/* KUMM/2011/0297 finali */ RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport dwar l-implimentazzjoni u r-reviżjoni tad-Direttiva 2004/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-limitazzjoni ta’ emissjonijiet ta’ komposti organiċi volatili minħabba l-użu ta’ solventi organiċi f’ċertu żebgħa u lostri u prodotti ta’ lostru mill-ġdid ta’ vetturi u li temenda d-Direttiva 1999/13/KE RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport dwar l-implimentazzjoni u r-reviżjoni tad-Direttiva 2004/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-limitazzjoni ta’ emissjonijiet ta’ komposti organiċi volatili minħabba l-użu ta’ solventi organiċi f’ċertu żebgħa u lostri u prodotti ta’ lostru mill-ġdid ta’ vetturi u li temenda d-Direttiva 1999/13/KE
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport dwar l-implimentazzjoni u r-reviżjoni tad-Direttiva 2004/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-limitazzjoni ta’ emissjonijiet ta’ komposti organiċi volatili minħabba l-użu ta’ solventi organiċi f’ċertu żebgħa u lostri u prodotti ta’ lostru mill-ġdid ta’ vetturi u li temenda d-Direttiva 1999/13/KE Daħla Fil-21 ta’ April 2004, ġiet adottata d-Direttiva 2004/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-limitazzjoni ta’ emissjonijiet ta’ komposti organiċi volatili minħabba l-użu ta’ solventi organiċi f’ċertu żebgħa u lostri u prodotti ta’ lostru mill-ġdid ta’ vetturi u li temenda d-Direttiva 1999/13/KE (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva dwar iż-Żebgħa”). L-iskop tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa huwa li jiġu limitati l-emissjonijiet ta’ komposti organiċi volatili (minn hawn ’il quddiem “VOC”) minħabba l-użu ta’ solventi organiċi f’ċertu żebgħa u lostri, kif ukoll fi prodotti ta’ lostru mill-ġdid ta’ vetturi[1] sabiex jiġi evitat jew imnaqqas it-tniġġis tal-arja kkawżat mill-kontribuzzjoni tal-VOC għall-formazzjoni tal-ożonu fil-livell tal-art. Hija għandha l-għan li tikkumplimenta miżuri li għandhom jitieħdu fil-livell nazzjonali sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-limiti ta’ emissjonijiet tal-VOC kif stabbiliti fid-Direttiva 2001/81/KE dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti [sustanzi li jniġġsu] atmosferiċi (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva NEC”). Il-prodotti koperti bid-Direttiva dwar iż-Żebgħa huma żebgħa u lostri applikati fuq il-bini, it-tiżjin u l-fittings tagħhom, u fuq strutturi assoċjati għal skopijiet dekorattivi, funzjonali u prottetivi, kif ukoll prodotti għal-lostru mill-ġdid ta’ vetturi. Għal dan il-għan, id-Direttiva dwar iż-Żebgħa teħtieġ li l-prodotti li jaqgħu fl-ambitu tagħha u li jitqiegħdu fis-suq wara l-1 ta’ Jannar 2007 jkollhom kontenut ta’ VOC li ma jaqbiżx il-valuri tal-limiti stabbiliti fl-Anness II għaliha. Fir-rigward ta’ żebgħa u lostri, fit-tieni fażi, mill-1 ta’ Jannar 2010, għall-VOC ġew applikati valuri tal-limiti aktar stretti. Skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa, l-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva fil-leġiżlazzjoni tagħhom sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ottubru 2005. Sommarju tal-istat tat-traspożizzjoni tad-Direttiva jingħata fit-taqsima 2 ta’ dan ir-rapport. L-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa jesiġu li l-Istati Membri jistabbilixxu programm ta’ monitoraġġ biex tiġi vverifikata l-konformità u biex ir-riżultati tal-programm ta’ monitoraġġ jiġu rrapportati lill-Kummissjoni fuq bażi regolari. Abbażi ta’ din l-informazzjoni, ġiet ivvalutata l-implimentazzjoni fl-Istati Membri u fit-taqsima 3 ta’ dan ir-rapport tingħata deskrizzjoni ġenerali tas-sejbiet prinċipali. L-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li jeżamina: • il-potenzjal għal tnaqqis tal-kontenut ta’ VOC ta' prodotti li ma jaqgħux fl-ambitu tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa, inklużi aerosols għal żebgħa u lostri; • it-tnaqqis addizzjonali possibbli tal-limiti ta’ kontenut ta’ VOC stabbiliti bid-Direttiva għall-prodotti għal-lostru mill-ġdid ta’ vetturi; u • kwalunkwe element ġdid relatat mal-impatt soċjoekonomiku tal-applikazzjoni tal-valuri tal-limiti stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa, li bdew japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2010 (Fażi II). Ir-riżultati ta’ din l-analiżi qegħdin jiġu ppreżentati fil-qosor fit-taqsima 4 ta’ dan ir-rapport. TRASPOżIZZJONI Id-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa fil-leġiżlazzjoni nazzjonali skadiet fit-30 ta’ Ottubru 2005. Filwaqt li kienu biss ftit mill-Istati Membri li osservaw din id-data ta’ skadenza, l-Istati Membri kollha lestew it-traspożizzjoni għat-territorju nazzjonali kollu ftit wara dik id-data. Il-Kummissjoni ma identifikat l-ebda każ ewlieni ta’ nuqqas ta’ konformità fir-rigward tal-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva fl-Istati Membri. IMPLIMENTAZZJONI Daħla L-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa jesiġi li l-Istati Membri jirrapportaw ir-riżultati tal-programm ta’ monitoraġġ tagħhom biex juru l-konformità mad-Direttiva. Skont l-istess Artikolu, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw dwar il-kategorija u l-kwantità ta’ prodotti li għalihom inħarġet liċenzja skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva. L-ewwel rapport, li jkopri s-sena 2007, kellu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2008. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni żviluppat u adottat format komuni[2]. Ir-rapporti waslu mingħand 26 Stat Membru, u huma disponibbli fuq il-websajt EUROPA[3]. Programmi ta’ monitoraġġ u spezzjonijiet tal-Istati Membri (2007) Il-valutazzjoni ġenerali tar-rapporti li ġew ippreżentati mill-Istati Membri żvelat li, minkejja xi lakuni ta’ informazzjoni kkawżati miż-żmien limitat li kien għadda mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, setgħet tiġi estratta xi informazzjoni utli dwar il-prattiki ta’ monitoraġġ f’ċerti Stati Membri. L-organizzazzjoni amministrattiva tal-awtoritajiet kompetenti responsabbli biex jiżguraw l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa tvarja b’mod sinifikanti fost l-Istati Membri. Uħud mill-Istati Membri ċċentralizzaw il-kompetenzi fi ħdan korp nazzjonali wieħed, filwaqt li oħrajn għaddew ir-responsabbiltajiet għall-koordinazzjoni u għall-monitoraġġ, kif ukoll dawk li jirrigwardaw il-ksur, lil tliet korpi nazzjonali separati, u oħrajn saħansitra għandhom korpi nazzjonali għall-koordinazzjoni u uffiċċji reġjonali għall-monitoraġġ u għall-ksur. F’każijiet fejn hemm involuti bosta awtoritajiet differenti, l-Istati Membri normalment jiddistingwu b’mod ċar bejn l-oqsma rispettivi ta’ kompetenza jew jiżguraw approċċ ikkoordinat. L-għadd ta’ spezzjonijiet ta’ manifatturi, importaturi, bejjiegħa għall-operaturi, bejjiegħa għall-konsumaturi u operaturi li ġie rrapportat fl-2007 varja bejn żero u 540, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rrapportaw bejn 10 u 100 żjara fuq il-post. Madankollu, dan ma jagħtix informazzjoni dwar is-sehem tas-suq kopert. L-azzjonijiet speċifiċi meħuda fir-rigward tal-ispezzjonijiet ivarjaw b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri. Ma kienet disponibbli l-ebda informazzjoni dwar il-qasma bejn żjarat fuq il-post għal verifiki ta' konformità mal-limiti tal-VOC u żjarat fuq il-post għal verifiki ta' konformità mar-rekwiżiti rigward it-tikkettar. Waqt l-ispezzjonijiet ġew identifikati diversi każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità. L-għadd ta’ każijiet ta’ ksur tal-limiti tal-VOC kien, b’mod ġenerali, inqas minn 5% tal-każijiet, filwaqt li każijiet ta’ ksur tar-rekwiżiti rigward it-tikkettar kienu aktar frekwenti, u ħafna drabi madwar 20%. F'dal li għandu x'jaqsam mal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa, Stat Membru wieħed biss irrapporta li nħarġu liċenzji individwali għall-bejgħ u x-xiri ta’ prodotti li sejrin jintużaw għar-restawr u l-manutenzjoni ta’ bini u ta’ vetturi klassiċi li ġew innominati bħala ta’ valur storiku u kulturali partikolari, iżda li ma jissodisfawx il-valuri tal-limiti tal-VOC. L-Istati Membri l-oħra kollha jew irrapportaw li ma kinux ipprevedew l-għażla li joħorġu liċenzji ta’ dan it-tip jew li ma kienu rċevew l-ebda applikazzjoni għal liċenzji bħal dawn fl-2007. Diversi Stati Membri pprovdew xi kummenti rigward diffikultajiet li ltaqgħu magħhom matul l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa. L-isfidi prinċipali tal-implimentazzjoni li ġew irrapportati kienu nuqqas ta’ riżorsi amministrattivi għall-monitoraġġ, u għadd mhux suffiċjenti ta’ laboratorji analitiċi (akkreditati). Il-kwistjonijiet rigward l-interpretazzjoni li ġew irrapportati l-aktar spiss kienu relatati mal-ambitu tad-Direttiva (definizzjonijiet), il-klassifikazzjoni ta’ prodotti fi ħdan sottokategorija partikolari u l-interazzjoni mad-Direttiva 1999/13/KE[4] (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet tas-Solventi VOC”) kif spjegat fit-taqsima 3.3. Interazzjoni mad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet tas-Solventi VOC Diversi Stati Membri rrapportaw xi diffikultajiet minħabba li l-ambitu tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa jikkoinċidi mad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet tas-Solventi VOC. Skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw kwalunkwe prodott li jinbiegħ għal użu esklussiv f’attività koperta mid-Direttiva dwar l-Emissjonijiet tas-Solventi VOC u li titwettaq fi stallazzjoni rreġistrata jew awtorizzata skont l-Artikoli 3 u 4 ta’ dik id-Direttiva, milli jkun konformi mal-limiti tal-VOC. Bħala konsegwenza, żebgħa u lostri li jinsabu fl-istess kategorija (pereżempju għal attivitajiet ta’ kisi ta’ njam) jistgħu jkunu soġġetti għal rekwiżiti VOC differenti, skont l-użu tagħhom. Billi l-kontenut ta’ VOC ta’ dik iż-żebgħa li tintuża biss għal attivitajiet fi stallazzjonijiet li huma konformi mad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet tas-Solventi VOC mhuwiex limitat mid-Direttiva dwar iż-Żebgħa, żebgħa simili li tintuża barra minn dawk il-postijiet għandha tkun konformi mal-limiti tal-VOC tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa. Il-monitoraġġ tal-użu finali tal-prodotti eżentati u li jiġi żgurat li dawn it-tipi ta’ żebgħa jintużaw biss f’postijiet konformi jirrappreżentaw sfida għall-awtoritajiet kompetenti. L-infurzar isir aktar diffiċli meta attivitajiet differenti, fejn uħud minnhom huma koperti mid-Direttiva dwar l-Emissjonijiet tas-Solventi VOC u oħrajn mhumiex, jitwettqu kollha f’post wieħed. Mir-rapporti dwar l-implimentazzjoni, ġew identifikati għadd ta’ proċeduri li għandhom l-għan li jiżguraw li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa jiġi applikat b’mod korrett, u ġew osservati għadd ta’ varjazzjonijiet bejn l-Istati Membri. Dan kien jinkludi rekwiżiti dwar it-tikkettar għal prodotti li mhumiex konformi, il-ħtieġa li xerrej jipprovdi prova dwar il-fatt li l-prodotti jkunu sejrin jintużaw biss f’postijiet li huma koperti mid-Direttiva dwar l-Emissjonijiet tas-Solventi VOC u rekwiżit biex tinżamm lista tal-klijenti li jixtru prodotti li mhumiex konformi. L-appoġġ tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni Il-Kummissjoni tinsab f'ħidma ma’ rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa biex tiċċara mistoqsijiet dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva. F’dan il-kuntest, ġew identifikati xi elementi li għandhom bżonn jiġu ċċarati aħjar, bħal pereżempju ċerti definizzjonijiet, l-ambitu tas-sottokategoriji differenti ta’ żebgħa u lostri, ir-rekwiżiti dwar it-tikkettar fl-Artikolu 4 u l-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti ta’ lostru mill-ġdid ta’ vetturi. Għadd minn dawn il-kwistjonijiet diġà ġew iċċarati permezz tal-gwida tal-Kummissjoni[5], filwaqt li oħrajn ġew ikkunsidrati waqt ir-reviżjoni tad-Direttiva u se jiġu trattati permezz ta’ gwida oħra li se tingħata. Barra minn hekk, id-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/79/UE tad-19 ta’ Novembru 2010[6] introduċiet standard addizzjonali dwar il-metodi analitiċi sabiex tiġi vvalutata l-konformità mal-valuri tal-limiti tal-VOC, li permezz tiegħu sejra tkun tista’ ssir verifika tal-konformità li tkun aktar kosteffikaċi. Konklużjonijiet rigward l-implimentazzjoni Fiż-żmien meta nġabret id-dejta għal dan ir-rapport (li jkopri s-sena 2007), l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa fl-Istati Membri kienet għadha fi stadju bikri ħafna, minħabba li l-limiti tal-VOC mill-Anness I japplikaw biss mill-1 ta’ Jannar 2007. Barra minn hekk, fl-Artikolu 3 ngħata perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ sena, li permezz tiegħu setgħu jitqiegħdu fis-suq prodotti li mhux konformi li ġew prodotti qabel l-1 ta’ Jannar 2007. L-informazzjoni li waslet sa issa skont l-Artikolu 7 turi li bosta Stati Membri stabbilixxew programmi għall-monitoraġġ tal-konformità tal-prodotti li jitqiegħdu fis-suq. Madankollu, il-Kummissjoni għandha indikazzjonijiet li juru li fl-2007, diversi Stati Membri kienu għadhom lura fl-istabbiliment tal-programmi tagħhom ta’ spezzjoni. Il-monitoraġġ xieraq tal-manifatturi u l-importaturi huwa ta’ importanza partikolari biex jiġu żgurati l-konformità mal-limiti tal-VOC u l-obbligi dwar it-tikkettar tad-Direttiva. Għalhekk huwa meħtieġ titjib tal-programmi u tal-prattiki ta’ monitoraġġ, u l-Istati Membri sejrin jiġu mħeġġa jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jitgħallmu b’mod reċiproku mill-aqwa prattiki li ġew stabbiliti. Huwa mistenni li, abbażi tat-tieni sett ta' rapporti nazzjonali dwar l-implimentazzjoni skont l-Artikolu 7, li jkopru s-sena 2010 u li għandhom jitlestew sat-30 ta’ Ġunju 2011, se tkun tista’ ssir evalwazzjoni aktar bir-reqqa tal-konformità tal-Istati Membri mal-obbligi tad-Direttiva dwar il-monitoraġġ. REVIżJONI TAD-DIRETTIVA Daħla Klawżola ta’ reviżjoni L-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa jitlob reviżjoni tad-Direttiva biex jiġu identifikati opportunitajiet potenzjali oħra għat-tnaqqis. L-emendi li għandhom jiġu vvalutati jinkludu estensjoni tal-ambitu tagħha għal prodotti oħra, u l-introduzzjoni ta’ valuri tal-limiti tal-VOC aktar stretti għal prodotti għal-lostru mill-ġdid ta’ vetturi. Jitlob ukoll li jiġi eżaminat kwalunkwe impatt soċjoekonomiku addizzjonali li jirriżulta mill-implimentazzjoni tad-Direttiva u li ma ġiex rikonoxxut waqt it-tħejjija tad-Direttiva. Biex tappoġġa din ir-reviżjoni, il-Kummissjoni qabbdet konsulent estern. L-istudju, li sar matul l-2008 u l-2009, kien jinvolvi lill-partijiet interessati ewlenin kollha. Dan iffoka fuq varjetà ta' għażliet li jistgħu jservu biex l-ambitu tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa jiġi estiż, u biex jiżdied it-tnaqqis ta’ VOC. Ġew ivvalutati l-benefiċċji u l-kostijiet ta’ din l-inklużjoni għal firxa ta’ prodotti[7], li ġew identifikati bħala kandidati possibbli li għandhom jiġu inklużi biex jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva. Strateġija Tematika dwar it-Tniġġis tal-Arja u d-Direttiva NEC L-implimentazzjoni u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa jeħtieġ li jiġu kkunsidrati fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE dwar it-tniġġis tal-arja, b’mod partikolari l-Istrateġija Tematika tal-Kummissjoni dwar it-Tniġġis tal-Arja tal-2005 (minn hawn ’il quddiem “l-Istrateġija Tematika”)[8] u d-Direttiva NEC. Wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ dawn l-istrumenti huwa t-tnaqqis tal-konċentrazzjonijiet tal-ożonu fil-livell tal-art, sabiex jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u l-ekosistemi. L-ożonu fil-livell tal-art u ossidanti fotokimiċi oħra jiffurmaw permezz ta’ reazzjoni ta’ VOC, ossidi tan-nitroġenu u monossidu tal-karbonju fil-preżenza tad-dawl tax-xemx. L-Istrateġija Tematika stabbilixxiet miri temporanji għall-2020, filwaqt li kkunsidrat il-kostijiet tal-miżuri u tal-benefiċċji assoċjati magħhom. Dawn l-għanijiet huma mfissra bħala “il-progress li għandu jintlaħaq” meta mqabbel mas-sitwazzjoni fis-sena 2000. Għall-ożonu fil-livell tal-art, l-għanijiet huma t-tnaqqis b’10% tal-għadd ta’ każijiet ta’ mortalità qabel iż-żmien, u t-tnaqqis bi 15% taż-żoni ta’ ekosistemi ta' foresti fejn il-konċentrazzjonijiet tal-ożonu jaqbżu l-livelli kritiċi. L-Istrateġija Tematika indikat li biex ikunu jistgħu jintlaħqu dawn l-għanijiet, jeħtieġ li fl-2020 il-livelli tal-emissjonijiet tal-VOC (fl-UE-25) ikunu 51% inqas mil-livelli tas-sena 2000. Huwa mistenni li l-leġiżlazzjoni attwali dwar l-emissjonijiet tal-VOC, inkluża d-Direttiva dwar iż-Żebgħa, sejra tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-tnaqqis ippjanat fil-kuntest tal-għanijiet ġenerali dwar l-emissjonijiet tal-VOC. L-aktar valutazzjoni riċenti li saret u li nkludiet l-UE kollha[9] tindika li sal-2020, il-leġiżlazzjoni eżistenti sejra tnaqqas il-livelli totali tal-emissjonijiet tal-2000 kważi bin-nofs, biex b’hekk toqrob lejn l-objettiv li ġie stabbilit fl-Istrateġija Tematika dwar l-Arja. Hemm indikazzjonijiet li xi wħud mill-Istati Membri jistgħu jiltaqgħu ma’ xi problemi biex jilħqu l-limitu tagħhom għall-VOC fl-2010 kif meħtieġ skont id-Direttiva NEC. Madankollu, l-Istati Membri huma meħtieġa biss jirrapportaw l-emissjonijiet sentejn b’lura, u l-inventarji finali għall-emissjonijiet għall-2010 għadhom mhumiex disponibbli. Emissjonijiet tal-VOC mill-użu ta’ prodotti koperti mid-Direttiva dwar iż-Żebgħa L-Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva NEC jesiġu li l-Istati Membri jirrapportaw, kull sena, l-inventarji nazzjonali dwar l-emissjonijiet tagħhom kif ukoll it-tbassir għall-2010 għas-sustanzi niġġiesa tagħhom koperti mid-Direttiva. Dawn ir-rapporti juru li l-emissjonijiet tal-VOC għall-2008 mill-applikazzjoni ta’ materjali għall-kisi għall-UE-27 ammontaw għal 1 379 kilotunnellata (kt), li huma madwar 16,6% tal-emissjonijiet tal-VOC totali li ġew irrapportati. Għalkemm ir-rapporti jinkludu dejta diżaggregata dwar l-emissjonijiet[10], il-klassifikazzjoni tal-attivitajiet li ntużaw ma tippermettix li jiġu ddeterminati ċifri preċiżi dwar l-emissjonijiet tal-VOC minħabba l-użu ta’ prodotti koperti mid-Direttiva dwar iż-Żebgħa. Dawk l-emissjonijiet u l-evoluzzjoni futura tagħhom ġew stmati, abbażi ta' dejta dwar il-produzzjoni u previżjonijiet li ġew ipprovduti mill-federazzjoni tal-industrija kkonċernata[11]. Dan indika li t-total ta’ emissjonijiet tal-VOC għall-2006 minħabba l-użu ta’ żebgħa għat-tiżjin koperti mid-Direttiva ammontaw għal madwar 410 kt. L-emissjonijiet huma mistennija li jonqsu għal 373 kt fl-2010 minħabba l-valuri tal-limiti aktar stretti li se jidħlu fis-seħħ. Madankollu, qiegħed jitbassar li dawn sejrin jerġgħu jiżdiedu għal 470 kt fl-2020, l-aktar minħabba konsum akbar. Fir-rigward tal-prodotti ta’ lostru mill-ġdid ta’ vetturi, ġie stmat li l-emissjonijiet ammontaw għal 56 kt fl-2007, u tbassar li dawn se jiżdiedu għal 62 kt fl-2020. Għażliet għall-estensjoni tal-ambitu Matul ir-reviżjoni, ġew ivvalutati l-impatti fuq l-ambjent u l-impatti ekonomiċi u soċjali ta’ sbatax-il għażla għal estensjoni possibbli tal-ambitu tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa. Dan involva konsultazzjoni estensiva mal-partijiet interessati u mal-Istati Membri. L-aerosols għal żebgħa u lostru, li jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 9 tad-Direttiva, kienu wħud mill-prodotti li ġew ivvalutati. Instab li l-għażla li tipi ta’ żebgħa bħal dawn jiġu inklużi fl-ambitu tad-Direttiva kellha potenzjal ta’ tnaqqis tal-VOC żgħir ħafna (26 kt/sena fil-każ ta’ sostituzzjoni sħiħa). Barra minn hekk, dan il-grupp ta’ prodotti jinkludi varjetà kbira ta’ tipi ta’ prodotti li jintużaw għal skopijiet differenti, u dan il-fatt jagħmilha diffiċli li jiġu ddefiniti limiti tal-VOC xierqa u jikkomplika t-twettiq ta’ monitoraġġ xieraq. L-introduzzjoni ta’ valuri tal-limiti għall-kontenut tal-VOC f’dawn il-prodotti fid-Direttiva fil-fatt teħtieġ li jsir bdil għal sistemi oħra ta’ kisi, iżda l-alternattivi eżistenti jistgħu jikkawżaw telf ta’ prestazzjoni tal-prodott. Għalhekk, it-tneħħija gradwali tal-aerosols sabiex dawn jiġu ssostitwiti b’żebgħa u lostri tqieset li mhijiex azzjoni xierqa. Fost l-għażliet l-oħra li ġew ikkunsidrati, l-ogħla potenzjal għat-tnaqqis tal-VOC (126 kt/sena) kien mistenni mill-introduzzjoni ta’ valur tal-limiti għall-VOC (10%) għal deodoranti u prodotti kontra l-għaraq (antiperspirants). Madankollu, din il-miżura ma ġietx irrakkomandata minħabba li kienet tipprojbixxi, de facto, l-użu ta’ sistemi ta’ sprejjar bl-aerosols u li jaħdmu bil-pompa, u l-alternattivi eżistenti jidhru li huma aċċettati biss b’mod limitat mill-konsumaturi. Għalhekk, qabel ma din l-għażla tiġi kkunsidrata aktar, hemm bżonn li ssir aktar riċerka biex jiġu żviluppati sistemi alternattivi ta’ sprejjar għad-deodoranti. L-ebda waħda mill-għażliet l-oħra ma tqieset li setgħet tnaqqas l-emissjonijiet tal-VOC b’aktar minn 40 kt/sena. B’referenza partikolari għal prodotti li mhumiex għall-kisi, għad hemm nuqqas ta’ għarfien dwar l-evoluzzjoni tas-suq u l-imġiba tal-konsumaturi previsti biex jiġu vvalutati bis-sħiħ l-effetti possibbli tal-inklużjoni tagħhom fl-ambitu tad-Direttiva. Valuri tal-limiti għall-VOC aktar stretti għal prodotti ta’ lostru mill-ġdid ta’ vetturi L-Anness II(B) tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa jistabbilixxi l-kontenut massimu tal-VOC għal prodotti ta’ lostru mill-ġdid ta’ vetturi. Ġew ivvalutati l-fattibbiltà u l-impatti tat-tisħiħ tal-valuri limiti tal-VOC għal kull sottokategorija ta’ prodotti ta’ lostru mill-ġdid ta’ vetturi. Il-konklużjoni ġenerali li ntlaħqet permezz ta’ din il-valutazzjoni kienet li ma jkunx xieraq li jiġu proposti valuri tal-limiti aktar stretti għall-VOC għal dawn it-tipi ta’ kisi: - Instab li mhuwiex fattibbli li jitbaxxew il-valuri tal-limiti għal ħafna mis-sottokategoriji, jew minħabba li mhuwiex mistenni li jkun hemm prodotti b’kontenut ta’ VOC aktar baxx disponibbli fis-suq fil-futur qrib, jew minħabba nuqqas ta’ metodi xierqa ta’ ttestjar; - Għall-passati tal-wiċċ u għall-finituri speċjali, ġie stmat li l-għażliet biex jittejbu r-rekwiżiti attwali jwasslu biss għal tnaqqis tal-VOC ta’ madwar 3,5 kt/sena, filwaqt li huwa possibbli li l-piż amministrattiv jiżdied minħabba monitoraġġ aktar ikkumplikat. Impatti soċjoekonomiċi tal-valuri tal-limiti tal-Fażi II Ir-reviżjoni ffokat ukoll fuq impatti soċjoekonomiċi ġodda possibbli, li ma kinux tbassru jew ġew ivvalutati meta kienet qed titħejja d-Direttiva (fl-1999-2002). L-uniku impatt rilevanti li ġie identifikat kien relatat mal-kostijiet għat-tikkettar (mill-ġdid) tal-prodotti li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva. Din il-kwistjoni ġiet ikkunsidrata bħala rilevanti anki fid-dawl ta’ estensjoni possibbli tal-ambitu. Il-federazzjoni tal-industrija stmat li l-kostijiet totali għat-tikkettar jammontaw għal madwar EUR 600 miljun. Kost addizzjonali ta’ EUR 141 miljun ġie stmat għat-teħid lura u l-qerda ta’ prodotti li mhumiex konformi. Dawn il-kostijiet setgħu possibbilment tnaqqsu permezz ta’ estensjoni tal-perjodu tranżizzjonali li matulu jkun għadu permess il-bejgħ ta’ prodotti li mhumiex konformi (pereżempju sentejn minflok sena). KONKLUżJONI U PROSPETTI Abbażi tal-informazzjoni preliminari mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva fl-ewwel snin wara t-traspożizzjoni tagħha, wieħed jista’ jara li ġew stabbiliti sistemi ta’ monitoraġġ biex tiġi żgurata l-konformità. Madankollu, diversi Stati Membri sabuha diffiċli li jistabbilixxu s-sistemi tagħhom fil-ħin, u għalhekk hemm bżonn li l-programmi u l-prattiki attwali ta’ monitoraġġ jittejbu billi jinqasmu l-esperjenzi u billi jiġu stabbiliti l-aqwa prattiki, qabel ma wieħed jasal għal konklużjonijiet sodi rigward impatti dettaljati dwar l-emissjonijiet tal-VOC. L-Istati Membri qed jiġbru aktar informazzjoni dwar dawn l-aspetti permezz tat-tieni sett ta' rapporti nazzjonali dwar l-implimentazzjoni. Dawn se jkunu l-bażi għat-tieni rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva. Kif meħtieġ skont il-klawżola ta' reviżjoni tad-Direttiva, twettqet valutazzjoni tal-miżuri li potenzjalment jistgħu jirriżultaw fi tnaqqis akbar tal-emissjonijiet tal-VOC, jiġifieri t-twessigħ tal-ambitu tad-Direttiva u valuri tal-limiti tal-VOC aktar stretti għall-prodotti ta’ lostru mill-ġdid ta’ vetturi. Madankollu, anki r-regolamentazzjoni ta’ firxa wiesgħa ħafna ta’ prodotti differenti twassal biss għal tnaqqis potenzjali modest fl-emissjonijiet, u din iġġib magħha problemi ta’ implimentazzjoni sinifikanti, kif ukoll piżijiet amministrattivi u kostijiet akbar. B’mod partikolari, jippersisti tħassib importanti fir-rigward tal-impatti li ma jistgħux jitbassru f'dak li għandu x'jaqsam mal-imġiba tal-konsumaturi u ż-żieda probabbli tal-piż amministrattiv b’rabta mar-regolamentazzjoni ta’ prodotti li mhumiex għall-kisi. Barra dan, skont l-aħħar riżultati tal-immudellar ta’ valutazzjoni integrata, ma jidhirx li hu meħtieġ tisħiħ tal-miżuri eżistenti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-VOC biex jintlaħqu l-għanijiet intermedji tal-Istrateġija Tematika. Dan se jiġi vvalutat aktar tul is-snin li ġejjin bħala parti mill-ħidma li tinsab għaddejja b'rabta mar-reviżjoni tal-Istrateġija Tematika. Għalhekk, emenda tal-ambitu jew tal-valuri tal-limiti tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa mhijiex ġustifikata f’dan l-istadju. [1] 'prodotti ta' lostru mil-ġdid ta’ vetturi' huma ddefiniti bħala l-prodotti elenkati fis-sottokategoriji msemmija fl-Anness II(B) tad-Direttiva dwar iż-Żebgħa. Dawn jintużaw għall-kisi ta' vetturi tat-triq, jew ta’ parti minnhom, skont kif iddefinit fid-Direttiva 70/156/KEE, bħala parti minn xogħol ta’ tiswija, ippreservar jew dekorazzjoni ta' vetturi li jsir barra l-postijiet ta’ manifattura. [2] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/205/KE tat-22 ta’ Marzu 2007 (ĠU L 91, 31.3.2007, p. 48) [3] http://ec.europa.eu/environment/air/pollutants/paints_ms_reporting.htm [4] ĠU L 85, 29.3.1999, p. 1 [5] http://ec.europa.eu/environment/air/pollutants/paints_faq.htm [6] ĠU L 304, 20.11.2010, p. 18. [7] Ir-rapport finali tal-istudju huwa disponibbli fuq http://circa.europa.eu/Public/irc/env/paints_directive/library?l=/review_2008_2009/contract [8] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew: Strateġija Tematika dwar it-tniġġis tal-arja (COM(2005) 446 finali), 21.09.2005 [9] Rapport ta’ analiżi dwar ix-xenarju NEC nru 7, http://ec.europa.eu/environment/air/pollutants/pdf/nec7.pdf [10] Fir-rigward taż-żebgħa, fir-rapporti ssir distinzjoni bejn “Applikazzjoni ta’ kisi għal skopijiet ta’ tiżjin” (il-kategorija 3.A.1), “Applikazzjoni ta’ kisi industrijali” (3.A.2) u “Applikazzjoni ta’ tip ieħor” (3.A.3). [11] Il-Kunsill Ewropew tal-manifatturi u l-importaturi ta’ żebgħa, linka għall-istampar u l-kuluri li jintużaw mill-artisti (CEPE)