28.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 227/37


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1054

tal-21 ta’ Ġunju 2021

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ, fir-rigward tal-istandards kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ u l-metodu ta’ analiżi għad- determinazzjoni tal-kontenut tal-istigmastadienes fiż-żjut veġetali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (“il-Ftehim”) ġie ffirmat f’isem l-Unjoni f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 (1) fit-18 ta’ Novembru 2016 fis-Sede tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard. Il-Ftehim daħal fis-seħħ b’mod proviżorju fl-1 ta’ Jannar 2017 f’konformità mal-Artikolu 31(2) tiegħu.

(2)

Il-Ftehim ġie konkluż fis-17 ta’ Mejju 2019 f’isem l-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 (2).

(3)

Skont l-Artikolu 7(1) tal-Ftehim, il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (il-“Kunsill tal-Membri”) għandu jadotta deċiżjonijiet li jemendaw l-istandards kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ.

(4)

Matul il-113-il sessjoni tiegħu mit-28 sat-30 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill tal-Membri għandu jadotta deċiżjonijiet li jemendaw l-istandards kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ (“id-deċiżjonijiet emendatorji”).

(5)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Membri, peress li d-deċiżjonijiet emendatorji li għandhom jiġu adottati ser ikollhom effetti legali fuq l-Unjoni fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali mal-membri l-oħra tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC) u jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dwar l-istandards għall-kummerċjalizzazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 75 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(6)

Id-deċiżjonijiet emendatorji li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill tal-Membri jikkonċernaw it-tibdil tal-limiti għal xi parametri kimiċi taż-żjut taż-żebbuġa u taż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ u l-modifika ta’ metodu wieħed ta’ analiżi. Il-bidliet fil-limiti jinkludu s-sostituzzjoni tal-limitu għall-α-tokoferol fiż-żjut raffinati b’referenza għall- Prassi Tajba ta’ Manifattura, permezz tal-iffissar tal-limitu tal-aċidu olejku u palmitiku fiż-żjut taż-żebbuġa u fiż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ u l-iffissar ta’ limitu għall-eritrodiol fiż-żjut raffinati. Il-metodu ta’ analiżi jirreferi għad-determinazzjoni tal-kontenut tal-istigmastadienes fiż-żjut veġetali. Id-deċiżjonijiet emendatorji ġew diskussi b’mod estensiv bejn l-esperti xjentifiċi u dawk tekniċi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri dwar iż-żejt taż-żebbuġa. Id-deċiżjonijiet emendatorji ser jikkontribwixxu għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandards taż-żejt taż-żebbuġa u ser jistabbilixxu qafas li ser jiżgura kompetizzjoni ġusta fil-kummerċ ta’ prodotti tas-settur taż-żejt taż-żebbuġa. Għalhekk jenħtieġ li d-deċiżjonijiet emendatorji jiġu appoġġati.

(7)

F’każ li l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet emendatorji matul il-113-il sessjoni tal-Kunsill tal-Membri tiġi posposta minħabba li xi Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jagħtu l-approvazzjoni tagħhom, jenħtieġ li l-pożizzjoni ta’ appoġġ għall-adozzjoni tad -deċiżjonijiet emendatorji tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-qafas ta’ proċedura possibbli għall-adozzjoni mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza, skont l-Artikolu 10(6) tal-Ftehim. Il-proċedura għall-adozzjoni permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza jenħtieġ li tinbeda qabel is-sessjoni regolari li jmiss tal-Kunsill tal-Membri f’Novembru 2021.

(8)

Sabiex jitħares l-interess tal-Unjoni, jekk il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni x’aktarx tiġi affettwata minn informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida ppreżentata qabel il-113-il sessjoni jew matulha, jenħtieġ li r-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri jkunu jistgħu jitolbu l-posponiment tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet emendatorji għal sessjoni suċċessiva,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Membri matul il-113-il sessjoni tiegħu mit-28 sat-30 ta’ Ġunju 2021, jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza li għandu jinbeda qabel is-sessjoni regolari li jmiss tiegħu ta’ Novembru 2021, fir-rigward tal-istandards kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ, għandha tkun li tiġi appoġġata l-adozzjoni mill-Kunsill tal-Membri tad-deċiżjonijiet li jemendaw l-istandards kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ u l-metodu ta’ analiżi għad-determinazzjoni tal-kontenut tal-istigmastadienes fiż-żjut veġetali (4).

Artikolu 2

Jekk il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 x’aktarx tiġi affettwata minn informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida ppreżentata qabel il-113-il sessjoni tal-Kunsill tal-Membri jew matulha, l-Unjoni għandha titlob li l-adozzjoni mill-Kunsill tal-Membri tad-deċiżjonijiet li jemendaw l-istandards kummerċjali jew il-metodi applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ tiġi posposta sakemm il-pożizzjoni tal-Unjoni tiġi stabbilita abbażi ta’ dik l-informazzjoni l-ġdida.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha..

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 tal-10 ta’ Ottubru 2016 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 293, 28.10.2016, p. 2).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 139, 27.5.2019, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(4)  Ara d-dokument st8638/21 fuq http://register.consilium.europa.eu.