SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)
5 ta’ Ġunju 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika tal-ażil – Status ta’ refuġjat jew status mogħti mill-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2011/95/UE – Artikolu 3 – Regoli iktar favorevoli – Protezzjoni sussidjarja – Raġuni mhux relatata mas-sitwazzjoni fil-pajjiż tal-oriġini – Loġika ta’ protezzjoni internazzjonali”
Fil-Kawża C‑349/24 [Nuratau] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Krajský soud v Brně (il-Qorti Reġjonali ta’ Brno, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Mejju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Mejju 2024, fil-proċedura
A.B.
vs
Ministerstvo vnitra, Odbor azylové a migrační politiky,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, S. Rodin, N. Piçarra, O. Spineanu-Matei u N. Fenger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal A.B., minn A. Žemla, advokátka, |
|
– |
għall-Gvern Ċek, minn A. Edelmannová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Blanc-Simonetti, M. Debieuvre u M. Salyková, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn A.B., ċittadin ta’ pajjiż terz, u l-Ministerstvo vnitra, Odbor azylové a migrační politiky (il-Ministeru għall-Intern, Dipartiment tal-Politika dwar l-Ażil u l-Migrazzjoni, ir-Repubblika Ċeka) (iktar ’il quddiem il-“Ministeru”) dwar deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jirrifjuta li jagħti protezzjoni internazzjonali lil A.B. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 2008/115/KE
|
3 |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98), jipprovdi: “Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont dovut ta’:
jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.” |
Id‑Direttiva 2011/95
|
4 |
Il-premessa 14 tad-Direttiva 2011/95 hija fformulata kif ġej: “L-Istati Membri għandu jkollhom il-poter li jdaħħlu jew iżommu aktar dispożizzjonijiet favorevoli mill-istandards stabbiliti f’din id-Direttiva għal ċittadini nazzjonali tal-pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li jitolbu l-protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru, fejn din it-talba hija mifhuma li hija fuq il-bażi li l-persuna interessata hija jew refuġjat […] jew persuna li hija eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja.” |
|
5 |
L-Artikolu 2(d) u (f) ta’ din id-direttiva jippreċiża: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
[…]
|
|
6 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu jew jżommu standards aktar favorevoli biex jistabbilixxu min jikkwalifika bħala refuġjat jew bħala persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u biex jistabbilixxu l-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali, sa fejn dawk l-istandards stabbiliti huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva.” |
|
7 |
L-Artikolu 4(3)(a) tal-istess direttiva jipprovdi li: “L-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta’:
|
|
8 |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/95 huwa stabbilit kif ġej: “Atturi ta’ persekuzzjoni jew dannu serju jinkludu:
|
|
9 |
L-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Bħala parti mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li applikant mhuwiex fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali jekk f’parti mill-pajjiż tal-oriġini, hu jew hi:
u hu jew hi jista’ jivvjaġġa mingħajr periklu u legalment għal u jidħol f’dik il-parti tal-pajjiż u huwa mistenni b’mod raġonevoli jissetilja hemmhekk.” |
|
10 |
L-Artikolu 10(1)(d) tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom iqisu l-elementi li ġejjin meta jivvalutaw ir-raġunijiet għal persekuzzjoni: […]
|
|
11 |
L-Artikolu 15 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej: “Dannu serju jikkonsisti minn:
|
Id‑dritt Ċek
|
12 |
L-Artikolu 14a taż-zákon č. 325/1999 Sb. o azylu (il-Liġi Nru 325/1999 Sb. dwar l-Ażil), tal‑11 ta’ Novembru 1999, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ sat‑30 ta’ Ġunju 2023 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Ażil”), kien jipprovdi: “1. Il-protezzjoni sussidjarja tingħata liċ-ċittadin barrani li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jingħata l-ażil, jekk, fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, jiġi stabbilit li, fil-każ tiegħu, jeżistu raġunijiet leġittimi sabiex wieħed jibża’ li, fil-każ ta’ ritorn lejn l-Istat li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza jew, fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, fl-Istat li fih huwa kellu l-aħħar domiċilju permanenti tiegħu, huwa ser ikun espost għal riskju reali li jsofri dannu serju, fis-sens tal-paragrafu 2, u huwa stabbilit li, minħabba dan ir-riskju, huwa ma jistax jibbenefika mill-protezzjoni tal-Istat li tiegħu huwa ċittadin jew li fih jinsab l-aħħar domiċilju permanenti tiegħu, jew li ma huwiex lest li jibbenefika minnha. 2. Għall-finijiet ta’ din il-liġi, dannu serju jfisser
|
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
13 |
A.B. wasal fir-Repubblika Ċeka fix-xahar ta’ Lulju 2006. Ir-residenza tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru kienet regolari matul il-parti l-kbira tal-perijodu mid-dħul tiegħu f’dan it-territorju saċ-ċaħda, mill-awtoritajiet Ċeki, ta’ applikazzjoni għal estensjoni tal-permess ta’ residenza tiegħu ppreżentata fix-xahar ta’ Awwissu 2018. Sussegwentement, fix-xahar ta’ April 2019, huwa ppreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-istess Stat Membru. |
|
14 |
Din it-talba ġiet miċħuda, għall-ewwel darba, permezz ta’ deċiżjoni tal-Ministeru adottata fix-xahar ta’ Frar 2020. Permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, il-Krajský soud v Praze (il-Qorti Reġjonali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka) annullat din l-ewwel deċiżjoni. |
|
15 |
Il-Ministeru eżamina mill-ġdid l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn A.B. u ċaħadha, għat-tieni darba, permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Ottubru 2022. Permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2023, il-Krajský soud v Brně (il-Qorti Reġjonali ta’ Brno, ir-Repubblika Ċeka), li hija l-qorti tar-rinviju, annullat din it-tieni deċiżjoni. |
|
16 |
Il-motivazzjoni tal-annullament ta’ dawn iż-żewġ deċiżjonijiet kienet essenzjalment ibbażata fuq in-natura inkompleta tal-informazzjoni miġbura mill-Ministeru dwar il-ħajja privata u tal-familja ta’ A.B. u fuq il-konstatazzjoni li l-Ministeru ma kienx eżamina b’mod suffiċjenti ċerti elementi relatati ma’ din il-ħajja privata u tal-familja, bħat-tul tar-residenza tiegħu fir-Repubblika Ċeka, l-integrazzjoni tiegħu f’dan l-Istat Membru, l-istat ta’ saħħa tiegħu, il-mewt tal-konjuġi tiegħu fl-imsemmi Stat Membru jew ukoll l-assenza ta’ rabtiet soċjali u familjari tiegħu fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu. |
|
17 |
Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2023, il-Ministeru ċaħad, għat-tielet darba, l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn A.B., prinċipalment minħabba li, wara eżami tal-elementi rilevanti kollha, kien jidher li A.B. ma kellux rabtiet soċjali jew privati b’saħħithom fir-Repubblika Ċeka. A.B. ippreżenta rikors kontra din it-tielet deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. |
|
18 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li s-sentenzi tas‑17 ta’ Ġunju 2021 u tas‑17 ta’ Mejju 2023, l-istess bħall-evalwazzjoni tal-Ministeru, kienu bbażati fuq interpretazzjoni tal-Artikolu 14a(2)(d) tal-Liġi dwar l-Ażil, segwita b’mod kostanti mill-qrati Ċeki. Skont din l-interpretazzjoni, l-imsemmija dispożizzjoni kienet applikabbli fis-sitwazzjonijiet kollha li fihom it-tneħħija tal-applikant twassal għal ksur tal-obbligi internazzjonali tar-Repubblika Ċeka. Skont l-imsemmija interpretazzjoni, l-istess dispożizzjoni kienet timplika, b’mod partikolari, li tingħata l-protezzjoni sussidjarja liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li d-dritt tagħhom għall-ħajja privata u tal-familja jiġi miksur fil-każ ta’ tneħħija mir-Repubblika Ċeka. |
|
19 |
Madankollu, permezz ta’ digriet tal‑15 ta’ Frar 2024, in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka), b’awla estiża bħala l-kulleġġ ġudikanti, adottat interpretazzjoni oħra tal-Artikolu 14a(2)(d) tal-Liġi dwar l-Ażil. Għalhekk, dik il-qorti ddeċidiet li l-protezzjoni sussidjarja setgħet tingħata, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, lil ċittadin ta’ pajjiż terz biss jekk it-tneħħija tiegħu tesponih, fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, għal ksur tal-obbligi internazzjonali tar-Repubblika Ċeka. Konsegwentement, skont din l-interpretazzjoni l-oħra, il-protezzjoni sussidjarja ma tistax tingħata iktar lill-applikant minħabba ksur tal-ħajja privata jew tal-familja tiegħu fir-Repubblika Ċeka, fil-każ ta’ tneħħija. |
|
20 |
Il-qorti tar-rinviju tiddubita l-kompatibbiltà tal-imsemmija interpretazzjoni l-oħra mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95. Għalhekk, hija tqis li l-imsemmija interpretazzjoni l-oħra tippermetti li tingħata protezzjoni internazzjonali f’każijiet li ma jaqgħux taħt il-protezzjoni sussidjarja, kif iddefinita minn din id-direttiva, u li jmorru lil hinn mill-każijiet li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jaqgħu taħt din il-protezzjoni sussidjarja skont dan l-Artikolu 3, li jawtorizza lill-Istati Membri jadottaw regoli iktar favorevoli fl-għoti ta’ din il-protezzjoni, bil-kundizzjoni li dawn ir-regoli jkunu kompatibbli mal-imsemmija direttiva. |
|
21 |
Il-qorti tar-rinviju tqis, konsegwentement, li l-Artikolu 14a(2)(d) tal-Liġi dwar l-Ażil huwa, fi kwalunkwe każ, inkompatibbli mad-Direttiva 2011/95 u li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata b’mod konformi ma’ din id-direttiva. Madankollu, l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni ma tistax tiġi eskluża fil-kawża prinċipali, peress li ma huwiex possibbli li tiġi applikata direttament dispożizzjoni ta’ direttiva għad-detriment ta’ individwu. Għaldaqstant, fil-każ li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14a(2)(d) tal-Liġi dwar l-Ażil adottata fid-digriet tan-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema), tal‑15 ta’ Frar 2024, mogħtija f’awla estiża, ma tkunx kompatibbli mad-Direttiva 2011/95, il-qorti tar-rinviju tqis li hija għandha tinterpreta din id-dispożizzjoni billi ssegwi l-approċċ adottat mill-qrati Ċeki qabel dan id-digriet. |
|
22 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Krajský soud v Brně (il-Qorti Reġjonali ta’ Brno) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 3 tad-Direttiva [2011/95], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti l-għoti tal-protezzjoni sussidjarja lil applikant għal protezzjoni internazzjonali, tista’ titqies li hija regola iktar favorevoli sabiex jiġi deċiż min jista’ jibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, anki fil-każ ta’ riskju reali li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jsofri dannu serju mhux previst mill-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, li jikkonsisti fit-tneħħija, mill-Istat Membru, tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali, bi ksur tal-obbligi internazzjonali tal-imsemmi Stat Membru, sakemm fl-istess ħin dan il-ksur tal-obbligi internazzjonali tal-Istat Membru ikun marbut mas-sitwazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali?” |
Fuq id‑domanda preliminari
|
23 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li jkollha quddiemha. Minn din il-perspettiva, jekk ikun il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tirriformula d-domandi magħmulin lilha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha toħroġ mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu interpretati fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 1984, Haug-Adrion, 251/83, EU:C:1984:397, punt 9, u tat‑30 ta’ April 2024, M.N.(EncroChat), C‑670/22, EU:C:2024:372, punt 78). |
|
24 |
F’dan il-każ, mill-kliem tad-domanda magħmula jirriżulta li din tirrigwarda raġuni ta’ protezzjoni sussidjarja bbażata fuq is-sitwazzjoni fil-pajjiż tal-oriġini tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali. |
|
25 |
Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, ir-raġuni prevista għal protezzjoni sussidjarja ma hijiex ibbażata fuq is-sitwazzjoni fil-pajjiż tal-oriġini tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali, iżda fuq ir-riskju, għal dan l-applikant, li jsofri ksur tad-dritt tiegħu għall-ħajja privata minħabba l-ksur tar-rabtiet bejn l-imsemmi applikant u l-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, fil-każ ta’ tneħħija lejn dan il-pajjiż. |
|
26 |
Għaldaqstant, id-domanda magħmula għandha tinftiehem fis-sens li tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li tiġi kkunsidrata bħala regola iktar favorevoli, li tista’ tiġi adottata konformement ma’ dan l-artikolu, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-għoti tal-protezzjoni sussidjarja lil ċittadin ta’ pajjiż terz li, jekk jitneħħa lejn il-pajjiż tal-oriġini tiegħu, jiffaċċja riskju reali li jġarrab ksur tad-dritt tiegħu għall-ħajja privata minħabba l-ksur tar-rabtiet tiegħu mal-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. |
|
27 |
Din hija protezzjoni sussidjarja li, skont l-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2011/95 hija mogħtija lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jistax jitqies bħala refuġjat, iżda li għalih hemm raġunijiet serji u ppruvati sabiex wieħed jemmen li, jekk l-imsemmi ċittadin jintbagħat lura fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, jkun hemm riskju reali li jsofri danni serji kif iddefiniti fl-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, fejn dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma huwiex kopert minn klawżola ta’ esklużjoni, u ma jkunx jista’, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma jkunx lest li jieħu vantaġġ mill-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż. |
|
28 |
Skont l-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, id-danni serji huma l-piena tal-mewt jew l-qtil, it-tortura jew trattamenti inumani jew degradanti imposti fuq applikant fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu jew inkella theddid serju u individwali kontra l-ħajja jew il-persuna ta’ persuna ċivili minħabba vjolenza indiskriminata f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat intern jew internazzjonali. |
|
29 |
Minn dan jirriżulta li, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, il-ksur tad-dritt għall-ħajja privata ma jinsabx fost id-danni serji li jiġġustifikaw, skont id-Direttiva 2011/95, l-għoti tal-protezzjoni sussidjarja. |
|
30 |
Madankollu, l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jippermetti lill-Istati Membri jadottaw jew jżommu “standards aktar favorevoli biex jistabbilixxu min jikkwalifika bħala refuġjat jew bħala persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u biex jistabbilixxu l-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali, sa fejn dawk l-istandards stabbiliti huma kompatibbli [mal-imsemmija direttiva]”. |
|
31 |
Minn dan il-kliem, moqri flimkien mal-premessa 14 tad-Direttiva 2011/95, jirriżulta li r-regoli iktar favorevoli previsti fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jistgħu b’mod partikolari jikkonsistu fl-attenwazzjoni tal-kundizzjonijiet li fihom ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jgawdi mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova, C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 70, u tad‑9 ta’ Novembru 2021, Bundesrepublik Deutschland (Żamma tal-unità tal-familja), C‑91/20, EU:C:2021:898, punt 39). |
|
32 |
Fir-rigward tal-preċiżazzjoni li tinsab f’dan l-Artikolu 3, skont liema kull regola iktar favorevoli għandha tkun kompatibbli mad-Direttiva 2011/95, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan ifisser li din ir-regola ma għandhiex tippreġudika l-istruttura ġenerali jew l-għanijiet ta’ din id-direttiva. Huma b’mod partikolari ipprojbiti regoli intiżi sabiex jiġi rikonoxxut l-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr Stat li jkunu jinsabu f’sitwazzjonijiet totalment nieqes minn kull rabta mal-loġika tal-protezzjoni internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj, C‑542/13, EU:C:2014:2452, punt 44; tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Ahmedbekova, C‑652/16, EU:C:2018:801, punt 71, u tad‑9 ta’ Novembru 2021, Bundesrepublik Deutschland (Żamma tal-unità tal-familja), C‑91/20, EU:C:2021:898, punt 40). |
|
33 |
Issa, diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95 jindikaw li l-protezzjoni internazzjonali hija marbuta mas-sitwazzjoni tal-applikant, mhux fl-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, iżda fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, fil-każ li jkollu jirritorna f’dak il-pajjiż. |
|
34 |
Għalhekk, jirriżulta, fl-ewwel lok, mid-definizzjoni tal-kunċetti ta’ “refuġjat” u ta’ “persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja”, stabbiliti fl-Artikolu 2(d) u (f) ta’ din id-direttiva, li l-protezzjoni internazzjonali għandha l-għan li tissostitwixxi l-protezzjoni tal-pajjiż tal-oriġini meta l-applikant ma jistax jew, fid-dawl ta’ ċerti biżgħat jew ta’ ċerti riskji, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż. |
|
35 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-evalwazzjoni tal-kapaċità tal-pajjiż tal-oriġini li jiżgura protezzjoni kontra atti ta’ persekuzzjoni, li tikkostitwixxi element deċiżiv tal-evalwazzjoni li twassal għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, għandha, bħall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ biża’ fondata ta’ persekuzzjoni, tkun ibbażata fuq l-eżami taċ-ċirkustanzi eżistenti fil-pajjiż tal-oriġini (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 2013, X et, C‑199/12 sa C‑201/12, EU:C:2013:720, punt 43; tad‑19 ta’ Novembru 2020, Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (Servizz militari u ażil), C‑238/19, EU:C:2020:945, punt 21, kif ukoll tal‑20 ta’ Jannar 2021, Secretary of State for the Home Department, C‑255/19, EU:C:2021:36, punti 36 u 57). |
|
36 |
Fit-tieni lok, l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/95, li jelenka l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni individwali ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, ma jsemmix l-eżami tas-sitwazzjoni tal-applikant fl-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew dak tal-konsegwenzi tal-ksur tar-rabtiet bejn l-applikant u dan l-Istat Membru. Din id-dispożizzjoni timponi, min-naħa l-oħra, l-eżami tal-fatti rilevanti kollha li jikkonċernaw il-pajjiż tal-oriġini fil-mument li tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni. |
|
37 |
Fit-tielet lok, l-elementi kkunsidrati mil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jikkaratterizza b’mod iktar preċiż il-biżgħat u r-riskji ta’ natura li jiġġustifikaw l-għoti tal-protezzjoni internazzjonali jindikaw li dawn il-biżgħat u dawn ir-riskji jirrigwardaw is-sitwazzjoni fil-pajjiż tal-oriġini u, fi kwalunkwe każ, li ma jirrigwardawx is-sitwazzjoni fl-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. |
|
38 |
L-ewwel nett, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/95 jidentifika l-“atturi ta’ persekuzzjoni jew dannu serju”, bħala l-Istat, partijiet jew organizzazzjonijiet li jikkontrollaw l-Istat jew parti sostanzjali mit-territorju tiegħu jew anki atturi mhux statali li kontra tagħhom l-Istat jew dawn l-organizzazzjonijiet ma jistgħux jew ma jridux jagħtu protezzjoni. |
|
39 |
Peress li l-“Istat” imsemmi f’dan l-Artikolu 6 ma jistax loġikament ikun l-Istat Membru li l-protezzjoni tiegħu hija mfittxija sabiex jipproteġi ruħu mill-prattiki tal-atturi ta’ persekuzzjonijiet jew ta’ danni serji, ksur tar-rabtiet bejn l-applikant u dan l-Istat Membru ma jistax jitqies li jirriżulta mill-aġir ta’ wieħed minn dawn l-atturi. |
|
40 |
It-tieni nett, l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jippermetti lill-Istati Membri jeskludu l-għoti tal-protezzjoni internazzjonali meta l-applikant jista’ effettivament ma jkunx suġġett għal atti ta’ persekuzzjoni u ta’ danni serji jew li jibbenefika minn protezzjoni kontra dawn l-atti u dawn id-danni f’parti mill-pajjiż tal-oriġini tiegħu. |
|
41 |
It-tielet nett, fir-rigward tar-raġunijiet ta’ persekuzzjoni, hemm lok, b’mod partikolari, li jiġi rrilevat li mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1)(d) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-eżistenza ta’ “grupp soċjali”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 10(1)(d), għandha tiġi ddeterminata skont il-kundizzjonijiet prevalenti fil-pajjiż tal-oriġini. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżistenza ta’ opinjonijiet politiċi kif ukoll ir-rabta kawżali bejniethom u l-atti ta’ persekuzzjonijiet għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-kuntest ġenerali tal-pajjiż tal-oriġini tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, Migracijos departamentas (Raġunijiet ta’ persekuzzjoni bbażati fuq opinjonijiet politiċi), C‑280/21, EU:C:2023:13, punt 33). |
|
42 |
Ir-raba’ nett, jirriżulta mill-Artikolu 15(b) tal-istess direttiva li d-danni serji previsti f’din id-dispożizzjoni jimmaterjalizzaw biss meta trattamenti inumani jew degradanti jseħħu fil-pajjiż tal-oriġini tal-applikant għall-protezzjoni internazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, M’Bodj, C‑542/13, EU:C:2014:2452, punt 33). |
|
43 |
Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li l-għoti ta’ permess ta’ residenza għal raġuni li ma hijiex relatata mas-sitwazzjoni fil-pajjiż tal-oriġini tal-applikant għandu jitqies li ma għandu ebda rabta mal-loġika ta’ protezzjoni internazzjonali, b’tali mod li Stat Membru ma jistax jagħti l-protezzjoni sussidjarja, fis-sens tad-Direttiva 2011/95, billi jibbaża ruħu fuq tali raġuni, mingħajr ma jikser l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva. |
|
44 |
Peress li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha l-intenzjoni li tinterpreta l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala li tippermetti l-għoti tal-protezzjoni sussidjarja abbażi ta’ raġuni li ma tirrigwardax is-sitwazzjoni fil-pajjiż tal-oriġini tal-applikant, għandu jitfakkar li qorti nazzjonali hija obbligata, meta tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern tagħha adottati sabiex jiġu trasposti l-obbligi previsti minn direttiva, li tiżgura interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali kkonċernat, sabiex tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 114, kif ukoll tat‑8 ta’ Novembru 2016, Ognyanov, C‑554/14, EU:C:2016:835, punt 58). |
|
45 |
Ċertament, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali huwa suġġett għal ċerti limiti. Għalhekk, l-obbligu għall-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut ta’ direttiva meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt intern huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari dawk ta’ ċertezza legali kif ukoll ta’ nuqqas ta’ retroattività, u ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, EU:C:2006:443, punt 110, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2023, BMW Bank et, C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, EU:C:2023:1014, punt 222). |
|
46 |
Madankollu, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali jirrikjedi li l-qrati nazzjonali jagħmlu kull ma jaqa’ taħt il-kompetenza tagħhom, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu tagħhom u japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minnhom, sabiex jiggarantixxu l-effettività sħiħa tad-direttiva inkwistjoni u sabiex jaslu għal soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punti 118 u 119, kif ukoll tal‑15 ta’ Ottubru 2024, KUBERA, C‑144/23, EU:C:2024:881, punt 51). |
|
47 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li n-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema), b’awla estiża bħala l-kulleġġ ġudikanti, interpretat, fid-digriet tagħha tal‑15 ta’ Frar 2024, id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni bħala li tirreferi esklużivament għar-riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali marbut mas-sitwazzjoni fil-pajjiż tal-oriġini tal-applikant. Għalhekk jidher, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, li din id-dispożizzjoni nazzjonali tista’ tiġi interpretata b’mod li twassal, fil-kawża prinċipali, għal soluzzjoni konformi mal-għan imfittex mid-Direttiva 2011/95. |
|
48 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95 ma jipprojbixxix lil Stat Membru milli jagħti protezzjoni nazzjonali flimkien ma’ drittijiet li jippermettu lill-persuni li ma għandhomx l-istatus ta’ refuġjat u li ma jibbenefikawx mill-protezzjoni sussidjarja milli jirrisjedu fit-territorju tiegħu, peress li l-għoti ta’ tali protezzjoni ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. B’hekk, Stat Membru jista’ jagħti, skont id-dritt intern tiegħu biss, dritt ta’ residenza għal raġunijiet umanitarji liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fejn ir-ritorn fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom jippreġudika d-dritt tagħhom għal ħajja privata, minħabba l-ksur tar-rabta tagħhom ma’ dan l-Istat Membru, peress li dan id-dritt ta’ residenza ma jistax jiġi konfuż mal-istatus ta’ refuġjat jew ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja, fis-sens ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2010, B u D, C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punti 117 sa 120, kif ukoll tat‑12 ta’ Settembru 2024, Changu, C‑352/23, EU:C:2024:748, punti 48 u 49). |
|
49 |
Ulterjorment, sa fejn iċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tista’, jekk ikun il-każ, twassal lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jipprevedu l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn kontra A.B., għandu jitfakkar li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 jikkostitwixxi regola ġenerali imposta fuq l-Istati Membri hekk kif jimplimentaw din id-direttiva, fl-istadji kollha tal-proċedura ta’ ritorn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika), C‑69/21, EU:C:2022:913, punt 55). |
|
50 |
Issa, minkejja li dan l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 ma jsemmix il-ħajja privata taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fi Stat Membru fost l-elementi li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni meta jimplimentaw din id-direttiva, xorta jibqa’ l-fatt li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali li huma rrikonoxxuti liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u li, konsegwentement, deċiżjoni ta’ ritorn jew miżura ta’ tneħħija ma tistax tiġi adottata jekk tikser id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tneħħija – Kannabis terapewtika), C‑69/21, EU:C:2022:913, punt 92). |
|
51 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li tiġi kkunsidrata bħala regola iktar favorevoli, li tista’ tiġi adottata skont dan l-Artikolu 3, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-għoti tal-protezzjoni sussidjarja lil ċittadin ta’ pajjiż terz li, jekk jitneħħa lejn il-pajjiż tal-oriġini tiegħu, jiffaċċja riskju reali li jġarrab ksur tad-dritt tiegħu għall-ħajja privata minħabba l-ksur tar-rabtiet tiegħu mal-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. |
Fuq l‑ispejjeż
|
52 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
jipprekludi li tiġi kkunsidrata bħala regola iktar favorevoli, li tista’ tiġi adottata skont dan l-Artikolu 3, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-għoti tal-protezzjoni sussidjarja lil ċittadin ta’ pajjiż terz li, jekk jitneħħa lejn il-pajjiż tal-oriġini tiegħu, jiffaċċja riskju reali li jġarrab ksur tad-dritt tiegħu għall-ħajja privata minħabba l-ksur tar-rabtiet tiegħu mal-Istat Membru li jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.