Official Journal L 071 , 18/03/2000 P. 0010 - 0010
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 593/2000 tat-13 ta’ Marzu 2000 li jissospendi l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2006/97 li jistabbilixxi ċerti regoli dwar l-applikazzjoni ta’ l-arranġamenti speċjali għall-importazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa li joriġina mill-Marokk. IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunitajiet Ewropej, Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2006/97 tad-9 ta’ Ottubru 1997 li jistabbilixxi ċerti regoli dwar l-applikazzjoni ta’ arranġamenti speċjali għall-importazzjonijiet taż-żejt taż-żebbuġa li joriġina mill-Marokk [1], Billi: (1) L-Artikoli 17 u 18 ta’, u l-Anness B tal-Ftehim ta’ Koperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropeja u r-Renju tal-Marokk [2], jipprovdu għal arranġamenti speċjali għall-importazzjonijiet taż-żejt taż-żebbuġa li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 1509 u 1510, miksub kollu kemm hu fil-Marokk u ttrasportat direttament minn dan il-pajjiż lejn il-Komunità. Dawk l-arranġamenti ġew estiżi sa wara l-1 ta’ Jannar 1994 bi’ ftehim f’forma ta’ Skambju ta’ Ittri mar-Renju tal-Marokk sakemm idum il-Ftehim ta’ Kooperazjoni. (2) Ir-Regolament (KE) Nru 2006/97 li jistabbilixxi ċerti regoli għall-applikazzjoni ta’l-arranġamenti bil-għan li jadattahom għall-ħtiġijiet tal-Ftehim dwar l-agrikoltura milħuq bhala parti mis-Serje ta’Negozjati multilaterali kummerċjali ta’l-Uruguay. (3) L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2006/97 jgħid li meta ftehim ġdid jintlaħaq il-Kummissjoni għandha tadotta l-aġġustamenti li jirriżultaw skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38 tar-Regolament Nru136/66/KEE tat-22 ta’ Settembru 1966 dwar it-twaqqif ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq fiż-żjut u x-xaħmijiet [3], kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2702/1999 [4]. L-arranġamenti speċjali m’għandhomx jibqgħu jgħoddu ladarba l-Ftehim Euro-Mediterranju li jwaqqaf assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk min-naħa l-oħra [5], jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2000. Sakemm tkun għadha ma saritx revoka formali tar-Regolament (KE) Nru 2006/97 b’att tal-Kunsill, għalhekk, jeħtieġ li dan jiġi adattat għas-sitwazzjoni l-ġdida billi tiġi sospiża l-applikazzjoni tiegħu b’effett mid-dħul fis-seħħ tal-ftehim il-ġdid. (4) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni għaż-żjut w ix-xaħmijiet, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 L-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2006/97 qed tiġi sospiża. Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum li fih jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan għandu jibda jgħodd mill-1 ta’ Marzu 2000. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fit-13 ta’ Marzu 2000. Għall-Kummissjoni Franz Fischler Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 284, tas-16.10.1997, p. 13. [2] ĠU L 264, tas-27.9.1978, p. 2. [3] ĠU C 172, tat-30.9.1966, p. 3025/66. [4] ĠU L 327, tal-21.12.1999, p. 7. [5] ĠU L 70, tat-18.3.2000. --------------------------------------------------