Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
12 ta’ Novembru 2026 (*)
“Appell – Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) – Infiq eskluż mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea – Regolament (UE) Nru 1306/2013 – Artikolu 93(2) – Kundizzjonalità – Rekwiżiti statutorji ta’ ġestjoni (RSĠ) – Biodiversità – Speċi protetti ta’ flora selvaġġa – Direttiva 92/43/KEE – Artikolu 6(1) u (2) – Nuqqas ta’ speċifikazzjoni tal-obbligi tal-bdiewa”
Fil-Kawża C‑61/25 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fid‑29 ta’ Jannar 2025,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castilla Contreras u M. Salyková, bħala aġenti,
appellanti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Pérez-Zurita Gutiérrez, bħala aġent,
rikorrent fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn Z. Csehi, President tal-Awla, M. Gavalec (Relatur) u F. Schalin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: V. Di Bucci,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Mejju 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑20 ta’ Novembru 2024, Spanja vs Il-Kummissjoni (T‑508/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2024:855), li permezz tagħha dik il-qorti annullat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/908 tat‑8 ta’ Ġunju 2022 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nefqa imġarrab mill-Istati Membri taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2022, L 157, p. 15, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), sa fejn din id-deċiżjoni eskludiet mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq tar-Renju ta’ Spanja, fl-ammont ta’ EUR 9 968 215.15.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013.
2 Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifiki fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83), tħassar permezz tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (ĠU 2021, L 435, p. 187, rettifiki fil-ĠU 2022, L 29, p. 45 u fil-ĠU L, 2026/90452) li huwa applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 2023. Madankollu, il-kawża preżenti hija rregolata, hekk kif jirriżulta mid-data tal-fatti fil-każ ineżami, mir-Regolament Nru 1306/2013.
3 Il-premessi 55, 59 u 60 tar-Regolament Nru 1306/2013 kienu jipprovdu:
“(55) Jeħtieġ li r-rekwiżiti statutorji ta’ ġestjoni [(iktar ’il quddiem ir-”RSĠ”)] jiġu implimentati b’mod sħiħ mill-Istati Membri biex isiru funzjonali f’livell ta’ azjenda agrikola u jiżguraw it-trattament ugwali meħtieġ tal-bdiewa.
[…]
(59) Il-benefiċjarji għandhom jifhmu b’mod ċar l-obbligi ta’ konformità tagħhom fir-rigward tar-regoli dwar il-kondizzjonalità. Għal dak il-għan, ir-rekwiżiti u l-istandards kollha li jagħmlu parti minn dawk ir-regoli għandhom jiġu kkomunikati mill-Istati Membri b’mod eżawrjenti, li jinftiehem u li jagħti spjegazzjoni, inkluż, fejn ikun possibbli, b’mezzi elettroniċi.
(60) Implimentazzjoni effikaċi tal-kondizzjonalità teħtieġ verifika fil-livell tal-benefiċjarji li l-obbligi huma rrispettati. […]”
4 It-Titolu IV ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ġestjoni finanzjarja tal-Fondi”, kien jinkludi l-Kapitolu IV, intitolat “Approvazzjoni [clearance] tal-kontijiet”, li fih kienu jinsabu l-Artikoli 47 sa 57 tal-imsemmi regolament.
5 L-Artikolu 52 tal-istess regolament, intitolat “Approvazzjoni tal-konformità”, kien jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:
“1. Meta ssib li l-infiq kif indikat fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 5 ma jkunx sar f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u, fir-rigward tal-FAEŻR, ma jkunx sar f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni u nazzjonali msemmija fl-Artikolu 85 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320, rettifiki fil-ĠU 2016, L 200, p. 140, fil-ĠU 2019, L 66, p. 6, fil-ĠU 2022, L 146, p. 155)] il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw l-ammonti li għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament mill-Unjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 116(2).
2. Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ammonti li għandhom jiġu esklużi abbażi tal-gravità tan-nuqqas ta’ konformità reġistrat. Hija għandha tqis kif xieraq in-natura tal-ksur u tal-ħsara finanzjarja kkawżata lill-Unjoni. Hija għandha tibbaża l-esklużjoni fuq l-identifikazzjoni tal-ammonti minfuqin bla bżonn u, meta dawn ma jkunux jistgħu jiġu identifikati bi sforz proporzjonat, tista’ tapplika korrezzjonijiet estrapolati jew b’rata fissa. Korrezzjonijiet b’rata fissa għandhom jiġu applikati biss meta minħabba n-natura tal-każ jew minħabba li l-Istat Membru ma jkunx ipprovda l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni, ma jkunx possibbli bi sforz proporzjonat li tiġi identifikata b’mod aktar preċiż il-ħsara finanzjarja magħmula lill-Unjoni.”
6 It-Titolu V tar-Regolament Nru 1306/2013, intitolat “Sistemi ta’ kontroll u pieni”, kien jinkludi l-Kapitolu I, intitolat “Regoli ġenerali”, li minnu kienu jagħmlu parti l-Artikoli 58 sa 66 tiegħu.
7 L-Artikolu 58 tal-imsemmi regolament, intitolat “Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“1. L-Istati Membri għandhom jadottaw, fil-qafas tal-PAK, id-dispożizzjonijiet leġislattivi, regolatorji u amministrattivi kollha u jieħdu kwalunkwe miżura oħra meħtieġa biex jiżguraw protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, partikolarment biex:
(a) jivverifikaw il-legalità u r-regolarità ta’ operazzjonijiet iffinanzjati mill-[Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (iktar ’il quddiem, flimkien, il-’Fondi’)];
[…]
(c) ma jħallux li jseħħu, jikxfu u jikkoreġu irregolaritajiet u frodi;
[…]
2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistemi effiċjenti ta’ ġestjoni u kontroll biex tiġi żgurata l-konformità mal-leġislazzjoni li tirregola skemi ta’ għajnuna mill-Unjoni bil-għan li jitnaqqas għall-minimu r-riskju ta’ ħsara finanzjarja lill-Unjoni.”
8 It-Titolu VI tar-Regolament Nru 1306/2013, intitolat “Kondizzjonalità”, kien jinkludi l-Kapitolu I, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, li kien jinkludi l-Artikoli 91 sa 95 ta’ dak ir-Regolament, kif ukoll il-Kapitolu II, intitolat, “Sistema ta’ kontroll u pieni amministrattivi relatati mal-kondizzjonalità”, li kien jinkludi l-Artikoli 96 sa 101 tal-imsemmi regolament.
9 L-Artikolu 91 tal-istess regolament, intitolat “Prinċipju ġenerali”, kien jipprevedi:
“1. Meta benefiċjarju msemmi fl-Artikolu 92 ma jkunx konformi mar-regoli dwar il-kondizzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 93, għandha tiġi imposta piena amministrattiva fuq dak il-benefiċjarju.
2. Il-piena amministrattiva msemmija fil-paragrafu 1 għandha tapplika biss meta n-nuqqas ta’ konformità jkun ir-riżultat ta’ att jew omissjoni li tista’ tiġi attribwita direttament lill-benefiċjarju kkonċernat; u meta jiġi sodisfatt wieħed mill-kondizzjonijiet addizzjonali li ġejjin, jew it-tnejn li huma:
(a) in-nuqqas ta’ konformità jkun relatat mal-attività agrikola tal-benefiċjarju;
(b) tkun ikkonċernata ż-żona tal-azjenda tal-benefiċjarju.
[…]”
10 L-Artikolu 93 tar-Regolament Nru 1306/2013, intitolat “Regoli dwar il-kondizzjonalità”, kien jipprovdi, fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:
“1. Ir-regoli dwar il-kondizzjonalità għandhom jikkonsistu mir-[RSĠ] skont il-liġi tal-Unjoni u l-istandards għal kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba ta’ art stabbiliti fuq livell nazzjonali kif elenkati fl-Anness II, relatati mal-oqsma li ġejjin:
(a) l-ambjent, it-tibdil fil-klima u l-kondizzjoni agrikola tajba tal-artijiet;
(b) is-saħħa pubblika, tal-annimali u tal-pjanti;
(c) it-trattament xieraq tal-annimali.
2. L-atti legali msemmija fl-Anness II b’rabta mar-[RSĠ] għandhom japplikaw fil-verżjoni li tkun fis-seħħ u, fil-każ ta’ Direttivi, kif implimentati mill-Istati Membri.”
11 L-Artikolu 96 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Verifiki tal-kondizzjonalità”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:
“L-Istati Membri għandhom iwettqu verifiki fuq il-post biex jivverifikaw jekk benefiċjarju partikolari jkunx konformi mal-obbligi stipulati f’dan it-Titolu.”
12 L-Artikolu 97 tal-imsemmi regolament, intitolat “Applikazzjoni tal-piena amministrattiva”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Il-piena amministrattiva prevista fl-Artikolu 91 għandha tiġi imposta fejn ir-regoli dwar il-kondizzjonalità ma jiġux irrispettati fi kwalunkwe żmien f’sena kalendarja partikolari […], u fejn in-nuqqas ta’ konformità inkwistjoni jkun jista’ jiġi attribwit direttament lill-benefiċjarju li jkun issottometta l-applikazzjoni għall-għajnuna jew it-talba għal pagament fis-sena kalendarja kkonċernata.
[…]”
13 L-Anness II tal-istess regolament, intitolat “Regoli dwar il-kondizzjonalità skont l-Artikolu 93”, kien jistabbilixxi l-lista tar-RSĠ u tal-istandards relatati mal-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba tal-artijiet.
14 Skont dan l-Anness II, ir-”RSĠ 3” kienu jikkorrispondu għall-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 206 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2. p. 102).
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014
15 L-Artikolu 24 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas‑17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 227, p. 69).
“Il-verifiki amministrattivi u l-verifiki fuq il-post previsti f’dan ir-Regolament għandhom isiru b’tali mod li jiżguraw verifika effettiva:
(a) tal-korrettezza u l-kompletezza tal-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni għall-għajnuna, fl-applikazzjoni għall-appoġġ, fit-talba għall-ħlas jew f’dikjarazzjoni oħra;
(b) tal-konformità mal-kriterji kollha tal-eliġibbiltà u mal-impenji u l-obbligi l-oħrajn kollha għall-iskema tal-għajnuna u/jew għall-miżura ta’ appoġġ ikkonċernata u mat-termini li bihom jingħataw l-għajnuna u/jew l-appoġġ jew l-eżenzjoni mill-obbligi;
(c) tar-rekwiżiti u l-istandards rilevanti għall-kundizzjonalità.”
16 L-Artikolu 65 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni, intitolat “Sistema ta’ kontroll marbuta mal-kundizzjonalità”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema li tiżgura kontroll effettiv tal-ħarsien tal-kundizzjonalità. Dik is-sistema għandha tipprevedi, b’mod partikulari:
(a) it-trasferiment tal-informazzjoni meħtieġa dwar il-benefiċjarji msemmija fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 mill-aġenzija tal-pagamenti lill-korpi ta’ kontroll speċjalizzati u/jew, fejn ikun applikabbli, permezz tal-awtorità ta’ koordinazzjoni, f’każ li l-awtorità ta’ kontroll kompetenti ma tkunx l-aġenzija tal-pagamenti;
(b) il-metodi li għandhom jiġu applikati għall-għażla tal-kampjuni ta’ kontroll;
(c) indikazzjonijiet dwar in-natura u l-ammont ta’ verifiki li jridu jitwettqu;
(d) rapporti ta’ kontroll li jkunu jinkludu, b’mod partikulari, kwalunkwe nuqqas ta’ konformità misjub u valutazzjoni tas-severità, il-kobor, il-permanenza u r-rikorrenza tiegħu;
(e) it-trasferiment tar-rapporti ta’ kontroll mill-korpi ta’ kontroll speċjalizzati jew lill-aġenzija tal-pagamenti jew lill-awtorità ta’ koordinazzjoni jew lit-tnejn li huma, f’każ li l-awtorità ta’ kontroll kompetenti ma tkunx l-aġenzija tal-pagamenti;
(f) l-applikazzjoni tas-sistema ta’ tnaqqis u ta’ esklużjonijiet min-naħa tal-aġenzija tal-pagamenti.”
17 It-Titolu V tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, intitolat “Sistema ta’ kontroll u pieni amministrattivi marbutin tal-kundizzjonalità”, jinkludi l-Artikolu 72 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Rapport ta’ kontroll”, li jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Kull verifika fuq il-post imwettqa skont dan it-Titolu għandu jinħareġ rapport ta’ kontroll dwarha li għandu jiġi stabbilit mill-awtorità ta’ kontroll kompetenti jew li għandu jsir taħt ir-responsabbiltà tagħha.
Ir-rapport għandu jinqasam fit-taqsimiet li ġejjin:
(a) taqsima ġenerali li jkun fiha, b’mod partikulari, l-informazzjoni li ġejja:
(i) il-benefiċjarju magħżul għall-verifika fuq il-post;
(ii) il-persuni preżenti;
(iii) jekk il-benefiċjarju kienx avżat minn qabel dwar iż-żjara u, jekk iva, il-perjodu tal-avviż minn qabel;
(b) taqsima li tagħti, b’mod separat, il-verifiki li jkunu twettqu għal kull att jew standard u li jkun fiha, b’mod partikulari, l-informazzjoni li ġejja:
(i) ir-rekwiżiti u l-istandards li fuqhom tkun saret il-verifika fuq il-post;
(ii) in-natura u l-ammont ta’ verifiki li jkunu twettqu;
(iii) is-sejbiet;
(iv) l-atti u l-istandards li fir-rigward tagħhom ikunu nstabu n-nuqqasijiet ta’ konformità;
(c) taqsima ta’ evalwazzjoni li tivvaluta l-importanza tan-nuqqas ta’ konformità fir-rigward ta’ kull att u/jew ta’ kull standard abbażi tal-kriterji tas-‘severità’, il-‘kobor’, il-‘permanenza’, u r-‘rikorrenza’ skont l-Artikolu 99(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u li tagħti indikazzjoni ta’ kull fattur li għandu jwassal għal żieda jew għal tnaqqis fit-tnaqqis li għandu jiġi applikat.
[…]”
Id-Direttiva 92/43
18 L-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43 jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:
“1. Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.
2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.”
Id-dritt Spanjol
19 F’Castilla y León, l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 92/43 ġie traspost, b’mod partikolari, mid-Decreto 63/2007 por el li se crean el Catálogo de Flora Protegida de Castilla y León y la figura de protección denominada Microrreserva de Flora (id-Digriet 63/2007, li joħloq il-Katalogu tal-Flora Protetta ta’ Castilla y León u s-Sistema ta’ Protezzjoni msejħa Mikro Riżerva tal-Flora), tal‑14 ta’ Ġunju 2007 (BOCYL Nru 119, tal‑20 ta’ Ġunju 2007, p. 13197, iktar ’il quddiem id-“Digriet 63/2007”), li jinkludi lista ta’ speċi protetti ta’ flora selvaġġa f’Castilla y León.
Il-fatti li wasslu għall-kawża
20 Il-fatti li wasslu għall-kawża, hekk kif jirriżultaw mill-punti 2 sa 35 tas-sentenza appellata, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej għall-finijiet ta’ din il-proċedura.
21 Fi tmiem investigazzjoni dwar il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tas-sistema ta’ kundizzjonalità, prevista fit-Titolu VI tar-Regolament Nru 1306/2013, fil-Komunità Awtonoma ta’ Castilla y León (Spanja), li l-Kummissjoni fetħet fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ approvazzjoni tal-konformità, skont b’mod partikolari l-Artikolu 52 ta’ dan ir-regolament, din l-istituzzjoni kkonstatat diversi nuqqasijiet fil-kuntest ta’ tliet kontrolli ewlenin u ta’ kontroll sekondarju għas-snin ta’ applikazzjoni 2016 et seq.
22 Skont il-Kummissjoni, dawn in-nuqqasijiet kienu tali li joħolqu riskju għall-Fondi u, konsegwentement, li jwasslu għall-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa fuq l-ammont totali tal-għajnuna mħallsa lill-benefiċjarji li għalihom kienet tapplika s-sistema ta’ kundizzjonalità.
23 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għamlet diversi rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet Spanjoli fosthom, b’mod partikolari, it-teħid ta’ miżuri korrettivi immedjati, sabiex jiġu implimentati kontrolli ta’ kundizzjonalità xierqa, konformement mal-Artikolu 96(3) u mal-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, kif ukoll mal-Artikolu 24(1) u mal-Artikolu 65(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014 (iktar ’il quddiem il-“kontrolli ta’ kundizzjonalità”).
24 Wara skambji bejn l-awtoritajiet Spanjoli u l-Kummissjoni kif ukoll wara r-rapport tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni, din l-istituzzjoni kkomunikat lill-awtoritajiet Spanjoli l-konklużjonijiet finali tagħha (iktar ’il quddiem il-“pożizzjoni finali”), li fihom, hija kkonfermat li n-nuqqasijiet ikkonstatati fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni kontrolli ewlenin kienu wasslu għal riskju għall-Fondi. Għall-bqija, il-Kummissjoni temmet il-kontroll.
25 Fil-kuntest ta’ dan l-ewwel kontroll ewlieni, li kien jikkonċerna n-“natura u l-portata tal-kontrolli” ta’ kundizzjonalità fuq il-post fir-rigward tar-RSĠ, il-Kummissjoni kkonstatat erba’ istanzi ta’ ksur. L-ewwel istanza ta’ ksur kienet tikkonċerna n-nuqqas ta’ prova tat-twettiq ta’ kontrolli ta’ kundizzjonalità tar-RSĠ 1 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli. It-tieni istanza ta’ ksur kienet tikkonċerna r-RSĠ 3 u kienet tirrigwarda n-nuqqas ta’ kontrolli ta’ kundizzjonalità ta’ dawn ir-RSĠ 3 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitats naturali tal-flora selvaġġa matul is-snin ta’ applikazzjoni 2016 u 2017. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkonstatat li, fil-Komunità Awtonoma ta’ Castilla y León, l-awtoritajiet Spanjoli ma kinux wettqu kontrolli ta’ kundizzjonalità sabiex jivverifikaw l-osservanza effettiva tal-protezzjoni tal-ispeċi protetti tal-flora selvaġġa, elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 92/43, konformement mal-Artikolu 6(1) u (2) ta’ din id-direttiva. It-tielet u r-raba’ istanzi ta’ ksur kienu jikkonċernaw il-kwalità insuffiċjenti tal-kontrolli tal-kundizzjonalità tar-RSĠ 7 u 8 imwettqa mill-awtoritajiet Spanjoli għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali tal-ifrat (SMR 7) kif ukoll tan-nagħaġ u tal-mogħoż (RSĠ 8) matul is-snin ta’ applikazzjoni 2016 u 2017 u, minkejja l-miżuri korrettivi adottati, anki għas-sena ta’ applikazzjoni 2018.
26 Fid-dawl tan-nuqqasijiet ikkonstatati fil-pożizzjoni finali, il-Kummissjoni kkonkludiet li, għas-snin ta’ applikazzjoni 2016 u 2017, kellha tiġi applikata korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 5 % fuq 10 % tal-ammont totali tal-għajnuna u, għas-sena ta’ applikazzjoni 2018, korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 2 % fuq 10 % tal-ammont totali tal-għajnuna.
27 Għal dawn ir-raġunijiet, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni eskludiet l-ammont gross totali ta’ EUR 9 973 274.36 mill-finanzjament tal-Unjoni, li, meħudin inkunsiderazzjoni l-ammonti diġà rkuprati wara investigazzjonijiet li seħħew qabel dik imsemmija fil-punt 21 tas-sentenza preżenti, wassal għal korrezzjoni finanzjarja netta ta’ EUR 9 968 215.15.
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
28 Permezz ta’ att tad‑19 ta’ Awwissu 2022, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din kienet tikkonċernah. Insostenn tar-rikors tiegħu, huwa qajjem żewġ motivi, ibbażati fuq diversi żbalji ta’ fatt, ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni, li allegatament wettqet il-Kummissjoni.
29 L-ewwel motiv kien jinkludi sitt partijiet, li l-ewwel wieħed sar-raba’ wieħed minnhom kienu jikkonċernaw l-assenza ta’ elementi ta’ dubju serju u raġonevoli dwar in-nuqqasijiet differenti kkonstatati fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni kontroll ewlenin. Il-ħames parti ta’ dan il-motiv kienet ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba li jivvizzja ċ-ċaħda tal-kalkolu tal-ammont li għandu jiġi eskluż mill-finanzjament tal-Unjoni, ibbażat fuq estrapolazzjoni proposta mir-Renju ta’ Spanja. Is-sitt parti tal-imsemmi motiv kif ukoll it-tieni motiv kienu bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li jivvizzja l-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa imposta mill-Kummissjoni.
30 Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tieni parti tal-ewwel motiv kollha kemm hi u laqgħat, parzjalment, ir-raba’ parti ta’ dan il-motiv, minħabba li l-Kummissjoni kienet ibbażat indebitament il-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa kontenzjuża, minn naħa, fuq in-nuqqas allegat fil-konfront tar-Renju ta’ Spanja li jikkonsisti f’li ma wettaqx il-kontrolli ta’ kundizzjonalità tar-RSĠ 3 u, min-naħa l-oħra, fuq in-nuqqs li jikkonsisti fi ksur tal-Artikolu 72(1)(b)(ii) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, rispettivament, sa fejn ir-rapporti ta’ kontroll ta’ kundizzjonalità ma kinux jinkludu l-firma tal-benefiċjarji. Permezz ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel u t-tielet parti tal-ewwel motiv. Hija ma eżaminatx il-ħames u s-sitt parti tal-ewwel motiv u lanqas it-tieni motiv tar-rikors.
31 Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel motiv, qabelxejn, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 71 u 72 tas-sentenza appellata, li, skont l-Artikolu 93(1) tar-Regolament Nru 1306/2013, r-RSĠ previsti fl-Anness II ta’ dan ir-regolament jikkostitwixxu r-regoli dwar il-kundizzjonalità u li, għar-RSĠ 3, l-imsemmi Anness II jirreferi għall-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 92/43. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll, fil-punt 73 ta’ dik is-sentenza, li f’Castilla y León, l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 92/43 kien ġie traspost bid-Digriet 63/2007, li jinkludi lista tal-ispeċi protetti tal-flora selvaġġa f’din il-Komunità Awtonoma ta’ Castilla y León.
32 Sussegwentement, fil-punt 76 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-kombinazzjoni flimkien bejn, minn naħa, id-Digriet 63/2007, li jikkonferma l-preżenza tal-ispeċi protetti tal-flora selvaġġa f’Castilla y León, u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ kontrolli ta’ kundizzjonalità tar-RSĠ 3, intiżi speċifikament sabiex jipproteġu tali speċi, tikkostitwixxi prova tad-dubju serju u raġonevoli fir-rigward tal-kontrolli mwettqa. Minn dan hija ddeduċiet, fil-punt 77 tal-istess sentenza, li għaldaqstant, kien ir-Renju ta’ Spanja li kellu jipprova li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni ma kinux eżatti.
33 Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 78 tas-sentenza appellata, li l-obbligu li jitwettqu kontrolli ta’ kundizzjonalità tar-RSĠ 3 jirrigwarda biss l-osservanza tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 92/43 fil-livell nazzjonali, peress li, skont l-Artikolu 93(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, l-atti legali msemmija fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, dwar ir-RSĠ, japplikaw fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ u, fil-każ ta’ direttivi, fil-verżjoni tagħhom implimentata mill-Istati Membri. Madankollu, fil-punt 79 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li, fil-każ ineżami, fl-assenza ta’ kwalunkwe miżura ta’ konservazzjoni ddefinita minn qabel mill-awtoritajiet Spanjoli, fis-sens tal-Artikolu 6(1) u (2) ta’ din id-direttiva, ir-rekwiżiti imposti fuq il-bdiewa skont ir-RSĠ 3 ma kinux iddeterminati b’mod suffiċjentement preċiż sabiex l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti tkun tista’ tiġi effettivament ikkontrollata minn dawn l-awtoritajiet.
34 F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-aħħar sentenza tal-punt 79 u fil-punt 82 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet rispettivament, minn naħa, li l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja kienu wrew li l-assenza ta’ kontroll ta’ kundizzjonalità tar-RSĠ 3 ma setgħetx titqies mill-Kummissjoni bħala nuqqas ta’ konformità u, min-naħa l-oħra, li dan l-Istat Membru kien ikkonfuta l-konklużjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-pożizzjoni finali, li l-kontrolli ta’ kundizzjonalità tar-RSĠ 3 ma kinux konformi.
35 Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża kollha kemm hi sa fejn din kienet tikkonċerna lir-Renju ta’ Spanja.
36 Fir-rigward tal-portata ta’ dan l-annullament, il-Qorti Ġenerali indikat, essenzjalment, li, mingħajr ma jitqiesu n-nuqqasijiet imsemmija fit-tieni u fir-raba’ parti tal-ewwel motiv, il-kalkolu tal-ammont totali tal-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa normalment kien ikun differenti u li għalhekk kienet il-Kummissjoni li kellha tislet il-konsegwenzi tal-imsemmi annullament.
It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
37 Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata sa fejn dan jilqa’ t-tieni parti tal-ewwel motiv tar-rikors;
– tiċħad it-tieni parti tal-ewwel motiv tar-rikors bħala infondata;
– tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq il-ħames u s-sitt parti tal-ewwel motiv kif ukoll fuq it-tieni motiv tar-rikors; u
– tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.
38 Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad l-appell bħala infondat u
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Fuq l-appell
39 Din il-proċedura ta’ appell tikkonċerna biss it-tieni waħda mill-erba’ istanzi ta’ ksur ikkonstatati fil-kuntest tal-ewwel kontroll ewlieni, li huma msemmija fil-punt 25 tas-sentenza preżenti.
40 Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tqajjem żewġ aggravji, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali rispettivament, minn naħa, fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-amministrazzjoni tal-oneru tal-prova u, min-naħa l-oħra, fl-interpretazzjoni tal-obbligi li għandhom l-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-kontroll tal-osservanza tar-RSĠ, konformement mar-Regolament Nru 1306/2013.
L-argumenti tal-partijiet
41 Permezz tat-tieni aggravju tagħha, li għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 78 sa 80 u 82 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi. B’mod partikolari, hija ddeċidiet b’mod żbaljat li l-konklużjoni tal-Kummissjoni esposta fil-pożizzjoni finali, li tgħid li, fil-Komunità Awtonoma ta’ Castilla y León, il-kontrolli ta’ kundizzjonalità tar-RSĠ 3 ma kinux konformi, kienet ġiet ikkonfutata mir-Renju ta’ Spanja, minħabba li dan kien invoka l-assenza ta’ definizzjoni ta’ kwalunkwe miżura ta’ konservazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 92/43, fid-dritt Spanjol applikabbli għal din il-komunità awtonoma. Din l-assenza ta’ definizzjoni kellha l-effett, għal dan l-Istat Membru, li r-rekwiżiti imposti fuq il-bdiewa skont ir-RSĠ 3 ma kinux iddeterminati b’mod suffiċjentement preċiż sabiex l-awtoritajiet Spanjoli jkunu jistgħu jwettqu kontrolli fuq il-post.
42 Il-Kummissjoni ssostni li dan ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 93(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, li ma jistax jinftiehem fis-sens li Stat Membru ma huwiex obbligat iwettaq kontrolli tal-osservanza tar-RSĠ previsti f’direttiva meta ma jkunx adotta miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, fil-livell nazzjonali, li jiddeterminaw bi preċiżjoni r-rekwiżiti imposti fuq il-bdiewa benefiċjarji taħt ir-RSĠ.
43 Skont il-Kummissjoni, din l-interpretazzjoni żbaljata ċċaħħad mill-effett utli tagħhom b’mod partikolari lill-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 1306/2013, kif ukoll lill-Artikolu 24(1) u lill-Artikolu 65(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014. Fil-fatt, hija kieku tippermetti lill-Istati Membri jeżentaw ruħhom mill-obbligu tagħhom li jwettqu kontrolli fuq il-post billi jastjenu milli jiddeskrivu bi preċiżjoni suffiċjenti r-rekwiżiti li jirriżultaw mir-RSĠ 3 għall-bdiewa, filwaqt li jibqgħu jirċievu finanzjament mill-Fondi. Il-Kummissjoni tenfasizza li, peress li huwa stabbilit li f’Castilla y León teżisti sensiela ta’ speċi ta’ flora selvaġġa ddefiniti bħala protetti mid-Digriet 63/2007 li jittrasponi d-Direttiva 92/43, il-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li n-nuqqas ta’ twettiq tal-kontrolli fuq il-post, relatati mal-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi, kien jikser dawn id-dispożizzjonijiet.
44 Il-Kummissjoni tqis li l-imsemmija interpretazzjoni żbaljata tmur kontra l-għan tar-Regolament Nru 1306/2013 f’dak li jirrigwarda r-regoli ta’ kundizzjonalità, li huwa li tiġi żgurata rabta bejn il-pagamenti diretti u l-osservanza ta’ dawn ir-regoli mill-bdiewa benefiċjarji, kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li minnha jirriżulta li l-Fondi jiffinanzjaw biss l-interventi mwettqa konformement mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.
45 Fir-rigward tal-kontenut tar-RSĠ 3, il-Kummissjoni ssostni li, konformement mal-paragrafu 1 tal-Artikolu 93 tar-Regolament Nru 1306/2013, ir-regoli ta’ kundizzjonalità jinkludu b’mod partikolari r-RSĠ, li huma regoli “skont il-liġi tal-Unjoni”, u li ma huwiex il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 93, iżda l-Anness II ta’ dan ir-regolament li jiddefinixxi l-kontenut materjali tar-RSĠ 3 b’riferiment għad-Direttiva 92/43 u, b’mod partikolari, għall-Artikolu 6(1) u (2) tagħha.
46 Fl-aħħar nett, hija tenfasizza li d-deċiżjoni kontenzjuża ġiet adottata fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ konformità, prevista fl-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013, li tiżvolġi esklużivament bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, u li, fil-każ ineżami, hija kienet obbligata tivverifika jekk ir-Renju ta’ Spanja kellux sistema ta’ kontroll u ta’ ġestjoni adegwata, konformement mal-Artikolu 58(2) ta’ dan ir-regolament, u jekk kienx iwettaq il-kontrolli neċessarji sabiex ikun jista’ jiggarantixxi l-osservanza tar-regoli ta’ kundizzjonalità tar-RSĠ 3 mill-bdiewa.
47 Il-Kummissjoni żżid tgħid li l-korrezzjoni finanzjarja, prevista fid-deċiżjoni kontenzjuża, kienet meħtieġa fi tmiem dawn il-verifiki u li din il-korrezzjoni finanzjarja, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja, ma timplikax li dan l-Istat Membru jimponi sanzjonijiet fuq il-bdiewa jew jirkupra pagamenti mingħandhom, iżda tippreżupponi li l-imsemmi Stat Membru jsostni dan il-piż.
48 Ir-Renju ta’ Spanja jqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 93(2) tar-Regolament Nru 1306/2013.
49 Fl-ewwel lok, huwa jsostni li, skont din id-dispożizzjoni u l-Anness II ta’ dan ir-regolament, ir-RSĠ 3 għandhom ikunu s-suġġett ta’ kontroll skont il-miżuri ta’ traspożizzjoni, adottati mill-Istat Membru kkonċernat, tal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 92/43.
50 Ir-Renju ta’ Spanja jindika li, fil-mument tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 92/43 fil-Komunità Awtonoma ta’ Castilla y León, l-awtoritajiet Spanjoli qiesu li ma kienx neċessarju li jiġu adottati pjanijiet ta’ restawr jew ta’ konservazzjoni tal-ħabitats ta’ speċi protetti ta’ flora selvaġġa, u lanqas miżuri oħra ta’ konservazzjoni, skont l-Artikolu 6(1) u (2) ta’ din id-direttiva, li jimponu obbligi fuq il-bdiewa fil-kuntest tal-attività tagħhom.
51 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-assenza ta’ kontrolli fuq il-post f’din il-komunità awtonoma hija kompletament iġġustifikata, peress li, skont l-Artikolu 93(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, ir-RSĠ 3 għandhom ikunu s-suġġett ta’ kontroll li jieħu inkunsiderazzjoni l-mod kif l-Istat Membru ttraspona l-imsemmija direttiva.
52 Skont ir-Renju ta’ Spanja, din l-assenza ta’ kontrolli ma tippermettix li jiġi kkonstatat, fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ konformità prevista mir-Regolament Nru 1306/2013, li huwa naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu fil-qasam tal-kontroll tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ kundizzjonalità.
53 Fit-tieni lok, dan l-Istat Membru jsostni li l-argumenti tal-Kummissjoni, li jappoġġjaw ruħhom fuq l-iskop tar-Regolament Nru 1306/2013, huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li huwa naqas mill-obbligu tiegħu li jiddefinixxi kwalunkwe miżura ta’ konservazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 92/43.
54 Issa, il-Kummissjoni la sostniet u lanqas ma uriet li r-Renju ta’ Spanja kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu li jirriżultaw minn din id-direttiva, b’tali mod li din l-istituzzjoni, fl-assenza ta’ prova tal-eżistenza ta’ aġir illegali min-naħa tar-Renju ta’ Spanja f’dan ir-rigward, ma tistax tinvoka b’mod utli l-massima nemo auditur propriam turpitudinem allegans (ħadd ma jista’ jinvoka l-aġir żbaljat tiegħu stess).
55 Fit-tielet lok, ir-Renju ta’ Spanja jqis li l-Qorti Ġenerali ġustament ċaħdet, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, l-argument tal-Kummissjoni li l-adozzjoni ta’ pjanijiet ta’ restawr u ta’ konservazzjoni tal-ħabitats tal-ispeċi protetti ta’ flora selvaġġa ma kinitx neċessarja sabiex jitwettqu kontrolli ta’ kundizzjonalità tar-RSĠ 3. Fil-fatt, skont dan l-Istat Membru, peress li ebda sanzjoni ma setgħet tiġi imposta fuq il-bdiewa, il-kontrolli fuq il-post ma ppermettewx li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
56 Hekk kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punti 70 sa 72 tas-sentenza appellata, l-ewwel nett, fis-sistema ta’ kundizzjonalità, il-bdiewa li jibbenefikaw mill-għajnuna msemmija fl-Artikolu 92 tar-Regolament Nru 1306/2013 huma obbligati josservaw ċerti regoli sabiex jipproteġu l-ambjent, is-saħħa pubblika u t-trattament xieraq tal-annimali, it-tieni nett, skont l-Artikolu 93(1) ta’ dan ir-regolament, r-RSĠ previsti fl-Anness II tal-imsemmi regolament jikkostitwixxu r-regoli ta’ kundizzjonalità u, it-tielet nett, għar-RSĠ 3, dan l-Anness II jirreferi għall-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 92/43.
57 Għandu jiġi rrilevat ukoll, hekk kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punti 74 u 75 ta’ dik is-sentenza, li l-Istati Membri huma obbligati jorganizzaw numru ta’ kontrolli amministrattivi u ta’ kontrolli fuq il-post. Dawn jippermettu effettivament li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet materjali u formali għall-għoti tal-għajnuna jiġu korrettament osservati u, meta dawn il-kontrolli ma jkunux twettqu jew ikunu naqsu, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li twettaq korrezzjoni finanzjarja, sabiex tevita li l-Fondi jkollhom jieħdu r-responsabbiltà tal-ammonti li ma jkunux servew għall-finanzjament ta’ għan imfittex mid-dritt tal-Unjoni.
58 Il-partijiet ma jikkontestawx l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali esposti fil-punti 76 u 77 tal-imsemmija sentenza, li jgħidu li, fil-każ ineżami, il-kombinazzjoni flimkien bejn, minn naħa, id-Digriet 63/2007 li fih il-preżenza tal-ispeċi protetti tal-flora selvaġġa f’Castilla y León hija rrikonoxxuta u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ kontrolli ta’ kundizzjonalità tar-RSĠ 3 fil-Komunità Awtonoma ta’ Castilla y León intiża speċifikament sabiex tipproteġi tali speċi tikkostitwixxi prova tad-dubju serju u raġonevoli fir-rigward tal-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet Spanjoli u, f’dawn iċ-ċirkustanzi, kien ir-Renju ta’ Spanja li kellu jipprova li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni kienu ineżatti.
59 Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 93(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2021, IS (Illegalità tad-digriet tar-rinviju), C‑564/19, EU:C:2021:949, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).
60 Fir-rigward tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi kkonstatat li din tipprevedi li l-atti legali msemmija fl-Anness II ta’ dan ir-regolament dwar ir-RSĠ japplikaw fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ u, fil-każ ta’ direttivi, fil-verżjoni tagħhom implimentata mill-Istati Membri.
61 Skont din il-formulazzjoni, meta r-RSĠ jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva, il-kontrolli ta’ kundizzjonalità sabiex tiġi vverifikata l-osservanza ta’ dawn r-RSĠ għandhom jitwettqu fid-dawl tar-regoli tad-dritt nazzjonali li jimplimentaw id-direttiva kkonċernata.
62 Madankollu, mill-imsemmija formulazzjoni bl-ebda mod ma jirriżulta li, fil-każ ta’ ommissjoni ta’ implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva minn Stat Membru fid-dritt nazzjonali tiegħu sabiex jiddefinixxi r-rekwiżiti imposti fuq il-bdiewa skont ir-RSĠ, dan l-Istat Membru jkun eżentat mill-obbligu tiegħu li jwettaq kontrolli ta’ kundizzjonalità meħtieġa skont ir-RSĠ li jikkorrispondu għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.
63 Huwa għaldaqstant billi injorat il-formulazzjoni tal-Artikolu 93(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 78 tas-sentenza appellata, li l-obbligu tal-Istati Membri li jwettqu kontrolli ta’ kundizzjonalità tar-RSĠ jirrigwarda biss l-osservanza tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-direttiva kkonċernata fil-livell nazzjonali u li, għalhekk, fil-każ ineżami, l-obbligu li jitwettqu kontrolli ta’ kundizzjonalità tar-RSĠ 3 jirrigwarda biss l-osservanza tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 92/43 fil-livell nazzjonali.
64 Il-konstatazzjoni li ma tistax tiġi adottata interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 93(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, li tipprovdi li l-assenza ta’ adozzjoni fid-dritt nazzjonali tal-obbligi li jirriżultaw mir-RSĠ, previsti fid-direttivi, tista’ tiġġustifika n-nuqqas tal-Istat Membru kkonċernat li jwettaq kontrolli relatati mar-RSĠ, hija kkorroborata mill-kuntest li fih jaqa’ dan l-Artikolu 93(2) u mill-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1306/2013.
65 Fil-fatt, fir-rigward ta’ dan il-kuntest, qabelxejn, mill-Artikolu 93(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li r-regoli ta’ kundizzjonalità jinkludu b’mod partikolari r-RSĠ, li huma regoli “skont il-liġi tal-Unjoni”, u li huwa l-Anness II ta’ dan ir-regolament li jiddefinixxi l-kontenut materjali tar-RSĠ, billi jirreferi għall-atti legali ta’ dan id-dritt. Dan l-Anness II jiddefinixxi, b’mod partikolari, il-kontenut materjali tar-RSĠ 3 b’riferiment għall-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 92/43.
66 Sussegwentement, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1306/2013, dwar l-obbligi tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-kontroll tal-osservanza tar-RSĠ, għandu jiġi indikat li l-Artikolu 96 tal-imsemmi regolament, li jaqa’, bħall-Artikolu 93 tal-istess regolament, taħt it-Titolu VI tiegħu, intitolat “Kundizzjonalità”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu, l-obbligu tal-Istati Membri li jwettqu kontrolli fuq il-post sabiex jivverifikaw jekk il-benefiċjarji josservawx ir-RSĠ.
67 Fl-aħħar nett, dejjem fir-rigward tal-imsemmi kuntest, l-Artikolu 24(1)(c) u l-Artikolu 65(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014 jispeċifikaw li l-kontrolli mill-awtoritajiet nazzjonali għandhom jitwettqu b’mod li tiġi żgurata verifika effettiva tar-rekwiżiti u tal-istandards applikabbli fil-qasam tal-kundizzjonalità, u li l-Istati Membri jistabbilixxu sistema li tiggarantixxi kontroll effettiv tal-osservanza tal-kundizzjonalità.
68 F’dan ir-rigward, hekk kif fakkret l-Avukata Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tagħha, il-premessi 55, 59 u 60 tar-Regolament Nru 1306/2013 jistabbilixxu li huwa imperattiv li r-RSĠ jiġu implimentati b’mod sħiħ mill-Istati Membri, li l-benefiċjarji jkunu f’pożizzjoni li jifhmu l-obbligi tagħhom fir-rigward tar-regoli ta’ kundizzjonalità u li implimentazzjoni effettiva tal-kundizzjonalità teżiġi li tiġi vverifikata l-osservanza tal-obbligi fil-livell tal-benefiċjarji.
69 Barra minn hekk, il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 64 tas-sentenza preżenti hija sostnuta mill-iskop tar-Regolament Nru 1306/2013 f’dak li jirrigwarda r-regoli ta’ kundizzjonalità, li huwa li tiġi żgurata rabta bejn il-pagamenti diretti u l-osservanza ta’ dawn ir-regoli mill-bdiewa benefiċjarji, skop li għandu jipprevali fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 93(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, De Ruiter, C‑361/19, EU:C:2021:71, punti 50 u 51).
70 F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li l-Fondi jiffinanzjaw biss l-interventi mwettqa konformement mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal‑24 ta’ Frar 2005, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑300/02, EU:C:2005:103, punt 32, u tas‑6 ta’ Novembru 2014, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑610/13 P, EU:C:2014:2349, punt 59) u li Stat Membru ma jistax jeċċepixxi dispożizzjonijiet, prattiki jew sitwazzjonijiet tal-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni dwar il-Fondi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2025, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni (Finanzjament doppju għaż-żoni msaġġra), C‑587/23 P, EU:C:2025:196, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).
71 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, fil-punt 78 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma adottatx interpretazzjoni tal-Artikolu 93(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, li tipprovdi li, sa fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni jħalli lill-Istati Membri l-kompitu li jiddeterminaw il-kontenut speċifiku tar-RSĠ u sa fejn, għal dan il-kontenut, l-Anness II ta’ dan ir-regolament jirreferi għal direttiva, Stat Membru ma jistax jinvoka l-assenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali, adottati sabiex jispeċifika r-rekwiżiti imposti fuq il-bdiewa benefiċjarji taħt ir-RSĠ, sabiex jiġġustifika l-ommissjoni ta’ implimentazzjoni tal-kontrolli ta’ kundizzjonalità, li huma imposti mill-imsemmi regolament.
72 Konsegwentement, għandu jitqies ukoll li, fil-punti 79 u 82 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li, fid-dawl tal-assenza ta’ kwalunkwe miżura ta’ konservazzjoni ddefinita minn qabel għall-Komunità Awtonoma ta’ Castilla y León mill-awtoritajiet Spanjoli, fis-sens tal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 92/43, ir-rekwiżiti imposti fuq il-bdiewa skont ir-RSĠ 3 ma kinux iddeterminati b’mod suffiċjentement preċiż sabiex l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti tkun tista’ tiġi effettivament ikkontrollata minn dawn l-awtoritajiet u li, għaldaqstant, l-assenza ta’ kontroll ta’ kundizzjonalità tar-RSĠ 3 ma setgħetx titqies mill-Kummissjoni bħala nuqqas ta’ konformità.
73 Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jiġu kkontestati mill-argument, imressaq mir-Renju ta’ Spanja, li l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja, meta, bħal fil-każ ineżami, l-ispeċifikazzjonijiet skont ir-RSĠ ma ġewx adottati mill-awtoritajiet nazzjonali, twassal sabiex il-bdiewa benefiċjarji jiġu ssanzjonati għal ħtija li ma hijiex imputabbli lilhom.
74 Fil-fatt, hekk kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tagħha, konformement mal-Artikolu 91(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, il-bdiewa benefiċjarji jistgħu jiġu ssanzjonati biss għall-ksur tar-regoli ta’ kundizzjonalità imputabbli lilhom.
75 Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, fil-każ ineżami, id-deċiżjoni kontenzjuża ġiet adottata fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ konformità, prevista fl-Artikolu 52 ta’ dan ir-regolament, li tiżvolġi esklużivament bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, li fil-kuntest tagħha dan tal-aħħar huwa l-uniku responsabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità. Issa, f’dan il-każ, huma biss l-ammonti mħallsa b’mod konformi mar-regoli stabbiliti fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli li għandhom jitħallsu mill-Fondi, li jħallu f’idejn l-Istati Membri kull ammont ieħor imħallas (sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 1998, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑235/97, EU:C:1998:556 punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑404/19 P, EU:C:2020:1041, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).
76 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ewwel aggravju, it-tieni aggravju għandu jintlaqa’ u s-sentenza appellata għandha tiġi annullata, sa fejn tilqa’ t-tieni parti tal-ewwel motiv tar-rikors fl-ewwel istanza u sa fejn tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża inkwantu din id-deċiżjoni teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni ċertu nfiq tar-Renju ta’ Spanja, fl-ammont ta’ EUR 9 968 215.15.
Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali
77 Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni, taqta’ hija stess definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.
78 Fil-każ ineżami, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla parzjalment is-sentenza appellata, hija għandha l-informazzjoni neċessarja sabiex tiddeċiedi b’mod definittiv dwar it-tieni parti tal-ewwel motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni bbażat indebitament il-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa kontenzjuża fuq in-nuqqas allegat fil-konfront tar-Renju ta’ Spanja li jikkonsisti fl-assenza tal-kontrolli ta’ kundizzjonalità tar-RSĠ 3.
79 Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punt 72 tas-sentenza preżenti, l-argument imressaq mir-Renju ta’ Spanja dwar l-assenza ta’ kwalunkwe miżura ta’ konservazzjoni ddefinita minn qabel għall-Komunità Awtonoma ta’ Castilla y León mill-awtoritajiet Spanjoli, fis-sens tal-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 92/43, ma huwiex ta’ natura li jikkonfuta l-konklużjoni tal-Kummissjoni esposta fil-pożizzjoni finali li l-kontrolli ta’ kundizzjonalità tar-RSĠ 3 ma kinux konformi.
80 Fir-rigward taż-żewġ argumenti addizzjonali, ippreżentati mir-Renju ta’ Spanja sabiex jikkonfutaw din il-konklużjoni, imsemmija fil-punt 61 tas-sentenza appellata u li ma ġewx eżaminati fl-ewwel istanza, dawn ma jistgħux jintlaqgħu.
81 Fil-fatt, l-ewwel wieħed minn dawn l-argumenti kien ibbażat fuq l-assenza ta’ żjarat fuq il-post mill-Kummissjoni. Fl-assenza ta’ żjara, din l-istituzzjoni ma setgħetx tistabbilixxi l-eżistenza ta’ speċi protetta ta’ flora selvaġġa fuq il-ħbula agrikoli jew mergħat f’Castilla y León. Issa, għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, skont l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 76 u 77 tas-sentenza appellata, li barra minn hekk ma humiex ikkontestati mill-partijiet, il-kombinazzjoni flimkien bejn, minn naħa, id-Digriet 63/2007 li fih il-preżenza tal-ispeċi protetti tal-flora selvaġġa f’Castilla y León hija rrikonoxxuta u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ kontrolli ta’ kundizzjonalità tar-RSĠ 3 fil-Komunità Awtonoma ta’ Castilla y León intiża speċifikament sabiex tipproteġi tali speċi, tikkostitwixxi prova tad-dubju serju u raġonevoli fir-rigward tal-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet Spanjoli. Minn dan, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, kien ir-Renju ta’ Spanja li kellu jipprova li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni ma kinux eżatti. Madankollu, sabiex ikun jista’ jinvalida dawn il-konstatazzjonijiet, ir-Renju ta’ Spanja kellu juri l-ineżistenza tal-ispeċi protetti tal-flora selvaġġa fuq il-ħbula agrikoli jew mergħat fil-Komunità Awtonoma ta’ Castilla y León, peress li kontestazzjoni tat-twettiq, mill-Kummissjoni, ta’ żjarat fuq il-post ma kinitx suffiċjenti għal dan l-għan.
82 Permezz tat-tieni wieħed mill-imsemmija argumenti, ir-Renju ta’ Spanja allega li ma kienx hemm, f’din il-komunità awtonoma, ħbula agrikoli jew mergħat li jinsabu f’żoni speċjali ta’ konservazzjoni tal-ħabitats tal-ispeċi protetti tal-flora selvaġġa. Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan l-argument, sa fejn jikkostitwixxi offerta ta’ prova ppreżentata għall-ewwel darba waqt is-seduta fl-ewwel istanza, mingħajr ġustifikazzjoni għad-dewmien fil-preżentazzjoni tagħha, għandu jitqies li huwa tardiv u, għaldaqstant, inammissibbli.
83 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti tal-ewwel motiv tar-rikors ippreżentat mir-Renju ta’ Spanja fl-ewwel istanza għandha tiġi miċħuda.
84 Min-naħa l-oħra, il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża. Fil-fatt, il-ħames u s-sitt parti tal-ewwel motiv kif ukoll it-tieni motiv invokati mir-Renju ta’ Spanja insostenn tar-rikors tiegħu ma ġewx eżaminati mill-Qorti Ġenerali.
85 Konsegwentement, hemm lok li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi f’dan ir-rigward.
Fuq l-ispejjeż
86 Peress li l-kawża qiegħda tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż marbuta ma’ din il-proċedura ta’ appell għandhom jiġu rriżervati.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑20 ta’ Novembru 2024, Spanja vs Il-Kummissjoni (T‑508/22, EU:T:2024:855) hija annullata sa fejn tilqa’ t-tieni parti tal-ewwel motiv tar-rikors fl-ewwel istanza u sa fejn tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/908 tat‑8 ta’ Ġunju 2022 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nefqa imġarrab mill-Istati Membri taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), sa fejn din id-deċiżjoni teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nefqa tar-Renju ta’ Spanja li tammonta għal EUR 9 968 215.15.
2) It-tieni parti tal-ewwel motiv tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali hija miċħuda.
3) Il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex tiddeċiedi fuq il-ħames u s-sitt parti tal-ewwel motiv tar-rikors kif ukoll fuq it-tieni motiv tar-rikors.
4) L-ispejjeż huma rriżervati.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.