli stretti dwar l-approvazzjoni u l-użu ta’ informazzjoni volontarja, iġġustifikati minn telf serju tal-fiduċja tal-konsumaturi u disturbi serji sussegwenti fis-suq.

Ir-Regolament (UE) Nru. 653/2014 2 emenda r-Regolament (KE) 1760/2000 u ssimplifika b’mod sinifikanti d-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar volontarju taċ-ċanga, bl-għan ewlieni li jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-operaturi u għall-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll li jitnaqqsu l-ispejjeż imġarrba mill-operaturi sabiex jipprovdu tali informazzjoni volontarja.

Ir-regoli emendati ma jipprevedux aktar ir-rekwiżit għall-awtorizzazzjoni tat-tikkettar volontarju taċ-ċanga. Tali informazzjoni volontarja trid tkun konformi mal-leġiżlazzjoni orizzontali dwar it-tikkettar u, b’mod partikolari, mar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 3 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi.

Skont l-Artikolu 23a tar-Regolament (KE) Nru. 1760/2000, l-objettivi ta’ dan ir-rapport huma:

-li jiġu vvalutati l-implimentazzjoni u l-impatt tal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar it-tikkettar volontarju taċ-ċanga tul il-katina tal-provvista, b’mod partikolari billi jitqiesu l-fehmiet espressi mill-awtoritajiet kompetenti, mill-produtturi, mill-proċessuri u mill-konsumaturi;

-li tiġi esplorata l-possibbiltà tar-rieżami tad-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar volontarju taċ-ċanga.

2.SFOND U QAFAS ĠURIDIKU

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1760/2000 ġie adottat fil-kuntest ta’ telf tal-fiduċja tal-konsumaturi wara l-BSE; huwa ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 4 , li ġie adottat b’reazzjoni għal disturbi serji fis-suq ikkawżati mill-kriżi tal-BSE. Ir-Regolament (KE) Nru 820/97 introduċa l-prinċipju tat-traċċabbiltà individwali tal-annimali u t-tikkettar tal-oriġini taċ-ċanga.

Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 stabbilixxa l-elementi li ġejjin:

1.huwa saħħaħ is-sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni għall-annimali bovini, l-Artikoli 1 sa 10;

2.huwa introduċa sistema obbligatorja ta’ tikkettar taċ-ċanga li taħtha l-operaturi li jikkummerċjalizzaw iċ-ċanga għandhom jindikaw, fuq it-tikketta, l-informazzjoni dwar l-oriġini, b’mod partikolari dik dwar fejn ikunu twieldu l-annimali li minnhom tkun ġejja ċ-ċanga, kif ukoll fejn ikunu ġew imsemmna u maqtula, l-Artikoli 11 sa 15;

3.huwa introduċa sistema volontarja ta’ tikkettar li tippermetti lill-operaturi jipprovdu informazzjoni addizzjonali lill-konsumaturi, l-Artikoli 16 sa 18.

Id-dispożizzjonijiet imsemmija fit-tielet punt (is-sistema volontarja ta’ tikkettar) ġew emendati fl-2014 permezz tar-Regolament (UE) Nru 653/2014, li essenzjalment ineħħi r-rekwiżit għall-awtorizzazzjonijiet, mill-awtoritajiet kompetenti, ta’ informazzjoni volontarja dwar it-tikkettar u l-obbligu ta’ kontrolli fuq l-operaturi mwettqa minn korp indipendenti rikonoxxut mill-awtorità kompetenti.

It-tikkettar volontarju taċ-ċanga ġeneralment ikopri r-razza u l-kategorija tal-annimali, ir-reġjun tal-produzzjoni, l-għalf u s-sistemi tal-produzzjoni.

Ir-Regolament (UE) Nru 653/2014 emenda r-Regolament (KE) Nru. 1760/2000 kif ġej:

·Artikolu 15a li għadu kif ġie introdott jesiġi b’mod partikolari li l-informazzjoni tkun oġġettiva, verifikabbli mill-awtoritajiet kompetenti u li tinftiehem mill-konsumaturi;

·Barra minn hekk, l-Artikolu 15a jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati dwar id-definizzjonijiet u r-rekwiżiti applikabbli għat-termini u l-kategoriji li jistgħu jitpoġġew fuq it-tikketti ta’ prodotti taċ-ċanga u tal-vitella friski u ffriżati ppakkjati minn qabel.

·L-Artikolu 22, kif emendat, jistabbilixxi, fost l-oħrajn, li jekk operatur jew organizzazzjoni jkunu ttikkettjaw iċ-ċanga mingħajr ma jikkonformaw mal-obbligi stipulati għat-tikkettar obbligatorju jew volontarju, l-Istati Membri għandhom, kif xieraq, u f’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jirrikjedu t-tneħħija taċ-ċanga mis-suq. L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw li din iċ-ċanga titqiegħed fis-suq wara li tiġi tikkettata kif suppost skont ir-rekwiżiti tal-Unjoni, dejjem jekk il-laħam ikun jikkonforma mar-regoli veterinarji u iġjeniċi rileavnti.

2.1sistema volontarja ta’ tikkettar qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 653/2014

Qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 653/2014, ir-regoli ġenerali għall-awtorizzazzjoni u l-kontroll ta’ informazzjoni volontarja dwar iċ-ċanga kienu pprovduti fl-Artikoli 16 u 17 (issa mħassra) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000.

Fil-qosor:

·l-operatur kien meħtieġ jibgħat l-ispeċifikazzjoni għall-approvazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih saru l-produzzjoni jew il-bejgħ taċ-ċanga;

·l-ispeċifikazzjoni kellha tiddeskrivi l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fuq it-tikketta;

·l-operatur kellu jistabbilixxi sistema speċifika ta’ kontroll li għandha tiġi applikata fl-istadji kollha tal-produzzjoni, inklużi kontrolli mwettqa minn korp indipendenti rikonoxxut mill-awtorità kompetenti u maħtur mill-operatur; dawn il-korpi indipendenti kellhom jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fl-istandard Ewropew EN/45100;

·l-operaturi li jużaw is-sistema ta’ tikkettar kellhom iħallsu l-ispiża tal-kontrolli minn korp indipendenti;

·l-awtorità kompetenti kellha teżamina l-ispeċifikazzjonijiet u l-miżuri meħuda sabiex tiżgura l-preċiżjoni tal-informazzjoni pprovduta fuq it-tikketta;

·jekk il-produzzjoni u/jew il-bejgħ taċ-ċanga jkunu saru f’żewġ Stati Membri jew aktar, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati kellhom jeżaminaw u japprovaw l-ispeċifikazzjonijiet relatati mal-operazzjonijiet fit-territorji rispettivi tagħhom.

·kwalunkwe speċifikazzjoni approvata minn Stat Membru kellha tiġi kkomunikata lill-Istati Membri l-oħrajn permezz tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli;

·f’każ li l-produzzjoni taċ-ċanga tkun saret f’pajjiż terz, l-operaturi jkunu tħallew jipprovdu informazzjoni volontarja dwar it-tikkettar taċ-ċanga skont ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 man-notifika minn qabel lill-Kummissjoni mill-pajjiż terz ikkonċernat li jkun fiha l-elementi li ġejjin:

§l-awtorità kompetenti maħtura sabiex tagħti l-approvazzjoni;

§il-proċeduri u l-kriterji segwiti mill-awtorità kompetenti meta kienet qed teżamina l-ispeċifikazzjoni,

§il-lista ta’ operaturi u organizzazzjonijiet li jistgħu jużaw l-ispeċifikazzjonijiet approvati.

·il-Kummissjoni kellha teżamina n-notifiki li rċeviet minn pajjiżi terzi sabiex tevalwa l-ekwivalenza tal-proċeduri u l-kriterji applikati mill-pajjiż terz għall-istandards stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1760/2000;

·in-notifiki li waslu minn pajjiżi terzi kellhom jiġu trażmessi lill-Istati Membri.

2.2Tikkettar volontarju wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 653/2014

L-Artikolu 15a tar-Regolament (UE) Nru 653/2014 jistabbilixxi:

“L-informazzjoni dwar l-ikel għajr dik speċifikata fl-Artikoli 13, 14 u 15 li tiżdied mat-tikketti b’mod volontarju mill-operaturi jew mill-organizzazzjonijiet li jikkumerċjalizzaw il-laħam taċ-ċanga, għandha tkun oġġettiva, verifikabbli mill-awtoritajiet rilevanti u tinftiehem mill-konsumaturi.

Dik l-informazzjoni għandha tikkonforma mal-leġiżlazzjoni orizzontali dwar it-tikkettar u, b’mod partikolari, mar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill…”.

B’din id-dispożizzjoni, ir-regoli dwar it-tikkettar volontarju taċ-ċanga ġew armonizzati ma’ tipi oħrajn ta’ laħam u oġġetti tal-ikel b’mod ġenerali skont l-informazzjoni orizzontali dwar l-ikel għar-Regolament tal-konsumaturi3; l-operaturi issa jistgħu jipprovdu informazzjoni volontarja fuq it-tikketti taħt ir-responsabbiltà tagħhom stess, mingħajr il-ħtieġa ta’ approvazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti u mingħajr kontrolli minn partijiet terzi.

Il-Kapitolu V tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jipprovdi regoli ġenerali dwar l-informazzjoni volontarja dwar l-ikel. B’mod partikolari, l-Artikolu 36(2) tar-Regolament jistabbilixxi li l-informazzjoni pprovduta fuq bażi volontarja għandha tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a) hija ma għandhiex tiżgwida lill-konsumatur kif imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament (“prattiki ta’ informazzjoni ġusta”), b’mod partikolari:

ofir-rigward tal-karatteristiċi tal-ikel u, b’mod partikolari, fir-rigward tan-natura, l-identità, il-proprjetajiet, il-kompożizzjoni, il-kwantità, id-durabbiltà, il-pajjiż ta’ oriġini jew il-post ta’ provenjenza tiegħu, il-metodu tal-manifattura jew tal-produzzjoni;

obilli tattribwixxi għall-ikel l-effetti jew il-karatteristiċi li ma għandux;

obilli tissuġġerixxi li l-ikel għandu karatteristiċi speċjali meta fil-fatt l-ikel kollu simili jkollu tali karatteristiċi, b’mod partikolari billi tenfasizza speċifikament il-preżenza jew l-assenza ta’ ċerti ingredjenti u/jew nutrijenti;

obilli tissuġġerixxi, permezz tal-apparenza, id-deskrizzjoni jew ir-rappreżentazzjoni permezz ta’ stampi, il-preżenza ta’ ikel jew ingredjent partikolari, filwaqt li, fir-realtà, komponent preżenti b’mod naturali jkun ġie sostitwit b’komponent differenti.

(b) hija ma għandhiex tkun ambigwa u ma għandhiex toħloq konfużjoni għall-konsumaturi; u

(ċ) hija għandha, fejn xieraq, tkun ibbażata fuq id-data xjentifika rilevanti.

Ir-referenza għall-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 hija partikolarment importanti. Billi tiddikjara li l-informazzjoni pprovduta ma għandhiex tiżgwida b’rabta ma’, fost l-oħrajn, il-karatteristiċi tal-ikel, il-post ta’ provenjenza u l-metodu ta’ manifattura u produzzjoni, hija de facto qed tkopri l-informazzjoni kollha pprovduta preċedentement bħala tikkettar volontarju skont ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000. F’dan is-sens, il-prattiki ta’ informazzjoni ġusta huma garantiti mir-referenza għall-Artikolu 7.

3.METODOLOĠIJA

Ir-rapport preżenti huwa bbażat fuq l-informazzjoni li ġejja:

-analiżi tar-rapporti u l-evalwazzjonijiet preċedenti mwettqa fuq it-tikkettar volontarju taċ-ċanga;

-konsultazzjoni tal-Istati Membri permezz ta’ kwestjonarju speċifiku u kuntatti bilaterali;

-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati permezz ta’ kwestjonarju speċifiku u kuntatti bilaterali.

3.1Rapporti u evalwazzjonijiet preċedenti

Ir-riżultati tal-istudji u r-rapporti li ġejjin intużaw sabiex tiġi evalwata l-implimentazzjoni tas-sistema volontarja ta’ tikkettar taċ-ċanga:

a)Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tat-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 5 .

b)Opinjoni dwar l-agrikoltura tal-Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Partijiet Ikkonċernati Indipendenti dwar il-Piżijiet Amministrattivi 6  

c)Studju ta’ evalwazzjoni għall-Kummissjoni “Evalwazzjoni tar-regoli tal-UE dwar it-tikkettar taċ-ċanga” 7

3.2Konsultazzjoni mal-Istati Membri

Sabiex tiġi integrata, aġġornata u kkumplimentata l-analiżi mwettqa fil-qafas ta’ evalwazzjonijiet preċedenti, inġabret informazzjoni permezz ta’ kwestjonarji speċifiċi indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti tat-28 Stat Membru kollha.

Il-kwestjonarju ġie ppreżentat fil-laqgħa tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli tad-19 ta’ Lulju 2018 u tqassam lill-Istati Membri.

L-għan tal-kwestjonarju kien li jiġbor informazzjoni, opinjonijiet u valutazzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-implimentazzjoni tas-sistema.

B’mod partikolari, l-Istati Membri ntalbu:

-jgħidu jekk kellhomx sistema nazzjonali ta’ notifiki u kontroll fuq it-tikkettar volontarju taċ-ċanga wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 653/2014;

-jipprovdu stima tas-sehem mis-suq tal-laħam ta’ annimali bovini ttikkettat b’mod volontarju qabel u wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 653/2014;

-jgħidu liema kienu l-elementi ewlenin ta’ informazzjoni pprovduti taħt is-sistema ta’ tikkettar volontarju;

-l-għadd ta’ kontrolli mwettqa u r-rati tan-nuqqas ta’ konformità qabel (2013-2014) u wara (mill-2015 ’il quddiem) id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 653/2014;

-it-tipi ta’ nuqqasijiet ta’ konformità misjuba fir-rigward tat-tikkettar volontarju taċ-ċanga;

-id-diffikultajiet li nstabu fl-implimentazzjoni tat-tikkettar volontarju taċ-ċanga wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru. 653/2014;

-jivvalutaw l-effetti ewlenin (pożittivi jew negattivi) tas-simplifikazzjoni introdotta mir-Regolament (UE) Nru 653/2014;

-jivvalutaw (fuq skala minn 1 sa 5) is-sistema ta’ tikkettar volontarju taċ-ċanga qabel u wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 653/2014 fir-rigward tal-aspetti li ġejjin: l-effettività tas-sistema, l-affidabbiltà tas-sistema, il-kumplessità għall-awtoritajiet kompetenti, il-kumplessità għall-produtturi, il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet kompetenti sabiex jimplimentaw u jħaddmu s-sistema, l-ispejjeż amministrattivi għall-produtturi, il-kapaċità li jinfurmaw b’mod korrett lill-konsumaturi.

Minn 28 Stat Membru, 12 wieġbu fid-dettall għall-kwestjonarju (BE-DK-DE-ES-FR-IT-AT-PT-SI-FI-SE-UK). 5 Stati Membri wieġbu li ma kinux qegħdin japplikaw tikkettar volontarju taċ-ċanga qabel l-2014 (BG-HR-LV-LT-PL).

11-il Stat Membru ma weġbux jew inkella bagħtu kwestjonarju parzjalment komplut (CZ-EE-IE-EL-CY-LU-HU-MT-NL-RO-SK).

Saret diskussjoni mal-Istati Membri dwar l-eżiti ewlenin tal-kwestjonarju waqt il-laqgħa tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli fit-8 ta’ Novembru 2018.

3.3Konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati

B’mod simili għall-konsultazzjoni tal-Istati Membri, il-kwestjonarju indirizzat lill-partijiet ikkonċernati kellu l-għan li jiġbor informazzjoni, opinjonijiet u valutazzjonijiet fir-rigward tal-aspetti li ġejjin:

-jekk ir-regoli preċedenti dwar it-tikkettar volontarju taċ-ċanga (jiġifieri l-approvazzjoni mill-Istati Membri, il-kontrolli minn partijiet terzi, in-notifiki, eċċ.) kinux meqjusa utli fil-passat sabiex jiġi sostnut is-suq wara l-kriżi tal-BSE u sabiex il-konsumaturi jiġu infurmati b’mod korrett;

-jekk ikunx hemm raġunijiet siewja sabiex issir distinzjoni bejn iċ-ċanga u tipi oħrajn ta’ laħam u ikel fir-rigward ta’ informazzjoni volontarja għall-konsumaturi;

-kif kienu perċepiti r-regoli preċedenti dwar it-tikkettar volontarju taċ-ċanga u l-effetti ewlenin (pożittivi jew negattivi) tar-regoli ġodda introdotti mir-Regolament (UE) Nru 653/2014;

-jekk il-konsumaturi kinux konxji tar-regoli differenti applikati għat-tikkettar volontarju taċ-ċanga qabel ir-Regolament (UE) Nru 653/2014 meta mqabbel ma’ ikel ieħor;

-kwalunkwe diffikultà li jiltaqgħu magħha l-partijiet ikkonċernati (fl-istadju rilevanti tas-suq) sabiex jadattaw għar-regoli ġodda introdotti mir-Regolament (UE) Nru 653/2014 u jekk ir-regoli ġodda dwar it-tikkettar volontarju taċ-ċanga kellhomx impatt (pożittiv jew negattiv) fuq l-istrateġiji ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-partijiet ikkonċernati;

-li jivvalutaw (fuq skala minn 1 sa 5) is-sistema ta’ tikkettar volontarju taċ-ċanga qabel u wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 653/2014 fir-rigward tal-aspetti li ġejjin: l-effettività tas-sistema, l-affidabbiltà tas-sistema, il-kumplessità għall-awtoritajiet kompetenti, il-kumplessità għall-produtturi, il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet kompetenti sabiex jimplimentaw u jħaddmu s-sistema, l-ispejjeż amministrattivi għall-produtturi, il-kapaċità li jinfurmaw b’mod korrett lill-konsumaturi.

Sal-aħħar ta’ Novembru 2018 waslu seba’ tweġibiet mingħand l-assoċjazzjonijiet li ġejjin: it-trade unions Ewropej tal-bhejjem u tal-kummerċ tal-laħam (UECVB), il-Federación Empresarial de Carnes e Industrias Cárnicas (FECIC), l-Assoċjazzjoni Brittanika tal-Proċessuri tal-Laħam (‘British Meat Processor Association’ - BMPA), CULTURE VIANDE, EUROCOMMERCE (3 tweġibiet mibgħuta minn organizzazzjonijiet assoċjati differenti).

4.RIŻULTATI TAL-ANALIŻI U TAL-KONSULTAZZJONI

4.1Analiżi tar-rapporti u l-evalwazzjonijiet preċedenti

L-ewwel valutazzjoni tar-regoli dwar it-tikkettar volontarju taċ-ċanga twettqet fl-2004 mill-Kummissjoni Ewropea fir-“Rapport tagħha dwar l-implimentazzjoni tat-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000”.

F’dan ir-rapport, il-Kummissjoni nnotat li:

·is-sistema ta’ tikkettar volontarju ntużat primarjament mill-operaturi fir-relazzjonijiet bejn in-negozji;

·kien hemm fis-seħħ ftehimiet kuntrattwali bejn imsieħba kummerċjali sabiex jiżguraw it-trażmissjoni ta’ informazzjoni speċifika dwar il-prodott;

·ir-rwol tal-iskemi ta’ tikkettar volontarju kien perċepit mill-awtoritajiet kompetenti b’mod differenti, li jwassal għal kriterji differenti għall-awtorizzazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet;

·dawn l-approċċi differenti wasslu għall-fatt li l-każijiet ta’ rikonoxximent reċiproku tal-ispeċifikazzjonijiet approvati kienu rari, li ħoloq ir-riskju ta’ tfixkil tal-kummerċ fl-UE kif ukoll ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi li ma kinux soġġetti għall-istess restrizzjonijiet fil-kisba ta’ approvazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tagħhom.

It-tieni valutazzjoni twettqet mill-Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Partijiet Ikkonċernati Indipendenti dwar Piżijiet Amministrattivi (“HLG”), imwaqqaf fl-2007 sabiex jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Azzjoni għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-Unjoni Ewropea.

Fl-opinjoni tiegħu dwar l-Agrikoltura/is-sussidji Agrikoli tal-5 ta’ Marzu 2009, l-HLG identifika l-proċedura għall-approvazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tat-tikkettar volontarju taċ-ċanga u s-sistema ta’ kontroll stipulata fir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 bħala sors ta’ piż amministrattiv kemm għall-operaturi kif ukoll għall-amministrazzjonijiet.

Għalhekk, l-HLG irrakkomanda lill-Kummissjoni sabiex telimina r-rekwiżiti ta’ notifika fir-rigward tal-użu ta’ indikazzjonijiet ta’ tikkettar addizzjonali minbarra dawk obbligatorji għaċ-ċanga.

Skont ir-rapport tal-HLG, dan jippermetti tnaqqis ta’ 15 % fil-piż amministrattiv (EUR 21 miljun, minn total ta’ EUR 139 miljun għat-tikkettar taċ-ċanga) fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ annimali bovini, mingħajr ma tiġi kompromessa t-traċċabbiltà garantita mill-elementi tat-tikkettar obbligatorju.

It-tielet evalwazzjoni dettaljata “Evalwazzjoni tar-regoli tal-UE dwar it-tikkettar taċ-ċanga” twettqet għall-Kummissjoni fl-2014, ftit xhur wara l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 653/2014.

Fir-rigward tas-sistema ta’ tikkettar volontarju, l-eżiti ewlenin kienu:

-il-volum taċ-ċanga soġġetta għal skemi volontarji kien jirrappreżenta medja ta’ 23 % taċ-ċanga kollha mibjugħa fis-swieq nazzjonali tas-sitt Stati Membri fl-istudju tal-każ (DE, FR, IT, ES, UK, IE).

-il-partijiet ikkonċernati kellhom fehmiet diverġenti dwar il-konsegwenzi tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 653/2014 li jissimplifika r-regoli dwar it-tikkettar volontarju: xi wħud apprezzaw il-proċedura ssimplifikata; oħrajn raw ir-riskju li s-sistema kollha tiddeterjora u t-telf ta’ fiduċja tal-konsumaturi.

-il-konsumaturi ġeneralment setgħu jifhmu l-indikazzjonijiet ipprovduti f’konformità mar-regoli volontarji. Madankollu, xi konsumaturi li ġew intervistati ilmentaw li t-tikketti pprovduti f’konformità mar-regoli volontarji spiss irriżultaw f’tikketti ffollati. Dan wassal għall-paradoss fejn it-tikketti fuq iċ-ċanga fl-istess ħin jipprovdu wisq informazzjoni mingħajr spjegazzjoni suffiċjenti, u dan jagħmilha diffiċli li jinftiehmu.

-b’mod ġenerali, l-indikazzjonijiet volontarji ma kinux jidhru bħala fatturi li għandhom influwenza kbira fuq l-imġiba tax-xiri deskritta mill-konsumaturi nfushom. 8

-il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati enfasizzaw li r-Regolament (UE) Nru 653/2014 ġab ir-regoli dwar it-tikkettar volontarju għaċ-ċanga konformi mar-regoli ġenerali dwar it-tikkettar tal-ikel.

-f’xi każijiet, it-tikketti volontarji ntużaw biss fil-bejgħ minn negozju għal negozju.

-xi bejjiegħa bl-imnut beżgħu li s-simplifikazzjoni tat-tikkettar volontarju tal-2014 twassal għal proliferazzjoni ta’ tikketti b’livelli baxxi ta’ garanzija li l-informazzjoni pprovduta fuq it-tikketta volontarja hija oġġettiva, verifikabbli u komprensiva għall-konsumaturi, li tista’ tagħmel ħsara lill-immaġini tas-settur. Oħrajn qiesu li dan huwa żvilupp pożittiv: is-simplifikazzjoni tal-proċeduri tippermetti li l-operaturi ekonomiċi jiżviluppaw pretensjonijiet volontarji ġodda, billi jirrispondu għad-domanda tal-konsumaturi.

4.2Eżitu tal-Konsultazzjoni mal-Istati Membri

Fil-konsultazzjoni tal-2018, it-12-il Stat Membru li wieġbu kompletament għall-kwestjonarju kienu jirrappreżentaw aktar minn 72 % tal-produzzjoni tal-laħam ta’ annimali bovini fl-UE. B’hekk, ir-riżultati jistgħu jitqiesu bħala sinifikanti u rappreżentattivi tas-sitwazzjoni tal-UE.

Żewġ Stati Membri (PT u SI) żammew is-sistema nazzjonali tagħhom ta’ approvazzjoni mill-awtorità kompetenti u l-kontroll ta’ partijiet terzi għat-tikkettar volontarju taċ-ċanga wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 653/2014.

Stat Membru wieħed (IT) issimplifika s-sistema: l-informazzjoni li tista’ tinkiseb minn reġistru uffiċjali u dokumenti tista’ titqiegħed direttament fuq it-tikketta mill-operaturi, filwaqt li l-użu ta’ aktar informazzjoni għandu jiġi kkomunikat lill-awtorità kompetenti iżda mingħajr ma tkun meħtieġa approvazzjoni formali.

Stat Membru wieħed (FR) irrapporta li, minkejja s-simplifikazzjoni, ħafna operaturi komplew jużaw l-ispeċifikazzjonijiet approvati qabel l-2014 b’kontrolli minn korp indipendenti. Operaturi oħrajn qalbu għal skemi ta’ kwalità u tikkettar nazzjonali jew Ewropej oħrajn jew implimentaw skemi privati ta’ ċertifikazzjoni sabiex jittikkettjaw il-prodotti tagħhom. L-ispeċifikazzjonijiet ġodda ma għadhomx jiġu kkontrollati u approvati a priori.

Fl-Istati Membri l-oħrajn kollha li wieġbu għall-kwestjonarju, is-sistema ta’ notifiki tħassret kompletament, kif stabbilit skont id-dispożizzjonijiet ġodda dwar it-tikkettar volontarju taċ-ċanga.

Kienu ftit ħafna l-Istati Membri 9 li setgħu jipprovdu informazzjoni dwar is-sehem mis-suq tal-laħam ta’ annimali bovini ttikkettat b’informazzjoni volontarja qabel u wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 653/2014.

Skont l-istudju ta’ evalwazzjoni, il-medja ponderata taċ-ċanga mibjugħa skont l-iskemi ta’ tikkettjar volontarju għas-sitt Stati Membri studjati (DE, FR, IT, ES, UK, IE) mill-2014 ammontat għal 23 % tat-total ta’ ċanga kkummerċjalizzata.

Huwa interessanti li l-Istati Membri b’sehem għoli ta’ laħam ikkummerċjalizzat skont skemi ta’ tikkettar volontarju ma rrapportaw l-ebda bidla sinifikanti fil-kwestjonarju. L-Awstrija qed tistma tnaqqis ta’ 5 % fl-użu ta’ informazzjoni volontarja (minn 80-90 % għal 75-85 % tal-laħam ikkummerċjalizzat qabel u wara l-2014, rispettivament). Fl-Iżvezja, dan is-sehem żdied minn 90 % għal 95 %, filwaqt li d-Danimarka ma rrapportat l-ebda bidla sinifikanti.

L-informazzjoni ewlenija pprovduta taħt is-sistema ta’ tikkettar volontarju kienet ir-razza u l-kategorija tal-annimali, flimkien mar-reġjun tal-produzzjoni u s-sistemi ta’ għalf u produzzjoni.

L-ebda Stat Membru ma rrapporta diffikultà fit-tranżizzjoni mir-regoli preċedenti dwar it-tikkettar volontarju taċ-ċanga għar-regoli ssimplifikati ġodda.

Is-simplifikazzjoni tqieset bħala l-effett pożittiv ewlieni mill-Istati Membri li wieġbu għall-kwestjonarju, b’10 Stati Membri minn 12 jirrikonoxxu li s-sistema l-ġdida ssimplifikat ir-regoli billi evitat il-passi amministrattivi kollha meħtieġa skont ir-regoli preċedenti qabel ma tinkiseb l-approvazzjoni tal-ispeċifikazzjoni. Dan ikkawża tnaqqis notevoli tal-piż amministrattiv għall-awtoritajiet kompetenti.

L-armonizzazzjoni ma’ tipi oħrajn ta’ laħam (laħam tal-majjal, tat-tjur, tan-nagħaġ u tal-mogħoż) ġiet rikonoxxuta wkoll bħala effett pożittiv minħabba li r-raġunijiet għal regoli aktar stretti dwar it-tikkettar taċ-ċanga (il-kriżi tal-BSE) ma għadhomx rilevanti.

Fl-aħħar nett, l-Istati Membri enfasizzaw li regoli ssimplifikati jippermettu lill-operaturi jirreaġixxu malajr għad-domandi tas-suq jekk issir meħtieġa informazzjoni ġdida fuq it-tikketti.

Bħala konsegwenza negattiva possibbli tas-sistema l-ġdida, ġie identifikat riskju akbar ta’ nuqqasijiet ta’ konformità minn tliet Stati Membri (ES, AT, UK), minħabba l-abolizzjoni tal-kontrolli minn korp indipendenti.

Madankollu, dan mhuwiex ikkonfermat mid-data pprovduta dwar il-kontrolli u r-rati ta’ nuqqas ta’ konformità misjuba fuq it-tikkettar volontarju taċ-ċanga qabel u wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 653/2014. Ħafna Stati Membri ma setgħux jipprovdu data speċifika dwar il-kontrolli fuq it-tikkettar volontarju, minħabba li d-data tinġabar b’mod aggregat flimkien ma’ dawk dwar it-tikkettar obbligatorju. Erba’ Stati Membri (FR-IT-AT-PL) setgħu jipprovdu data diżaggregata dettaljata.

Fl-ewwel tliet snin tal-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda (2015-2017), il-perċentwal medju ta’ nuqqasijiet ta’ konformità rrapportati minn dawn l-erba’ Stati Membri indika li r-rata ta’ nuqqas ta’ konformità ma varjatx b’mod sinifikanti u li s-sistema ssimplifikata l-ġdida mhijiex aktar riskjuża minn dik preċedenti.

L-analiżi tal-valutazzjoni ppreżentata mill-Istati Membri dwar ir-regoli preċedenti u ġodda tat-tikkettar volontarju taċ-ċanga – bl-użu ta’ sistema ta’ punti li tvarja minn 1 (l-aktar valur baxx) sa 5 (l-ogħla valur) – uriet li, b’mod ġenerali, l-Istati Membri kkunsidraw b’mod pożittiv is-simplifikazzjoni introdotta fl-2014.

B’mod partikolari, l-Istati Membri ntalbu jipprovdu valutazzjoni dwar l-aspetti li ġejjin:

-l-effettività tas-sistema - punti medji miksuba: 3.7 qabel l-2014 u 3.5 wara l-2014; l-Istati Membri ma pperċepew l-ebda differenza sostanzjali fl-effettività tas-sistema; ir-regoli l-ġodda għadhom effettivi sabiex jiżguraw informazzjoni ċara dwar it-tikkettar lill-konsumaturi.

-l-affidabbiltà tas-sistema - punti medji miksuba: 4.0 qabel l-2014 u 3.5 wara l-2014; minkejja tnaqqis żgħir fil-punti medji miksuba, ir-riżultati mill-Istati Membri jindikaw li s-sistema l-ġdida hija kważi affidabbli daqs dik preċedenti. Il-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti jiżguraw u jiggarantixxu livell tajjeb ta’ affidabbiltà fis-sistema.

-il-kumplessità għall-awtoritajiet kompetenti - punti medji miksuba: 4.2 qabel l-2014 (kumplessa u oneruża) u 2.3 wara l-2014; f’dan il-każ, id-differenza fil-valutazzjoni qabel u wara l-introduzzjoni tar-regoli l-ġodda kienet importanti. L-Istati Membri kienu jemmnu li s-sistema preċedenti kienet pjuttost kumplessa sabiex tiġi ġestita min-naħa tal-amministrazzjonijiet, filwaqt li r-regoli l-ġodda naqqsu l-kumplessità tas-sistema.

-il-kumplessità għall-produtturi - punti medji miksuba: 4.3 qabel l-2014 (tieħu ħafna ħin u oneruża) u 2.1 wara l-2014 (inqas kumplessa u oneruża); barra minn hekk, f’dan il-każ kien hemm tnaqqis notevoli fil-punti miksuba. Is-sistema l-ġdida hija perċepita bħala ħafna inqas kumplessa. Il-proċess tal-approvazzjoni tal-ispeċifikazzjoni u l-ġestjoni tas-sistema kollha jieħdu ħafna ħin u huma onerużi għall-operaturi.

-il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet kompetenti - punti medji miksuba: 4.1 qabel l-2014 u 2.2 wara l-2014; is-sistema preċedenti tqieset bħala oneruża; is-sistema l-ġdida ppermettiet tnaqqis sensibbli tal-piżijiet għall-awtoritajiet kompetenti.

-l-ispejjeż amministrattivi għall-produtturi: - punti medji miksuba: 4.0 qabel l-2014 u 1.9 wara l-2014; it-tnaqqis fl-ispejjeż għall-produtturi wara s-simplifikazzjoni kien perċepit bħala sinifikanti ħafna. Dan huwa relatat mal-abolizzjoni tal-kontrolli.

-il-kapaċità li l-konsumaturi jiġu infurmati b’mod korrett - punti medji miksuba: 4.4 qabel l-2014 u 3.7 wara l-2014; filwaqt li kemm is-sistema preċedenti kif ukoll dik ġdida kisbu valur għoli fuq dan l-aspett, is-sistema preċedenti tqieset bħala kemmxejn aktar informattiva għall-konsumaturi. Billi jevitaw proċeduri kumplessi ta’ awtorizzazzjoni, l-operaturi jistgħu jikkomunikaw b’mod aktar effettiv dwar l-informazzjoni meqjusa bħala importanti għall-konsumaturi.

Mill-konsultazzjoni tal-Istati Membri, jista’ jiġi konkluż li huma qiesu l-implimentazzjoni tas-sistema l-ġdida fil-livell amministrattiv bħala sodisfaċenti.

4.3L-eżitu tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati

Fl-evalwazzjoni tal-20147 dwar ir-regoli tal-UE dwar it-tikkettar taċ-ċanga, la t-tikkettar taċ-ċanga obbligatorju u lanqas dak volontarju ma deher li kellu rwol deċiżiv fl-akkumpanjament tal-irkupru tas-suq taċ-ċanga wara l-kriżi tal-BSE, għalkemm it-tnejn ikkontribwixxew sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi fiċ-ċanga.

Il-partijiet ikkonċernati għandhom opinjonijiet differenti dwar l-utilità tas-sistema preċedenti ta’ tikkettar volontarju taċ-ċanga sabiex issostni s-suq wara l-kriżi tal-BSE.

Filwaqt li l-industrija kkunsidrat li s-sistema għandha ċertu rwol fl-indirizzar tat-telf ta’ fiduċja tal-konsumaturi wara l-kriżi tal-BSE, il-bejjiegħa bl-imnut ħasbuha b’mod differenti.

L-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati kkonverġew fuq punt wieħed: ma hemmx aktar raġunijiet validi sabiex issir differenza bejn iċ-ċanga u tipi oħrajn ta’ laħam u ikel b’rabta ma’ informazzjoni volontarja li trid tingħata lill-konsumaturi.

Il-partijiet ikkonċernati ddeskrivew ir-regoli preċedenti dwar it-tikkettar volontarju taċ-ċanga bħala onerużi, għaljin u sproporzjonati, b’mod partikolari minħabba l-proċess twil u kumpless ta’ tħejjija, approvazzjoni u kontroll tal-ispeċifikazzjoni rilevanti.

Fil-fehma tal-partijiet ikkonċernati, il-konsumaturi ma kinux konxji li kienu applikabbli regoli differenti għaċ-ċanga meta mqabbla ma’ ikel ieħor b’rabta mat-tikkettar volontarju u, għalhekk, it-tikkettar volontarju ma kienx fattur diskriminatorju ewlieni fl-imġiba tax-xiri tal-konsumaturi.

Fejn jidħlu d-diffikultajiet li jaf kien se jkollhom jaffaċċjaw l-operaturi biex jadattaw għar-regoli tal-2014, il-partijiet ikkonċernati ma rrapurtaw ebda diffikultà. Pjuttost il-kuntrarju: erba’ partijiet ikkonċernati wieġbu li huma ma kellhomx bżonn jadattaw l-istrateġiji ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħhom u tlieta wieġbu li huma kellhom impatti pożittivi fuq l-istrateġiji kummerċjali tagħhom.

B’mod partikolari, il-partijiet ikkonċernati li rrapportaw impatt pożittiv kienu tal-fehma li r-regoli l-ġodda ppermettew aktar flessibbiltà fil-katina tal-produzzjoni sabiex jirreaġixxu malajr għall-opportunitajiet u d-domandi tas-suq.

L-analiżi tal-valutazzjoni sottomessa mill-partijiet ikkonċernati wriet b’mod ċar li s-sistema l-ġdida, li hija affidabbli daqs dik preċedenti (punti medji miksuba fir-rigward ta’ dan l-aspett: 4.1 qabel l-2014 u 4.0 wara l-2014), ippermettiet li jinkisbu riżultati importanti f’termini ta’:

-l-effettività tas-sistema - punti medji miksuba: 2.8 qabel l-2014 u 4.5 wara l-2014: is-sistema issa hija perċepita bħala aktar effettiva.

-il-kumplessità u l-piż amministrattiv għall-awtoritajiet kompetenti u l-produtturi - punti medji miksuba: 4.4 qabel l-2014 u 2.4 wara l-2014 fir-rigward tal-kumplessità għall-awtoritajiet kompetenti u 4.3 qabel l-2014 u 2.3 wara l-2014 fir-rigward tal-kumplessità għall-produtturi. Fl-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati, ġie rreġistrat tnaqqis notevoli fil-kumplessità għall-awtoritajiet kompetenti u l-produtturi.

-il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet kompetenti — punti medji miksuba: 4.4 qabel l-2014 u 2.4 wara l-2014. Il-partijiet ikkonċernati kkunsidraw il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet kompetenti bħala għoli skont ir-regoli preċedenti, u bħala medju bis-sistema l-ġdida, prinċipalment b’rabta mal-kontrolli.

-l-ispejjeż amministrattivi għall-produtturi - punti medji miksuba: 4.1 qabel l-2014 u 2.5 wara l-2014. Is-sistema l-ġdida ppermettiet tnaqqis fl-ispejjeż għall-produtturi. Ta’ min jinnota li l-firxa ta’ dan it-tnaqqis ġiet iġġudikata bħala aktar importanti mill-awtoritajiet kompetenti milli mill-partijiet ikkonċernati.

-il-kapaċità li l-konsumaturi jiġu infurmati b’mod korrett - punti medji miksuba: 3.1 qabel l-2014 u 4.1 wara l-2014. Fl-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati, is-sistema l-ġdida tqieset li hija aktar xierqa sabiex tipprovdi informazzjoni korretta lill-konsumaturi.

L-analiżi tat-tweġibiet ipprovduti għall-kwestjonarju mill-partijiet ikkonċernati wriet b’mod ċar li s-simplifikazzjoni introdotta fl-2014 kellha effetti pożittivi fuq is-settur.



5.KONKLUŻJONIJIET

Is-simplifikazzjoni introdotta mir-Regolament (UE) Nru. 653/2014 tipprevedi allinjament mar-regoli orizzontali stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi.

Minbarra t-tikkettar volontarju taċ-ċanga li issa qed isegwi regoli orizzontali fl-Istati Membri kollha, xi speċifiċitajiet nazzjonali nżammu f’erba’ Stati Membri. Il-Portugall u s-Slovenja żammew sistema nazzjonali sħiħa ta’ notifika u kontroll, l-Italja ssimplifikat is-sistema nazzjonali u, fi Franza, ħafna operaturi komplew jużaw l-ispeċifikazzjonijiet approvati qabel l-2014 b’kontrolli minn korp indipendenti.

B’mod ġenerali, l-effetti tas-simplifikazzjoni ġew evalwati b’mod pożittiv mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati. L-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ma sabux diffikultajiet sabiex jintroduċu r-regoli l-ġodda fil-livell amministrattiv u f’dak operattiv.

Ir-regoli l-ġodda tqiesu b’mod pożittiv mill-biċċa l-kbira ta’ dawk li wieġbu, li jippermettu li jinkisbu simplifikazzjoni, armonizzazzjoni ma’ setturi oħrajn, tnaqqis tal-piż amministrattiv u kapaċità mtejba tal-operaturi sabiex jirrispondu għad-domanda tal-konsumaturi, mingħajr ma jikkawżaw problemi fil-livell tal-kummerċ fl-UE jew mingħajr ma jimminaw l-effettività u l-affidabbiltà tas-sistema.

Issemma riskju ta’ nuqqasijiet ta’ konformità aktar frekwenti minn uħud minn dawk li wieġbu iżda mingħajr evidenza ta’ sostenn li tikkonferma dan. L-analiżi tad-data disponibbli dwar ir-rati tan-nuqqas ta’ konformità qabel u wara l-introduzzjoni tar-regoli l-ġodda wriet livelli komparabbli ta’ nuqqas ta’ konformità.

Abbażi tal-analiżi mwettqa matul l-evalwazzjonijiet preċedenti u tat-tweġibiet għall-kwestjonarji riċevuti mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni tqis li s-simplifikazzjoni tat-tikkettar volontarju taċ-ċanga skont ir-Regolament (UE) Nru 653/2014 qed taħdem b’mod sodisfaċenti u ma hemm l-ebda ħtieġa li jiġu riveduti d-dispożizzjonijiet attwali dwar it-tikkettar volontarju taċ-ċanga.

(1)

 Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ bhejjem tal-ifrat u dwar it-tikkettar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97, ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1.

(2)

 Ir-Regolament (UE) Nru 653/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1760/2000 dwar l-identifikazzjoni elettronika tal-annimali bovini u t-tikkettar taċ-ċanga, ĠU L 189, 27.6.2014, p. 33.

(3)

 Ir-Regolament (UE) Nru. 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004, ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18.

(4)

 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 tal-21 ta’ April 1997 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ annimali bovini u dwar it-tikkettar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga. ĠU L 117, 7.5.1997, p. 1.

(5)

 COM(2004)316 finali.

(6)

Opinjoni tal-HLG dwar il-qasam ta’ prijorità tal-Agrikoltura / Sussidji agrikoli tal-5 ta’ Marzu 2009, https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/action-programme-for-reducing-administrative-burdens-in-the-eu-final-report_dec2012_en.pdf.

(7)

https://ec.europa.eu/agriculture/sites/agriculture/files/evaluation/market-and-income-reports/2015/eu-beef-labelling-rules/fullrep_en.pdf.

(8)  L-istess konklużjonijiet intlaħqu fl-Istudju tas-Suq tal-Konsumaturi dwar il-Funzjonament tas-suq tal-laħam għall-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea (SANCO/2009/B1/010). Dan ir-rapport wera li, b’mod ġenerali, aktar minn nofs il-konsumaturi jħarsu lejn tliet aspetti ewlenin meta jixtru l-laħam: id-data “ikkonsma sa”/id-data ta’ skadenza (68 %), il-prezz għal kull kilogramma (67 %) u l-prezz (67 %). 48 % u 44 % tal-konsumaturi, rispettivament, iħarsu lejn il-pajjiż tal-oriġini u lejn il-produttur meta jixtru l-laħam, elementi pprovduti fit-tikkettar obbligatorju. https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/meat-market-study-final-report_en_0.pdf
(9) DK, ES, AT, SE.