|
19.12.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 337/28 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/2370
tat-18 ta' Diċembru 2017
li tappoġġa l-Kodiċi ta' Kondotta tal-Aja u n-nonproliferazzjoni tal-missili ballistiċi fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fit-12 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (“l-Istrateġija”), li l-Kapitolu III tagħha fih lista ta' miżuri li jeħtieġ li jittieħdu kemm fl-Unjoni kif ukoll f'pajjiżi terzi għall-ġlieda kontra tali proliferazzjoni. |
|
(2) |
L-Unjoni qed timplimenta l-Istrateġija b'mod attiv u qed tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitoli III tagħha, b'mod partikolari billi tirrilaxxa riżorsi finanzjarji b'appoġġ għal proġetti speċifiċi bil-għan li jsaħħu s-sistema multilaterali ta' nonproliferazzjoni u l-miżuri multilaterali ta' tisħiħ tal-fiduċja. Il-Kodiċi ta' Kondotta tal-Aja kontra l-proliferazzjoni tal-missili ballistiċi (il-“Kodiċi”) hu parti integrali minn dik is-sistema multilaterali ta' nonproliferazzjoni. |
|
(3) |
Fis-17 ta' Novembru 2003, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2003/805/PESK (1). Dik il-Pożizzjoni Komuni tappella lill-Unjoni sabiex, fost l-oħrajn, tikkonvinċi l-akbar għadd possibbli ta' pajjiżi sabiex jaderixxu għall-Kodiċi, b'mod speċjali dawk b'kapaċitajiet ta' missili ballistiċi, kif ukoll għall-iżvilupp u għall-implimentazzjoni ulterjuri tal-Kodiċi, speċjalment il-miżuri tiegħu ta' tisħiħ tal-fiduċja, u għall-promozzjoni ta' relazzjoni eqreb bejn il-Kodiċi u s-sistema multilaterali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) ta' nonproliferazzjoni. |
|
(4) |
Fit-8 ta' Diċembru 2008, il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet tiegħu u dokument intitolat “Linji ġodda ta' azzjoni mill-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva u s-sistemi li jinġarru bihom”. Id-dokument jiddikjara, fost l-oħrajn, li l-proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (AQM) u s-sistemi li jinġarru bihom ikomplu jikkostitwixxu waħda mill-akbar sfidi għas-sigurtà u li l-politika tan-nonproliferazzjoni tikkostitwixxi parti essenzjali mill-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni. |
|
(5) |
Fit-18 ta' Diċembru 2008, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2008/974/PESK (2) b'appoġġ għall-Kodiċi fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija. |
|
(6) |
Fit-23 ta' Lulju 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/423/PESK (3). Dik id-Deċiżjoni ppermettiet il-promozzjoni b'suċċess tal-universalità tal-Kodiċi u l-konformità mal-prinċipji tiegħu. |
|
(7) |
Fil-15 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/913/PESK (4). Dik id-Deċiżjoni għenet biex jissaħħaħ il-profil tal-Kodiċi u b'hekk iffaċilitat l-aderenza ta' Membri ġodda għall-Kodiċi. Hija prijorità tal-Unjoni li jitkompla d-djalogu fost l-Istati aderenti u dawk mhux aderenti bil-għan tal-promozzjoni ulterjuri tal-universalità tal-Kodiċi kif ukoll l-implimentazzjoni aħjar u t-tisħiħ tiegħu. Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tikkontribwixxi għal dak il-proċess. |
|
(8) |
B'mod aktar ġenerali, il-proliferazzjoni kontinwa ta' missili ballistiċi li kapaċi jġorru AQM tikkostitwixxi kawża ta' tħassib dejjem jiżdied għall-komunità internazzjonali, b'mod partikolari l-programmi attwali dwar il-missili fil-Lvant Nofsani, fl-Asja tal-Grigal u fl-Asja tax-Xlokk. |
|
(9) |
Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) enfasizza fir-Riżoluzzjoni (UNSCR) 1540 (2004), u fakkar fil-UNSCR 1977 (2011) u 2325(2016), li l-proliferazzjoni tal-armi nukleari, kimiċi u bijoloġiċi, kif ukoll tal-mezzi li jinġarru bihom, jikkostitwixxu theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali u obbliga lill-Istati, fost l-oħrajn, biex iżommu lura milli jappoġġaw bi kwalunkwe mod atturi mhux Statali li jiżviluppaw, jakkwistaw, jimmanifatturaw, jippossjedu, jittrasportaw, jittrasferixxu jew jużaw armi nukleari, kimiċi jew bijoloġiċi u l-mezzi li jinġarru bihom. It-theddida kkawżata mill-armi nukleari, kimiċi u bijoloġiċi u l-mezz li jinġarru bih għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali ġiet affermata mill-ġdid fil-UNSCR 1887 (2009) dwar in-nonproliferazzjoni nukleari u d-diżarm nukleari. |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. F'konformità mal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (“l-Istrateġija”), li tistabbilixxi l-objettivi taż-żamma, l-implimentazzjoni u t-tisħiħ tat-trattati u l-ftehimiet multilaterali dwar id-diżarm u nonproliferazzjoni, l-Unjoni għandha tkompli tappoġġa l-universalizzazzjoni, l-implimentazzjoni sħiħa u t-tisħiħ tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-Aja kontra l-proliferazzjoni tal-missili ballistiċi (il-“Kodiċi”).
2. L-attivitajiet b'appoġġ għall-Kodiċi, li jikkorrispondu għall-miżuri skont l-Istrateġija, għandhom jikkonsistu minn workshops reġjonali u subreġjonali, konferenzi, żjarat minn esperti, riċerka, informazzjoni u komunikazzjoni kif ukoll avvenimenti sekondarji fil-marġini tal-konferenzi internazzjonali.
3. L-għan tal-attivitajiet għandu jkun:
|
(a) |
il-promozzjoni tal-aderenza għall-Kodiċi minn għadd saħansitra akbar ta' Stati u finalment tal-universalità tiegħu; |
|
(b) |
l-appoġġ għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Kodiċi; |
|
(c) |
il-promozzjoni tad-djalogu bejn l-Istati aderenti u mhux aderenti bil-għan li tingħata għajnuna fit-tisħiħ tal-fiduċja u t-trasparenza, fl-inkoraġġiment li wieħed joqgħod lura u l-ħolqien ta' aktar stabbiltà u sigurtà għal kulħadd; |
|
(d) |
it-tisħiħ tal-viżibbiltà tal-Kodiċi u aktar sensibilizzazzjoni pubblika dwar ir-riskji u t-theddidiet mill-proliferazzjoni tal-missili ballistiċi; |
|
(e) |
l-esplorazzjoni, b'mod partikolari permezz ta' studji akkademiċi, ta' possibbiltajiet ta' titjib tal-Kodiċi u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn il-Kodiċi u strumenti multilaterali rilevanti oħra, bħas-Sistema ta' Kontroll tat-Teknoloġija tal-Missili, il-UNSCR 1540(2004) u r-Reġistru tan-Nazzjonijiet Uniti ta' Oġġetti Sparati fl-Ispazju Extraatmosferiku. |
4. Fl-Anness tinsab deskrizzjoni dettaljata tal-proġetti.
Artikolu 2
1. Ir-Rappreżentant Għoli (RGħ) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
2. L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2) għandha tkun imwettqa mill-Fondation pour la recherche stratégique (FRS). L-FRS għandha twettaq dan il-kompitu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dan il-għak, ir-RGħ għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa mal-FRS.
Artikolu 3
1. L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 1 878 120,05.
2. In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 2. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta' għotja mal-FRS għall-ammont ta' referenza mal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Ir-regoli dwar l-għotjiet previsti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) għandhom japplikaw għal dan il-ftehim ta' għotja. Il-ftehim għandu jistipula li l-FRS għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, adatta għad-daqs tagħha.
4. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta' għotja msemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' għotja.
Artikolu 4
1. Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari mħejjija mill-FRS. Dawk ir-rapporti għandhom ikunu l-bażi għall-evalwazzjoni li ssir mill-Kunsill.
2. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2).
Artikolu 5
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
2. Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 40 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' għotja msemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, hija għandha tiskadi sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tagħha jekk sa dakinhar ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim ta' għotja.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Diċembru 2017.
Għall-Kunsill
Il-President
K. SIMSON
(1) Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/805/PESK tas-17 ta' Novembru 2003 fuq l-universalità u t-tisħiħ tal-ftehimiet multilaterali fil-qasam tal-kontroll tal-armi nukleari għad-distruzzjoni tal-massa u l-mod tat-trasport tagħhom (ĠU L 302, 20.11.2003, p. 34).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/974/PESK tat-18 ta' Diċembru 2008 b'appoġġ għall-Kodiċi ta' Kondotta tal-Aja kontra l-Proliferazzjoni tal-Missili Ballistiċi fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (ĠU L 345, 23.12.2008, p. 91).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/423/PESK tat-23 ta' Lulju 2012 b'appoġġ għan-nonproliferazzjoni ta' missili ballistiċi fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva u tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/805/PESK (ĠU L 196, 24.7.2012, p. 74).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/913/PESK tal-15 ta' Diċembru 2014 b'appoġġ għall-Kodiċi ta' Kondotta tal-Aja u n-nonproliferazzjoni tal-missili ballistiċi fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (ĠU L 360, 17.12.2014, p. 44).
(5) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).
ANNESS
1. OBJETTIV
L-objettiv ewlieni ta' din id-Deċiżjoni huwa li permezz ta' miżuri speċifiċi tippromwovi l-universalità, l-implimentazzjoni sħiħa u t-titjib tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-Aja kontra l-Proliferazzjoni tal-Missili Ballistiċi (il-“Kodiċi”), skont l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva.
Din id-Deċiżjoni ser tikkomplementa l-impenn diplomatiku tal-Unjoni mal-Istati aderenti u l-Istati mhux aderenti għall-Kodiċi. F'dan ir-rigward, dawn huma l-messaġġi rilevanti tal-Unjoni:
|
(a) |
għall-Istati aderenti:
|
|
(b) |
għall-Istati mhux aderenti:
|
Barra minn hekk, din id-Deċiżjoni għandha tintuża biex tgħin fil-finanzjament ta' għadd limitat ta' dokumenti ta' riċerka dwar is-sinerġiji bejn il-Kodiċi u strumenti multilaterali rilevanti oħra, bħas-Sistema ta' Kontroll tat-Teknoloġija tal-Missili (MTCR), il-UNSCR 1540(2004) u r-Reġistru tan-Nazzjonijiet Uniti ta' Oġġetti Sparati fl-Ispazju Extraatmosferiku.
Finalment, din id-Deċiżjoni għandha l-għan li tappoġġa d-djalogu ta' politika li għaddej tal-komunità internazzjonali dwar is-sigurtà u sostenibbiltà fl-ispazju extraatmosferiku, b'mod partikolari permezz tal-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja limitata għall-konferenzi spazjali annwali, organizzati mill-Istitut tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riċerka dwar id-Diżarm (UNIDIR) f'Ġinevra.
2. MIŻURI
2.1. Objettivi tal-miżuri
|
(a) |
il-promozzjoni tal-aderenza għall-Kodiċi minn għadd saħansitra akbar ta' Stati u finalment tal-universalità tiegħu; |
|
(b) |
l-appoġġ għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Kodiċi mill-Istati aderenti; |
|
(c) |
il-promozzjoni tad-djalogu bejn l-Istati aderenti u mhux aderenti bil-għan li tingħata għajnuna fit-tisħiħ tal-fiduċja u t-trasparenza, fl-inkoraġġiment li wieħed joqgħod lura u l-ħolqien ta' aktar stabbiltà u sigurtà għal kulħadd; |
|
(d) |
it-tisħiħ tal-viżibbiltà tal-Kodiċi u aktar sensibilizzazzjoni pubblika dwar ir-riskji u t-theddidiet mill-proliferazzjoni tal-missili ballistiċi; |
|
(e) |
l-esplorazzjoni, b'mod partikolari permezz ta' studji akkademiċi, ta' possibbiltajiet ta' titjib tal-Kodiċi u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn il-Kodiċi u strumenti multilaterali rilevanti oħra, bħall-MTCR u l-UNSCR 1540(2004). |
2.2. Deskrizzjoni tal-miżuri
|
(a) |
L-FRS ser torganizza attivitajiet ta' komunikazzjoni fl-għamla ta' seminars reġjonali u/jew subreġjonali u missjonijiet ta' esperti mfassla biex:
L-FRS ser torganizza sa disa' avvenimenti reġjonali u/jew subreġjonali, inkluż fl-Amerka Latina u l-Karibew, fil-Lvant Nofsani/l-Afrika u fl-Asja tax-Xlokk, kif ukoll sa sitt missjonijiet ta' esperti speċifiċi għall-pajjiż għall-Istati mhux aderenti. L-avvenimenti kollha bħal dawn għandhom isiru b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet tal-gvernijiet ospitanti rispettivi u, kif adatt, akkademja rilevanti oħra; |
|
(b) |
L-FRS ser torganizza sa sitt avvenimenti sekondarji ddedikati għall-Kodiċi, fil-marġini tal-konferenzi internazzjonali, b'mod partikolari l-Laqgħa Annwali Regolari tal-Kodiċi fi Vjenna u s-sessjoni tal-Ewwel Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU fi New York. Tali avvenimenti sekondarji ser jitfasslu biex jgħinu fl-approfondiment tar-relazzjoni bejn il-Kodiċi u n-NU, skont ir-Riżoluzzjoni 71/33, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-5 ta' Diċembru 2016; |
|
(c) |
L-FRS ser torganizza, b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet rilevanti, żjara minn grupp internazzjonali ta' esperti f'sit ta' llanċjar fl-ispazju, f'konformità mat-tielet inċiż tas-subpunt (ii) tal-punt (a) tal-Artikolu 4 tal-Kodiċi; |
|
(d) |
L-FRS ser tittrasferixxi, mill-għotja allokata mill-Unjoni, tliet darbiet l-ammont ta' EUR 29 240,00 lill-UNIDIR sabiex tgħin fil-finanzjament tal-konferenzi annwali tal-UNIDIR dwar kwistjonijiet ta' sigurtà fl-ispazju u b'hekk tgħin fl-għan ġenerali tal-appoġġ għall-Kodiċi. L-FRS u l-UNIDIR ser jiżguraw il-viżibbiltà tal-Unjoni f'dawn il-konferenzi, adatta għad-daqs tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni; |
|
(e) |
L-FRS ser tikkummissjona u tippubblika minn tal-inqas erba' dokumenti ta' riċerka dwar kwistjonijiet relatati mal-Kodiċi, inkluż dokument ta' riċerka jew aktar dwar ir-relazzjoni bejn il-Kodiċi u strumenti multilaterali rilevanti oħra, bħall-MTCR u l-UNSCR 1540 (2004). Għal dak il-għan, l-FRS ser titlob kontribuzzjonijiet mill-istituti ta' riċerka kollha li huma parti mill-Konsorzju NPD tal-UE jew huma assoċjati miegħu. Is-suġġetti tad-dokumenti ta' riċerka ser jintlaħaq qbil dwarhom bejn l-FRS u s-servizzi rilevanti tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE); |
|
(f) |
L-FRS ser tagħmel attivitajiet ta' komunikazzjoni u informazzjoni bl-objettiv doppju li ttejjeb il-viżibbiltà tal-Kodiċi u l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għalih. L-FRS ser tfassal pjan dettaljat ta' komunikazzjoni u informazzjoni, biex jiġi approvat mis-SEAE u l-Kummissjoni. |
2.3. Riżultati tal-miżuri
|
(a) |
żieda fin-numru ta' Stati aderenti għall-Kodiċi; |
|
(b) |
implimentazzjoni aħjar tal-Kodiċi mill-Istati aderenti; |
|
(c) |
sensibilizzazzjoni aħjar fost dawk li jfasslu l-politika, ir-regolaturi, l-esperti u l-pubbliku inġenerali dwar l-importanza li l-Istati jaderixxu għall-Kodiċi u jimplimentawh; |
|
(d) |
viżibbiltà aħjar tal-isforzi tal-Unjoni fil-promozzjoni tal-universalità, l-implimentazzjoni sħiħa u t-titjib tal-Kodiċi. |
3. SĦAB GĦALL-MIŻURI
L-FRS, waqt li taġixxi mill-qrib mas-SEAE, ser tkompli tiżviluppa sħubiji effikaċi ma' organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali interessati, awtoritajiet tal-Istat, istituti ta' riċerka u korpi rilevanti oħra.
L-FRS ser tikkoopera mill-qrib mal-UNIDIR rigward il-miżura stabbilita fil-punt 2.2(e).
4. INTERAZZJONI MAL-ISFORZI TAL-UNJONI
Abbażi tal-feedback regolari mill-FRS dwar l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni tista' tiddeċiedi li tikkomplementa dawk l-isforzi permezz ta' azzjoni diplomatika mmirata bl-għan li żżid is-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza li l-Istati jaderixxu għall-Kodiċi u jimplimentawh.
5. BENEFIĊJARJI TAL-MIŻURI
|
(a) |
l-Istati, kemm dawk aderenti kif ukoll l-Istati mhux aderenti għall-Kodiċi; |
|
(b) |
l-uffiċjali tal-Gvern, il-persuni li jfasslu l-politika, ir-regolaturi, l-esperti; |
|
(c) |
l-organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u subreġjonali; |
|
(d) |
l-akkademja u s-soċjetà ċivili; |
|
(e) |
il-President tal-Kodiċi. |
6. POST
L-FRS ser tagħżel, b'konsultazzjoni mas-servizzi rilevanti tas-SEAE, il-postijiet potenzjali għal-laqgħat, il-workshops u avvenimenti oħrajn. Il-kriterji li jintużaw għall-għażla tal-postijiet ser jinkludu r-rieda u l-impenn ta' Stat jew organizzazzjoni intergovernattiva rilevanti f'reġjun partikolari li tospita l-avveniment. Il-postijiet speċifiċi taż-żjarat f'pajjiż jew tal-attivitajiet speċifiċi għall-pajjiż ser jiddependu mill-istediniet mill-Istati jew l-organizzazzjonijiet intergovernattivi interessati.
7. TUL TA' ŻMIEN
It-tul ta' żmien totali stmat tal-azzjoni huwa ta' 36 xahar.