KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SAUGMANDSGAARD ØE
ippreżentati fil-5 ta’ Settembru 2019 ( 1 )
Kawża C‑389/18
Brussels Securities SA
vs
État belge
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema fiskali komuni applikabbli għall-kumpanniji omm u kumpanniji sussidjarji ta’ Stati Membri differenti – Direttiva 90/435/KEE – L-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) – Leġiżlazzjoni nazzjonali intiża li telimina t-taxxa doppja fuq il-profitti mqassma minn sussidjarja – Dividendi mnaqqsa mill-bażi taxxabbli tal-kumpannija omm unikament sa fejn ikunu jeżistu profitti taxxabbli – Possibbiltà ta’ trasferiment ’il quddiem tal-eċċessi mingħajr limitu ta’ żmien – Ordni ta’ imputazzjoni obbligatorju tal-ammonti deduċibbli”
I. Introduzzjoni
|
1. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju) tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 90/435/KEE, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti ( 2 ), kif emendata mid-Direttiva 2006/98/KE ( 3 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 90/435”). |
|
2. |
Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435, meta kumpannija omm tirċievi l-profitti mqassma abbażi tal-assoċjazzjoni tagħha mas-sussidjarja tagħha li tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor, l-Istat Membru li fih il-kumpannija omm tkun stabbilita jista’ jagħżel li ma jintaxxax dawn il-profitti. Għaldaqstant, waqt it-traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, ir-Renju tal-Belġju adotta sistema intiża biex il-kumpanniji omm stabbiliti fit-territorju tiegħu jkunu, sa ċertu punt, meħlusa milli jħallsu taxxi fuq id-dividendi li jirċievu mingħand is-sussidjarji tagħhom stabbiliti fi Stati Membri oħra, sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja fuq tali profitti. |
|
3. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ttrattat f’diversi okkażjonijiet is-sistema Belġjana tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji u, b’mod partikolari, iż-żewġ sistemi, jiġifieri s-sistema ta’ dħul intaxxat b’mod definittiv (iktar ’il quddiem is-“sistema DID”) u t-tnaqqis għal kapital b’riskju (iktar ’il quddiem it-“TKR”), li jippermettu li taħt kundizzjonijiet stabbiliti b’mod ċar, il-profitti kkonċernati jitnaqqsu mill-bażi taxxabbli ta’ kumpannija ( 4 ). |
|
4. |
Din il-kawża hija estensjoni ta’ dik il-ġurisprudenza u saret fil-kuntest ta’ tilwima li essenzjalment għandha bħala suġġett il-fatt li d-dritt Belġjan jeżiġi, minn naħa, li d-dividendi li kumpannija omm tirċievi mis-sussidjarji tagħha l-ewwel jiġu inklużi fil-bażi taxxabbli tagħha mbagħad jitnaqqsu bħala DID, b’possibbiltà li jiġu ttrasferiti fuq is-snin taxxabbli sussegwenti u, min-naħa l-oħra, li dan id-DID jiġi imputat qabel it-TKR, li t-trasferiment ’il quddiem tiegħu fuq snin sussegwenti huwa, għall-kuntrarju, limitat fiż-żmien. |
|
5. |
Essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tistabbilixxi jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għal tali inklużjoni minn qabel tad-dividendi fil-profitti taxxabbli ta’ kumpannija omm flimkien ma’ tali ordni ta’ imputazzjoni tal-elementi ta’ dan it-tip li jistgħu jitnaqqsu. Għar-raġunijiet esposti f’dawn il-konklużjonijiet, jidhirli li għandha tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda magħmula. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
|
6. |
Għalkemm tħassret permezz tad-Direttiva 2011/96/UE ( 5 ), b’effett mit-18 ta’ Jannar 2012, id-Direttiva 90/435 hija applikabbli ratione temporis, fid-dawl tad-data tal-fatti tal-kawża prinċipali. |
|
7. |
Ir-raba’ premessa tad-Direttiva 90/435 tipprovdi li “bis-saħħa ta’ l-assoċjazzjoni tagħha mal-kumpannija sussidjarja tagħha, il-kumpannija ġenitur tirċievi profitti mqassma, l-Istat tal-kumpannija ġenitur irid:
|
|
8. |
Skont l-Artikolu 4(1) u (2) ta’ din id-direttiva: “1. Meta kumpannija parent jew l-istabbiliment permanenti tagħha jirċievu l-profitti mqassna bis-saħħa ta’ l-assoċjazzjoni tal-kumpannija parent mas-sussidjarja tagħha, l-Istat tal-kumpannija parent u l-Istat ta’ l-istabbiliment permanenti tagħha għandhom, għajr meta s-sussidjarja tiġi llikwidata, jew:
[…] 2. Madankollu, kull wieħed mill-Istati Membri għandu jżomm il-għażla li jipprovdi illi kull impost li jkollu x’jaqsam ma’ l-ishma u kull telf li jirriżulta mit-tqassim tal-qligħ tal-kumpannija sussidjarja jistgħu ma jitnaqqsux mill-profitti taxxabbli tal-kumpannija ġenitur. Meta l-ispejjeż tal-ġestjoni li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-ishma f’dan il-każ jiġu ffissati bħala rata waħda uniformi, l-ammont iffissat ma jistax jaqbeż il 5 % tal-profitti mqassma mill-kumpannija sussidjarja”. |
B. Id-dritt Belġjan
1. Le code des impôts sur les revenus 1992 (CIR 1992) (il-Kodiċi dwar it-Taxxi fuq id-Dħul 1992)
|
9. |
Id-Direttiva 90/435 ġiet trasposta fid-dritt Belġjan permezz tal-liġi tat-23 ta’ Ottubru 1991 ( 6 ), li emendat is-sistema tad-DID li kienet fis-seħħ dak iż-żmien. Sussegwentement, matul is-sena 1992 saret il-kodifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul u, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw id-DID ( 7 ). |
|
10. |
Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-code des impôts sur les revenus 1992 (il-Kodiċi dwar it-Taxxi fuq id-Dħul 1992) ( 8 ), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jiġifieri dik applikabbli għas-sena ta’ taxxa 2011 (iktar ’il quddiem il-“KTD 1992”), huma fformulati bil-mod kif ġej. |
|
11. |
Fir-rigward tad-DID, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 202(1) tal-KTD 1992 jipprovdi li “[m]ill-profitti tal-perijodu taxxabbli għandhom jitnaqqsu wkoll, sa fejn ikunu inklużi[,] id-dividendi, bl-eċċezzjoni tad-dħul li jinkiseb fl-okkażjoni tat-trasferiment lil kumpannija tal-azzjonijiet jew ishma tagħha stess jew waqt il-qsim totali jew parzjali tal-assi ta’ kumpannija”. |
|
12. |
L-Artikolu 204(1) tal-KTD 1992 jipprovdi li “[id]-dħul li jista’ jitnaqqas skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 202(1)[,] huwa preżunt bħala inkluż fil-profitti tal-perijodu taxxabbli sal-valur ta’ 95 % tal-ammont miġbur jew irċevut […]”. |
|
13. |
Skont l-Artikolu 205(2) u (3) tal-KTD 1992: “2. It-tnaqqis previst fl-Artikolu 202 huwa limitat għall-ammont tal-profitti tal-perijodu taxxabbli, li jibqa’ wara l-applikazzjoni tal-Artikolu 199, imnaqqas [bl-ispejjeż elenkati iktar ’il quddiem]: It-tnaqqis elenkat fl-ewwel subparagrafu ma japplikax għad-dħul indikat fis-subparagrafu 1 tal-Artikolu 202(1)[,] allokat jew assenjat minn kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Għall-applikazzjoni tas-subparagrafu preċedenti, kumpannija sussidjarja tfisser il-kumpannija sussidjarja kif iddefinita fid-Direttiva [90/435]. 3. Id-dħul, sa 95 % tal-ammont tiegħu, imsemmi fis-subparagrafu 1 tal-Artikolu 202(1)[,] allokat jew assenjat minn kumpannija sussidjarja kif imsemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2, u stabbilita fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, li ma setax jitnaqqas jista’ jiġi ttrasferit ’il quddiem għas-snin ta’ taxxa sussegwenti.” |
|
14. |
Fir-rigward tat-TKR, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 205 ter (1) tal-KTD 1992 jipprovdi li “sabiex jiġi stabbilit it-[TKR] għall-perijodu taxxabbli, il-kapital b’riskju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni jikkorrispondi, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi (2) sa (7), għall-ammont ta’ kapital proprju tal-kumpannija, fi tmiem il-perijodu taxxabbli preċedenti, stabbiliti skont il-leġiżlazzjoni dwar il-kontabbiltà u skont il-kontijiet annwali kif jirriżultaw mill-bilanċ”. |
|
15. |
Skont l-Artikolu 205 quinquies tal-KTD 1992, “[f]l-assenza jew f’każ ta’ insuffiċjenza ta’ profitti ta’ perijodu taxxabbli li fir-rigward tiegħu t-[TKR] jista’ jitnaqqas, l-eżenzjoni li ma tingħatax għal dan il-perijodu taxxabbli tista’ tiġi ttrasferita ’l quddiem suċċessivament fuq il-profitti tas-seba’ snin taxxabbli sussegwenti”. |
|
16. |
Fir-rigward tat-telf professjonali mġarrab matul is-snin taxxabbli preċedenti, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 206(1) tal-KTD 1992 jipprovdi li dan it-telf preċedenti rekuperabbli “jitnaqqas suċċessivament mid-dħul professjonali ta’ kull wieħed mill-perijodi taxxabbli sussegwenti”. |
|
17. |
Skont l-Artikolu 207 tal-KTD 1992, “[i]r-Re jistabbilixxi l-modalitajiet li abbażi tagħhom iseħħ it-tnaqqis previst fl-Artikoli 199 sa 206”. |
2. L-arrêté royal d’exécution (id-Digriet Irjali ta’ Eżekuzzjoni) tal-KTD 1992 (DI/KTD 1992)
|
18. |
Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-arrêté royal d’exécution (id-Digriet Irjali ta’ Eżekuzzjoni) tal-KTD 1992 ( 9 ) fil-verżjoni tiegħu applikabbli għas-sena taxxabbli 2011 (iktar ’il quddiem id-“DI/KTD 1992”) huma fformulati bil-mod segwenti. |
|
19. |
Filwaqt li tinsab fil-Kapitolu I tad-DI/KTD 1992, intitolat “Bażi u kalkolu tat-taxxi”, it-Taqsima XXVIII, intitolata “Determinazzjoni tad-dħul taxxabbli fil-qasam tat-taxxi tal-kumpanniji”, fiha l-Artikoli 74 sa 79 ta’ dan l-istrument. |
|
20. |
L-Artikolu 77 tad-DI/KTD 1992 jipprovdi li “[l]-ammonti indikati fl-Artikoli 202 sa 205 tal-[KTD] 1992 li jistgħu jitnaqqsu abbażi tad-[DID] jew tad-dħul minn investimenti eżentat għandhom jitnaqqsu sal-ammont tal-profitti li jibqgħu wara li jiġi applikat l-Artikolu 76; dan it-tnaqqis iseħħ fid-dawl tal-provenjenza tal-profitti u, bħala kwistjoni ta’ prijorità mill-profitti li fihom dawn l-ammonti”. |
|
21. |
Skont l-Artikolu 77/1 tad-DI/KTD 1992, “[i]t-tnaqqis għad-dħul mill-privattivi msemmi fl-Artikoli 205/1 sa 205/4 tal-[KTD] 1992 jitnaqqas sal-ammont tal-profitti li jibqgħu wara li jiġi applikat l-Artikolu 77”. |
|
22. |
L-Artikolu 77 bis tad-DI/KTD 1992 jipprovdi li “[i]t-[TKR] imsemmi fl-Artikoli 205 bis sa 205 septies tal-[KTD] 1992 għandu jitnaqqas sal-ammont tal-profitti li jibqa’ wara li jiġi applikat l-Artikolu 77/1”. |
|
23. |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tad-DI/KTD 1992, “[m]ill-profitti stabbiliti skont l-Artikoli 74 sa 77 bis għandu jitnaqqas it-telf professjonali mġarrab matul il-perijodi taxxabbli preċedenti msemmija fl-Artikolu 206 tal-[KTD] 1992, sa fejn dan it-telf, li jiġi stabbilit skont il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-perijodi taxxabbli li għalihom jirreferi, ma setax jitnaqqas qabel […]”. |
|
24. |
L-Artikolu 79 tad-DI/KTD 1992 jipprovdi li “[i]t-tnaqqis għall-investiment imsemmi fl-Artikoli 68 sa 77 u 201 tal-[KTD] 1992 jitnaqqas imbagħad mill-ammont tal-profitti Belġjani li jibqgħu wara li jiġi applikat l-Artikolu 78”. |
III. Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
25. |
Brussels Securities SA, li għandha s-sede tagħha fil-Belġju, hija suġġetta hemmhekk għat-taxxa fuq il-kumpanniji. Fid-“dikjarazzjoni għat-taxxa fuq il-kumpanniji” tagħha li tirrigwarda s-sena ta’ taxxa 2011, hija indikat li stabbilixxiet il-bażi taxxabbli billi, l-ewwel, naqqset it-TKR u, imbagħad, id-DID. |
|
26. |
Permezz ta’ avviż tal-21 ta’ Mejju 2013, l-Amministrazzjoni Fiskali Belġjana ħabbritilha l-intenzjoni tagħha li “tirrettifika l-ammont tat-TKR li jista’ jiġi ttrasferit ’il quddiem” fi tmiem is-sena ta’ taxxa 2011 billi bbażat ruħha fuq ir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 74 sa 79 tad-DI/KTD 1992, li minnhom jirriżulta li l-elementi li jistgħu jitnaqqsu mill-profitti taxxabbli kellhom jiġu mnaqqsa fl-ordni li ġejja: id-DID imsemmi fl-Artikolu 77 tad-DI/KTD 1992, imbagħad it-TKR imsemmi fl-Artikolu 77 bis tiegħu u, fl-aħħar nett, it-telf li jista’ jiġi ttrasferit ’il quddiem kif imsemmi fl-Artikolu 78 tiegħu. |
|
27. |
Peress li Brussels Securities ma applikatx dan l-ordni ta’ imputazzjoni għas-snin ta’ taxxa 2005 sa 2011, l-Amministrazzjoni Fiskali adottat deċiżjoni ta’ taxxa, tat-23 ta’ Ottubru 2013, li fiha hija rrevediet l-ammonti li jistgħu jitnaqqsu u li jistgħu jiġu ttrasferiti ’l quddiem fi tmiem is-sena ta’ taxxa 2011. L-ilment imressaq sussegwentement minn Brussels Securities ġie miċħud fit-23 ta’ Mejju 2014. |
|
28. |
Għaldaqstant, din tal-aħħar adixxiet lit-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża), sabiex tikseb, minn naħa, l-annullament tal-avviż ta’ rettifika tal-21 ta’ Mejju 2013 u d-deċiżjoni ta’ taxxa tat-23 ta’ Ottubru 2013 u, min-naħa l-oħra, biex jiġi ddikjarat li l-ammonti ta’ DID (kif ukoll l-eċċess ta’ DID) u ta’ TKR (kif ukoll l-eċċess ta’ TKR) ta’ Brussels Securities jikkorrispondu għall-ammonti li jinsabu fid-dikjarazzjoni tagħha li tirrigwarda s-sena ta’ taxxa 2011. |
|
29. |
Insostenn tat-talba tagħha, Brussels Securities targumenta, b’mod partikolari, li l-ordni ta’ imputazzjoni stabbilit fl-Artikoli 74 sa 79 tad-DI/KTD 1992 ma huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, sa fejn dan l-ordni jinvolvi “ksur tal-prinċipju tad-[Direttiva 90/435] (speċjalment il-projbizzjoni ta’ taxxa doppja fuq id-dividendi eliġibbli għas-sistema ta’ DID)” kif ukoll “ksur ta’ [dik id-direttiva] kif interpretata bis-sentenza Cobelfret”. |
|
30. |
B’risposta, l-Istat Belġjan isostni, b’mod partikolari, li d-Direttiva 90/435 tobbliga lill-Istati Membri biex ma jintaxxawx il-profitti mqassma minn sussidjarja lill-kumpannija omm tagħha u li, fil-kuntest tar-rettifiki li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali, id-dividendi kollha li Brussels Securities irċeviet mingħand is-sussidjarji tagħha ġew fil-fatt imnaqqsa mill-bażi taxxabbli tagħha, filwaqt li n-nuqqas ta’ tnaqqis tagħhom jikkostitwixxi l-unika ipoteżi li tista’ tkun kontra din id-direttiva. |
|
31. |
F’dan il-kuntest, permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Jannar 2018 li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Ġunju 2018, it-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 4 tad-Direttiva [90/435] flimkien ma’ sorsi oħra tad-[dritt tal-Unjoni], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li leġiżlazzjoni ta’ awtorità nazzjonali, bħalma huwa l-[KTD 1992] u d-[DI/KTD], fit-testi applikabbli għas-sena ta’ taxxa 2011, peress li intgħażlet sistema ta’ eżenzjoni (astensjoni mill-intaxxar ta’ profitti mqassma riċevuti minn kumpannija omm bħala assoċjata ta’ kumpannija sussidjarja tagħha) li tikkonsisti, inizjalment, fl-inklużjoni tad-dividend imqassam mill-kumpannija sussidjarja fil-bażi taxxabbli tal-kumpannija omm, u, sussegwentement, fit-tnaqqis ta’ dan id-dividend minn din il-bażi taxxabbli f’proporzjon ta’ 95%, bħala [DID], minħabba l-applikazzjoni konġunta, sabiex tiġi ddeterminata l-bażi ta’ kalkolu tat-taxxa tal-kumpanniji tal-kumpannija omm, ta’ din is-sistema Belġjana ta’ tnaqqis tad-[DID] u (1) ta’ regoli li jirrigwardaw tnaqqis ieħor li jikkostitwixxi benefiċċju fiskali previst minn din il-leġiżlazzjoni (it-[TKR]), (2) tad-dritt li jitnaqqas il-bilanċ tat-telf preċedenti li jkun rekuperabbli, (3) tad-dritt li jiġi ttrasferit għas-snin ta’ taxxa sussegwenti, fejn għal sena ta’ taxxa li l-ammont tagħha jkun ikbar minn dak tal-profitti taxxabbli, l-imputazzjoni tal-eċċess tad-[DID], it-[TKR] u l-bilanċ tat-telf preċedenti rekuperabbli, u (4) tal-ordni ta’ imputazzjoni li jipprevedi, matul dawn is-snin ta’ taxxa sussegwenti, li l-imputazzjoni għandha sservi sal-eżawriment tal-profitti taxxabbli, l-ewwel nett, fuq id-[DID] ittrasferit ’il quddiem, imbagħad fuq it-[TKR] ttrasferit ’il quddiem (li jista’ biss jiġi ttrasferit ’il quddiem għas-“seba’ perijodi taxxabbli sussegwenti”), imbagħad għall-bilanċ tat-telf preċedenti li jkun rekuperabbli, twassal għat-tnaqqis, sħiħ jew parzjali, tad-dividendi riċevuti mill-kumpannija sussidjarja, tat-telf li l-kumpannija omm setgħet tnaqqas kieku d-dividendi kienu ġew esklużi purament u sempliċement mill-profitti tas-sena tat-taxxa li fiha nkisbu (bl-effett li jitnaqqas ir-riżultat taxxabbli ta’ din is-sena ta’ taxxa u li żżid, jekk ikun il-każ, it-telf fiskali trasferibbli ’il quddiem), minflok ma tinżamm f’dawk il-profitti u mbagħad tkun suġġetta għal regoli ta’ eżenzjoni u ta’ trasferiment ’il quddiem tal-ammont eżentat f’każ ta’ profitti insuffiċjenti, jiġifieri t-tnaqqis tal-bilanċ tat-telf preċedenti rekuperabbli tal-kumpanija omm, li jista’ jsir matul is-snin ta’ taxxa wara sena ta’ taxxa li għaliha d-[DID], it-[TKR] u l-bilanċ tat-telf rekuperabbli preċedenti jeċċedu l-ammont tal-profitti taxxabbli?” |
|
32. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn Brussels Securities, mill-Gvern Belġjan kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Waqt iż-żewġ seduti, li nżammu fl-4 ta’ April 2019 u fit-3 ta’ Lulju 2019, l-istess partijiet u persuni kkonċernati kienu debitament irrappreżentati. |
IV. Analiżi
|
33. |
Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-punt dwar jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 għandux ikun interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħalma hija s-sistema Belġjana tad-DID, li tipprovdi li d-dividendi li kumpannija omm tirċievi mis-sussidjarji tagħha jiġu l-ewwel inklużi fil-bażi taxxabbli tagħha imbagħad imnaqqsa minnha sa 95 % ( 10 ), li dan it-tnaqqis ikun trasferibbli ’l quddiem fuq is-snin ta’ taxxa kollha sussegwenti meta dan ma setax jitwettaq matul sena ta’ taxxa partikolari, minħabba bilanċ pożittiv wara t-tnaqqis tal-profitti eżentati l-oħra, u li l-imsemmi tnaqqis ikun imputabbli qabel vantaġġ fiskali li l-possibbiltà ta’ trasferiment ’il quddiem tiegħu hija limitata fiż-żmien, f’dan il-każ it-TKR ( 11 ). |
|
34. |
Il-Gvern Belġjan isostni li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tingħata risposta fin-negattiv. Għall-kuntrarju, Brussels Securities u l-Kummissjoni jipproponu li tingħatalha risposta fl-affermattiv. Jien naqbel ma’ din il-fehma tal-aħħar, għall-motivi li ġejjin. |
|
35. |
Qabel ma neżamina b’mod iktar speċifiku s-suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari (B), jidhirli li huwa utli li nfakkar fil-qosor l-evoluzzjoni li s-sistema Belġjana tad-DID segwiet minħabba d-deċiżjonijiet preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1)(A) tad-Direttiva 90/435. |
A. Fuq l-evoluzzjoni segwita mis-sistema Belġjana tad-DID fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
36. |
L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li, kif ġie kkonfermat waqt id-dibattiti miżmuma quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-adozzjoni tar-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-Renju tal-Belġju ried jadatta s-sistema preeżistenti tad-DID ( 12 ) sabiex jittrasponi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 90/435, u b’mod iktar partikolari, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tagħha, li jipprovdi sistema ta’ eżenzjoni tad-dħul li jikkostitwixxi l-profitti li kumpannija omm tirċievi mingħand is-sussidjarja tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor, b’kuntrast mat-tieni inċiż tal-imsemmi paragrafu 1, li jipprovdi sistema ta’ imputazzjoni fuq it-taxxa dovuta mill-kumpannija omm tat-taxxa diġà mħallsa mis-sussidjarja fuq dawk il-profitti ( 13 ). |
|
37. |
Għalkemm ma jwasslux neċessarjament għall-istess riżultat konkret f’idejn il-benefiċjarju tad-dividendi ( 14 ), kemm l-ewwel sistema kif ukoll it-tieni sistema għandhom bħala għan essenzjali li jevitaw li l-profitti mqassma b’mod transkonfinali jkunu s-suġġett ta’ taxxa doppja, f’termini ekonomiċi ( 15 ), l-ewwel nett f’idejn il-kumpannija distributriċi, u sussegwentement f’idejn il-kumpannija li tirċevihom. Fil-fatt, kif tipprovdi t-tielet premessa tagħha, id-Direttiva 90/435 hija intiża li, permezz tal-istabbiliment ta’ sistema fiskali komuni, telimina kull żvantaġġ għall-kooperazzjoni bejn kumpanniji ta’ Stati Membri differenti meta mqabbla mal-kooperazzjoni bejn kumpanniji fl-istess Stat Membru u li, b’dan il-mod, tiffaċilita l-formazzjoni ta’ gruppi ta’ kumpanniji fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea. Id-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-direttiva, u b’mod partikolari l-Artikolu 4(1) tagħha, huma intiżi għaldaqstant li jiżguraw in-newtralità, fuq il-livell fiskali, tat-tqassim ta’ profitti minn kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru lill-kumpannija omm tagħha stabbilita fi Stat ieħor ( 16 ). |
|
38. |
It-tieni nett, infakkar li, skont is-sentenza Cobelfret, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 ġie interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħalma hija dik tas-sistema Belġjana tad-DID li kienet applikabbli fil-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza ( 17 ). |
|
39. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, fil-verżjoni ta’ din is-sistema li kienet fis-seħħ dak iż-żmien, għall-finijiet tal-eżenzjoni tad-dividendi li kumpannija omm stabbilita fil-Belġju tirċievi mingħand sussidjarja li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor, dawn id-dividendi kienu inklużi fil-bażi taxxabbli tal-kumpannija omm biex imbagħad jitnaqqsu sussegwentement, sa proporzjon ta’ 95 %, biss sa fejn, għall-perijodu ta’ taxxa kkonċernat, ikun baqa’ bilanċ pożittiv ta’ profitti wara t-tnaqqis tal-profitti eżentati l-oħra. Fi kliem ieħor, it-tnaqqis tal-imsemmija dividendi kien possibbli biss sa fejn kien baqa’ biżżejjed profitti taxxabbli f’idejn din il-kumpannija waqt il-perijodu ta’ taxxa li matulu jkun seħħ it-tqassim tad-dividendi. |
|
40. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li tali leġiżlazzjoni nazzjonali kienet twassal biex il-kumpannija omm tkun tista’ tibbenefika kompletament minn dan il-vantaġġ fiskali biss jekk ma tkunx ġarrbet, fir-rigward tad-dħul taxxabbli l-ieħor, riżultat negattiv f’dak il-perijodu u li, barra minn hekk, meta l-kumpannija omm ma tkunx għamlet profitti taxxabbli oħra f’dak l-istess perijodu, l-imsemmija leġiżlazzjoni kellha bħala effett korrelattiv li tnaqqas it-telf trasferibbli ’il quddiem tal-persuna kkonċernata sal-ammont tad-dividendi rċevuti. Issa, l-Istati Membri ma jistgħux unilateralment jistabbilixxu miżuri restrittivi u jissuġġettaw għal kundizzjonijiet il-possibbiltà tal-benefiċċju mill-vantaġġi previsti mid-Direttiva 90/435. |
|
41. |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, minkejja li d-dividendi rċevuti ma kinux suġġetti, direttament, għat-taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward tas-sena fiskali li matulha dawn kienu tqassmu, it-tnaqqis korrelattiv tat-telf tal-kumpannija omm li jista’ jiġi ttrasferit ’il quddiem fuq snin sussegwenti seta’ jkollu bħala konsegwenza li din tal-aħħar tkun suġġetta indirettament għat-taxxa fuq dawk id-dividendi waqt is-snin fiskali sussegwenti, fil-każijiet fejn ir-riżultat tagħha kien pożittiv ( 18 ). Issa, tali effett tal-limitazzjoni tal-possibbiltà, għal kumpannija omm, li tnaqqas id-dividendi rċevuti mingħand is-sussidjarji tagħha, bħala DID, ma huwa kompatibbli la mal-formulazzjoni u lanqas mal-għanijiet u s-sistema tal-imsemmija direttiva. |
|
42. |
Jiena nifhem din id-deċiżjoni bħala li tfisser li, biex tkun konformi mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirrigwarda l-kumpanniji omm li jkunu rċevew dividendi mingħand sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor ma tistax tinvolvi de facto, għalihom, it-telf ta’ vantaġġ fiskali ieħor previst fid-dritt nazzjonali, li huma kienu jkunu jistgħu jibbenefikaw minnu bis-sħiħ kieku dawk id-dividendi ma kinux is-suġġett ta’ tali trattament, telf li jixbah tassazzjoni indiretta tagħhom. |
|
43. |
It-tielet nett, ninnota li, fid-digriet KBC, mogħti ftit xhur wara s-sentenza Cobelfret, il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet essenzjalment, qabelxejn, il-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq inklużi fiha, fid-dawl tal-analoġiji li kienu jeżistu bejn iċ-ċirkustanzi fattwali u legali li kienu wasslu għall-imsemmija sentenza u dawk li wasslu għall-ewwel kwistjoni eżaminata fl-imsemmi digriet ( 19 ). |
|
44. |
Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435, moqri flimkien mal-paragrafu 2 tal-istess artikolu, fis-sens li ma jobbligax lil Stat Membru biex neċessarjament jippermetti li l-profitti mqassma lill-kumpannija omm mis-sussidjarja tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor ikunu totalment deduċibbli mill-ammont ta’ profitti tas-sena fiskali kkonċernata u li t-telf li jirriżulta jkun jista’ jiġi ttrasferit ’il quddiem fuq sena fiskali oħra. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-modalitajiet li permezz tagħhom irid jintlaħaq ir-riżultat indikat fl-ewwel inċiż tal-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu. Madankollu, meta Stat Membru għażel is-sistema ta’ eżenzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-imsemmi paragrafu 1 u, bħala prinċipju, jaċċetta t-trasferiment ’il quddiem ta’ telf għas-snin fiskali sussegwenti, din id-dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni li jkollha bħala effett li tnaqqas it-telf tal-kumpannija omm li jista’ jibbenefika minn dan it-trasferiment ’il quddiem sal-ammont tad-dividendi rċevuti ( 20 ). |
|
45. |
Ir-raba’ nett, nosserva li, wara s-sentenza Cobelfret u d-digriet KBC, id-dispożizzjonijiet tad-dritt Belġjan ikkonċernati ġew emendati. Kif tindika d-deċiżjoni tar-rinviju, l-Istat Belġjan irriforma s-sistema ta’ tnaqqis tad-DID tiegħu billi żied il-paragrafu 3 għall-Artikolu 205 KTD 1992, li huwa applikabbli ratione temporis għal dan il-każ ( 21 ). |
|
46. |
Din id-dispożizzjoni tippermetti issa li d-DID, sa massimu ta’ 95 % tal-ammont tiegħu, li ma setax jitnaqqas kollu immedjatament minn kumpannija omm, minħabba l-insuffiċjenza tal-profitti taxxabbli waqt is-sena li matulha d-dividendi tqassmu mis-sussidjarja tagħha, jiġi ttrasferit ’il quddiem fuq is-snin fiskali sussegwenti. Barra minn hekk, dan it-trasferiment ’il quddiem tal-eċċess ta’ DID jista’ jsir mingħajr limitazzjoni fiż-żmien. Għaldaqstant, il-possibbiltà li jitnaqqas id-DID ma għadhiex limitata għall-każijiet fejn, għas-sena biss li matulha jkun seħħ it-tqassim, jibqa’ bilanċ ta’ profitti pożittiv wara t-tnaqqis tal-profitti eżentati l-oħra. |
|
47. |
Il-qorti tar-rinviju ssostni li, minkejja t-titjib li sar bl-imsemmija riforma, il-ksur tad-Direttiva 90/435 mis-sistema Belġjana tat-tnaqqis tad-DID, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, ma huwiex għaldaqstant eskluż, fatt li issa għandu jiġi evalwat. |
B. Fuq l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik tal-kawża prinċipali
|
48. |
Skont il-qorti tar-rinviju, Brussels Securities “ġustament sostniet”, fil-kawża prinċipali, li “s-sistema ta’ eżenzjoni tad-DID, previst mill-[KTD 1992], flimkien mal-ordni ta’ imputazzjoni previst mid-[DI/KTD 1992], twassal indirettament – imma ċertament – għal tassazzjoni b’mod iktar qawwi tal-kumpannija [omm] milli kieku d-dividendi kienu ġew esklużi purament u sempliċement mill-bażi taxxabbli”, fatt li jista’ jkun inkompatibbli mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435. Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Brussels Securities iżżomm din il-pożizzjoni. Għall-kuntrarju, il-Gvern Belġjan jiddefendi l-fehma opposta. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tqis li sistema bħalma hija dik tad-DID hija inkompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni mhux fiha nnifisha, imma minħabba l-applikazzjoni tagħha flimkien mar-regoli li jistabbilixxu l-ordni ta’ imputazzjoni u ta’ trasferiment ’il quddiem eventwali ta’ tnaqqis fiskali ieħor. Jien naqbel ma’ din l-aħħar fehma. |
|
49. |
Jidhirli li din it-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem żewġ problemi, li jikkonsistu f’jekk huwiex konformi mal-imsemmi l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tkun tipprevedi l-inklużjoni u mbagħad it-tnaqqis tad-dividendi rċevuti, minflok teskludihom immedjatament mill-bażi taxxabbli tal-kumpannija omm (1), kif ukoll li ordni ta’ imputazzjoni jkun jobbliga li jitnaqqsu dawn id-dividendi jew l-eċċessi tagħhom, f’dan il-każ bħala DID, qabel kull vantaġġ fiskali ieħor previst fid-dritt nazzjonali li t-trasferiment ’il quddiem tiegħu huwa, fir-rigward tiegħu, limitat fiż-żmien, f’dan il-każ it-TKR (2). Jidhirli li l-imsemmija dispożizzjoni għandha tkun interpretata fis-sens li tali leġiżlazzjoni nazzjonali hija inkompatibbli miegħu fid-dawl ta’ dan it-tieni aspett. |
1. Fuq l-inklużjoni tad-dividendi fil-bażi taxxabbli tal-kumpannija omm segwita bit-tnaqqis tagħhom minn tali bażi
|
50. |
Qabelxejn, nikkonstata li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ppronunzjatx ruħha fuq il-punt dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija s-sistema Belġjana tad-DID, li teżiġi li l-profitti mqassma minn sussidjarja jiġu l-ewwel inklużi fil-bażi taxxabbli tal-kumpannija omm tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor u mbagħad imnaqqsa minn din il-bażi ( 22 ), hijiex fiha nnifisha konformi mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435, li abbażi tiegħu l-Istati Membri li jkunu għażlu s-sistema prevista f’dik id-dispożizzjoni, jiġifieri sistema ta’ eżenzjoni, għandhomx jastjenu milli jintaxxaw il-profitti ta’ dan it-tip. Ninnota li kien hemm xi dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ tali mekkaniżmu mal-imsemmija direttiva waqt it-traspożizzjoni tagħha fil-Belġju kif ukoll fi ħdan id-duttrina li sussegwentement ittrattat dan is-suġġett ( 23 ). |
|
51. |
Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet adita bi problemi simili, fil-kawżi li wasslu għas-sentenza Cobelfret u fid-digriet KBC, peress li tilwimiet fil-kawżi prinċipali kienu jikkonċernaw ukoll dispożizzjonijiet tas-sistema Belġjana tad-DID li kienu parzjalment identiċi għal dawk involuti hawnhekk, sa fejn id-dispożizzjonijiet li kienu fis-seħħ dak iż-żmien kienu diġà jipprevedu mekkaniżmu ta’ inklużjoni tad-dividendi, fil-bażi taxxabbli tal-kumpannija omm, u mbagħad tnaqqis tagħhom mill-istess bażi sa massimu ta’ 95 %. Madankollu, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari eżaminati fl-imsemmija kawżi ma kinux jirrigwardaw il-konformità mad-Direttiva 90/435 ta’ tali mekkaniżmu, fih nnifsu, imma kienu ffukati fuq kwistjonijiet ta’ dritt konnessi ma’ dan l-aspett tal-imsemmija sistema, u b’mod iktar speċifiku fuq il-kundizzjonijiet li għalihom id-DID kien suġġett dak iż-żmien ( 24 ). |
|
52. |
Għaldaqstant, għalkemm jaqgħu taħt kuntest ġuridiku parzjalment analogu għal dak ta’ din il-kawża, dawk il-kawżi preċedenti ma wasslux lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi d-domanda, li jidhirli li essenzjalment saret hawnhekk mill-qorti tar-rinviju, dwar il-kompatibbiltà mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga li jiġu inklużi, għall-ewwel, u li mbagħad jitnaqqsu, id-dividendi rċevuti mingħand sussidjarja minn kumpannija omm stabbilita fi Stat Membru ieħor, minflok teskludihom “purament u sempliċiment” mill-bażi taxxabbli ta’ din tal-aħħar ( 25 ). |
|
53. |
Issa, jidhirli li tali mod ta’ tmexxija ma huwiex fih innifsu inkompatibbli mas-sistema ta’ eżenzjoni tal-profitti mqassma minn sussidjarja li hija prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435. Din il-konklużjoni tapplika, fil-fehma tiegħi, fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni u tal-ġenesi ta’ dan it-test, imma wkoll fid-dawl tal-għanijiet u l-kuntest tiegħu ( 26 ), minn liema elementi għandhom jinsiltu l-elementi ta’ evalwazzjoni rilevanti, qabel ma tiġi eżaminata, fid-dawl tal-imsemmija elementi rilevanti, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata f’dan il-każ. |
|
54. |
Fir-rigward tat-terminoloġija użata fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435, kif ukoll fir-raba’ premessa tagħha, nirrileva li dan jindika li, waqt it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, kull Stat Membru għandu, fir-rigward tal-kumpanniji omm stabbiliti fit-territorju tagħha, jew iżomm lura milli jintaxxa l-profitti li dawn jirċievu mingħand is-sussidjarji tagħhom stabbiliti fi Stat Membru ieħor (l-ewwel inċiż), jew jintaxxaw dawn il-profitti filwaqt li jawtorizzaw lil kull kumpannija omm biex inaqqsu mill-ammont tat-taxxa dik il-parti tat-taxxa relatata ma’ dawn il-profitti u mħallas mis-sussidjarja (it-tieni inċiż). |
|
55. |
Fid-dawl ta’ din il-formulazzjoni, nikkunsidra li l-ewwel waħda miż-żewġ possibbiltajiet, li tikkonsisti f’”sistema ta’ eżenzjoni” ( 27 ) li ntgħażlet mir-Renju tal-Belġju ( 28 ), timplika biss li l-profitti mqassma ma jiġux finalment suġġetti għall-ġbir ta’ taxxa ( 29 ), la b’mod dirett u lanqas b’mod indirett, u mhux li huma jkunu neċessarjament esklużi ab initio mill-bażi taxxabbli tal-kumpannija omm, interpretazzjoni li jidhirli li ma hijiex kontradetta mix-xogħol leġiżlattiv li ppreċeda d-Direttiva 90/435 ( 30 ). Ninnota li, għall-kuntrarju, it-tieni possibbiltà, li tikkonsisti f’“sistema ta’ imputazzjoni”, tippermetti li dawn il-profitti jkunu s-suġġett ta’ taxxa, imma bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tat-taxxa mħallsa mis-sussidjarja li topera taħt il-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ( 31 ). |
|
56. |
Fir-rigward tal-għanijiet tad-Direttiva 90/435, u b’mod partikolari tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1), nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat li jirriżulta b’mod partikolari mit-tielet premessa li din id-direttiva hija intiża sabiex telimina, billi tiġi stabbilita sistema ta’ tassazzjoni komuni, kull żvantaġġ għall-kooperazzjoni bejn kumpanniji ta’ Stati Membri differenti meta mqabbla mal-kooperazzjoni bejn kumpanniji fl-istess Stat Membru u sabiex b’hekk tiffaċilita l l-formazzjoni ta’ gruppi ta’ fuq il-livell tal-Unjoni. Sabiex jintlaħaq l-għan tan-newtralità fuq il-livell ta’ tassazzjoni, tat-tqassim ta’ profitti minn kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru lill-kumpannija omm tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor, l-imsemmija direttiva hija intiża sabiex tevita taxxa doppja ta’ dawn il-profitti, f’termini ekonomiċi, jiġifieri sabiex jiġi evitat li l-profitti mqassma ma jkunux intaxxati, l-ewwel darba, f’idejn il-kumpannija sussidjarja u, it-tieni darba, f’idejn il-kumpannija omm ( 32 ). Il-mod li bih nipproponi li jiġi interpretat l-ewwel inċiż tal-imsemmi paragrafu 1 huwa għalkollox konformi ma’ dawn l-għanijiet. |
|
57. |
Fir-rigward tal-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435, nenfasizza li dan jistabbilixxi r-riżultat li għandu jintlaħaq mill-Istati Membri, jiġifieri li tiġi evitata t-taxxa doppja tal-profitti kkonċernati bl-għażla ta’ waħda miż-żewġ sistemi previsti f’din id-dispożizzjoni, iżda li, minħabba l-karatteristiċi proprji għal dan it-tip ta’ atti tad-dritt tal-Unjoni, l-imsemmija direttiva ma tobbligax lill-Istati Membri fir-rigward tal-modalitajiet li għandhom jintużaw għal dan il-għan. |
|
58. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat dawn ir-regoli fid-digriet KBC ( 33 ), billi fakkret qabel kollox li huwa kull Stat Membru li għandu jorganizza, fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, is-sistema tiegħu tat-tassazzjoni tal-profitti mqassma u li jiddefinixxi, f’dan il-kuntest, il-bażi taxxabbli kif ukoll ir-rata tat-taxxa li għandhom japplikaw għall-azzjonist benefiċjarju. Hija żiedet li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 ma jistabbilixxix il-mod li bih Stat Membru li jagħżel is-sistema ta’ eżenzjoni għandu jimplimentaha, peress li, skont l-Artikolu 249 KE (li sar l-Artikolu 288 TFUE), l-Istati Membri jistgħu jagħżlu l-forma u l-mezzi ta’ implimentazzjoni tad-direttivi li jippermettu li jiġi ggarantit bl-aħjar mod ir-riżultat li dawn tal-aħħar huma intiżi jiksbu. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li huma ħielsa sabiex jiddeterminaw, b’mod partikolari fid-dawl tal-bżonnijiet tal-ordni ġuridiku intern tagħhom, il-modalitajiet li permezz tagħhom ir-riżultat preskritt fl-ewwel inċiż tal-imsemmi Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 għandu jintlaħaq. |
|
59. |
Huwa paċifiku li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, it-tassazzjoni diretta huwa qasam li tradizzjonalment jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, li huma madankollu obbligati li jeżerċitaw din il-kompetenza b’mod konformi mal-obbligi tagħhom li joħorġu minn dan id-dritt ( 34 ). B’mod partikolari, fil-kuntest kopert mill-armonizzazzjoni li twettaq id-Direttiva 90/435, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dispożizzjonijiet tagħha li jqassmu l-kompetenza fiskali bejniethom billi jipprojbixxi lill-Istat tal-kumpannija omm milli jintaxxa, direttament ( 35 ) jew anki indirettament, il-profitti mqassma mis-sussidjarja lilha, sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja ta’ dawk il-profitti. Wara li fakkret dawn il-prinċipji fis-sustanza, fid-digriet KBC, il-Qorti tal-Ġustizzja siltet il-konklużjonijiet minnhom fir-rigward b’mod iktar speċifiku tas-sistema ta’ eżenzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva ( 36 ). |
|
60. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena tal-fehma li, f’dan il-każ, il-mekkaniżmu li jikkonsisti fl-obbligu li l-ewwel jiġu inklużi l-imsemmija profitti fil-bażi taxxabbli tal-kumpannija omm u mbagħad dawn jitnaqqsu minn din il-bażi, kif tipprevedi s-sistema Belġjana tad-DID inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hijiex fiha nnifisha inkompatibbli mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435, sa fejn l-applikazzjoni tal-imsemmi mekkaniżmu tippermetti effettivament li jintlaħaq ir-riżultat mixtieq minn din id-dispożizzjoni. |
|
61. |
Fil-fatt, nosserva qabelxejn li, kif indika l-Gvern Belġjan, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfaw ir-rekwiżit tad-Direttiva 90/435 li abbażi tiegħu l-gruppi ta’ kumpanniji transkonfinali ma għandhomx ikunu suġġetti għal trattament differenti meta mqabbla mal-gruppi ta’ kumpanniji tar-Renju tal-Belġju. Il-fatt li jkun issodisfatt dan il-kriterju, li jirrigwarda l-assenza ta’ penalizzazzjoni tal-kooperazzjoni bejn kumpanniji ta’ Stati Membri differenti meta mqabbla mal-kooperazzjoni bejn kumpanniji tal-istess Stat Membru, huwa meħtieġ, għalkemm ma huwiex madankollu suffiċjenti, waħdu, biex tiġi kkonstatata l-kompatibbiltà tal-mekkaniżmu msemmi iktar ’il fuq mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva ( 37 ). |
|
62. |
Sussegwentement, nenfasizza li dan l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) jiddefinixxi r-riżultat li għandu jintlaħaq, jiġifieri li l-profitti mqassma minn sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor ma jkunux intaxxati wkoll fl-Istat Membru tal-kumpannija omm tagħha, imma ma jistabbilixxix il-mezzi li għandhom jintużaw għal dan il-għan. Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li Stat Membru li jkun għażel is-sistema tal-eżenzjoni prevista fl-imsemmija dispożizzjoni jżomm il-possibbiltà li japplika metodu ta’ inklużjoni-tnaqqis ta’ dawn il-profitti, bħal dik implimentata mis-sistema Belġjana tad-DID, anki jekk jeżistu b’mod ċar metodi iktar sempliċi biex jintlaħaq ir-riżultat imsemmi iktar ’il fuq, bħal dak li jikkonsisti fl-esklużjoni mill-bidu tal-imsemmija profitti mill-bażi taxxabbli tal-kumpannija omm. Ninsisti fuq il-punt li la l-formulazzjoni, la l-istruttura u lanqas l-għanijiet tad-Direttiva 90/435 ma jeżiġu, fil-fehma tiegħi, li jiġi segwit dan l-aħħar metodu, li jien ser nikklassifika bħala “bażiku”, minkejja li tali metodu jidher li ntgħażel minn ċerti Stati Membri ( 38 ). Madankollu, indipendentement mill-metodu adottat minn Stat Membru, l-applikazzjoni tiegħu għandha neċessarjament twassal, fi kwalunkwe każ u ċirkustanza, għal eżenzjoni effettiva f’idejn il-kumpannija omm. |
|
63. |
F’dan ir-rigward, jidhirli li l-essenzjal huwa li leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti li d-dividendi mqassma mis-sussidjarji li jkunu inklużi fil-bażi taxxabbli, finalment jiġu dejjem mnaqqsa minnha ( 39 ), b’tali mod li dan il-mekkaniżmu ta’ inklużjoni-tnaqqis ma jkollux bħala effett li jpoġġi lill-kumpanniji omm ikkonċernati f’pożizzjoni inqas favorevoli, fuq livell ekonomiku, milli kieku l-profitti rċevuti mingħand is-sussidjarji tagħhom stabbiliti fi Stati Membri oħra kienu jkunu purament u sempliċement maqbuża mill-kalkolu tat-taxxa tal-imsemmija kumpanniji. Issa, l-istess bħall-Kummissjoni ( 40 ), nikkunsidra li, bħala konsegwenza tal-fakultà ta’ trasferiment ’il quddiem mingħajr limitu fiż-żmien li ġiet stabbilita wara s-sentenza Cobelfret u d-digriet KBC, is-sistema Belġjana tad-DID tippermetti llum potenzjalment lil kull kumpannija omm ikkonċernata li tnaqqas sa massimu ta’ 95 % ( 41 ) id-dividendi f’eċċess ( 42 ), f’xi mument fil-futur, sabiex ma jkunx hemm taxxa doppja fuq dawn id-dividendi. |
|
64. |
Konsegwentement, regoli nazzjonali li, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprevedu mekkaniżmu li jikkonsisti fl-inklużjoni tal-profitti mqassma minn sussidjarja fil-bażi taxxabbli ta’ kumpannija omm u mbagħad it-tnaqqis tagħhom matul l-eżerċizzju tat-tqassim jew matul is-snin sussegwenti, fil-fehma tiegħi, ma humiex fihom innifishom inkompatibbli mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435, sa fejn il-kumpannija kkonċernata ma ssibx ruħha de facto mċaħħda minn vantaġġ fiskali ieħor previst fid-dritt nazzjonali li minnu hija kienet tkun tista’ tibbenefika kieku kollox kien l-istess, f’każ ta’ eżenzjoni ab initio. |
|
65. |
Għaldaqstant, jibqa’ li jiġi evalwat jekk mekkaniżmu ta’ dan it-tip, għalkemm ammissibbli fih nnifsu, jiġġenerax madankollu effetti pprojbiti mill-imsemmi l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1), li jimmaterjalizzaw ruħhom matul is-snin ta’ wara dik tat-tqassim tal-imsemmija profitti ( 43 ), b’mod iktar partikolari minħabba l-interazzjoni ta’ tali mekkaniżmu mal-ordni meħtieġ għat-tnaqqis ta’ vantaġġi fiskali oħra, fatt li fil-fehma tiegħi joħloq inkompatibbiltà ma’ din id-dispożizzjoni. |
2. Fuq il-kombinazzjoni tas-sistema tat-tnaqqis iddifferit tad-dividendi mal-ordni ta’ imputazzjoni ta’ vantaġġi fiskali oħra
|
66. |
Kif diġà enfasizzajt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddetermina jekk l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha l-obbligu, li għandha l-kumpannija omm, li twettaq it-tnaqqis tal-profitti rċevuti minn sussidjarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor – f’dan il-każ, taħt is-sistema Belġjana tad-DID – għandu bħala effett indirett li jaffettwa d-dritt għat-tnaqqis ta’ vantaġġi fiskali oħra – f’dan il-każ, it-TKR –, minħabba l-ordni li fih huwa meħtieġ li ssir l-imputazzjoni tat-tnaqqis ikkonċernat fuq il-bażi taxxabbli tal-imsemmija kumpannija. Jiena nipproponi li tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda. |
|
67. |
Fl-ewwel lok, jidhirli neċessarju li jiġu enfasizzati ż-żewġ aspetti prinċipali rilevanti, f’dan il-każ, tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
68. |
Minn naħa, is-sistema Belġjana tad-DID tinteraġixxi mal-vantaġġ fiskali l-ieħor li jikkostitwixxi t-TKR ( 44 ), sa fejn dan tal-aħħar jista’ wkoll jitnaqqas mill-bażi taxxabbli ta’ kumpannija omm, imma dan biss sal-ammont tal-profitti li jibqa’ wara t-tnaqqis tad-DID. L-imputazzjoni tat-TKR hija għaldaqstant sussegwenti għal dik tad-DID ( 45 ). Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li dan l-ordni ta’ imputazzjoni ġie stabbilit sa mis-sena 2005, u għaldaqstant ħafna qabel ir-riforma li ġabet is-sentenza Cobelfret ( 46 ). Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li wasslu biex tiġi adottata din ir-regola, fl-osservazzjonijiet orali tiegħu, il-Gvern Belġjan indika li kien hemm “ċerta loġika” li l-ewwel jitnaqqsu l-elementi ta’ natura kontabbli li l-leġiżlatur ma jridx jimponi, bħalma huma d-DID jew id-dħul mill-privattivi ( 47 ), qabel ma jitnaqqsu l-elementi ta’ natura mhux kontabbli, b’mod partikolari bħala tnaqqis għall-investiment ( 48 ) jew bħala TKR ( 49 ). |
|
69. |
Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għall-eċċessi tad-DID, li jistgħu jiġu ttrasferiti ’l quddiem mingħajr limitu fuq is-snin ta’ taxxi sussegwenti, l-eċċessi eventwali tat-TKR jistgħu jkunu ttrasferiti ’l quddiem biss matul perijodu ta’ seba’ snin, skont l-Artikolu 205 quinquies tal-KTD 1992 fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali ( 50 ). Skont il-Gvern Belġjan, il-limitazzjoni temporali tat-trasferimenti tat-TKR kellha bħala għan li tibbilanċja l-portata ta’ dan l-aħħar tnaqqis, li l-bażi ta’ kalkolu tiegħu kien jestendi, fiż-żmien tal-adozzjoni tagħha, għall-fondi kollha proprji tal-kumpannija. |
|
70. |
Fit-tieni lok, għandu jiġi analizzat jekk tali leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex kompatibbli jew le mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435, fid-dawl, prinċipalment, tal-effetti li għalihom twassal fil-prattika l-applikazzjoni konġunta tas-sistema ta’ DID, li tikkonsisti fl-inklużjoni tad-dividendi rċevuti fil-bażi taxxabbli tal-kumpannija omm u fit-tnaqqis sussegwenti tagħhom, u tal-obbligu li d-DID jitnaqqas qabel it-TKR, li t-trasferimenti ’l quddiem tagħhom huma barra minn hekk limitati għal seba’ snin fiskali. |
|
71. |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva ġustament li, b’kuntrast ma’ dak li jinħoloq bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 51 ), fil-kuntest ta’ sistema ta’ eżenzjoni li tista’ tiġi kklassifikata bħala “bażika” ( 52 ), id-dividendi mqassma mis-sussidjarja jiġu purament u sempliċement esklużi mill-profitti tas-sena fiskali li matulha jkunu ġew irċevuti, liema esklużjoni immedjata, tnaqqas b’daqstant ir-riżultat taxxabbli u, jekk ikun il-każ, iżżid b’daqstant it-telf trasferibbli ’l quddiem fuq is-snin fiskali sussegwenti. |
|
72. |
Filwaqt li tagħmel riferiment għal eżempju biċ-ċifri li ġie ppreżentat ukoll fis-sottomissjonijiet bil-miktub ta’ Brussels Securities ( 53 ), il-qorti tar-rinviju tirrileva, fil-fehma tiegħi b’mod korrett, li fil-każijiet fejn il-kumpannija omm tikseb riżultat pożittiv matul waħda mis-“seba’ perijodi taxxabbli sussegwenti” imsemmija fl-Artikolu 205 quinquies tal-KTD 1992, li jillimita t-trasferimenti ’l quddiem tat-TKR, is-sistema ta’ tnaqqis tad-DID tista’ twassal għal piż fiskali iktar qawwi minn dak li għalih twassal is-sistema ta’ esklużjoni immedjata tad-dividendi rċevuti mingħand sussidjarja, minħabba l-ordni tal-imputazzjonijiet previst fil-KTD 1992 u d-DI/KTD 1992. Din il-qorti tesponi li, li kieku kienet applikata esklużjoni teorika immedjata ta’ dawn id-dividendi, l-imputazzjoni tat-TKR isseħħ għaldaqstant qabel dik tal-bilanċ tat-telf preċedenti rekuperabbli, b’tali mod li l-bilanċ ta’ dak it-telf li għandu jiġi ttrasferit ’il quddiem fuq il-perijodu taxxabbli sussegwenti jkun ogħla minn dak ta’ taħt is-sistema Belġjana tad-DID, li fil-kuntest tiegħu, f’każ ta’ ksib ta’ riżultat pożittiv matul l-imsemmija “seba’ perijodi taxxabbli sussegwenti”, l-imputazzjoni tal-bilanċ tad-DID ittrasferit ’il quddiem isseħħ, b’mod obbligatorju, qabel dik tal-bilanċ tat-TKR ittrasferit ’il quddiem, li tippreġudika għaldaqstant l-użu ta’ dan l-aħħar vantaġġ fiskali. |
|
73. |
Barra minn hekk, it-tabelli komparattivi prodotti matul il-proċedura orali mill-Kummissjoni jikkonfermaw li s-sistema tad-DID flimkien mal-ordni imperattiv tat-tnaqqis tista’ tipprekludi lil kumpannija omm milli tittrasferixxi ’l quddiem kompletament l-eċċessi tat-TKR, għall-kuntrarju ta’ mekkaniżmu li jikkonsisti fl-esklużjoni immedjata minn din il-kumpannija tad-dividendi rċevuti mill-bażi taxxabbli tagħha jew ukoll tagħżel l-ordni li fih hija tkun trid twettaq it-tnaqqis tal-vantaġġi fiskali li hija għandha dritt għalihom ( 54 ). Anki jekk huwa jipprova jimminimizza l-impatt f’din il-kawża, għalxejn fil-fehma tiegħi ( 55 ), il-Gvern Belġjan ma jikkontestax din id-data ( 56 ), li minnha jirriżulta li t-telf ta’ vantaġġ fiskali, u għaldaqstant it-taxxa daqstant ikbar, tista’ tiġi ġġenerata mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
74. |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena naqbel mal-fehma ta’ Brussels Securities u tal-Kummissjoni li skonthom, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata fil-kawża prinċipali, il-fakultà ta’ benefiċċju mit-TKR hija affettwata mill-obbligu li d-DID jitnaqqas mill-bażi taxxabbli minn qabel. Fil-fatt, ir-regola li abbażi tagħha l-prijorità għandha tingħata lid-DID għandha bħala għan li żżomm dejjem l-istokk tad-DID, li jista’ jiġi ttrasferit ’il quddiem mingħajr limitu fuq is-snin fiskali sussegwenti, imma hija għandha bħala effett ukoll li tapplika kontra t-TKR, li l-kumpannija omm ikollha għaldaqstant interess li timputa iktar malajr, peress li d-dritt għat-trasferiment tat-TKR huwa, min-naħa tiegħu, limitat għas-seba’ snin fiskali sussegwenti, b’mod li dan id-dritt jirriskja iktar li ma jibqax validu minħabba t-trattament irriżervat għad-dividendi bħala DID. |
|
75. |
Fi kliem ieħor, il-kombinazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni twassal biex il-kumpannija omm tkun intaxxata b’mod iktar qawwi milli hija kienet tkun kieku r-rekwiżiti tad-Direttivi 90/435 kienu osservati kompletament, peress li s-sistema Belġjana tad-DID jista’ jkollha bħala effett, minħabba l-applikazzjoni tagħha flimkien mal-ordni tat-tnaqqis impost, li tipprekludi lil kumpannija b’defiċit milli timputa t-trasferiment ta’ ammont ieħor deduċibbli, jiġifieri t-TKR, waqt is-snin fiskali sussegwenti, filwaqt li din il-kumpannija jkun jaqblilha li tuża dan bi prijorità, biex tevita li jiskadi qabel ma jkun jista’ jintuża kollu. Tali leġiżlazzjoni nazzjonali għandha għaldaqstant bħala riżultat konkret li twassal biex il-kumpanniji omm kkonċernati jkunu mċaħħda, f’ċerti ċirkustanzi, minn vantaġġ fiskali previst mid-dritt nazzjonali li huma kienu jkunu jistgħu jibbenefikaw minnu kompletament kieku d-dividendi rċevuti minn sussidjarji ma kinux ġew ittrattati bil-mod previst minn din il-leġiżlazzjoni. |
|
76. |
Issa, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha bħala effett li tnaqqas it-telf tal-kumpannija omm li jista’ jiġi ttrasferit ’il quddiem sal-massimu tad-dividendi mqassma, meta – kif inhu l-każ hawnhekk – Stat Membru jkun għażel is-sistema tal-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni u jippermetti, fil-prinċipju, it-trasferiment tat-telf għall-futur, bl-għarfien li dan it-tnaqqis tat-telf jista’ jwassal biex il-kumpannija kkonċernata tkun suġġetta indirettament għal taxxa fuq l-imsemmija dividendi fis-snin fiskali sussegwenti, meta r-riżultat tal-kumpannija jkun pożittiv ( 57 ). |
|
77. |
L-istess bħall-Kummissjoni, jidhirli li dawn il-kunsiderazzjonijiet huma għalkollox trasponibbli għal din il-kawża, fir-rigward tal-konsegwenzi prattiċi tal-kombinazzjoni bejn is-sistema ta’ inklużjoni-tnaqqis irriżervata għad-DID u l-ordni li fih dawn għandhom jitnaqqsu fil-preżenza ta’ tnaqqis fiskali ieħor. Nenfasizza li tali sistema tista’ titqies bħala li hija konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 90/435, fil-fehma tiegħi, biss sa fejn l-applikazzjoni tagħha jkollha riżultat perfettament newtrali, jiġifieri li l-kumpanniji omm ikkonċernati ma jsibux ruħhom, ikunu x’ikunu ċ-ċirkustanzi, ittrattati b’mod inqas favorevoli fuq livell ekonomiku milli kieku d-dividendi mqassma kienu ġew esklużi mill-bidu mill-bażi taxxabbli ta’ dawn il-kumpanniji. |
|
78. |
Għaldaqstant, jiena tal-fehma li leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik tal-kawża prinċipali ma hijiex kompatibbli mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 sa fejn hija għandha bħala effett li tkun tista’ ttellef il-vantaġġ fiskali lill-kumpanniji omm li rċevew id-dividendi minn sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri oħra, bit-tnaqqis tat-telf trasferibbli ’il quddiem fuq snin fiskali sussegwenti sal-massimu tal-ammont tal-imsemmija dividendi u, għaldaqstant, tixbah taxxa indiretta fuqhom, liema riżultat imur kontra kemm l-għan tal-eżenzjoni ta’ dawn tal-aħħar imsemmi speċifikament minn din id-dispożizzjoni kif ukoll l-għan ġenerali tan-newtralità fiskali msemmi fl-imsemmija direttiva ( 58 ). |
|
79. |
Fi kliem ieħor, filwaqt li kienet intenzjonata tirrimedja n-nuqqasijiet ta’ funzjonament identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Cobelfret u fid-digriet KBC, ir-riforma adottata f’Diċembru 2009 mil-leġiżlatur Belġjan iġġenerat fattur ieħor ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ din l-istess direttiva, peress li s-sistema l-ġdida tad-DID għandha riperkussjonijiet negattivi fuq it-trasferiment ’il quddiem tat-TKR, sa fejn it-trattament irriżervat lid-dividendi mqassma mis-sussidjarji ħoloq ir-riskju ikbar li jintilfu l-eċċessi tat-TKR f’idejn il-kumpanniji omm ikkonċernati ( 59 ). |
|
80. |
Fit-tielet lok, l-argumenti mressqa mill-Gvern Belġjan biex jiddefendi t-teżi tal-konformità ta’ tali leġiżlazzjoni nazzjonali, fid-dawl tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 ma jikkonvinċunix. |
|
81. |
Qabelxejn, il-Gvern Belġjan isostni li anki jekk it-trasferiment ’il quddiem tat-tnaqqis tad-DID jista’ jkun akkumpanjat bl-impossibbiltà li jiġi imputat, fl-aħħar, it-trasferiment ’il quddiem tat-TKR, din is-sitwazzjoni ma tistax titqies bħala taxxa indiretta fuq id-dividendi rċevuti, peress li tali taxxa mhux neċessarjament tiġi imposta ( 60 ). |
|
82. |
Madankollu, jidhirli li l-fatt li l-effetti negattivi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, jiġifieri t-taxxa doppja fuq il-profitti mqassma minn sussidjarja lil kumpannija omm tagħha, jistgħu jseħħu biss f’ċerti każijiet partikolari ( 61 ), u mhux b’mod sistematiku, bl-ebda mod ma jaffettwa l-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula iktar ’il fuq, peress li l-eżistenza fiha nnifisha ta’ tali effetti potenzjali hija suffiċjenti biex tiġi stabbilita inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni. |
|
83. |
Sussegwentement, il-Gvern Belġjan jiddikjara li fi kwalunkwe każ, anki meta t-telf tal-possibbiltà ta’ trasferiment ’il quddiem tat-TKR jimplika fil-fatt taxxa fuq il-kumpanniji omm ikkonċernati ( 62 ), din it-taxxa ma tirrigwardax id-dividendi rċevuti minnhom, lanqas indirettament, kif kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza Cobelfret. Huwa jsostni li jekk, waqt il-kalkolu tat-taxxa, ikunu baqgħu profitti fl-istadju tal-imputazzjoni tat-TKR, dan huwa neċessarjament dovut għall-fatt li ma’ jkun baqa’ ebda DID x’jitnaqqas, peress li t-tnaqqis ta’ dan jippreċedi dak tat-TKR, u għaldaqstant li d-dividendi rċevuti mis-sussidjarji ġew kompletament imnaqqsa mill-bażi taxxabbli, b’mod li t-taxxa li tista’ tiġi wara t-telf ta’ trasferiment ’il quddiem ta’ TKR ma tistax tirrigwarda lil dawn id-dividendi. Barra minn hekk, huwa jallega li t-taxxa li ma tirrigwardax id-dividendi rċevuti minn kumpannija omm ma tistax tikser l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435, iktar minn taxxa imposta waqt it-tqassim ta’ dividendi minn sussidjarja li ma hijiex relatata magħhom ma tista’ tikser l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva ( 63 ). |
|
84. |
Issa, jien nikkunsidra li l-fondatezza ta’ dan l-argument hija mxejna mis-sentenza Cobelfret u mid-digriet KBC, li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 b’teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti li leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tipproduċi korrelattivament fuq it-tnaqqis tat-telf trasferibbli ’il quddiem tal-kumpannija omm ikkonċernata, liema tnaqqis jista’ jwassal għal taxxa indiretta tad-dividendi rċevuti minn sussidjarja waqt is-snin sussegwenti ( 64 ). B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja xebbhet it-“telf tat-telf” ma’ “taxxa fuq il-profitti” indiretta, billi għażlet għaldaqstant approċċ “ekonomiku”, li huwa konformi mal-għan imfittex minn din id-direttiva ( 65 ), peress li l-fatt li t-telf trasferibbli ’il quddiem ma jibqax disponibbli biex jikkumpensa l-profitti futuri taxxabbli għandu bħala effett li jista’ joħloq taxxa doppja fuq tali dividendi. Fil-fehma tiegħi jaqbel li f’din il-kawża jiġi adottat preċiżament approċċ simili, kif indikajt iktar ’il fuq ( 66 ). |
|
85. |
Fl-aħħar nett, il-Gvern Belġjan jinvoka li l-għażliet kontenzjużi magħmulin mir-Renju tal-Belġju, jiġifieri l-ordni ta’ imputazzjoni u l-perijodu limitat tat-trasferimenti ’l quddiem tat-TKR, jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-leġiżlaturi nazzjonali. |
|
86. |
Madankollu, infakkar li l-Istati Membri huma obbligati josservaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 90/435, u b’mod partikolari li jimplimentaw il-mezzi kollha neċessarji biex jintlaħaq ir-riżultat preskritt fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) ( 67 ), jiġifieri li ma jintaxxawx darbtejn – anki indirettament –dividendi rċevuti mis-sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri oħra, liema għan ma jintlaħaqx, kif enfasizzajt preċedentement, minn regoli nazzjonali bħalma huma dawk li jirriżultaw mill-kombinazzjoni bejn is-sistema Belġjana tad-DID u r-regoli li jillimitaw l-imputazzjoni tat-TKR. |
|
87. |
Konsegwentement, jiena tal-fehma li l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi, minn naħa, li d-dividendi rċevuti minn kumpannija omm jiġu inklużi fil-bażi taxxabbli ta’ din il-kumpannija u mbagħad imnaqqsa minn din il-bażi sa massimu ta’ 95 %, sa fejn jibqa’ bilanċ ta’ profitti matul il-perijodu ta’ taxxa kkonċernat jew kull perijodu ta’ taxxa sussegwenti u, min-naħa l-oħra, li dawn id-dividendi jitnaqqsu qabel kwalunkwe vantaġġ fiskali ieħor previst mid-dritt nazzjonali li t-trasferiment ’il quddiem tiegħu huwa, min-naħa tiegħu, limitat fiż-żmien. |
V. Konklużjoni
|
88. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mit-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiż, il-Belġju) bil-mod li ġej: L-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi, minn naħa, li d-dividendi rċevuti minn kumpannija omm jiġu inklużi fil-bażi taxxabbli ta’ din il-kumpannija u mbagħad imnaqqsa minn din il-bażi sa massimu ta’ 95 %, sa fejn jibqa’ bilanċ ta’ profitti matul il-perijodu ta’ taxxa kkonċernat jew ta’ kull perijodu ta’ taxxa sussegwenti u, min-naħa l-oħra, li dawn id-dividendi jitnaqqsu qabel kwalunkwe vantaġġ fiskali ieħor previst mid-dritt nazzjonali li t-trasferiment ’il quddiem tiegħu huwa, min-naħa tiegħu, limitat fiż-żmien. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Direttiva tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 1990 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol 1, p. 147).
( 3 ) Direttiva tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU 2008, L 352M, p. 757).
( 4 ) Ara, prinċipalment, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, Cobelfret (C‑138/07, EU:C:2009:82), iktar ’il quddiem is-“sentenza Cobelfret”, u d-digriet tal-4 ta’ Ġunju 2009, KBC Bank u Beleggen, Risicokapitaal, Beheer (C‑439/07 u C‑499/07, EU:C:2009:339), iktar ’il quddiem id-“digriet KBC”. Ara, barra minn hekk, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2013, Argenta Spaarbank (C‑350/11, EU:C:2013:447, li l-punti 3 sa 9 tagħha jiddeskrivu fil-qosor is-sistema tat-TKR), u tas-26 ta’ Ottubru 2017, Argenta Spaarbank (C‑39/16, EU:C:2017:813, li l-punt 10 tagħha jiddeskrivi fil-qosor is-sistema tad-DID).
( 5 ) Direttiva tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 2011, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU 2011, L 345, p. 8).
( 6 ) Moniteur belge tal-15 ta’ Novembru 1991, p. 25619.
( 7 ) Għal iktar dettall, ara s-sentenzi Cobelfret (punti 6 et seq.), kif ukoll tas-26 ta’ Ottubru 2017, Argenta Spaarbank (C‑39/16, EU:C:2017:813, punti 7 et seq.).
( 8 ) Moniteur belge tat-30 ta’ Lulju 1992, p. 17120.
( 9 ) Moniteur belge tat-13 ta’ Settembru 1993, p. 20105.
( 10 ) Nippreċiża li din il-limitazzjoni tat-tnaqqis sa massimu ta’ 95 % hija marbuta mal-fatt li r-Renju tal-Belġju għamel użu mill-fakultà, prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 90/435, li jiffissa l-ispejjeż ta’ ġestjoni li ma jistgħux jitnaqqsu, u li huma għaldaqstant taxxabbli, għal ammont b’rata fissa li ma jeċċedix il-5 % mill-profitti mqassma mis-sussidjarja (ara d-digriet KBC, punti 51 u 52).
( 11 ) Brussels Securities sostniet ukoll, quddiem il-qorti tar-rinviju u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li din l-ordni ta’ imputazzjoni tikser il-libertà ta’ stabbiliment prevista fl-Artikolu 49 TFUE. Madankollu, l-istess bħall-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni, jien mhux ser nippronunzja ruħi dwar dan is-suġġett. Fil-fatt, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li dan l-argument kien marbut ma’ ksur allegat tal-Kostituzzjoni Belġjana, motiv li kien diġà ġie miċħud mill-imsemmija qorti. Barra minn hekk, l-Artikolu 49 TFUE ma huwiex imsemmi fid-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, lanqas fis-sustanza tiegħu, u ma jidhirlix li l-interpretazzjoni tiegħu tkun utli biex tippermetti lill-qorti nazzjonali taqta’ l-kawża prinċipali, fis-sens tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, AREX CZ, C‑414/17, EU:C:2018:1027, punti 34 u 35).
( 12 ) Dwar l-oriġini tal-imsemmija sistema u r-raġunijiet mogħtija biex din tinżamm, ara Malherbe, J., “Le régime mères-filiales en Belgique: la leçon d’anatomie”, Revue pratique des sociétés, 2010, pp. 34 sa 37.
( 13 ) Filwaqt li s-sistema ta’ eżenzjoni tippreżumi li l-Istat Membru li fih hija stabbilita l-kumpannija omm ma jissuġġettax dawn il-profitti għal taxxa, is-sistema ta’ imputazzjoni tikkonsisti fit-tassazzjoni ta’ dawn il-profitti filwaqt li l-kumpannija omm tkun awtorizzata tnaqqas mill-ammont tat-taxxa tagħha l-parti tat-taxxa tas-sussidjarja li tirrigwarda dawk il-profitti u, jekk ikun il-każ, l-ammont tat-taxxa f’ras il-għajn miżmuma mill-Istat Membru ta’ residenza tas-sussidjarja, sal-limitu tal-ammont dovut tat-taxxa korrispondenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Cobelfret, punti 31 u 43; tas-26 ta’ Ottubru 2017, Argenta Spaarbank, C‑39/16, EU:C:2017:813, punt 49; kif ukoll tas-26 ta’ Frar 2019, T Danmark u Y Denmark, C‑116/16 u C‑117/16, EU:C:2019:135, punt 12).
( 14 ) Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C‑446/04, EU:C:2006:774, punt 43), kif ukoll Cobelfret (punt 31).
( 15 ) It-taxxa doppja tissejjaħ “ekonomika” meta żewġ Stati jissuġġettaw għat-taxxa persuni taxxabbli differenti fuq l-istess dħul u tissejjaħ “ġuridika” meta żewġ Stati jissuġġettaw għat-taxxa l-istess persuna taxxabbli fuq l-istess dħul (ara Jourdain, S., “Excédents de RDT: une véritable odyssée fiscale”, Comptabilité et fiscalité pratiques, 2009, Nru 8, p. 209).
( 16 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Cobelfret (punti 29 u 46); tat-8 ta’ Marzu 2017, Wereldhave Belgium et (C‑448/15, EU:C:2017:180, punti 25, 35 sa 37 u 39), kif ukoll tas-26 ta’ Ottubru 2017, Argenta Spaarbank (C‑39/16, EU:C:2017:813, punti 47 u 48).
( 17 ) Ara l-punti 27 sa 57, b’mod partikolari 35 sa 41, tas-sentenza Cobelfret. Barra minn hekk, fil-punti 58 sa 65 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-imsemmi l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) għandu effett dirett, peress li ma huwiex kundizzjonat u huwa suffiċjentement preċiż biex ikun jista’ jiġi invokat quddiem il-qrati nazzjonali. Ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Cobelfret (C‑138/07, EU:C:2008:268, punti 12 et seq.).
( 18 ) Fil-fatt, peress li l-leġiżlazzjoni fiskali kkonċernata taċċetta fil-prinċipju t-trasferiment ’il quddiem tat-telf fuq snin fiskali sussegwenti, it-tnaqqis tat-telf tal-kumpannija omm li jista’ jibbenefika minn tali trasferiment ’il quddiem sal-ammont tad-dividendi rċevuti għandu riperkussjoni fuq il-bażi taxxabbli ta’ din il-kumpannija waqt is-sena fiskali li tiġi wara dik tat-tqassim ta’ dawn id-dividendi, meta l-profitti tal-kumpannija kkonċernata jkunu ogħla mit-telf trasferibbli ’l quddiem, peress li l-bażi taxxabbli tkun ogħla wara t-tnaqqis tat-telf trasferibbli ’l quddiem.
(
19
) Ara l-punti 33 sa 44 u l-punt 1 tad-dispożittiv tad-digriet KBC, li jinterpreta l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 fis-sens li “jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li għall-finijiet tal-eżenzjoni tad-dividendi rċevuti minn kumpannija parent stabbilita f’dan l-Istat minn sussidjarja li għandha l-uffiċċju prinċipali tagħha fi Stat Membru ieħor, tipprovdi li l-imsemmija dividendi huma inklużi fil-bażi taxxabbli tal-kumpannija parent, sabiex sussegwentement jitnaqqsu sa massimu ta’ 95 % sa fejn, għall-perijodu taxxabbli kkonċernat, ikun hemm profitt wara t-tnaqqis ta’ profitti eżenti oħra u li jkollha bħala effett li:
– il-kumpannija parent hija taxxabbli f’perijodu taxxabbli ulterjuri fuq it-tqassim ta’ profitti li hija tkun irċeviet fil-każ fejn hija ma tkunx iġġenerat profitt taxxabbli jew ma tkunx iġġenerat biżżejjed profitt taxxabbli matul il-perijodu taxxabbli li fih tqassmu l-profitti, jew li
– it-telf f’dan il-perijodu taxxabbli jinqata’ kontra t-tqassim ta’ profitti u ma jistax jiġi ttrasferit fuq perijodu taxxabbli ulterjuri għall-ammont ta’ dan it-tqassim”.
( 20 ) Ara l-punti 45 sa 54 u l-punt 2 tad-dispożittiv tad-digriet KBC. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll fuq il-kwistjonijiet li ma għandhomx rilevanza diretta fir-rigward ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, jiġifieri: il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja meta t-talba għal deċiżjoni preliminari hija bbażata fuq l-applikabbiltà, għal sitwazzjoni purament interna, ta’ dispożizzjonijiet ta’ direttiva trasposti fid-dritt nazzjonali; l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-moviment liberu tal-kapital, kif ukoll l-interpretazzjoni tal-Artikolu 43 KE (li sar l-Artikolu 49 TFUE) dwar il-libertà ta’ stabbiliment (ara l-punti 55 sa 82 u l-punti 3 sa 5 tad-dispożittiv).
( 21 ) Il-Gvern Belġjan jippreċiża li dan il-paragrafu 3 huwa applikabbli għas-sena fiskali 2011, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li kien iddaħħal fil-KTD 1992 mill-Artikolu 8 tal-liġi tal-21 ta’ Diċembru 2009 (Moniteur belge tal-31 ta’ Diċembru 2009, p. 82816), dispożizzjoni li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010.
( 22 ) Jidher li l-proċedura li tikkonsisti li dawn il-profitti jiġu inklużi fil-bażi taxxabbli u mbagħad jitnaqqsu minnha huwa marbut mal-prinċipju ta’ tassazzjoni tad-“dħul globali”, u għaldaqstant dinji, tal-kumpanniji residenti fil-Belġju li huwa stabbilit fl-Artikolu 1(1)(2) tal-KTD 1992 (ara, f’dan is-sens, Richelle, I., “Cobelfret et l’interprétation de la directive mère-filiales: le régime belge des RDT est contraire au droit communautaire”, Revue générale de fiscalité, 2009, Nru 3, p. 4 u 6).
( 23 ) Skont Jourdain, S., op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna 15, p. 210, kemm il-Kummissjoni, f’ittra tal-5 ta’ Lulju 1991, kif ukoll rapport ta’ esperti indipendenti, ippubblikat fix-xahar ta’ Marzu 1992, u parti kbira mid-duttrina kkunsidraw li l-implimentazzjoni korretta tad-Direttiva 90/435 tippreżumi li jiġu esklużi ab initio d-dividendi mir-riżultat taxxabbli, minflok li jiġu inklużi u mbagħad imnaqqsa minnu.
( 24 ) Ara l-punti 38 sa 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 25 ) Skont il-kliem użat fid-domanda magħmula u fil-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju.
( 26 ) Huwa paċifiku fil-ġurisprudenza li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi interpretata b’mod awtonomu u uniformi fl-Unjoni kollha, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem tagħha, il-kuntest tagħha u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti u mill-ġenesi tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 2019, Brisch, C‑102/18, EU:C:2019:34, punt 22, kif ukoll tal-11 ta’ April 2019, Tarola, C‑483/17, EU:C:2019:309, punti 36 u 37).
( 27 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ippreċiżat li ma teżistix differenza sostanzjali bejn il-fatt li wieħed “iżomm lura milli jintaxxa” u dak li “jeżenta” l-profitti rċevuti minn kumpannija omm (ara s-sentenza Cobelfret, punt 43, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 28 ) Ara l-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 29 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Les Vergers du Vieux Tauves (C‑48/07, EU:C:2008:758, punt 42), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-vantaġġ fiskali li tista’ tgawdi minnu kumpannija omm taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 jikkonsisti f’li “tirċievi profitti mingħajr ma tiġi ntaxxata”.
( 30 ) Il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji omm u sussidjarji fi Stati Membri differenti, ippreżentata mill-Kummissjoni fis-16 ta’ Jannar 1969 (ĠU 1969, C 39, p. 7), kien fiha Artikolu 4(1) li kien jipprovdi li “[l]-profitti mqassma li kull kumpannija omm tirċievi bħala assoċjata mal-kumpannija sussidjarja tagħha […] ma għandhomx jifformaw parti mill-profitt taxxabbli tagħha”, mingħajr ma kien jippreskrivi l-metodu li għandu jiġi segwit għal dan il-għan (enfasi miżjud minni). L-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tas-26 ta’ Ġunju 1969, dwar din il-proposta (ĠU 1969, C 100, p. 7, punt 2) irrilevat li “l-prinċipju li jservi ta’ bażi għad-direttiva għat-trattament fiskali tat-tqassim tal-profitti [huwa li] kull profitt diġà milqut bit-taxxa tal-kumpanniji ma jibqax suġġett għal din it-taxxa jekk dan imur għand kumpannija oħra suġġetta għall-istess taxxa” (enfasi miżjud minni). Il-proposta ppreżentata fil-5 ta’ Lulju 1985 [COM (1985) 360 finali], li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 90/435, ma tipprovdix indikazzjonijiet fuq dan is-suġġett.
( 31 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 32 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza Cobelfret (punti 28 u 29) kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 33 ) Ara l-punti 46 sa 50 u 53 tad-digriet KBC.
( 34 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2006, N (C‑470/04, EU:C:2006:525, punt 33); tad-19 ta’ Lulju 2012, A (C‑48/11, EU:C:2012:485, punt 16), kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2018, Cadeddu (C‑667/17, EU:C:2018:1036, punt 15).
( 35 ) Nippreċiża li, f’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tinvolvix taxxa doppja tad-dividendi f’idejn il-kumpannija omm. Ara, wkoll, is-sentenza Cobelfret (punt 40), kif ukoll id-digriet KBC (punt 40).
( 36 ) Ara l-punt 54 tad-digriet KBC u l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 37 ) Fuq dan is-suġġett, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm, bl-applikazzjoni tas-sistema tad-DID għad-dividendi mqassma kemm mis-sussidjarji residenti kif ukoll minn dawk stabbiliti fi Stati Membri oħra, ir-Renju tal-Belġju pprova jelimina kull penalizzazzjoni għall-kooperazzjoni bejn kumpanniji ta’ Stati Membri differenti meta mqabbla mal-kooperazzjoni bejn kumpanniji tal-istess Stat Membru, din l-ugwaljanza fit-trattament ma tiġġustifikax, minn daqshekk, l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ prevenzjoni tat-taxxa doppja ekonomika prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva (ara s-sentenza Cobelfret, punti 45 u 46, kif ukoll id-digriet KBC, punt 42).
( 38 ) Pajjiżi oħra ma jdaħħlux id-dividendi mqassma fil-bażi taxxabbli tal-kumpanniji omm, skont Richelle, I., “L’arrêt Cobelfret de la CJCE et ses conséquences sur le régime des RDT”, Tax Audit & Accountancy, 2009, Nru 4, p. 11, kif ukoll Hermand, O., u Vanoppen, S., “Non-report des excédents de RDT: violation du droit européen”, Le Fiscologue, Nru 1148, 20 ta’ Frar 2009, p. 12 et seq. Min-naħa tiegħu, Malherbe, J., op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna 12, p. 35, jindika li “fi Franza, id-dividendi rċevuti mill-kumpanniji omm huma s-suġġett ta’ tnaqqis extrakontabbli u jiċċirkolaw liberament fi ħdan il-grupp”. Ninnota li l-Artikolu 216 tal-code général des impôts français (il-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi Franċiż) attwali jipprovdi li “[i]d-dħul nett mid-dividendi, li jagħti dritt għall-applikazzjoni tas-sistema tal-kumpanniji omm […], jista’ jitnaqqas mill-profitt nett totali tagħha”.
( 39 ) Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Cobelfret (C‑138/07, EU:C:2008:268, punt 21), fir-rigward tal-leġiżlazzjoni applikabbli f’dak iż-żmien.
( 40 ) Skont il-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet tad-dritt Belġjan li jittrasponu l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawża prinċipali, ma jidhrux li jipprekludu fihom infushom in-nuqqas ta’ tassazzjoni tal-profitti mqassma li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, peress li s-sistema tad-DID tippermetti a priori li jiġi żgurat li d-dividendi ma jiġux intaxxati f’idejn il-kumpannija omm, anki jekk it-tnaqqis jista’ jkollu effett fuq diversi snin fiskali.
( 41 ) Bl-għarfien li din il-limitazzjoni hija permessa (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
( 42 ) Jiġifieri d-dividendi li ma setgħux jitnaqqsu mill-bażi taxxabbli ta’ din il-kumpannija mis-sena tat-tqassim, minħabba insuffiċjenza ta’ profitti.
( 43 ) Il-Kummissjoni semmiet, fil-fehma tiegħi b’mod korrett, ir-riskju “li jinfirex fuq iż-żmien” l-użu tat-tnaqqis tad-DID mill-kumpannija omm, meta din tal-aħħar ikollha bażi taxxabbli insuffiċjenti fis-sena tat-tqassim, jew fis-snin sussegwenti.
( 44 ) Fuq din il-klassifika tat-TKR, ara s-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2013, Argenta Spaarbank (C‑350/11, EU:C:2013:447, punt 24).
( 45 ) Jiġi ppreċiżat li l-imputazzjonijiet tad-DID u tat-TKR jiġu qabel dawk tat-telf professjonali rekuperabbli (ara l-Artikoli 77, 77bis u 78 tad-DI/KTD 1992).
( 46 ) Din id-deċiżjoni tirrileva li x-xogħlijiet preparatorji tal-liġi tat-22 ta’ Ġunju 2005 li stabbilixxiet it-TKR (Moniteur belge tat-30 ta’ Ġunju 2005, p. 30077), b’mod partikolari l-kumment tal-Artikolu 5 tal-abbozz ta’ liġi tal- 11 ta’ Mejju 2005, juru li huwa l-leġiżlatur li stabbilixxa l-ordni tat-tnaqqis prevista fid-DI/KTD 1992, li tista’, f’ċerti każijiet, taffettwa l-bażi taxxabbli futura ta’ kumpannija, skont Brussels Securities.
( 47 ) Jiġi ppreċiżat li t-tnaqqis għad-dħul mill-privattivi jseħħ wara dak tad-DID, imma qabel it-tnaqqis tat-TKR (ara l-Artikoli 77/1 u 77bis tad-DI/KTD 1992).
( 48 ) Tnaqqis għall-investiment imsemmi fl-Artikolu 79 tad-DI/KTD 1992.
( 49 ) Il-Gvern Belġjan ikklassifika lil dawn tal-aħħar bħala “tnaqqis extrakontabbli” fis-sens li jikkonsistu fit-tnaqqis mill-profitt kontabbli tal-kumpannija mhux tal-elementi li kienu jirriżultaw qabel, bħalma huma d-dividendi rċevuti mis-sussidjarji jew mid-dħul mill-privattivi, imma tal-elementi tal-attiv tal-bilanċ tal-kumpannija, bħalma hija t-tnaqqis għall-investiment, jew tal-passiv, bħalma huwa t-TKR.
( 50 ) Jirriżulta mid-dibattiti li d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-trasferiment ’il quddiem limitat tat-TKR ġew emendati matul is-sena 2012, b’effett għal wara s-sena fiskali kontenzjuża.
( 51 ) Leġiżlazzjoni Belġjana li minnha jirriżulta, skont it-tielet paragrafu in fine tad-domanda preliminari, li “l-imputazzjoni għandha sservi sal-eżawriment tal-profitti taxxabbli, qabel kollox, fuq id-[DID] ittrasferit ’il quddiem, imbagħad fuq it-[TKR] ttrasferit ’il quddiem (li jista’ biss jiġi ttrasferit ’il quddiem għas-“seba’ perijodi taxxabbli sussegwenti”), imbagħad għall-bilanċ tat-telf preċedenti rekuperabbli”.
( 52 ) Ara wkoll il-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 53 ) Eżempju li jqabbel żewġ ipoteżijiet li fihom l-istess sitwazzjoni fiskali ta’ kumpannija omm tiġi stabbilita, fl-ewwel lok, skont l-ordni ta’ imputazzjoni prevista mid-DI/KTD 1992 magħduda mas-sistema Belġjana tad-DID (fejn jidher riżultat taxxabbli li jikkorrispondi għall-eċċess ta’ TKR mitluf minħabba li ma ntużax qabel l-iskadenza tal-perijodu previst ta’ seba’ snin) u fit-tieni lok, dejjem skont din l-ordni ta’ imputazzjoni imma b’applikazzjoni ta’ esklużjoni teorika immedjata tad-dividendi rċevuti (li jagħti riżultat taxxabbli ta’ żero, peress li minflok ma jkun hemm eċċessi ta’ DID li jiġu imputati qabel it-TKR, il-kumpannija jkollha għaldaqstant telf trasferibbli ’l quddiem li jiġi imputat wara t-TKR u li jelimina għaldaqstant l-eċċess tiegħu).
( 54 ) F’dawn it-tabelli, b’kontenut simili għall-eżempju pprovdut mill-qorti tar-rinviju, il-Kummissjoni tinnota li fl-ewwel każ, skont il-leġiżlazzjoni Belġjana, il-kumpannija omm titlef it-TKR kollu li hija ma setgħetx tnaqqas qabel l-iskadenza tal-perijodu previst ta’ seba’ snin, filwaqt li fit-tieni każ, skont sistema ta’ eżenzjoni ab initio tad-dividendi skont id-Direttiva 90/435, il-kumpannija għandha riżultat taxxabbli li huwa ugwali għal żero u eċċess ta’ TKR mitluf, bħala mhux imputabbli, li huwa inqas meta mqabbel mal-każ preċedenti.
( 55 ) Ara l-punti 81 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 56 ) Dan il-gvern aċċetta espressament fis-sottomissjonijiet orali tiegħu li “l-inklużjoni tad-dividendi rċevuti fil-bażi taxxabbli ta’ kumpannija omm [b’defiċit], li tinvolvi s-sostituzzjoni ta’ trasferiment ’il quddiem tat-tnaqqis tad-DID bi trasferiment ’il quddiem tat-telf, jista’ jkollha bħala effett li tipposponi, minħabba l-ordni ta’ imputazzjoni tat-tnaqqis, l-imputazzjoni tat-trasferiment ’il quddiem tat-TKR, bir-riskju, ċertament, tal-iskadenza tat-terminu biex tagħmel dan”.
( 57 ) Ara s-sentenza Cobelfret (punti 39 sa 41), kif ukoll id-digriet KBC (punti 39, 40 u 54). Ġie nnotat ġustament, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fiż-żmien tal-kawżi li wasslu għal dawn id-deċiżjonijiet, li s-sistema tad-DID tippenalizza l-kumpannija omm li, mingħajr it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dividendi bħala DID, tagħlaq il-perijodu ta’ taxxa kkonċernat b’telf, li kien ikun deduċibbli mill-profitti tal-perijodi ta’ taxxa sussegwenti, filwaqt li l-inklużjoni tad-dividendi fil-bażi taxxabbli, flimkien mal-limitazzjoni tat-tnaqqis tad-DID sa massimu tal-ammont tal-profitt taxxabbli, ixxejjen it-telf trasferibbli ’l quddiem (Garabedian, D., “L’influence de la jurisprudence Cobelfret sur le régime fiscal des dividendes à l’impôt des sociétés”, Les dialogues de la fiscalité, Larcier, Brussell, 2010, p. 59).
( 58 ) Fir-rigward tal-imsemmija għanijiet, ara l-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 59 ) Ara wkoll, Hermand, O., Delacroix, P. u Wils, C., “Une nouvelle déduction fiscale est née: les ‘excédents RDT’ – Commentaire du nouvel article 205, § 3, du CIR 1992”, Revue générale de fiscalité, 2010, Nru 2, p. 7, kif ukoll Dassesse, M., “Impôt des sociétés – Déduction prioritaire des RDT vis-à-vis des excédents de DCR – La Belgique viole les principes de l’arrêt Cobelfret”, Actualités fiscales, 2014, Nru 41, pp. 2 u 4 (artiklu ċċitat minn Brussels Securities, b’mod partikolari bħala eżempju biċ-ċifri li jinsab riprodott fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha).
( 60 ) Fil-fehma tiegħu, il-limitazzjoni temporali tat-trasferiment tat-TKR twassal għal taxxa biss jekk, wara assenza ta’ profitti suffiċjenti f’idejha matul seba’ snin, il-kumpannija omm tagħmel profitti sussegwentement, filwaqt li jekk hija ma terġax tagħmel profitt jew tiġi llikwidata, it-telf tad-dritt għat-trasferiment ’il quddiem tat-TKR ma jaffettwahiex, u għaldaqstant l-iżvantaġġ jibqa’ virtwali.
( 61 ) Jiġifieri kull darba li mill-bażi taxxabbli jkollu jitnaqqas b’mod prijoritarju d-DID jwassal biex dan jixxejjen jew biex jitnaqqas, b’tali mod li vantaġġ fiskali ieħor ma jkunx għad jista’ jiġi kompletament imputat minnha (ara, f’dan is-sens, Dassesse, M., op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna 59, p. 2).
( 62 ) Jiġifieri fil-każ (li għadu kif issemma) fejn il-kumpannija terġa’ tagħmel profitt wara l-iskadenza tal-perijodu tas-seba’ snin previst fl-Artikolu 205 quinquies tal-KTD 1992.
( 63 ) F’dan l-aħħar rigward, il-Gvern Belġjan jinvoka s-sentenzi tal-25 ta’ Settembru 2003, Océ van der Grinten (C‑58/01, EU:C:2003:495, punti 55 u 56), kif ukoll tal-24 ta’ Ġunju 2010, P. Ferrero e C. u General Beverage Europe (C‑338/08 u C‑339/08, EU:C:2010:364, punti 40 u 41). Madankollu, niddubita r-rilevanza ta’ analoġija ma’ dawn is-sentenzi, fir-rigward tal-kunċett ta’ “taxxa f’ras il-għajn” fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 90/435, li jipprojbixxi tali taxxa f’ras il-għajn fuq il-profitti li sussidjarja tqassam lill-kumpannija omm tagħha, ħlief f’ċerti każijiet partikolari, kif issemmi wkoll il-ħames premessa ta’ din id-direttiva. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cobelfret (punt 53 in fine), li tiċħad l-analoġija bejn l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva.
( 64 ) Ara s-sentenza Cobelfret (punti 39 sa 41), kif ukoll id-digriet KBC (punti 39 u 40). Bl-istess mod, ara l-punti 41, 44 u 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 65 ) Skont il-kliem użat f’analiżi tad-duttrina, li jiena naqbel magħha (ara Hermand, O., u Vanoppen, S., op. cit. nota ta’ qiegħ il-paġna 38).
( 66 ) Ara b’mod partikolari l-punti 76 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 67 ) Ara wkoll il-punti 57 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.