29.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/95


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għal Ewropa soċjali aktar b’saħħitha: l-isfruttament tal-benefiċċji kollha tad-diġitalizzazzjoni għall-futur tax-xogħol”

(COM(2021) 761 final)

u l-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi”

(COM(2021) 762 final)

(2022/C 290/16)

Relatur:

Cinzia DEL RIO

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 17.1.2022

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 4.5.2022

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

7.3.2022

Adottata fil-plenarja

23.3.2022

Sessjoni plenarja Nru

568

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

149/80/18

1.   Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-pandemija enfasizzat xi bidliet fid-dinja tax-xogħol, li diġà kienu għaddejjin, u aċċellerat l-espansjoni ta' kull tip ta' xogħol fuq il-pjattaformi, u b'hekk saħħet it-tkabbir u l-impatt tal-ekonomija diġitali.

1.2.

Il-KESE jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Direttiva dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi (COM(2021) 762), fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Dan l-intervent regolatorju għandu jkollu l-għan li jistabbilixxi definizzjonijiet ċari tal-kriterji għall-klassifikazzjoni tar-relazzjonijiet ta' impjieg u għar-regolamentazzjoni tal-użu tal-algoritmi, u għandu jipprovdi aċċess għall-protezzjonijiet u għad-drittijiet soċjali u tax-xogħol.

1.3.

Il-KESE diġà enfasizza f'għadd ta' Opinjonijiet preċedenti, li jibqgħu rilevanti għal din l-Opinjoni, l-opportunitajiet u l-isfidi li jakkumpanjaw ix-xogħol fuq il-pjattaformi, u l-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli ċari u ġusti sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fis-suq intern, implimentazzjoni effettiva tad-drittijiet tal-ħaddiema u kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba. L-għan ġenerali huwa li jiġi infurzat u li jissaħħaħ is-suq intern billi jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-atturi kollha.

1.4.

Il-KESE enfasizza li l-ekonomija tal-pjattaformi tipprovdi opportunitajiet kemm għan-negozji kif ukoll għall-ħaddiema. Il-kumpaniji jistgħu jilħqu swieq ġodda, inaqqsu l-ispejjeż, u jikkapitalizzaw fuq l-innovazzjonijiet fit-teknoloġiji diġitali u l-aċċess għall-forzi tax-xogħol globali u lokali biex itejbu l-effiċjenza u jsaħħu l-produttività. Il-ħaddiema għandhom opportunitajiet ġodda li jiġġeneraw l-introjtu u opportunitajiet ta' impjieg, li huma dejjem aktar importanti u saħansitra kruċjali għal gruppi vulnerabbli bħaż-żgħażagħ, il-migranti u n-nisa. Dawn l-opportunitajiet għandhom jiġu indirizzati b'mod soċjalment sostenibbli.

1.5.

It-tħassib espress relatat mal-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-ekonomija tal-pjattaformi jinkludi aċċess aktar limitat għall-protezzjoni soċjali u l-kopertura tas-sigurtà soċjali, ir-riskji għas-saħħa u s-sikurezza, ix-xogħol mhux sikur, il-ħinijiet tax-xogħol frammentati u l-livelli inadegwati ta' introjtu u d-diffikultajiet fl-iżgurar tar-rikonoxximent tad-drittijiet kollettivi. Dan it-tħassib jeħtieġ jiġi indirizzat u jeħtieġ jiġu żviluppati soluzzjonijiet ibbilanċjati f'livelli adegwati — Ewropej, nazzjonali u permezz ta' negozjar kollettiv li jinvolvi l-pjattaformi. Il-KESE jqis li jeħtieġ jiġi żgurat trattament indaqs bejn il-kumpaniji “tradizzjonali” u dawk li jużaw mezzi diġitali bbażati fuq il-funzjonijiet tal-ġestjoni algoritmika meta jintużaw għall-ġestjoni tal-organizzazzjoni tax-xogħol u r-relazzjonijiet tal-impjieg: direzzjoni, kontroll u/jew setgħa organizzattiva.

1.6.

Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali jvarjaw fid-daqs. Għall-SMEs tal-pjattaformi, jeżistu sfidi oħrajn, li jridu jitqiesu, inklużi sfidi relatati mal-ispejjeż b'rabta mal-piżijiet infrastrutturali u amministrattivi u mal-adattament għat-trasformazzjoni diġitali.

1.7.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-flessibbiltà fis-sigħat tax-xogħol tista' tkun karatteristika pożittiva tax-xogħol fuq il-pjattaformi, li ntlaqgħet b'mod partikolari minn dawk li jiddependu mix-xogħol fuq il-pjattaformi bħala sors addizzjonali ta' introjtu. Madankollu, il-flessibbiltà għandha dejjem tkun ibbażata fuq ir-rispett tal-istandards soċjali u tax-xogħol fundamentali ggarantiti mil-liġi tal-UE.

1.8.

Il-KESE jaqbel li l-klassifikazzjoni legali tar-relazzjoni tal-impjieg u d-distinzjoni ċara tagħha minn impjieg indipendenti ġenwin huma kruċjali biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali kemm għan-negozji kif ukoll għall-ħaddiema u biex jiġu żgurati d-drittijiet u l-protezzjonijiet tal-ħaddiema. Madankollu, din il-kwistjoni hija indirizzata b'mod differenti fi Stati Membri differenti. Id-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar oqsma speċifiċi, id-deċiżjonijiet tal-qorti b'segwitu għal tilwim industrijali, u l-ftehimiet kollettivi f'segmenti mmirati tax-xogħol fuq il-pjattaformi qed jikkawżaw frammentazzjoni tar-regolamentazzjoni eżistenti fl-UE u disparitajiet fil-mod kif il-ħaddiema tal-pjattaformi jiġu ttrattati fid-diversi Stati Membri. Jeħtieġ li jiġi identifikat l-impjegatur legalment responsabbli, kemm mil-lat ta' tassazzjoni u kontribuzzjonijiet soċjali, u bil-ħsieb li jiġu stabbiliti proċessi ta' negozjar kollettiv.

1.9.

L-Ewropa ma jistax ikollha approċċi regolatorji differenti għall-istess sfidi. Il-KESE jappoġġja l-għan tal-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni Ewropea li tindirizza dawn ir-regolamenti diversi ħafna fl-Istati Membri.

1.10.

Il-KESE jenfasizza li r-regoli l-ġodda tad-Direttiva għandhom ikunu bbażati fuq l-acquis soċjali tal-UE u għandhom jinkludu definizzjonijiet ċari, li ma għandhomx ikunu f'kunflitt mal-acquis legali, mal-ftehimiet kollettivi jew mal-ġurisprudenza tal-qrati fl-Istati Membri individwali. Id-Direttiva għandha tkun qafas legali ċar li għandu jiġi adattat fil-livell nazzjonali skont il-liġijiet u l-prattiki nazzjonali, u b'mod partikolari tinkoraġġixxi proċessi ta' negozjar kollettiv.

1.11.

Barra minn hekk, din l-Opinjoni tindirizza b'mod partikolari l-aspetti li ġejjin tad-Direttiva proposta:

Kriterji ta' klassifikazzjoni: il-KESE jenfasizza li l-kriterji ta' klassifikazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 4 tal-Proposta ma jirriflettux l-evoluzzjoni dinamika u rapida tas-suq diġitali u jeħtieġ li jiġu aġġornati b'mod kostanti, u dan jagħmilhom vagi u ambigwi. Ikun aktar xieraq li jiġi ddikjarat li l-preżunzjoni tal-impjieg topera favur ħaddiema individwali li jipprovdu xogħolhom u/jew is-servizzi tagħhom taħt il-funzjonijiet speċifiċi ta' direzzjoni, kontroll u/jew ta' setgħa organizzazzjonali mwettqa permezz ta' ġestjoni algoritmika eżerċitata mill-pjattaforma diġitali kkonċernata u għalhekk jiġu stabbiliti l-kriterji skont dawn il-funzjonijiet. Il-KESE jaqbel li l-pjattaformi għandhom il-possibbiltà li jirribattu l-preżunzjoni tal-impjieg.

1.12.

Il-KESE jindika li d-dimensjoni speċifika tal-ġestjoni algoritmika, li għandha influwenza sostanzjali fuq il-ħaddiema, tista' ma tapplikax għad-definizzjoni tal-preżunzjoni ta' relazzjoni tal-impjieg li tinvolvi professjonisti rreġistrati jew membri ta' assoċjazzjonijiet professjonali nazzjonali, fejn dawn jeżistu.

1.13.

Regoli dwar il-ġestjoni algoritmika: il-KESE jaqbel li l-ġestjoni algoritmika għandha impatt sinifikanti fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u għandha tkun trasparenti u responsabbli għall-ħaddiema u n-negozji. Il-ġestjoni algoritmika tissorvelja, tassenja l-kompiti, tipprovdi struzzjonijiet diretti li jillimitaw il-livell ta' awtonomija u tevalwa l-ħaddiema, inklużi l-prestazzjoni u l-imġiba tagħhom, kif ukoll il-qligħ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u tista' saħansitra twassal għal sensji. Id-Direttiva għandha tiddikjara b'mod espliċitu li d-drittijiet stabbiliti fil-Kapitolu 3 japplikaw għas-sitwazzjonijiet kollha fejn il-ġestjoni algoritmika tintuża f'kuntest ta' impjieg.

1.14.

Il-KESE jemmen li l-ħaddiema kollha tal-pjattaformi għandu jkollhom id-dritt garantit għall-portabbiltà tad-data u li jniżżlu d-data tagħhom mill-pjattaformi, inkluża d-data dwar il-ħiliet. Barra minn hekk, għandhom jiżdiedu dispożizzjonijiet ulterjuri sabiex jiġi eżerċitat id-dritt ta' rieżami ta' deċiżjoni awtomatizzata jew semiawtomatizzata. Id-deċiżjonijiet li jistgħu jkollhom impatt sostanzjali fuq ir-relazzjoni tax-xogħol għandhom jittieħdu mill-bnedmin. Il-KESE japprezza l-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tmur f'din id-direzzjoni.

1.15.

Il-KESE jisħaq fuq l-importanza ta' infurzar effettiv permezz ta' kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data u l-ispettorati tax-xogħol u l-ħtieġa li jiġi ċċarat fejn jinsabu r-responsabbiltajiet, inkluż f'sitwazzjonijiet transfruntiera.

1.16.

Drittijiet kollettivi: il-KESE jenfasizza li l-Artikolu 14 tad-Direttiva għandu jirreferi b'mod espliċitu għat-trade unions, li għandhom id-dritt ta' negozjar kollettiv. Barra minn hekk, id-drittijiet ta' informazzjoni u konsultazzjoni u d-dritt ta' negozjar kollettiv għandhom jiġu estiżi għall-ħaddiema kollha tal-pjattaformi.

1.17.

Id-Direttiva għandha tiżgura proċessi ta' terminazzjoni ġusti għall-ħaddiema tal-pjattaformi u proċeduri ta' informazzjoni u konsultazzjoni f'każ ta' sensji kollettivi.

1.18.

F'konformità mal-miri tal-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa, il-KESE jenfasizza l-importanza ta' taħriġ u informazzjoni adegwati għall-ħaddiema tal-pjattaformi, li jistgħu jkunu disponibbli b'diversi lingwi, dwar kif jużaw u jaħdmu fil-pjattaforma kkonċernata, u dwar it-titjib tal-ħiliet diġitali tagħhom.

2.   Introduzzjoni — Il-kuntest

2.1.

Il-pandemija tal-COVID-19 aċċellerat l-użu tax-xogħol fuq il-pjattaforma diġitali, u ħarġet aktar fid-dieher xi bidliet fid-dinja tax-xogħol li diġà kienu għaddejjin. Il-KESE diġà saħaq fuq kif l-ekonomija tal-pjattaformi tipprovdi opportunitajiet kemm għan-negozji kif ukoll għall-ħaddiema. Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali li jiffaċilitaw ix-xogħol malajr ippenetraw għadd ta' setturi ekonomiċi. Il-kumpaniji jistgħu jilħqu swieq ġodda, inaqqsu l-ispejjeż, u jikkapitalizzaw fuq l-innovazzjonijiet fit-teknoloġiji diġitali u l-aċċess għall-forzi tax-xogħol globali u lokali biex itejbu l-effiċjenza u jsaħħu l-produttività. Il-ħaddiema għandhom opportunitajiet ġodda li jiġġeneraw l-introjtu u opportunitajiet ta' impjieg, li huma dejjem aktar importanti u saħansitra kruċjali għal gruppi vulnerabbli bħaż-żgħażagħ, il-migranti u n-nisa.

2.2.

Madankollu, hemm ukoll sfidi marbuta mad-drittijiet tal-ħaddiema, it-tassazzjoni, id-distribuzzjoni tal-ġid u s-sostenibbiltà, li jeħtieġ jiġu indirizzati fil-livell Ewropew (1). Ix-xogħol fuq il-pjattaformi qed isir element importanti tal-mappa produttiva l-ġdida tal-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-iżvilupp diġitali u t-tranżizzjoni diġitali. Il-KESE diġà enfasizza l-opportunitajiet u r-riskji f'għadd ta' Opinjonijiet preċedenti (2), li huma rilevanti għal din l-Opinjoni, u talab intervent regolatorju fil-livell Ewropew b'definizzjonijiet ċari tal-kriterji għall-klassifikazzjoni tar-relazzjonijiet tax-xogħol, li jirregolaw l-użu tal-algoritmi, u li jipprovdu aċċess għall-protezzjonijiet u għad-drittijiet soċjali u tax-xogħol.

2.3.

Il-pożizzjoni ekonomika dgħajfa ta' bosta ħaddiema li joperaw fuq firxa wiesgħa ta' pjattaformi tax-xogħol diġitali żżid ir-riskji għas-saħħa u s-sikurezza (3) u l-prekarjetà tal-impjiegi (4), fenomenu li huwa diffiċli li jiġi ddefinit fi ħdan konfini ġeografiċi nazzjonali preċiżi u speċifiċi. Barra minn hekk, fil-biċċa l-kbira tas-sistemi legali tal-UE, qed jiddgħajfu l-mekkaniżmi ta' protezzjoni ġenerali u ta' protezzjoni soċjali għall-ħaddiema mhux standard u atipiċi.

2.4.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-flessibbiltà fis-sigħat tax-xogħol tista' tkun karatteristika pożittiva ta' xogħol fuq il-pjattaformi, li ntlaqgħet b'mod partikolari minn dawk li jiddependu fuq ix-xogħol fuq il-pjattaformi bħala sors addizzjonali ta' introjtu, b'mod partikolari ż-żgħażagħ. Madankollu, il-flessibbiltà għandha dejjem tkun ibbażata fuq ir-rispett tal-istandards soċjali u tax-xogħol fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-UE u tista' tiġi regolata mil-liġi nazzjonali jew minn ftehimiet kollettivi abbażi tal-qafas legali rilevanti tal-UE. Dan huwa partikolarment meħtieġ għal żgħażagħ li għandhom perjodi ta' xogħol frammentati, livelli baxxi u inadegwati ta' introjtu u li jeħtieġ li jiġbru l-kontribuzzjonijiet soċjali tagħhom għall-pensjonijiet futuri tagħhom (5).

2.5.

In-natura differenti tar-relazzjonijiet ta' impjieg li jirriżultaw u jiżviluppaw fuq il-pjattaformi tax-xogħol diġitali f'kull Stat Membru ma twassalx għal soluzzjoni nazzjonali uniformi fir-rikonoxximent tal-protezzjoni soċjali meħtieġa, il-miżuri ta' saħħa u sikurezza okkupazzjonali meħtieġa, livelli ta' introjtu adegwati, ħin tax-xogħol adegwat u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti. Dawn il-forom differenti ta' relazzjonijiet tax-xogħol, u ta' protezzjoni individwali u kollettiva baxxa fil-livell nazzjonali huma mmultiplikati fil-livell tal-UE, u b'hekk jinħolqu kundizzjonijiet għad-dumping soċjali u għall-kompetizzjoni inġusta li jheddu l-effettività proprja tal-istandards Ewropej u nazzjonali tal-protezzjoni tax-xogħol.

2.6.

Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali jistgħu jiġu kklassifikati f'żewġ kategoriji wiesgħa: pjattaformi online ibbażati fuq l-internet u pjattaformi bbażati fuq il-post ġeografiku. Dawn ivarjaw fid-daqs. Għall-SMEs tal-pjattaformi, jeżistu sfidi oħrajn, li jridu jitqiesu, inklużi sfidi relatati mal-ispejjeż b'rabta mal-piżijiet infrastrutturali u amministrattivi u mal-adattament għat-trasformazzjoni diġitali.

2.7.

In-numru ta' persuni li jaħdmu għal impjegaturi li jużaw pjattaformi online qed jiżdied b'mod kostanti, mhux biss fl-Unjoni Ewropea, iżda fid-dinja (6). Kif urew l-ILO u l-Eurofound, l-isfidi għan-negozji tradizzjonali jinkludu kompetizzjoni inġusta minn pjattaformi, li wħud minnhom mhumiex soġġetti għal tassazzjoni konvenzjonali u regolamenti oħrajn relatati mal-forzi tax-xogħol tagħhom. Barra minn hekk, ammont konsiderevoli ta' ġurisprudenza wera li xi mudelli ta' negozju tal-pjattaformi jibnu l-vantaġġ kompetittiv tagħhom billi jfittxu li jevitaw regolamenti applikabbli, kemm jekk ikunu leġiżlazzjoni soċjali, ambjentali jew ekonomika (7). Din l-istrateġija ma twassalx għal sostenibbiltà ekonomika fit-tul u hija ta' detriment għall-kompetizzjoni ġusta, b'mod partikolari bejn il-kumpaniji ta' pjattaformi kbar u mikro jew żgħar.

2.8.

Bit-tranżizzjoni diġitali, appoġġjata bil-qawwa mill-UE, fil-futur aktar setturi u professjonijiet se jiġu affettwati mill-mudell ta' “pjattaformi online”. Il-KESE enfasizza kemm-il darba (8) li regolazzjoni tajba tas-suq intern għandha tiġi infurzata u msaħħa billi jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-atturi kollha, u li jeħtieġ li d-diġitalizzazzjoni tkun ta' benefiċċju għall-ħaddiema u l-kumpaniji. Huwa essenzjali li jiġi żviluppat qafas regolatorju li jiżgura ambjenti u kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri, ġusti u tajbin għas-saħħa permezz ta' sistema ta' drittijiet, responsabbiltajiet u dmirijiet definiti b'mod ċar.

2.9.

Il-ħaddiema kollha għandhom id-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u deċenti. Dan huwa prinċipju fundamentali tad-dritt internazzjonali tax-xogħol u tad-dritt tal-Unjoni. Il-ħaddiem għandu d-dritt, f'konformità mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2019/1152, li jiġi infurmat mill-impjegatur dwar l-elementi essenzjali tal-kuntratt tax-xogħol jew tar-relazzjoni tal-impjieg. Il-ħaddiema impjegati minn pjattaforma jridu jkunu soġġetti għall-istess dispożizzjonijiet tal-liġi tax-xogħol bħal dawk fis-seħħ fil-pajjiż fejn jiġi pprovdut is-servizz.

2.10.

Għalhekk, il-kwistjoni ewlenija hija d-definizzjoni ċara ta' “impjegat” u d-distinzjoni ċara tagħha minn “ħaddiem li jaħdem għal rasu”. L-effikaċja u l-effettività tal-qafas regolatorju kollu tal-abbozz tad-Direttiva jiddependu miċ-ċarezza ta' dawn id-definizzjonijiet. L-istudji msemmijin (9) juru li f'ħafna każijiet il-ħaddiema jintalbu jirreġistraw bħala ħaddiema għal rashom, u l-isfida hija li jiġi evitat impjieg indipendenti fittizju. Il-ħaddiema għandhom jiksbu l-informazzjoni meħtieġa biex ikunu jistgħu jagħżlu jekk iridux li jkunu ġenwinament ħaddiema għal rashom jew le. L-istudju tal-Kummissjoni Ewropea msemmi fir-Rapport ta' Valutazzjoni tal-Impatt tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi juri li huwa stmat li 5,5 miljun ħaddiem tal-pjattaforma huma kklassifikati b'mod żbaljat bħala ħaddiema għal rashom.

2.11.

Il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni legali tar-relazzjonijiet tal-impjieg hija indirizzata b'mod differenti fl-Istati Membri. Ir-riskju ta' żbalji fil-klassifikazzjoni legali tar-relazzjonijiet tal-impjieg huwa dovut l-aktar għall-iskarsezza tal-leġiżlazzjoni fis-sistemi legali nazzjonali u n-nuqqas ta' ċarezza legali. S'issa, l-ebda Stat Membru ma indirizza b'mod komprensiv il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni legali tax-xogħol fuq il-pjattaformi. Xi Stati Membri (l-Italja, Spanja u Franza) għażlu leġiżlazzjoni settorjali li tiffoka fuq il-pjattaformi tat-trasport u tal-konsenji. Għadd kbir ta' Stati Membri (il-Belġju, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, in-Netherlands u l-Iżvezja) ippruvaw jiċċaraw ir-relazzjonijiet tax-xogħol ta' klassifikazzjoni inċerta permezz ta' leġiżlazzjoni, atti amministrattivi jew ġurisprudenza, iżda dawn jirreferu għal sitwazzjonijiet ġenerali tas-suq tax-xogħol u ma jqisux l-ispeċifiċitajiet tax-xogħol fuq il-pjattaformi. Fl-Italja u fi Spanja, in-negozjar kollettiv kellu rwol importanti bi ftehimiet u protokolli speċifiċi li antiċipaw dispożizzjonijiet legali speċifiċi.

2.12.

L-opinjoni li s-sistema regolatorja eżistenti fil-livell nazzjonali, fid-diversi pajjiżi tal-UE, attwalment mhijiex adatta għar-regolamentazzjoni tad-diversi profili tax-xogħol permezz ta' pjattaformi diġitali, hija kkonfermata minn kważi 100 tilwima legali mressqa mill-ħaddiema u/jew mir-rappreżentanti tal-union tagħhom, u fid-diversità tas-soluzzjonijiet ipprovduti mill-ġurisprudenza ta' ħafna pajjiżi Ewropej, maqsuma bejn dawk li jaffermaw mill-ġdid in-natura ta' impjieg indipendenti li tikkaratterizza r-relazzjoni tal-impjieg u n-numru dejjem jiżdied ta' dawk li jirrikonoxxu n-natura tal-impjieg tagħha, mingħajr ma jiġu esklużi dawk li jqiegħdu dan il-każ speċifiku f'sitwazzjoni legali intermedja (10). Għalkemm dawn il-proċeduri spiss wasslu għal riżultati kontradittorji, dawn jikkonċernaw l-aktar is-servizzi tal-konsenja u tas-sewwieqa (servizzi ta' pjattaforma fuq il-post) u l-parti l-kbira tagħhom jaqblu li jiddefinixxu n-nies li jaħdmu fuq il-pjattaformi bħala impjegati (b'mod partikolari fis-setturi tat-trasport u tal-konsenji, li probabbilment huma dawk li fihom hemm l-aktar protezzjoni kuntrattwali u tal-unions).

2.13.

Kwistjoni ewlenija oħra tirrigwarda l-impatt tal-ġestjoni algoritmika fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol, li hija inerenti fil-mudell ta' negozju tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali (11). Għandha tingħata attenzjoni biex jiġu żgurati t-trasparenza u r-responsabbiltà fir-rigward tal-algoritmi għall-ħaddiema u n-negozji.

2.14.

Stati Membri individwali ħadu miżuri biex itejbu din is-sitwazzjoni billi jimplimentaw inizjattivi leġiżlattivi li jindirizzaw speċifikament il-ġestjoni tal-algoritmi fuq il-post tax-xogħol, (IT, ES). Sadanittant, għadd ta' Stati Membri (AT, BE, CY, CZ, DK, EE, FI, DE, IE, LV, LT, LU, NL, SV) jindirizzaw il-ġestjoni tal-algoritmi billi jieħdu miżuri fil-qafas tal-politiki dwar il-privatezza, il-protezzjoni tad-data u n-nondiskriminazzjoni. Ittieħdu deċiżjonijiet pertinenti tal-qorti f'diversi pajjiżi (FR, IT, NL, PL u LU) (12). Minħabba l-frammentazzjoni tar-regolamentazzjoni eżistenti fi ħdan l-UE, il-pjattaformi tax-xogħol diġitali li joperaw f'pajjiżi differenti jibqgħu wkoll soġġetti għal regolamentazzjonijiet differenti. Minħabba n-natura flessibbli, mobbli u li qed tevolvi malajr tal-ekonomija tal-pjattaformi, dan in-nuqqas ta' approċċ komuni se joħloq diffikultajiet fiż-żamma ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fost l-Istati Membri.

2.15.

F'dan il-kuntest, l-inizjattiva tal-istituzzjonijiet Ewropej għandha tintlaqa' b'sodisfazzjon, b'referenza speċifika għall-pakkett ta' miżuri ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea fid-9 ta' Diċembru 2021 għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fuq pjattaformi, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. L-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi l-urġenza li jiġu indirizzati d-disparitajiet fit-trattament bejn l-Istati Membri, tindirizza l-aspetti problematiċi deskritti hawn fuq u tressaq Proposta Regolatorja b'Direttiva.

3.   Konsiderazzjonijiet ġenerali

3.1.

Il-KESE jaqbel mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tfassal Proposta għal Direttiva, b'kamp ta'' applikazzjoni li jestendi għal xogħol ibbażat fuq il-pjattaformi żviluppat kemm permezz ta' pjattaformi online (eż. servizzi legali, servizzi ta' traduzzjoni, freelancers, eċċ.) kif ukoll permezz ta' pjattaformi bbażati fuq il-post, li jirrikjedu li l-ħaddiem jipprovdi servizz fiżiku (eż. taxis, konsenji, servizzi tad-dar). Kif iddikjarat b'mod ċar fil-premessa 49 tal-Proposta għal Direttiva, il-ħtieġa għal Direttiva aktar milli strumenti legali mhux vinkolanti hija ġġustifikata mid-diversità estrema ta' sitwazzjonijiet, kundizzjonijiet tax-xogħol u leġiżlazzjoni f'kull Stat Membru, b'mod partikolari fir-rigward tal-iżgurar ta' kopertura formali u attwali, u l-adegwatezza u t-trasparenza tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali, speċjalment peress li l-Istati Membri jipprevedu livelli differenti ta' protezzjoni soċjali. L-għadd kbir u dejjem jikber ta' kawżi u sentenzi tal-qorti favur il-klassifikazzjoni ta' dan ix-xogħol bħala impjieg huwa turija ċara tal-fatt li l-kwistjoni mhijiex regolata b'mod ċar biżżejjed anke fi ħdan is-sistemi legali nazzjonali individwali. Għalhekk, l-objettiv li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol permezz ta' pjattaformi diġitali ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti minn kull Stat Membru waħdu iżda, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jista' jintlaħaq aħjar fil-livell tal-UE.

3.2.

Bir-raġun, il-Proposta għal Direttiva tinnota fil-Premessa 9 li “meta l-pjattaformi diġitali joperaw f'diversi Stati Membri, spiss ma jkunx ċar minn fejn qed jitwettaq ix-xogħol fuq pjattaforma diġitali u minn min. Barra minn hekk, l-awtoritajiet nazzjonali ma għandhom l-ebda aċċess faċli għad-data dwar il-pjattaformi tax-xogħol diġitali, pereżempju dwar l-għadd ta' persuni li jwettqu xogħol permezz ta' pjattaformi diġitali, is-sitwazzjoni tal-impjieg tagħhom u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Dan jagħmel l-implimentazzjoni tar-regoli rilevanti aktar kumplessa, anke fir-rigward tal-liġi tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali”. Il-KESE diġà indika (13) li jkun meħtieġ li jiġi stabbilit reġistru ta' pjattaformi f'kull Stat Membru u bażi tad-data madwar l-Ewropa ta' pjattaformi kbar u żgħar.

3.3.

Dawn l-inċertezzi legali f'xi sitwazzjonijiet jistgħu jiffavorixxu l-ħolqien u l-proliferazzjoni ta' forom ta' xogħol mhux iddikjarati u sitwazzjonijiet deplorabbli ta' sfruttament u kompetizzjoni bejn il-ħaddiema stess, li jistgħu jkunu taħt xi prattiki ta' sottokuntrattar illegali. Dawn il-ħaddiema spiss ikunu migranti, li huma oġġettivament dgħajfa u mhumiex konxji tad-drittijiet minimi ta' protezzjoni previsti. Id-Direttiva proposta ma fihiex dispożizzjoni dwar is-sottokuntrattar, u għalhekk lil dawk il-ħaddiema tal-pjattaformi ma toffrilhom l-ebda protezzjoni kontra dawk il-prattiki (14).

3.4.

Madankollu, it-test tal-proposta tal-Kummissjoni, huwa vag, ġeneriku u ambigwu fuq għadd ta' punti. Dan ma jirriflettix l-objettivi tal-protezzjoni u l-garanzija tad-drittijiet soċjali u tax-xogħol iddikjarati b'mod ċar fil-premessi, b'mod partikolari, id-definizzjoni ta' ħaddiem li jopera permezz ta' pjattaformi diġitali (l-Artikoli 2 u 5) u d-drittijiet kemm tal-ħaddiema kif ukoll tar-rappreżentanti tal-union għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni (l-Artikolu 9, li, madankollu, jagħmel referenza espliċita biss għad-Direttiva 2002/14/KE). Bħala punt preliminari, għandu jkun innotat li l-Proposta għal Direttiva ta' spiss tkun ugwali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema mal-prinċipju tal-libertà li wieħed imexxi negozju. Id-drittijiet tal-ħaddiema u l-libertajiet fundamentali għandhom jiġu protetti b'mod adegwat, f'konformità mal-leġiżlazzjoni u f'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

3.5.

Il-KESE jqis li huwa meħtieġ li d-Direttiva tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-sigurtà soċjali bbażati fuq il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, anke fir-rigward ta' ħaddiema simili u komparabbli impjegati fl-istess settur. Dan jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' protezzjoni kuntrattwali uniformi għas-setturi u jiġġieled il-forom ta dumping soċjali u fiskali.

3.6.

Il-KESE jilqa' l-isforzi proposti tal-Kummissjoni għal appoġġ għall-kondiviżjoni ta' prattiki tajba fil-kuntest tal-programm ta' tagħlim reċiproku tagħha, kif ukoll għal appoġġ għall-attivitajiet tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol fi ħdan il-mandat tagħha; sabiex tappoġġa lill-Istati Membri fl-applikazzjoni tar-regoli ta' koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali u tipprovdi gwida dwarhom, fejn meħtieġ u permezz ta' programmi tal-UE (bħal Orizzont Ewropa) (15).

3.7.

Il-KESE jemmen li l-abbozz tad-Direttiva għandu jistabbilixxi kriterji u prinċipji ta' referenza ċari biex jiggwidaw lil dawk li jfasslu l-liġijiet nazzjonali u biex jinkoraġġixxu n-negozjar kollettiv sabiex jiġu stabbiliti regoli li jipprovdu ċertezza, sigurtà u prevedibbiltà għal ambjent ta' produzzjoni diġitalizzat ħafna. Dawn ir-regoli għandhom joħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn il-pjattaformi tax-xogħol diġitali u l-fornituri tas-servizzi offline. Dawn m'għandhomx ikunu f'kunflitt mal-acquis legali, m'għandhomx ibiddlu l-kontenut u l-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli li jiddefinixxu n-natura tal-impjieg ta' relazzjoni ta' servizz f'konformità mal-liġijiet nazzjonali, il-ftehimiet kollettivi, is-sistemi ta' klassifikazzjoni nazzjonali jew il-ġurisprudenza tal-qrati tal-Istati Membri individwali, u m'għandhomx idgħajfu l-kompetizzjoni ġusta bejn il-kumpaniji.

3.8.

Il-KESE jqis ukoll li huwa meħtieġ li jiġi żgurat trattament ugwali bejn il-kumpaniji “tradizzjonali” u dawk li jużaw mezzi ta' kontroll diġitali bbażati fuq il-ġestjoni algoritmika tad-data, abbażi ta' kompetizzjoni trasparenti u ġusta bejniethom, li tiċċara l-istatus tal-impjegati għall-ħaddiema li jipprovdu servizzi u/jew iwettqu attivitajiet f'dawn is-setturi. Il-KESE jilqa' wkoll l-għan tal-Kummissjoni li tiċċara l-pożizzjoni ta' dawk li ġenwinament jaħdmu għal rashom u tappoġġjahom. “Meta jkun meħtieġ, dawk li jaħdmu għal rashom se jirċievu wkoll appoġġ biex jiċċaraw l-istatus tagħhom.” Id-Direttiva hija mistennija li tikkonferma darba għal dejjem l-awtonomija ta' dawk li jaħdmu għal rashom u tappoġġja l-kapaċità tagħhom li jisfruttaw il-possibbiltajiet intraprenditorjali tagħhom, eż. billi jiżviluppaw il-bażi ta' klijenti tagħhom. Dawk li diġà ġenwinament jaħdmu għal rashom se jibqa' jkollhom il-benefiċċji relatati mal-istatus tal-impjieg tagħhom (16).

3.9.

Għalhekk huwa kruċjali li l-kamp ta' applikazzjoni (fl-Artikolu 1) jittejjeb u jsir inqas ambigwu, biex jiġi żgurat li d-Direttiva tapplika għall-pjattaformi diġitali kollha li jipprovdu provvista medjata ta' ħaddiema. Huwa meħtieġ li jiġi identifikat b'mod ċar l-impjegatur reali u legalment responsabbli anke mil-lat ta' kontribuzzjonijiet tat-taxxa u soċjali u bil-ħsieb li jiġu stabbiliti proċessi ta' negozjar kollettiv, li jqisu l-ispeċifitajiet ta' pjattaformi mikro u żgħar.

Ir-referenza għall-kunċett ta' organizzazzjoni tax-xogħol imwettaq mill-individwi tista' twassal għall-esklużjoni mhux mixtieqa ta' ċerti pjattaformi diġitali.

4.   Kapitolu 4 — Konsiderazzjonijiet speċifiċi

4.1.

F'din l-Opinjoni, l-aspetti li ġejjin tal-Proposta għal Direttiva se jiġu analizzati b'mod partikolari:

—

il-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala impjegat

—

il-ġestjoni tal-algoritmi

—

id-drittijiet kollettivi

4.2.   Il-kriterji ta' klassifikazzjoni

4.2.1.

L-Artikolu 4 tal-Proposta jistabbilixxi l-kriterji li abbażi tagħhom tiġi stabbilita l-preżunzjoni tal-impjieg tar-relazzjoni tax-xogħol. Il-KESE jinnota li l-kriterji proposti għandhom jirriflettu d-dinamika tas-suq diġitali, u l-evoluzzjoni tal-mudelli ta' negozju u tal-metodi ta' ħidma, u li jkollhom bżonn jiġu aġġornati b'mod kostanti. B'dispjaċir ninnotaw li l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4 għadhom fil-biċċa l-kbira espressjonijiet ta' forom differenti ta' kontroll eżerċitati mill-pjattaforma diġitali fuq l-attività tax-xogħol tal-impjegat. Il-KESE jemmen li l-ankraġġ tal-protezzjoni tax-xogħol mal-eżerċizzju tal-kontroll ma jkoprix u ma jikkoreġix b'mod adegwat l-iżbilanċ tas-setgħa bejn il-pjattaforma u l-ħaddiema.

4.2.2.

Barra minn hekk, l-Artikolu 4 tal-proposta jħalli wisq setgħa diskrezzjonali lill-pjattaformi biex jiddeċiedu — peress li l-preżunzjoni tal-impjieg hija marbuta mal-preżenza ta' mill-inqas żewġ kriterji minn ħamsa — iżda f'kuntest li qed jevolvi b'mod kostanti, ikun faċli li dawn il-kriterji jiġu evitati. Il-KESE jemmen li status ta' impjieg definit b'mod ċar, anke għal dawk li jaħdmu ftit sigħat, jiggarantixxi d-dritt għall-protezzjoni soċjali, is-saħħa u s-sikurezza, id-dritt għall-organizzazzjoni u d-dritt għal negozjar kollettiv fir-rigward tas-sigħat tax-xogħol imwettqa, u b'hekk jiggarantixxi l-flessibbiltà meħtieġa.

4.2.3.

Il-kriterji għandhom jindirizzaw b'mod aktar puntwali r-riskju ta' standards 'l isfel tax-xogħol. Għal dan il-għan, ikun mixtieq li jkun hemm kriterju uniku għall-preżunzjoni tal-impjieg li jista' jiġi kkonfutat mill-pjattaforma abbażi tal-Artikolu 5, li jqiegħed l-oneru tal-prova inversa fuq il-pjattaforma diġitali, u b'hekk juri n-natura tal-impjieg indipendenti tar-relazzjoni tax-xogħol. Il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li għandhom ikunu l-pjattaformi li jirribattu l-preżunzjoni tal-impjieg.

4.2.4.

Tabilħaqq, il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom u r-relazzjonijiet ġenwini ta' impjieg indipendenti, li għalihom ma hemm l-ebda definizzjoni fid-Direttiva, għandhom jiġu protetti b'mod adegwat ukoll. Hemm ħafna forom differenti ta' xogħol fuq il-pjattaformi, li ma jistgħux jaqgħu f'kategorija waħda. Hemm forom ta' xogħol li jistgħu jitqiesu simili għall-impjieg u hemm forom ta' xogħol li jeħtieġu professjonisti tas-sengħa, anke ħaddiema b'livell għoli ta' ħiliet, li f'xi pajjiżi huma komparabbli ma' dawk li huma elenkati fir-reġistri professjonali jew li huma membri ta' assoċjazzjonijiet professjonali nazzjonali. Id-dimensjoni speċifika tal-ġestjoni algoritmika, li għandha influwenza sostanzjali fuq il-ħaddiema, tista' ma tapplikax għad-definizzjoni tal-preżunzjoni ta' relazzjoni tal-impjieg li tinvolvi professjonisti rreġistrati jew membri ta' assoċjazzjonijiet professjonali nazzjonali, fejn dawn jeżistu.

4.2.5.

Għalhekk ikun aktar xieraq li jiġi ddikjarat li l-preżunzjoni tal-impjiegi fil-qasam tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali topera favur il-ħaddiema individwali li jipprovdu x-xogħol u/jew is-servizzi tagħhom taħt il-ġestjoni, il-kontroll u/jew is-setgħa organizzazzjonali ta' pjattaforma diġitali li tuża l-ġestjoni algoritmika.

Il-pjattaformi għandhom ikunu jistgħu jirribattu din il-preżunzjoni ta' impjieg billi jagħtu prova li ma jeżerċitaw l-ebda setgħa kummerċjali ta' organizzazzjoni, anke indiretta jew impliċita, fuq il-forniment tas-servizz/tax-xogħol mill-ħaddiem (17).

4.2.6.

Argument komuni fis-sentenzi tal-qorti li jirrikonoxxi n-natura tal-impjieg tar-relazzjoni tax-xogħol — u, tabilħaqq, maħruġ minn qrati nazzjonali għoljin — huwa li l-pjattaforma, u b'mod aktar speċifiku l-ġestjoni tal-algoritmi, teżerċita bis-sħiħ forma ta' sorveljanza fuq it-twettiq tas-servizz eżegwit mill-ħaddiem. Dan, fil-fatt, jindika li s-servizz imwettaq mix-xogħol huwa integrat bis-sħiħ fin-negozju tal-pjattaforma. Dan l-element fih innifsu jsaħħaħ il-ħtieġa li tiġi bbilanċjata s-setgħa ta' kontroll imsemmija hawn fuq billi jiġu pprovduti garanziji individwali u kollettivi adegwati lill-ħaddiema kollha li jipprovdu x-xogħol u/jew is-servizzi tagħhom permezz ta' pjattaformi diġitali.

5.   Kummenti speċifiċi u rakkomandazzjonijiet dwar il-ġestjoni tal-algoritmi

5.1.

Il-ġestjoni algoritmika tipproċessa ammont sinifikanti ta' data, tissorvelja, tassenja il-kompiti, tipprovdi struzzjonijiet diretti li jillimitaw il-livell ta' awtonomija, u tevalwa l-ħaddiema, inklużi l-prestazzjoni u l-imġiba tagħhom, kif ukoll il-qligħ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u tista' saħansitra twassal għal sensji. Il-KESE jilqa' l-fatt li l-abbozz ta' Direttiva jadotta l-prinċipji tal-GDPR — Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, u b'konsistenza mal-Artikolu 9 tal-GDPR, id-Direttiva għandha tipprojbixxi b'mod ċar l-ipproċessar ta' data personali sensittiva, inklużi opinjonijiet politiċi u sħubija fi trade unions. Id-Direttiva għandha tiddikjara b'mod espliċitu li d-drittijiet stabbiliti fil-Kapitolu 3 japplikaw fil-każijiet kollha ta' ġestjoni tal-algoritmi, ukoll meta l-pjattaforma jirnexxilha turi li ma jeżerċitaw ebda setgħa kummerċjali ta' organizzazzjoni, anke indiretta jew impliċita, fuq il-forniment tas-servizz min-naħa tal-ħaddiem, u għalhekk, il-preżunzjoni mill-pjattaforma li ma hemm l-ebda relazzjoni tal-impjieg.

5.2.

Is-sistemi użati mill-pjattaformi tax-xogħol diġitali spiss jiddependu fuq elementi ta' intelliġenza artifiċjali (IA). Peress li l-pjattaformi se jkollhom jirrispettaw kemm id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva kif ukoll l-Att dwar l-IA (regolament tas-suq tal-prodotti), il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tagħmel kontroreferenza għad-Direttiva proposta u għall-Att dwar l-IA, u viċe versa, sabiex jiġu evitati jew iċċarati inkonsistenzi u lakuni possibbli.

5.3.

Il-KESE jinkoraġġixxi għal darb'oħra (18) lill-Kummissjoni biex tiċċara r-responsabbiltajiet tal-partijiet kollha involuti fi kwistjonijiet bħas-saħħa u s-sikurezza, il-protezzjoni tad-data, l-assigurazzjoni u r-responsabbiltà legali, bil-għan li jiġu vvalutati, aġġustati u armonizzati r-regolamenti eżistenti. Il-KESE diġà nnota li l-algoritmi użati mill-pjattaformi għandhom jiġu kkonsidrati wkoll bl-istess mod bħall-istruzzjonijiet mitkellma jew miktuba f'xogħol konvenzjonali (19).

5.4.

Id-dritt għar-rieżami ta' deċiżjoni awtomatizzata jew semiawtomatizzata huwa milqugħ ħafna. Madankollu, il-KESE jemmen li biex dan id-dritt jiġi eżerċitat b'mod prattiku, il-Kummissjoni għandha żżid dispożizzjonijiet li jirrikjedu li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali: (a) jiżviluppaw l-algoritmi u s-sistemi tagħhom skont il-prinċipju “sikur sa mid-disinn” u (b) skont ir-raġunament tal-Att propost dwar l-IA, jipprevedu dispożizzjonijiet li jirrikjedu li l-pjattaformi tax-xogħol diġitali jgħaddu minn valutazzjoni tal-konformità tal-algoritmi tagħhom, mhux biss qabel ma jużawhom iżda wkoll matul il-forniment ta' xogħol/jew servizz min-naħa tal-ħaddiem. Il-valutazzjoni tal-konformità għandha titwettaq b'approċċ multidixxiplinari sabiex tiġi promossa valutazzjoni konġunta mill-esperti nnominati mit-trade unions, mill-pjattaforma u mill-awtoritajiet tax-xogħol, tal-protezzjoni soċjali u minn awtoritajiet rilevanti oħra. Meta jinħoloq kunflitt fir-rieżami ta' deċiżjoni assistita mill-algoritmu, il-ħaddiema għandu jkollhom il-possibbiltà li jkollhom aċċess għal arbitraġġ indipendenti.

5.5.

Madankollu, il-KESE jemmen li l-Artikolu 8 għandu jipprevedi li l-ħaddiem jista' jiġi rrappreżentat mit-trade union f'każ ta' rieżami uman ta' deċiżjoni sinifikanti.

5.6.

Peress li l-mudell ta' xogħol fuq il-pjattaformi jiddependi minn rieżami tal-klijenti, il-ħaddiema tal-pjattaformi għandu jkollhom il-kapaċità li jittrasferixxu u jużaw ir-rieżamijiet, bħala element ewlieni tad-data, bejn il-pjattaformi. Il-KESE jemmen li d-dritt għall-portabbiltà tad-data għandu jiġi garantit għall-ħaddiema kollha tal-pjattaformi. Aktar importanti minn hekk, id-Direttiva għandha tiggarantixxi l-kapaċità tagħhom li jużaw il-profil tagħhom, inklużi l-ħiliet, biex jiksbu impjieg barra mill-ekonomija tal-pjattaforma.

5.7.

Is-suċċess tal-Proposta tal-Kummissjoni se jiddependi mill-infurzar effettiv tagħha. Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data u l-awtoritajiet tax-xogħol hija meħtieġa mill-Proposta għal Direttiva. Madankollu, il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li l-Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Data f'diversi pajjiżi ma għandhomx il-kompitu li jwettqu analiżijiet fil-fond tal-kwistjonijiet tax-xogħol, u viċe versa, b'mod partikolari fir-rigward tas-sorveljanza u r-rimedju. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiċċara aktar l-allokazzjoni tal-kompetenzi, inklużi kunsiderazzjonijiet transfruntiera, u tqis l-ispettorati tax-xogħol.

6.   Drittijiet kollettivi

6.1.

Fil-kapitolu dwar l-infurzar, l-Artikolu 14 tad-Direttiva jirreferi għar-rappreżentanti tal-ħaddiema u mhux għat-trade unions. Din hija kwistjoni kritika peress li huwa importanti li ssir referenza espliċita għar-rappreżentanti tat-trade unions, sabiex jiġi evitat li jinħolqu trade unions ta' konvenjenza u li l-ħaddiema jingħataw drittijiet għal rappreżentanza kollettiva, anke fil-każ ta' tilwima.

6.2.

Il-KESE jinnota li d-Direttiva tipprovdi drittijiet ta' informazzjoni u konsultazzjoni. Madankollu, l-Artikolu 9 jirreferi biss għad-Direttiva 2002/14/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali. Għandha ssir ukoll referenza diretta għad-Direttiva 2001/23/KE dwar it-trasferimenti ta' impriżi, id-Direttiva 98/59/KE dwar is-sensji kollettivi u għad-Direttiva 2009/38/KE dwar il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet. Il-KESE jinnota li l-Artikolu 10, li jestendi d-drittijiet tax-xogħol stabbiliti fil-Kapitolu 3 tad-Direttiva għall-ħaddiema kollha tal-pjattaformi (anke għal dawk li ma għandhomx relazzjoni tal-impjieg) jeskludi d-drittijiet ta' informazzjoni u konsultazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 9. Din id-deroga ma tistax tiġi ġġustifikata. Hija meħtieġa definizzjoni aktar ċara tad-drittijiet ta' informazzjoni u konsultazzjoni sabiex jiġi appoġġjat in-negozjar kollettiv, li huwa dritt li jrid jiġi rikonoxxut ukoll għall-ħaddiema kollha tal-pjattaformi (20).

6.3.

Il-KESE jenfasizza li d-drittijiet tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-union tal-ħaddiema (Artikolu 9) għandhom jiġu garantiti, anki fir-rigward tal-parametri, ir-regoli u l-istruzzjonijiet li jirfdu l-algoritmi jew is-sistemi ta' intelliġenza artifiċjali li jinfluwenzaw it-teħid ta' deċiżjonijiet jew l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet li jistgħu jaffettwaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-aċċess għax-xogħol u l-preservazzjoni tal-impjiegi, inkluż it-tfassil ta' profili.

6.4.

Il-KESE jinnota li l-ħaddiema tal-pjattaformi għandhom jirċievu taħriġ adegwat u speċifiku disponibbli f'diversi lingwi Ewropej dwar kif jużaw u jaħdmu fil-pjattaforma u għandhom jiġu mħarrġa fil-ħiliet diġitali rilevanti. Kif ġie enfasizzat f'Opinjoni preċedenti (21), l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021–2027 għandha tiżgura djalogu soċjali effettiv u konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, rispett u infurzar tad-drittijiet tax-xogħol u d-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni, u l-kapaċità tal-ħaddiema li jiżviluppaw il-ħiliet diġitali u tal-intraprenditorija tagħhom, b'mod partikolari permezz tal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET), it-tagħlim għall-adulti u t-taħriġ għall-impjegati, sabiex jitnaqqsu d-diskrepanzi fil-ħiliet li jiffaċċjaw il-kumpaniji.

6.5.

Kif iddikjarat f'Opinjoni preċedenti, b'rabta mal-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda bħal robots u magni intelliġenti, il-KESE jenfasizza fl-istudju tiegħu l-importanza li jinforma u jikkonsulta lir-rappreżentanti tal-ħaddiema minn qabel u l-ħtieġa ta' negozjar kollettiv biex jakkumpanja l-bidliet iġġenerati minn dawn it-teknoloġiji (22). Il-KESE jindika wkoll li d-Direttiva dwar il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet tagħmel din il-konsultazzjoni obbligatorja (23).

6.6.

In-negozjar jikkonċerna wkoll in-negozjar kollettiv settorjali, li jikkostitwixxi parti kbira mid-definizzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema, iżda ma hemm l-ebda referenza għal ftehimiet settorjali fil-Proposta għal Direttiva.

6.7.

L-iżgurar ta' proċessi ta' terminazzjoni ġusti għall-ħaddiema tal-pjattaformi u l-aċċess għal mekkaniżmi indipendenti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim huma objettivi importanti li għandhom jiġu inklużi f'qafas regolatorju. Il-Proposta għal Direttiva tirreferi biss għal sensji individwali, filwaqt li għandha tindirizza wkoll il-kwistjoni ta' proċeduri ta' informazzjoni u konsultazzjoni fil-każ ta' sensji kollettivi, b'referenza għal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE (24).

Brussell, it-23 ta’ Marzu 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 286, 16.7.2021, p. 70, il-punt 2.7.

(2)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 173; ĠU C 220, 9.6.2021, p. 1; ĠU C 194, 12.5.2022, p. 50; ĠU C 517, 22.12.2021, p. 61; ĠU C 286, 16.7.2021, p.70.

(3)  JRC COLLEEM II Survey (L-istħarriġ COLLEEM II tal-JRC — mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Studju tal-Kummissjoni (2021).

(5)  Forum Ewropew taż-Żgħażagħ — Position paper on Platform work Dokument ta' pożizzjoni dwar ix-xogħol fuq il-pjattaformi — mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  Rapport tal-ILO The role of digital labour platforms in transforming the world of work (Ir-rwol tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali fit-trasformazzjoni tad-dinja tax-xogħol — mhux disponibbli bil-Malti); Rapport tal-EUROFOUND 2018; Dokument tal-persunal tal-KE — data dwar in-numri u l-fatturat li ttriplikaw bil-pandemija (skont id-data tal-ILO, fl-UE ġie rreġistrat fatturat ta' EUR 12-il biljun fl-2020); Rapport finali tas-CEPS 2021; Pjattaformi tax-Xogħol Diġitali fl-UE; Studju tal-ETUI 2021; The definition of worker in the platform economy: exploring workers' risks and regulatory solutions (Id-definizzjoni ta' ħaddiem fl-ekonomija tal-pjattaformi: l-esplorazzjoni tar-riskji tal-ħaddiema u s-soluzzjonijiet regolatorji — mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  ĠU C 123, 9.4.2021, p. 1, il-punt 3.2.7.

(8)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 1; ĠU C 123, 9.4.2021, p. 1; ĠU C 286, 16.7.2021, p. 70; ĠU C 367, 10.10.2018, p. 15.

(9)  Ara n-nota 6 f’qiegħ il-paġna.

(10)  Fost is-sentenzi favur in-natura tal-impjieg tar-relazzjoni tax-xogħol, huwa biżżejjed li wieħed ifakkar, bħala eżempju: is-sentenza tal-Qorti Franċiża tal-Kassazzjoni (Chambre sociale, Nru 374 tal-4 ta' Marzu 2020), li rrikonoxxiet in-natura tal-impjieg tax-xogħol imwettaq minn sewwieq tal-Uber; is-sentenza tal-Qorti Suprema Spanjola (Tribunal Superior de Justicia de Madrid, Sala de lo Social, Sentencia 40/2020 tas-17 ta' Jannar 2020), li rrikonoxxiet in-natura tal-impjieg tar-relazzjoni tax-xogħol bejn is-sewwieqa u l-pjattaforma Deliveroo; is-sentenza tal-Qorti ta' Barċellona, tat-13 ta' Jannar 2021, li rrikonoxxiet in-natura tal-impjiegi tar-relazzjoni tal-impjieg ta' 748 sewwieq. Skont din is-sentenza tal-aħħar, huwa meħtieġ li jiġu eżaminati indiċijiet ġodda li fuqhom għandha tiġi bbażata d-deċiżjoni dwar in-natura tar-relazzjoni, u b'hekk jiġi konkluż li l-flessibbiltà ta' kull siegħa hija, fi kwalunkwe każ, ir-riżultat ta' għażla li għandha l-għan li tidentifika l-aktar perjodi ta' żmien profittabbli għall-kumpanija u ċertament mhuwiex immirat lejn il-preservazzjoni ta' konċiljazzjoni aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għar-rikkieba u li għalhekk ir-rikkieba għandhom jitqiesu bħala impjegati. Minbarra dawn is-sentenzi, dawk Belġjani, Taljani u Netherlandiżi ddeċidew li r-relazzjoni tax-xogħol hija impjieg indipendenti abbażi tar-relativizzazzjoni tal-libertà allegata tar-rikkieba fit-twettiq konkret tas-servizz.

(11)  Studju tal-Kummissjoni biex jappoġġja l-valutazzjoni tal-impatt fuq it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi.

(12)  Studju tal-Kummissjoni biex jappoġġja l-valutazzjoni tal-impatt fuq it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi

(13)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 173, il-punt 1.15.

(14)  Rapport tal-Fairwork (2021); Fairwork response to the European Commission’s Proposal for Directive on Platform Work (Rispons tal-Fairwork għall-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Direttiva dwar ix-Xogħol fuq il-Pjattaformi — mhux disponibbli bil-Malti).

(15)  Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni.

(16)  9.12.2021 COM(2021) 761 final, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għal Ewropa soċjali aktar b'saħħitha: l-isfruttament tal-benefiċċji kollha tad-diġitalizzazzjoni għall-futur tax-xogħol p. 10; il-kaxxa 'l isfel fil-paġna.

(17)  Ara d-definizzjoni fil-Premessa 30 tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar il-liġi tal-kompetizzjoni u n-negozjar kollettiv: (iii) tinvolvi, bħala komponent meħtieġ u essenzjali, l-organizzazzjoni tax-xogħol imwettaq mill-individwi, irrispettivament minn jekk dak ix-xogħol ikunx qed isir online jew f’post partikolari. Pjattaformi li ma jorganizzawx ix-xogħol tal-individwi iżda sempliċiment jipprovdu mezz li permezz tiegħu l-persuni waħedhom li jaħdmu għal rashom jistgħu jilħqu lill-utenti finali, ma jikkostitwixxux pjattaformi tax-xogħol diġitali. Pereżempju, pjattaforma li sempliċiment taggrega u turi l-fornituri tas-servizzi disponibbli (eż. plumbers) f'żona speċifika, u b'hekk tippermetti lill-klijenti jużaw is-servizzi tagħhom fuq talba, mhijiex meqjusa bħala pjattaforma tax-xogħol diġitali, peress li ma torganizzax ix-xogħol tal-fornituri tas-servizzi.

(18)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 173.

(19)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 173, il-punt 1.8.

(20)  ĠU C 123, 9.4.2021, p. 1, il-punt 3.2.8.

(21)  ĠU C 286, 16.7.2021, p. 27.

(22)  Studju tal-KESE (2017).

(23)  ĠU L 122, 16.5.2009, p. 28.

(24)  Direttiva 98/59/KE; Direttiva 2001/23/KE.


ANNESS

Il-kontropinjoni li ġejja nċaħdet waqt id-diskussjoni iżda rċeviet tal-inqas kwart tal-voti mixħuta (Artikolu 43(2) tar-Regoli ta’ Proċedura):

EMENDA 1

SOC/709

Pakkett dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol — xogħol fuq il-pjattaformi

Ibdel l-Opinjoni kollha:

1.   Konklużjonijiet

1.1.

Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali jippromovu servizzi innovattivi u mudelli ġodda ta’ negozju u joħolqu ħafna opportunitajiet għall-konsumaturi, in-negozji, il-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom. Il-kunċett tal-pjattaformi diġitali jkopri firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, servizzi, kompiti u mudelli ta’ negozju. Dan ifisser li soluzzjoni waħda tajba għal kulħadd tista’ ssir ostaklu għall-innovazzjoni u l-investiment fit-twaqqif u l-iżvilupp tal-pjattaformi diġitali fl-UE.

1.2.

Il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu indirizzati wħud mill-isfidi li jeżistu b’rabta max-xogħol fuq il-pjattaformi diġitali. Madankollu, kwalunkwe regolament dwar ix-xogħol fuq il-pjattaformi għandu jitfassal b’tali mod li tinżamm il-flessibbiltà bħala motivatur kritiku, mentri jiġu pprovduti s-salvagwardji essenzjali għall-protezzjoni adegwata tal-ħaddiema, fid-dawl ukoll tal-fatt li għal ħafna individwi x-xogħol fuq il-pjattaformi huwa attività komplementari (1). Huwa għalhekk li l-KESE b’mod ġenerali jappoġġja l-approċċ użat mill-KE fil-Pakkett dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, jiġifieri l-użu ta’ strumenti differenti biex jinħoloq l-ambjent favorevoli meħtieġ li jippermetti kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba tal-pjattaformi diġitali. Jinħtieġ ukoll li jkun hemm aċċess adegwat għall-protezzjoni soċjali u l-kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sikurezza permezz tal-implimentazzjoni adatta taż-żewġ Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill (2) f’dan ir-rigward.

1.3.

Għalkemm id-determinazzjoni korretta tar-relazzjoni tal-impjieg hija waħda mill-kwistjonijiet ewlenin u jeħtieġ li tiġi indirizzata l-possibbiltà ta’ klassifikazzjoni żbaljata, din il-kwistjoni tikkonċerna biss minoranza ta’ ħaddiema tal-pjattaformi, kif enfasizzat ukoll miċ-ċifri tal-Kummissjoni li jindikaw li 5,5 miljun ħaddiem tal-pjattaformi minn total ta’ 28,8 miljun ħaddiem jistgħu jkunu f’riskju ta’ klassifikazzjoni ħażina tal-istatus tal-impjieg tagħhom.

1.4.

Madankollu, il-KESE jqis li ħafna mill-kwistjonijiet koperti mill-abbozz ta’ Direttiva diġà ġew indirizzati f’leġiżlazzjoni eżistenti jew futura tal-UE, jiġifieri l-protezzjoni tad-data, id-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni, eċċ. Dan ifisser li l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti jeħtieġ li tissaħħaħ u tittejjeb fejn meħtieġ. Direttiva ġdida li tirrepeti d-drittijiet eżistenti toħloq biss konfużjoni u frammentazzjoni tal-acquis tal-UE. Jekk ikun hemm bżonn ta’ kjarifiki, li jiġu identifikati fil-proċess ta’ implimentazzjoni, l-aġġustamenti għandhom isiru fl-atti rispettivi tal-UE. F’dan ir-rigward, il-KESE jfakkar lill-istituzzjonijiet tal-UE li, speċjalment issa, l-UE teħtieġ regolamentazzjoni intelliġenti reali u kontrolli tal-kompetittività, li jippermettu lin-negozji jinnovaw, jikbru u joħolqu l-impjiegi u l-valur miżjud għas-soċjetà u l-ekonomija tagħna.

1.5.

Sabiex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali u jiġi evitat tilwim bla bżonn, għandha ssir enfasi fuq il-kjarifika tar-regoli u d-definizzjonijiet nazzjonali eżistenti dwar l-istatus tal-ħaddiema u jiġu rispettati r-regoli li jippermettu l-awtonomija tal-intraprendituri u forom oħra ta’ persuni li jaħdmu għal rashom. Definizzjoni legali tal-UE ta’ “ħaddiem” u “ħaddiem tal-pjattaforma li jaħdem għal rasu” ma tkunx adatta jew effettiva, peress li ma tistax tirrispetta l-mudelli differenti fl-Istati Membri u tlaħħaq mal-iżviluppi dinamiċi fis-swieq tax-xogħol. Tali definizzjoni iżżid il-konfużjoni u l-inċertezza legali u ddgħajjef id-definizzjonijiet nazzjonali billi tintroduċi definizzjoni speċifika għal grupp limitat ta’ ħaddiema tal-pjattaformi diġitali.

1.6.

Sors ieħor ta’ konfużjoni huwa t-tentattiv tad-Direttiva li tkopri kemm il-ħaddiema kif ukoll dawk li jaħdmu għal rashom, billi tintroduċi żewġ definizzjonijiet separati għal “persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi” u “ħaddiema tal-pjattaformi”. It-taħlit ta’ kategoriji differenti ta’ suġġetti, koperti mid-Direttiva, u l-għoti ta’ settijiet differenti ta’ drittijiet u obbligi joħolqu wkoll inċertezzi legali u kumplessità.

1.7.

Ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni biex il-linja bejn l-impjieg indipendenti ġenwin u l-impjieg tiċċajpar billi jinħolqu regoli li jkollhom impatt fuq l-intraprendituri/dawk li jaħdmu għal rashom abbażi tal-Artikolu 153 tat-TFUE, li bl-ebda mod mhuwa bażi ġuridika adatta għar-regolazzjoni tar-relazzjonijiet bejn in-negozji.

1.8.

Il-preżunzjoni proposta fl-abbozz ta’ Direttiva tiddikjara li ladarba jiġu ssodisfati 2 mill-5 kriterji, kwalunkwe relazzjoni kuntrattwali għandha tkun legalment preżunta bħala relazzjoni ta’ impjieg. Fl-istess ħin, għadd tajjeb tal-kriterji proposti fl-Artikolu 4(2) jinkludi klawżoli standard B2B, pereżempju (a) [limiti massimi għall--paga u t-tariffi] u (c) [verifika tal-kwalità tar-riżultati], (d) [il-ħinijiet tax-xogħol] u (e) [possibbiltà li tinbena bażi ta’ klijenti]. Dan ifisser li anke persuni li ġenwinament jaħdmu għal rashom jistgħu jiġu kklassifikati b’mod żbaljat bħala impjegati u mbagħad ikollhom jikkonfutaw din il-preżunzjoni jekk ikunu jridu jkomplu jipprattikaw l-attivitajiet tagħhom. L-istatus ta’ persuni li jaħdmu għal rashom jista’ jiġi kkonfermat biss fil-qorti jew fi proċedimenti amministrattivi, li jimponi piż amministrattiv bla bżonn fuq il-partijiet kollha, inklużi l-awtoritajiet.

1.9.

L-istabbiliment ta’ mekkaniżmu għall-konfutazzjoni tal-preżunzjoni legali joħloq konfużjoni u x’aktarx inaqqas iċ-ċarezza legali peress li mekkaniżmu simili diġà ġie stabbilit fid-Direttiva dwar Kondizzjonijiet tax-Xogħol Trasparenti u Prevedibbli (3) bħala waħda mill-għażliet għall-Istati Membri.

1.10.

Minflok l-issodisfar ta’ żewġ kriterji minn ħamsa, il-KESE jqis li valutazzjoni tal-kriterji għad-definizzjoni tal-eżistenza ta’ status ta’ impjegat fil-livell tal-Istati Membri u f’konformità mal-ġurisprudenza tal-QĠUE hija t-triq ’il quddiem. F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ l-isforzi proposti mill-Kummissjoni biex tappoġġja l-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba.

1.11.

Il-KESE jqis li sett separat ta’ regoli dwar kwistjonijiet relatati max-xogħol fuq il-pjattaformi u l-ġestjoni algoritmika la huwa adatt u lanqas meħtieġ. Ir-regoli eżistenti fir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) (4) u l-Att dwar l-IA futur se jipprovdu wkoll lill-ħaddiema b’varjetà ta’ drittijiet fir-rigward tad-data personali tagħhom flimkien ma’ sett komprensiv ta’ rekwiżiti ta’ ġestjoni tar-riskju, sorveljanza umana u trasparenza biex jittaffew ir-riskji għas-saħħa u s-sikurezza u d-drittijiet fundamentali. Għalhekk, għandhom jiġu evitati sovrapożizzjonijiet u duplikazzjonijiet bla bżonn.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Fil-proċess ta’ trasformazzjoni rapida tal-ekonomija u tal-intrapriżi, id-diġitalizzazzjoni għandha rwol strateġiku ewlieni, tant li hija mifruxa fis-setturi kollha tal-attività, u tkopri ċ-ċiklu kollu tal-katina tal-valur tal-prodotti u s-servizzi, u tinvolvi kemm intrapriżi kbar kif ukoll intrapriżi żgħar u mikro. Il-konsegwenzi għad-dinja tax-xogħol, li jirriżultaw minn forom ġodda ta’ xogħol u forom ġodda ta’ organizzazzjoni tan-negozju, huma sinifikanti kemm fir-rigward tan-natura tagħhom kif ukoll tal-veloċità li biha jseħħu l-bidliet.

2.2.

Il-pjattaformi tax-xogħol diġitali jistgħu jqabblu b’mod effiċjenti l-provvista u d-domanda għax-xogħol u joffru possibbiltajiet biex wieħed jgħix jew jaqla’ introjtu addizzjonali. Għall-konsumaturi dan ifisser aċċess imtejjeb għal prodotti u servizzi li inkella jkun diffiċli biex jinkisbu, kif ukoll aċċess għal għażla ġdida u aktar varjata ta’ servizzi (5). Madankollu, minbarra l-opportunitajiet, ix-xogħol fuq il-pjattaformi diġitali, bħala parti integrali minn forom ta’ xogħol li qed jevolvu, joħloq sfidi possibbli li jistgħu jeħtieġu soluzzjonijiet adattati.

2.3.

L-istatus tas-suq tax-xogħol tal-ħaddiema tal-pjattaformi huwa kwistjoni ewlenija li ġiet indirizzata mill-Istati Membri u fil-ġurisprudenza nazzjonali tagħhom. Dan l-iżvilupp ħoloq għadd ta’ regoli u sentenzi differenti bbażati fuq kunċetti, mudelli u definizzjonijiet nazzjonali differenti, u b’hekk sempliċement jirrifletti u jirrispetta s-sistemi u l-prattiki nazzjonali tas-suq tax-xogħol. Għandha ssir enfasi fuq il-kjarifika tar-regoli u d-definizzjonijiet nazzjonali eżistenti dwar l-istatus tal-ħaddiema u għandhom jiġu rispettati r-regoli li jippermettu l-awtonomija tal-intraprendituri u forom oħra ta’ persuni li jaħdmu għal rashom. F’dan ir-rigward, jistgħu jiġu promossi wkoll azzjonijiet fil-livell Ewropew, bħall-iskambji ta’ informazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet. Barra minn hekk, l-imsieħba soċjali għandhom rwol importanti x’jaqdu kif ukoll il-pjattaformi stess. Kwalunkwe qafas regolatorju jista’ jiġi adattat fil-livell adatt, mingħajr ma jiddgħajfu l-prattiki u l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jiffunzjonaw tajjeb. Fejn meħtieġ, il-protezzjoni għall-ħaddiema tal-pjattaformi għandha tittejjeb.

3.   Kummenti ġenerali dwar il-Proposta għal Direttiva

3.1.

Fid-9 ta’ Diċembru, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet sett ta’ miżuri biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi u biex tappoġġja t-tkabbir sostenibbli tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali fl-UE (6). L-Opinjoni SOC/709 tas-Sezzjoni SOC li ġiet adottata fis-7 ta’ Marzu 2022 tindirizza biss il-Proposta għal Direttiva dwar it-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi. Għalhekk, din il-kontropinjoni tiffoka wkoll fuq din il-Proposta.

3.2.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-iżviluppi reċenti tal-ekonomija tal-pjattaformi tax-xogħol ġabu magħhom sfidi ġodda għal dawk li jaħdmu permezz tagħhom. Kif tinnota l-Kummissjoni, dawn jistgħu jvarjaw minn nuqqas ta’ trasparenza u prevedibbiltà tal-arranġamenti kuntrattwali għall-isfidi tas-saħħa u s-sikurezza, il-klassifikazzjoni żbaljata tal-istatus tal-impjieg, jew l-aċċess inadegwat għall-protezzjoni soċjali (7) kif ukoll l-isfidi tal-ġestjoni algoritmika fix-xogħol tal-pjattaformi.

3.3.

Madankollu, il-Proposta għal Direttiva mhijiex l-istrument it-tajjeb biex jiġu indirizzati l-isfidi. Barra minn hekk, jidher ċar li l-enfasi ewlenija tal-Proposta hija fuq l-attivitajiet ta’ dawk li jagħmlu l-konsenji, ir-rikkieba u s-servizzi b’ħiliet aktar baxxi mwettqa fuq il-post b’mod ġenerali, u dan jinjora l-fatt li l-varjetà ta’ xogħol fuq il-pjattaformi hija ħafna akbar. Ir-Regolament propost bl-ebda mod mhuwa adattat għal dawk li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi għal xogħol online. Barra minn hekk, ma jitqisux l-effetti possibbli tal-leġiżlazzjoni tal-UE fuq il-pjattaformi online li jistgħu jwasslu s-servizzi tagħhom minn barra l-UE (8). It-telf u r-rilokazzjoni possibbli ta’ dawn l-attivitajiet barra mill-UE (eż. ir-Renju Unit) għandhom tal-anqas jiġu evalwati.

3.4.

L-isfidi għandhom jiġu indirizzati primarjament bl-użu, u fejn meħtieġ, bit-tisħiħ tal-implimentazzjoni tar-regolamenti u l-prattiki eżistenti. Barra minn hekk, hemm potenzjal kbir għal azzjonijiet li għandhom jitwettqu mill-pjattaformi stess flimkien mal-imsieħba lokali u l-imsieħba soċjali. Din hija xi ħaġa li l-Kummissjoni għandha tappoġġja.

3.5.

Definizzjoni legali tal-UE ta’ “ħaddiem” u “ħaddiem tal-pjattaforma li jaħdem għal rasu” ma tkunx adatta jew effettiva, peress li ma tkunx kapaċi tirrispetta l-mudelli differenti fl-Istati Membri u tlaħħaq mal-iżviluppi dinamiċi fis-swieq tax-xogħol. Din sempliċement iżżid il-konfużjoni u l-inċertezza legali u ddgħajjef id-definizzjonijiet nazzjonali billi tintroduċi definizzjoni speċifika għal grupp limitat ta’ ħaddiema.

4.   Kummenti speċifiċi dwar il-Proposta għal Direttiva

4.1.   Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet

4.1.1.

Hemm riskju ċar li l-kamp ta’ applikazzjoni u d-definizzjonijiet tal-Proposta għal Direttiva jkopru firxa ferm usa’ tal-attivitajiet tal-pjattaformi diġitali milli maħsub. Il-mira ewlenija tal-Proposta għal Direttiva tidher li hija l-attivitajiet b’livell baxx ta’ ħiliet, iżda d-definizzjonijiet u l-kriterji proposti jkunu jkopru l-kategoriji kollha ta’ xogħol fuq il-pjattaformi, anke meta jitwettqu minn persuni li ġenwinament jaħdmu għal rashom.

4.2.   Determinazzjoni korretta tal-istatus fl-impjieg u l-preżunzjoni legali

4.2.1.

Il-KESE jaqbel li l-Istati Membri għandu jkollhom il-mekkaniżmi meħtieġa biex jiżguraw “determinazzjoni korretta tal-istatus fl-impjieg tal-persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi diġitali (…)”. Madankollu, il-KESE għandu dubji serji fir-rigward tal-qafas propost għall-preżunzjoni legali ta’ relazzjoni ta’ impjieg jekk jiġu ssodisfati tnejn mill-ħames kriterji elenkati fid-Direttiva.

4.2.2.

Il-KESE jqis li l-kriterji b’mod speċjali dawk fil-punti (a) [limiti massimi għall-paga u t-tariffi], u (c) [verifika tal-kwalità tar-riżultati], (d) [ħinijiet tax-xogħol] u (e) [possibbiltà li tinbena bażi ta’ klijenti] regolarment jintużaw f’kuntratti bejn negozju u ieħor (B2B) u jwasslu għal sitwazzjoni fejn dawk li ġenwinament jaħdmu għal rashom ikunu soġġetti għall-preżunzjoni ta’ impjieg u għaldaqstant jkunu mġiegħla jsiru impjegati.

4.2.3.

Dan l-approċċ jikkontradixxi l-prattika tal-valutazzjoni ġenerali tal-kriterju tar-relazzjoni tal-impjieg applikata mill-ġurisprudenza fl-Istati Membri. Barra minn hekk, kif iddikjarat hawn fuq, il-ħaddiema tal-pjattaformi awtomatikament jiġu kklassifikati bħala impjegati u dan jelimina l-għażla tal-individwu li jkun ħaddiem għal rasu. It-tfixkil tal-attività intraprenditorjali m’għandu jkun fl-interess ta’ ħadd. Fid-dawl tal-fatt li l-maġġoranza tal-ħaddiema tal-pjattaformi jqisu lilhom innifishom u jridu li jitqiesu bħala persuni li jaħdmu għal rashom, dan l-approċċ imur saħansitra kontra d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali bħad-dritt li jagħżlu okkupazzjoni, id-dritt li jaħdmu u l-libertà ta’ intrapriża.

4.2.4.

Fid-dawl tad-diversità tas-sistemi nazzjonali tas-suq tax-xogħol, it-tradizzjonijiet u l-ġurisprudenza tal-liġi tax-xogħol kif ukoll id-definizzjonijiet differenti, eż. fil-liġi tax-xogħol u fis-sistemi tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali, hemm riskju li l-ħames kriterji tal-Proposta għal Direttiva ma jirriflettux b’mod adegwat ir-realtà kumplessa ta’ diversi sitwazzjonijiet. Minflok l-issodisfar ta’ żewġ kriterji minn ħamsa, il-KESE jippreferi valutazzjoni ġenerali tal-kriterji għad-definizzjoni tal-eżistenza ta’ status ta’ impjegat bħala approċċ applikabbli b’mod ġenerali fl-Istati Membri u fil-ġurisprudenza tal-QĠUE.

4.3.   Possibbiltà li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni legali

4.3.1.

Il-KESE jqis il-possibbiltà li l-preżunzjoni legali tiġi kkonfutata bħala strument li x’aktarx joħloq aktar problemi milli jiċċara sitwazzjonijiet legali kumplessi. L-istabbiliment ta’ dan il-mekkaniżmu joħloq konfużjoni fir-rigward tal-fatt li mekkaniżmu simili diġà huwa inkluż fid-direttiva dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli bħala waħda mill-għażliet għall-Istati Membri.

4.3.2.

Il-possibbiltà li tiġi kkonfutata l-preżunzjoni legali ma twassalx għal bilanċ ġust bejn il-partijiet tal-proċess ta’ konfutazzjoni peress li — bl-oneru tal-prova għan-naħa tal-pjattaforma — il-preżunzjoni legali, kif definita mill-ħames kriterji, tkun diffiċli li tiġi kkontestata fil-prattika. Fid-dawl tad-diversità tad-definizzjonijiet nazzjonali, il-ħames kriterji u r-rilevanza tagħhom x’aktarx li jiġu interpretati b’modi differenti fl-Istati Membri u b’hekk dan iwassal għal taħlita aktar kumplessa ta’ ġurisprudenza fl-Ewropa. Peress li dan il-proċess jista’ jiġi segwit kemm fil-qrati li jittrattaw kwistjonijiet tal-liġi tax-xogħol kif ukoll fil-qrati amministrattivi li jittrattaw kwistjonijiet ta’ taxxa u sigurtà soċjali, ir-riżultat jista’ jkun wieħed ta’ inqas ċarezza legali, u mhux aktar.

4.4.   Ġestjoni algoritmika

4.4.1.

Il-KESE jikkondividi l-għan tal-Kummissjoni li żżid l-informazzjoni u t-trasparenza fir-rigward tal-użu tal-algoritmi fix-xogħol fuq il-pjattaformi. Madankollu, il-KESE jqis li sett separat ta’ regoli dwar kwistjonijiet relatati max-xogħol fuq il-pjattaformi la huwa adatt u lanqas meħtieġ. Ir-regoli eżistenti fil-GDPR (9) u l-Att dwar l-IA (10) futur se jipprovdu wkoll lill-ħaddiema b’varjetà ta’ drittijiet fir-rigward tad-data personali tagħhom flimkien ma’ sett komprensiv ta’ rekwiżiti ta’ ġestjoni tar-riskju, sorveljanza umana u trasparenza biex jittaffew ir-riskji għas-saħħa u s-sikurezza u d-drittijiet fundamentali. Għalhekk, għandhom jiġu evitati sovrapożizzjonijiet u duplikazzjonijiet bla bżonn.

4.4.2.

Fir-rigward tal-forma u l-kontenut tal-informazzjoni li għandha tingħata mill-pjattaformi, għandu jiġi żgurat li l-pjattaformi jkollhom l-ispazju meħtieġ għall-immanuvrar f’termini ta’ definizzjoni tal-mezzi tekniċi biex jipprovdu l-informazzjoni. L-istess japplika għall-metodi ta’ evalwazzjoni tar-riskji u r-reviżjoni umana ta’ deċiżjonijiet sinifikanti. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi żgurat li r-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni li jikkonċernaw l-algoritmi ma japplikaw għall-ebda tip ta’ sigriet kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali ta’ kwalunkwe tip. Il-KESE jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu permessi mitigazzjonijiet imfassla apposta għall-SMEs dwar proċeduri amministrattivi meħtieġa mill-ġestjoni algoritmika (11). B’mod partikolari, dawn jinkludu skadenzi itwal biex jingħataw talbiet ta’ rieżami ta’ deċiżjonijiet algoritmiċi u t-tnaqqis fil-frekwenza tal-aġġornament ta’ informazzjoni rilevanti.

4.5.   Drittijiet kollettivi

4.5.1.

Il-Proposta tfittex li tiżgura l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema tal-pjattaformi jew tar-rappreżentanti tagħhom dwar deċiżjonijiet li x’aktarx iwasslu għall-introduzzjoni ta’ bidliet sostanzjali fl-użu tas-sistemi awtomatizzati ta’ monitoraġġ u teħid ta’ deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva. Għal dan il-għan il-Proposta tirreferi għad-Direttiva 2002/14/KE (12). Din is-soluzzjoni tista’ tiġi appoġġjata peress li tali referenza tippermetti l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmi eżistenti ta’ informazzjoni u konsultazzjoni kif definiti fil-livell nazzjonali kif ukoll il-promozzjoni tad-djalogu soċjali mingħajr ma jiġu stabbiliti mekkaniżmi ġodda jew duplikati. Madankollu, ir-responsabbiltà tal-pjattaforma tax-xogħol diġitali biex iġġarrab l-ispejjeż għall-espert (Artikolu 9(3)) mhijiex kompatibbli mar-regoli ġenerali ta’ informazzjoni u konsultazzjoni bbażati fuq id-Direttiva 2002/14/KE.

4.6.   Rimedji

4.6.1.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li tiġi ċċarata d-distinzjoni bejn “ħaddiema” u “persuni li jwettqu xogħol fuq il-pjattaformi” speċjalment fir-rigward tar-rimedji u l-infurzar tad-Direttiva. L-Artikolu 18 jinkludi regoli simili għall-protezzjoni mis-sensji għaż-żewġ kategoriji li jistgħu jwasslu għal konfużjoni u nuqqas ta’ ċertezza legali peress li r-rimedji ġudizzjarji fl-oqsma tal-liġi tax-xogħol u tal-liġi kuntrattwali fl-Istati Membri huma bbażati fuq settijiet differenti ta’ leġiżlazzjonijiet u għalhekk mhumiex simili. Bl-istess mod, l-Artikolu 17 (Protezzjoni kontra trattament jew konsegwenzi negattivi) jista’ jwassal għal konsegwenzi u problemi mhux mixtieqa fis-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri jekk relazzjonijiet kuntrattwali differenti jiġu sfurzati li jiġu ttrattati skont l-istess regoli.

4.7.   Nonrigressjoni u dispożizzjonijiet aktar favorevoli

4.7.1.

Għall-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti fix-xogħol fuq il-pjattaformi diġitali, il-KESE jenfasizza r-rwol tad-djalogu soċjali u l-ftehimiet kollettivi fil-livelli adatti u fi-ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni, il-mandat u l-awtonomija tal-imsieħba soċjali fl-Istati Membri. Għalhekk, il-KESE jqajjem dubju dwar il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehimiet kollettivi biss għal ftehimiet li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema tal-pjattaformi (Artikolu 20). Din il-limitazzjoni tinterferixxi mal-awtonomija tal-imsieħba soċjali.

Raġuni

Dat-test jivolvi emenda li għandha l-għan li tistabbilixxi pożizzjoni globalment differenti mill-Opinjoni mressqa mis-sezzjoni u għalhekk għandha titqies bħala kontropinjoni. Din tistabbilixxi r-raġunijiet għala l-proposta tal-Kummissjoni mhijiex l-istrument adatt biex jiġu indirizzati l-isfidi tax-xogħol fuq pjattaforma diġitali u għaliex ma tirriflettix b’mod adegwat ir-realtà kumplessa ta’ diversi sitwazzjonijiet fid-dinja tal-pjattaformi li qed tinbidel b’rata mgħaġġla. Barra minn hekk, il-kontropinjoni tfittex li tenfasizza n-nuqqasijiet u l-isfidi ewlenin fl-abbozz ta’ direttiva, speċjalment fir-rigward tal-preżunzjoni legali tal-istatus ta’ impjegat u l-ġestjoni algoritmika.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:

149

Kontra:

80

Astensjonijiet:

17


(1)  Fir-rigward tal-pass tal-iżvilupp, id-data miġbura mill-istħarriġiet COLLEEM I u II tikkonkludi li l-fenomenu tax-xogħol fuq il-pjattaformi qed jiżdied bil-mod iżda b’mod kostanti fl-Ewropa. It-tieni nett, huwa biss proporzjon żgħir — madwar 1,4 % — tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol – li jwettaq xogħol fuq il-pjattaformi bħala forma ewlenija ta’ impjieg. Barra minn hekk, skont l-istudju msemmi fir-Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni, madwar 5,5 miljun ħaddiem tal-pjattaformi minn total ta’ 28,8 miljun jistgħu jkunu f’riskju ta’ klassifikazzjoni żbaljata tal-istatus tal-impjieg tagħhom. Ara Repożitorju tal-Pubblikazzjonijiet tal-JRC – Platform Workers in Europe Evidence from the COLLEEM Survey (europa.eu) (Il-Ħaddiema tal-Pjattaformi fl-Ewropa — Evidenza mill-Istħarriġ COLLEEM, mhux disponibbli bil-Malti) u Repożitorju tal-Pubblikazzjonijiet tal-JRC – New evidence on platform workers in Europe (europa.eu) (Evidenza ġdida dwar il-ħaddiema tal-pjattaformi fl-Ewropa, mhux disponibbli bil-Malti); Ara COMMISSION STAFF WORKING DOCUMENT IMPACT ASSESSMENT REPORT (Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni — Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Impatt, mhux disponibbli bil-Malti). Fl-istudju kkummissjonat minn Delivery Platforms Europe, il-biċċa l-kbira (72 %) tal-kurrieri jgħidu li x-xogħol fuq il-pjattaformi huwa attività komplementari: 34 % jagħmlu konsenji waqt l-istudji tagħhom u terz ieħor (34 %) jgħidu li jirrikorru għax-xogħol fuq il-pjattaformi biex jikkomplementaw id-dħul tagħhom minn xogħol ieħor full-time jew part-time. Għal żewġ terzi ta’ dawk li wieġbu (67 %), il-flessibbiltà hija r-raġuni ewlenija li jaħdmu bħala kurrieri. Dan jippermettilhom jikkombinaw ix-xogħol ta’ konsenja ma’ xogħol ieħor jew mal-istudju jew mal-kura tal-membri tal-familja, u huwa mod kif jikkomplementaw dħul ieħor. Il-flessibbiltà hija wkoll l-aktar karatteristika preferuta fix-xogħol ta’ kurrier (għal 58 % ta’ dawk li wieġbu).

(2)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom u Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-titjib tal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-persuni li jaħdmu għal rashom (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  Id-Direttiva dwar Kondizzjonijiet tax-Xogħol Transparenti u Prevedibbli.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 u COM/2021/206 final.

(5)  COM/2021/762 final, Memorandum ta’ Spjegazzjoni, p. 1.

(6)  Dawn jinkludu: 1) Proposta għal Direttiva dwar it-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi; 2) linji gwida dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE għal ftehimiet kollettivi rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ persuni li jaħdmu għal rashom waħedhom, li jkopru lil dawk li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali; 3) talbiet għal miżuri ġodda, kif deskritt hawn taħt, dwar l-awtoritajiet nazzjonali, l-imsieħba soċjali u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha biex jinkisbu kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għal dawk li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali (Komunikazzjoni dwar Kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għal Ewropa soċjali aktar b’saħħitha: l-isfruttament tal-benefiċċji kollha tad-diġitalizzazzjoni għall-futur tax-xogħol).

(7)  Idem (Komunikazzjoni) p. 2.

(8)  Skont l-istudju tal-Kummissjoni anke jekk is-servizzi freelance kollha pprovduti permezz tal-pjattaformi jitwaqqfu fl-UE-27, dawn in-negozji xorta jistgħu jiddependu minn freelancers f’partijiet oħra tad-dinja. Ara Study to support the impact assessment on improving working conditions in platform work (Studju biex tiġi appoġġjata l-valutazzjoni tal-impatt dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi, mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2016/679.

(10)  COM/2021/206 final.

(11)  COM/2021/762 final, Memorandum ta’ Spjegazzjoni, p. 13.

(12)  Id-Direttiva 2002/14/KE.