KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fil-11 ta’ Diċembru 2007 ( 1 )
Kawżi magħquda C-373/06 P, C-379/06 P u C-382/06 P
Thomas Flaherty et
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Appell — Miżuri ta’ konservazzjoni tar-riżorsi — Ristrutturazzjoni tas-settur tas-sajd — Applikazzjonijiet għal żieda ta’ l-għanijiet tal-programm ta’ gwida multi-annwali ‘PMG IV’ fil-qasam tat-tunnellaġġ — Ċaħda ta’ l-applikazzjoni”
|
1. |
L-appellanti huma proprjetarji ta’ bastimenti li jiffurmaw parti mill-flotta tas-sajd Irlandiża. Huma ppreżentaw rikors għal annullament tad-Deċiżjoni 2003/245/KE ( 2 ) (iktar ’il-quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”) quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet l-applikazzjonijiet tagħhom biex jiżdied it-“tunnellaġġ ta’ sigurtà” ( 3 ) tal-bastimenti tagħhom. |
|
2. |
Fis-sentenza appellata ( 4 ), il-Qorti ta’ l-Prim’Istanza ddeċidiet li r-rikorrenti ma kellhom ebda interess li jitressqu proċeduri, billi meta ġiet adottata d-deċiżjoni huma ma kinux bnew, u għalhekk ma kinux il-proprjetari tal-bastimenti in kwistjoni. Din ikkonstatat ukoll li r-rikorrenti ma kinux individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata peress li l-bastimenti in kwistjoni kienu ‘fittizji’ ( 5 ). |
|
3. |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk ċaħdet ir-rikorsi tagħhom bħala inammissibbli. Fir-rigward tad-dsatax-il rikorrenti l-oħra, din iddikjarat ir-rikorsi bħala ammissibbli u annullat id-deċiżjoni kkontestata. |
|
4. |
Tlieta mill-erba’ rikorrenti li ma rebħux il-kawża ( 6 ) appellew. Huma qed jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tibdel is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza safejn din ċaħdet ir-rikorsi tagħhom, u sabiex tannulla d-deċiżjoni kkontestata. |
Il-kuntest ġuridiku
|
5. |
L-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413/KE ( 7 ) huwa fformulat kif ġej: “Fil-programmi multi-annwali ta’ gwida għall-Istati Membri, [ ( 8 )] iż-żidiet fil-kapaċità li jirriżultaw esklużivament mit-titjib fil-qasam tas-sigurtà jiġġustifikaw, każ b’każ, żieda fuq l-istess livell fl-għanijiet tas-segmenti tal-flotta meta dawn ma jġibux magħhom żieda fl-attività tas-sajd tal-bastimenti kkonċernati.” |
|
6. |
Skond il-punt 3.3 ta’ l-Anness tad-Deċiżjoni 98/125/KE ( 9 ): “L-Istati Membri jistgħu f’kull ħin jissottomettu programm ta’ titjib tas-sigurtà. Konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/413 […], il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk żieda fil-kapaċità prevista minn tali programm tiġġustifikax żieda korrispettiva fl-għanijiet tal-PMG IV […]”. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
7. |
Bejn l-1999 u l-2001 kien hemm skambju ta’ korrispondenza dwar l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 bejn id-Dipartiment tal-Komunikazzjonijiet u Riżorsi Marini u Naturali ta’ l-Irlanda (iktar ’il quddiem id-“Dipartiment”) u l-Kummissjoni. |
|
8. |
Matul dan il-perijodu, kull wieħed mir-rikorrenti talab lid-Dipartiment sabiex japprova żieda fil-kapaċità għal titjib fis-sigurtà, skond l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 u l-punt 3.3 ta’ l-Anness tad-Deċiżjoni 98/125. |
|
9. |
B’ittra ta’ l-14 ta’ Diċembru 2001, id-Dipartiment talab lill-Kummissjoni żieda ta’ 1304 tunnellati gross (iktar ‘il quddiem‘TG’) tas-segment polivalenti ( 10 ) u ta’ 5335 TG tas-segment pelaġiku ( 11 ) tal-flotta Irlandiża, skond l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 97/413 (Stati Membri oħrajn għamlu talbiet simili fir-rigward ta’ bastimenti fil-flotot tas-sajd tagħhom). |
|
10. |
L-ittra tad-Dipartiment ta’ l-14 ta’ Diċembru 2001 kienet tindika li din kienet saret wara l-applikazzjonijiet ta’ 38 proprjetarju ta’ bastimenti li kienu mmodifikaw jew issostitwew il-bastiment tagħhom jew li kellhom l-intenzjoni li jagħmlu dan. Ma’ din l-ittra ntbagħtet ukoll dokumentazzjoni ddettaljata dwar il-bastimenti in kwistjoni, li kienu jinkludu dawk tar-rikorrenti. |
|
11. |
Fl-4 ta’ April 2003, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jaqra kif ġej: “L-Artikolu 1 Eliġibbiltà ta’ l-applikazzjonijiet L-applikazzjonijiet għaż-żieda fl-għanijiet tal-PMG IV fil-qasam tat-tunnellaġġ ser jiġu kkunsidrati bħala eleġibbli bil-kundizzjonijiet segwenti:
L-applikazzjonijiet għaż-żieda fl-għanijiet tal-PMG IV f’dak li jirrigwarda s-saħħa tal-magni mhumiex eliġibbli. L-Artikolu 2 L-applikazzjonijiet aċċettati skond il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1 huma dawk elenkati fl-Anness I. L-applikazzjonijiet miċħuda skond il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1 huma dawk elenkati fl-Anness II. L-Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lill-Irlanda, lir-Renju ta’ l-Olanda, lir-Renju ta’ l-Iżvezja u lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
11. |
Il-lista ta’ l-“applikazzjonijiet miċħuda” li tinsab fl-Anness II tad-deċiżjoni kkontestata kienet tinkludi l-applikazzjonijiet tar-rikorrenti fir-rigward ta’ bastimenti ġodda biex jissostitwixxu, rispettivament, il-MFV Westward Isle (Flaherty), il-MFV Menhaden (Murphy) u l-MFV Golden Rose (Ocean Trawlers), li l-ebda wieħed minnhom ma kien intilef fil-baħar. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata
|
13. |
Quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, 23 rikorrenti talbu sabiex id-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata safejn din tiċħad l-applikazzjonijiet tagħhom għal żieda fil-kapaċità tal-bastimenti tagħhom. L-applikazzjonijiet kienu kollha jirrigwardjaw il-bini ta’ bastimenti ġodda sabiex jissostitwixxu bastimenti eżistenti li ma kinux intilfu fil-baħar. Huma invokaw in-nuqqas ta’ poter tal-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ motivazzjoni u l-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. |
|
14. |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza l-ewwel eżaminat eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà issollevata mill-Kummissjoni intiża sabiex jiġi deċiż li r-rikorrenti ma kinux direttament u individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 230 KE. Hija ċaħdet din l-eċċezzjoni, għar-raġuni, prinċipalment, li (i) din id-deċiżjoni kellha tiġi kkunsidrata bħala ġabra ta’ deċiżjonijiet individuali, li kull waħda minnhom taffettwa s-sitwazzjoni legali tal-proprjetarji ta’ l-imsemmija bastimenti li huma elenkati fl-Anness, fosthom ir-rikorrenti, li kienu kkaratterizzati fir-rigward tal-persuni l-oħrajn kollha u li kienu distinti individwalment bl-istess mod bħala personi intimati tad-deċiżjoni u (ii) li din taffettwa direttament is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, mingħajr ma tħalli ebda diskrezzjoni lill-intimati fdati bil-kompitu li jimplementawha ( 12 ). |
|
15. |
Madanakollu, fid-dawl tar-risposti ta’ l-Irlanda għall-mistoqsijiet magħmulin lilha fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssollevat ex officio id-domanda dwar jekk Thomas Flaherty (T-224/03), Ocean Trawlers Ltd (T-226/03), Larry Murphy (T-236/03) u O’Neill Fishing Co. Ltd (T-239/03) ( 13 ) kellhomx interess li jitressqu proċeduri. Din kkonkludiet:
|
|
16. |
Sussegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat id-deċiżjoni kkontestata safejn kienet tapplika għal bastimenti tad-19-il rikorrent li kien jifdal. Hija kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet marret lil hinn mis-setgħat tagħha meta adottat, fid-deċiżjoni kkontestata, kriterji li ma kinux previsti mil-leġiżlazzjoni applikabbli f’dan il-każ ( 14 ), partikolarment meta ċaħdet l-applikazzjonijiet kollha għal tunnellaġġ ta’ sigurtà addizzjonali miksub mhux bil-modifikazzjoni ta’ bastimenti eżistenti imma bil-bini ta’ bastimenti ġodda minflok bastimenti eżistenti ( 15 ). |
|
17. |
Ir-rikorrenti jsostnu li l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-ammissibbiltà tar-rikors tagħhom hija vvizzjata bi żball ta’ liġi. Huma qed jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tibdel is-sentenza appellata safejn din tiċħad ir-rikors tagħhom u tordnhom ibatu l-ispejjeż. Huma jitolbu wkoll li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata kif ukoll li l-Kummissjoni tiġi orndata tbati l-ispejjeż ta’ l-istanza kollha hemm hi. |
Analiżi
|
18. |
Matul il-proċeduri bil-miktub kif ukoll dawk orali, il-partijiet iddibattew fit-tul fuq numru ta’ kunsiderazzjonijiet fattwali li għalija ma jidhrux li huma rilevanti fil-kuntest ta’ dan l-appell, li l-għan tiegħu huwa li jiġi stabbilit jekk il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 62 tas-sentenza tagħha tistax tiġi kkonfermata bħala punt ta’ dritt. |
|
19. |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikorsi tar-rikorrenti bħala inammissibbli għal żewġ raġunijiet: (i) in-nuqqas ta’ interess li jitressqu proċeduri, peress li, għalkemm ir-rikorrenti kellhom l-“-intenzjoni li kellhom dak iż-żmien li jibnu bastimenti u li jagħtuhom l-ismijiet imsemmija fl-Anness II tad-deċiżjoni kkontestata”, huma “ma pproċedewx għall-bini ta’ dawn il-bastimenti b’mod li, meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, fil-fatt ma kinux proprjetarji tal-bastimenti in kwistjoni”; u (ii) dawn ma kinux individwalment ikkonċernati, peress li l-bastimenti in kwistjoni kienu ‘fittizji’. |
|
20. |
Huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li, fil-bqija tas-sentenza (li l-ebda parti mhija kkontestata mill-Kummissjoni), il-Qorti tal-Prim’Istanza (i) ċaħdet — mingħajr ma għamlet distinzjoni bejn ir-rikorrenti preżenti u d-19-il rikorrent l-ieħor — l-argument tal-Kummissjoni li l-ebda wieħed mill-applikanti ma kien direttament u individwalment ikkonċernat mid-deċiżjoni kkontestata u (ii) qieset li l-Kummissjoni kienet żbaljat meta ċaħdet applikazzjonijiet għar-raġuni li t-tunnellaġġ ta’ sigurtà miżjud irriżulta mill-bini ta’ bastimenti ġodda pjuttost milli bil-modifikazzjoni ta’ bastimenti eżistenti. |
|
21. |
Ir-rikorrenti jissottomettu, inter alia, li l-konklużjoni dwar l-inammissibbiltà tar-rikors tagħhom hija inkompatibbli mal-konstazzjonijiet l-oħra. Essenzjalment, jiena naqbel, għar-raġunijiet spjegati hawn isfel, u ma nikkunsidrax li huwa meħtieġ għal dan il-għan — jew xieraq, fil-kuntest ta’ appell — li jiġu eżaminati l-kunsiderazzjonijiet l-oħra li ġew imressqa, li huma ta’ natura iktar fattwali. |
Interess li jitressqu proċeduri
|
22. |
Skond ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament imressaq minn persuna fiżika jew legali huwa ammissibbli biss safejn ir-rikorrent ikollu interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Dan l-interess għandu jkun effettiv u attwali u għandu jiġi evalwat fil-ġurnata li fiha jitressaq ir-rikors ( 16 ). |
|
23. |
Fil-punt 62 tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat dritt tal-proprjetà tal-bastimenti sostituttivi fid-data tad-deċiżjoni kkontestata bħala l-fattur kruċjali għal deċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ interess li jitressqu proċeduri tar-rikorrenti. Fl-ebda punt tas-sentenza m’għamlet xi konstatazzjoni speċifika li r-rikorrenti l-oħra kienu l-proprjetarji ta’ bastimenti sostituttivi f’dik id-data, iżda wieħed jista’ jassumi li kienet issodisfata dwar dak il-punt, għax inkella d-deċiżjoni tagħha dwar l-ammissibiltà kienet tkun purament arbitrarja. |
|
24. |
Hija mbagħad ipproċediet fuq il-bażi li r-rikorrenti li kienu diġà bnew (jew forsi kienu diġà qegħdin jibnu) bastimenti sostituttivi li tagħhom kienu l-proprjetarji fid-data tad-deċiżjoni kkontestata kellhom interess li dik id-deċiżjoni tiġi annullata, filwaqt li r-rikorrenti li ma kinux ħadu miżuri bħal dawn ma kellhomx tali interess. |
|
25. |
Din il-pożizzjoni tidher għalija li hija għal kollox żbaljata. |
|
26. |
Il-proċedura in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija proċedura ta’ awtorizzazzjoni. Tunnellaġġ partikolari jiġi awtorizzat għall-flotta tas-sajd ta’ kull Stat Membru, u żidiet speċifiċi f’dan it-tunnellaġġ jistgħu jiġu awtorizzati b’deċiżjoni tal-Kummissjoni jekk il-kriterji rilevanti jiġu ssodisfati. |
|
27. |
Huwa ċertament veru li l-proċedura ma tidhirx li tinvolvi xi projbizzjoni sabiex isir ix-xogħol meħtieġ għal din iż-żieda fit-tunnellaġġ qabel ma tingħata awtorizzazzjoni. Lanqas, madanakollu, m’hija prekluża l-istennija għal awtorizzazzjoni qabel ma jiġi effettwat ix-xogħol. Tabilħaqq, din ta’ l-aħħar tista’ tidher għal ħafna li hija l-iktar approċċ prudenti, biex ma ngħidx l-iktar korretta. |
|
28. |
Jekk, kif ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Prim’Istanza, żieda fit-tunnellaġġ tas-sigurtà permezzz ta’ bini ta’ bastiment sostituttiv kienet eliġibbli għal awtorizzazzjoni, dan ifisser li kwalunkwe persuna li talbet awtorizzazzjoni għal din iż-żieda kjarament għandha interess li titlob l-annullament ta’ deċiżjoni li tiċħad dik l-awtorizzazzjoni. Bla dubju huwa veru li l-interess huwa iktar urġenti għal dawk li jkunu, fid-data tad-deċiżjoni, diġà kkommettew in-nefqa għall-bini in kwistjoni, iżda dan jeżisti għal kull wieħed minnhom. L-annullament tad-deċiżjoni jfisser, għal dawk kollha li t-talbiet tagħhom ġew miċħuda, li awtorizzazzjoni hija mill-ġdid possibbli, u tali awtorizzazzjoni, jekk tingħata, tfisser li kwalunkwe miżuri li jifdal li jittieħdu sabiex jinkiseb jew jintuża t-tunnellaġġ ta’ sigurtà miżjud issa jistgħu jittieħdu. L-ebda motiv ma tressaq fis-sentenza appellata sabiex issir distinzjoni bejn ir-rikorrenti abbażi ta’ sa liema punt kienu diġà antiċipaw awtorizzazzjoni qabel id-data tad-deċiżjoni kkontestata u l-ebda motiv bħal dan ma jidhirli li jeżisti. |
|
29. |
L-argumenti tal-Kummissjoni fis-sens li l-interess jista’ jiskadi matul il-proċedura u li l-interess tar-rikorrenti huwa bbażat fuq avveniment futur u ipotetiku għalhekk ma jistgħux jiġu aċċettati. |
Ir-rikorrenti kienu individwalment ikkonċernati?
|
30. |
Il-motiv l-ieħor li kien wassal lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddikjara r-rikorsi tar-rikorrenti bħala inammissibbli huwa li dawn ma kinux individwalment ikkonċernati skond l-Artikolu 230 KE. Il-Qorti tal-Prim’Istanza aċċettat li r-rikorrenti kollha kienu direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata u li d-dritt tal-proprjetà tal-bastimenti msemmija fl-Annessi kien biżżejjed biex jistabbilixxi li l-partijiet interessati kienu individwalment ikkonċernati, fejn saret distinzjoni fir-rigward tar-rikorrenti fl-appell biss minħabba l-fatt li l-bastimenti in kwistjoni kienu ‘fittizji’. |
|
31. |
Fil-fehma tiegħi hemm żewġ possibiltajiet dwar x’setgħet tfisser il-Qorti tal-Prim’Istanza b’din il-kelma. |
|
32. |
It-tifsira ordinarja ta’ ‘fittizja’ għandha x’taqsam ma’ xi ħaġa li mhijiex ġenwina jew li teżisti tabirruħha u għalhekk teżisti biss fl-immaġinazzjoni. Meta tiġi applikata għall-kawża preżenti, din timplika li r-rikorrenti ma ridux fir-realtà jissostitwixxu l-bastimenti oriġinali tagħhom b’bastimenti alternattivi li jinkorporaw tunnellaġġ ta’ sigurtà addizzjonali, jew li kienet sempliċement idea jew pjan vag li ma ngħata l-ebda effett li seta’ jiġi osservat. |
|
33. |
Fis-sentenza appellata ma hemm l-ebda konstatazzjoni ta’ fatt li ssostni fehma bħal din. Ma jistax jiġi dedott mis-sempliċi fatt li r-rikorrenti ma kinux għadhom, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, la bnew jew lanqas bdew jibnu l-bastimenti sostitutittivi maħsuba. |
|
34. |
L-interpretazzjoni alternattiva hija li, b’“fitizzji”, il-Qorti tal-Prim’Istanza sempliċement kellha l-intenzjoni li tindika li l-bastimenti ma kinux jeżistu. |
|
35. |
Huwa veru li, kif issostni l-Kummissjoni, jekk bastiment partikolari ġiex mibni jew le hija kwistjoni ta’ fatt li ma tistax tiġi suġġetta għal appell, ħlief jekk ikun hemm distorsjoni tal-provi mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Il-konklużjoni li għandha tiġi mnissla minn dan il-fatt (b’mod partikolari l-kwistjoni jekk il-fatt li bastiment ippjanat għadu ma nbeniex ifisser li rikorrent mhuwiex individwalment ikkonċernat) hija, madanakollu, kwistjoni ta’ dritt li tista’ tiġi appellata. |
|
36. |
Għall-istess raġunijiet, mutatis mutandis, kif ikkunsidrajt hawn fuq rigward l-interess li jitressqu proċeduri ( 17 ), jiena ma naċċettax li l-eżistenza jew id-dritt tal-proprjetà tal-bastimenti sostituttivi fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, fid-data meta jinbdew il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza jew fid-data tas-sentenza li qed tiġi appellata huwa l-kriterju korrett korrett biex jiġi stabbilit jekk ir-rikorrenti humiex individwalment ikkonċernati bid-deċiżjoni kkontestata. |
|
37. |
Matul is-seduta, il-Kummissjoni ppruvat tikkumpara lir-rikorrenti ma’ persuna li xi darba tista’ tixtri Ferrari. Din argumentat li din l-intenzjoni ma tagħmilx lil din il-persuna l-proprjetarju attwali (preżenti) ta’ Ferrari, u lanqas ma tindividwalizzaha biżżejjed biex hija tkun tista’ tikkontesta kwalunkwe deċiżjoni li tikkonċerna l-karrozzi Ferrari. Il-Kummissjoni hija għal kollox korretta rigward il-persuna li tittama li xi darba ssir proprjetarja ta’ Ferrari. Madanakollu, ix-xebh li qed tipprova tagħmel mas-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma jsostnix eżami bir-reqqa. |
|
38. |
Kif ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 42 sa 60 tas-sentenza tagħha, ir-rikorrenti kollha kienu individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata peress li huma kienu ppreżentaw applikazzjonijiet individuali għal awtorizzazzjoni għal tunnellaġġ ta’ sigurtà addizzjonali, peress li dawn l-applikazzjonijiet kienu ġew ippreżentati u eżaminati każ b’każ, u għaliex kienu ġew individwalment identifikati bħala l-proprjetarji tal-bastimenti elenkati fl-Anness II tad-deċiżjoni. |
|
39. |
Din is-sitwazzjoni ma tistax tiġi mqabbla ma’ dik ta’ individwu li jittama li xi darba jixtri Ferrari u li jipprova jikkontesta miżura ġenerali li tikkonċerna l-karrozzi Ferrari li tista’ tiffrustra l-ambizzjoni tiegħu. |
|
40. |
Il-Kummissjoni tkompli targumenta li filwaqt li bastiment għadu qed jiġi ddisinjat, id-dritt tal-propjetà tiegħu ma jistax jiġi attribwit lil xi persuna partikolari. Għalhekk, il-parti li sempliċement għandha l-pussess tal-pjanta ta’ bastiment partikolari f’mument partikolari ma tistax tkun individwalment ikkonċernata. Il-pjanti ppreżentati jistgħu (alternattivament jew addizzjonalment) sussegwentement jintużaw minn parti differenti. |
|
41. |
Fil-fehma tiegħi, dan l-argument huwa rrilevanti. |
|
42. |
Il-panti kollha, kemm jekk għal bastimenti ġodda jew għal modifikazzjonijiet għal bastimenti eżistenti, jistgħu jiġu kkupjati jew użati mill-ġdid b’diversi modi, bi jew mingħajr bidliet. Madanakollu, kif sostniet il-Kummissjoni stess matul is-seduta u kif jirriżulta b’mod ċar mill-kuntest ġuridiku, applikazzjonijiet għal tunnellaġġ ta’ sigurtà jiġu eżaminati każ b’każ. Jekk jiġi awtorizzat, it-tunnellaġġ ta’ sigurtà jingħata skond l-applikazzjoni korrispondenti. Kemm jekk l-istess pjanti huma sussegwentement użati jew addizzjonalment f’kuntest differenti, l-awtorizzazzjoni għal tunnellaġġ ta’ sigurtà addizzjonali tingħata lill-proprjetarju ta’ bastiment speċifiku partikolari. |
|
43. |
Jien nikkonkludi li, skond x’riedet tfisser bl-użu tal-kelma ‘fittizji’, il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha fuq klassifikazzjoni ġuridika żbaljata tal-fatti, jew applikat kriterju mhux korrett fid-dritt sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti kinux individwalment ikkonċernati. |
Konklużjoni dwar l-appell
|
44. |
Għar-raġunijiet mogħtija hawn fuq, jiena nikkonkludi li s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tiġi annullata safejn din tiddikjara li r-rikorsi tar-rikorrenti huma inammissibbli. |
Fuq il-mertu tar-rikors ippreżentat fil-Prim’Istanza
|
45. |
L-Artikolu 61 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fejn id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza tiġi annullata, hija stess tiddeċidi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. |
|
46. |
Normalment ma jkunx xieraq għall-Qorti tal-Ġustizzja, wara li tkun biddlet deċiżjoni dwar inammissibiltà, li tipproċedi sabiex teżamina l-mertu tal-kawża fil-prim’istanza. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, bħala definizjoni, l-argumenti dwar il-mertu ma jkunux ġew eżaminati mill-Qorti tal-Prim’Istanza, u għalhekk il-kawża ma tkunx fi stat li tiġi deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
47. |
Fil-kawża preżenti, madanakollu, peress illi l-ammissibbiltà tar-rikorsi tar-rikorrenti fl-appell hija aċċettata, m’hemm xejn li jagħmel distinzjoni bejnhom u d-19-il rikorrent l-ieħor. Peress li r-rikorsi kollha kienu jagħmlu parti minn serje komuni, ir-rikorrenti kollha kienu rrappreżentati mill-istess avukati, u l-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat l-argumenti kollha flimkien, u m’għamlet ebda distinzjoni bejn rikorrenti individwali. Hija waslet għad-deċiżjoni tagħha abbażi ta’ motivi li huma uniformament applikabbli għal dawn ir-rikorrenti kollha. |
|
48. |
L-analiżi fuq il-mertu li jinsab fis-sentenza appellata tista’ għalhekk tiġi applikata mingħajr modifika lir-rikorrenti, li tipproduċi preċiżament ir-riżultat li oriġninarjament kienu talbu. Is-sentenza għandha għalhekk tiġi annullata biss safejn iddikjarat ir-rikorsi tar-rikorrenti fl-appell bħala inammissibili. |
|
49. |
Peress li, madanakollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza limitat l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għall-annullament ta’ l-effett tagħha fuq il-bastimenti ta’ dawk ir-rikorrenti li r-rikorsi tagħhom kienu ġew iddikjarati ammissibbli, huwa meħtieġ ukoll għal din il-Qorti li tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/245/KE safejn din tapplika għall-bastimenti tar-rikorrenti fl-appell. Dan iqiegħed lir-rikorrenti fl-appell fl-istess pożizzjoni bħar-rikorrenti li rebħu l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u li issa qed jistennew deċiżjoni ġdida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tagħhom għal tunnellaġġ ta’ sigurtà. |
Spejjeż
|
50. |
Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li fil-ftehma tiegħi, l-argumenti fl-appell tal-Kummissjoni m’għandhomx jiġu aċċettati, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitluba mir-rikorrenti. |
Konklużjoni
|
51. |
Jien għalhekk tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l-4 ta’ April 2003 dwar l-applikazzjonijiet li rċeviet il-Kummissjoni sabiex iżżid l-għanijiet tal-programm multi-annwali ta’ gwida IV bil-għan li jiġu mtejba s-sigurtà, in-navigazzjoni fuq il-baħar, l-iġjene, il-kwalità tal-prodotti u l-kundizzjonjiet tax-xogħol għall-bastimenti ta’ tul ġenerali ta’ iktar minn tnax-il metru (ĠU L 90, p. 48).
( 3 ) Żieda fit-tunnellaġġ ta’ bastiment sabiex issir iktar tajjeb għan-navigazzjoni fuq il-baħar jew biex jiġu pprovduti kundizzjonijiet tax-xogħol iktar siguri għall-ekwipaġġ tagħha, mingħajr ma jiżdied it-tunnellaġġ disponibbli tagħha għal ġarr ta’ ħut.
( 4 ) Sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2006 Boyle et vs Il-Kummissjoni (T-218/03 sa T-240/03, Ġabra p. II-1699).
( 5 ) Punt 62 tas-sentenza appellata.
( 6 ) Ir-raba’ kawża, O’Neill Fishing Co. Ltd (Kawża T-239/03), ma kinitx parti minn dan l-appell.
( 7 ) Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 1997 dwar l-għanijiet u r-regoli dettaljati intiżi għar-ristrutturazzjoni tas-settur tas-sajd Komunitarju għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1997 u l-31 ta’ Diċembru 2001, bil-għan li jintlaħaq ekwilibriju sostenibbli bejn ir-riżorsi u l-isfruttament tagħhom (ĠU L 175, p. 27).
( 8 ) Iktar ’il quddiem “PMG”.
( 9 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 1997 li tapprova l-programm multi-annwali ta’ gwida tal-flotta tas-sajd ta’ l-Irlanda għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1997 u l-31 ta’ Diċembru 2001 (ĠU 1998, L 39, p. 41, iktar ‘il quddiem il-“PMG IV”).
( 10 ) Dan is-segment jinkludi bastimenti li għandhom għanijiet differenti u jinkludi bastimenti żgħar għal navigazzjoni qrib ix-xtajta, u bastimenti ta’ daqs medju jew ta’ daqs kbir għal barra mix-xtut l-ibħra li jimmiraw għal ħut abjad, ħut pelaġiku u molluski bivalvi: ara r-Rapport Annwali 2005 għall-Awtorità tal-Liċenzji għad-Dgħajjes tas-Sajd fl-Ibħra tad-Dipartiment tal-Komunikazzjonijiet, u Riżorsi Marini u Naturali ta’ l-Irlanda (iktar ’il quddiem ir-“Rapport Annwali ta’ l-2005”) f’p. 7, li hu disponibbli fuq l-internet f’http://www.dcmnr.gov.ie/NR/rdonlyres/1293CB76-B763-43A7-8AB9 F1F696245A28/0/LicensingAuthAnnRept051.pdf.
( 11 ) Dan is-segment jinkkludi bastimenti użati prinċipalment fis-sajd għal speċi pelaġiċi (primarjament l-aringa, il-kavall, is-sawrella u l-merlangu blu): ara r-Rapport Annwali 2005, p. 7.
( 12 ) Punt 42 sa 60 tas-sentenza appellata.
( 13 ) O’Neill Fishing Co. Ltd ma tagħmilx parti minn dan l-appell; ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.
( 14 ) Punt 134 tas-sentenza appellata.
( 15 ) Punti 102 sa 132 tas-sentenza appellata. Peress li l-istorja marittima għandha elenku twil u dieqi u ta’ swied il-qalb ta’ eżempji ta’ bastimenti “mmodifikati” u’jew “imtejba”, li sussegwentemnet kellhom problemi strutturali u għerqu fil-maltemp, forsi wieħed għandu jkun grat, għall-ġid tas-sajjieda, għall-konklużjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza waslet għaliha.
( 16 ) Ara, għal eżempju reċenti ta’ din il-ġurisprudenza, is-sentenza ta’ l-20 ta’ Settembru 2007, Salvat Père & Fils et vs Il-Kummissjoni (T-136/05, Ġabra p. II-4063, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitati fiha).
( 17 ) Ara l-punti 22 sa 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.