European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2118

22.10.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2118

tal-21 ta’ Ottubru 2025

li jimponi mill-ġdid dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T-122/23

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 24(1) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Investigazzjonijiet preċedenti u miżuri fis-seħħ

(1)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/309 (2), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) imponiet dazji kompensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija (“l-investigazzjoni oriġinali”).

(2)

Fl-4 ta’ Ġunju 2018, wara rieżami interim parzjali dwar is-sussidjar tal-produtturi esportaturi kollha f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (“ir-Regolament bażiku”), il-Kummissjoni ddeċidiet li żżomm il-miżuri kif stabbiliti fl-investigazzjoni oriġinali mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/823 (4).

(3)

Fil-15 ta’ Mejju 2020, wara rieżami interim parzjali f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/658 (5), il-Kummissjoni emendat il-livell tad-dazju kompensatorju għal produttur esportatur wieħed.

(4)

Fil-25 ta’ Mejju 2021, wara rieżami ta’ skadenza f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni estendiet il-miżuri kif stabbiliti fl-investigazzjoni oriġinali (u kif emendati mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/658) għal ħames snin oħra permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/823 (6).

(5)

Fit-8 ta’ Diċembru 2022, wara rieżami interim parzjali, il-Kummissjoni ppubblikat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2390 (7) (“ir-Regolament ikkontestat”) li jemenda d-dazju kompensatorju definittiv impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/823.

1.2.   Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea

(6)

Fis-6 ta’ Marzu 2023, Ege İhracatçıları Birliği (l-Assoċjazzjoni tal-Esportaturi tal-Eġew), Akdeniz İhracatçıları Birliği (l-Assoċjazzjoni tal-Esportaturi Mediterranji), İstanbul İhracatçıları Birliği (l-Assoċjazzjoni tal-Esportaturi ta’ Istanbul), Doğu Karadeniz İhracatçıları Birliği (l-Assoċjazzjoni tal-Esportaturi tal-Lvant tal-Baħar l-Iswed), u Denizli İhracatçıları Birliği (l-Assoċjazzjoni tal-Esportaturi ta’ Denizli), flimkien mal-membri tagħhom (“ir-rikorrenti”), ippreżentaw rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti Ġenerali”) kontra l-legalità tar-Regolament ikkontestat.

(7)

Fil-5 ta’ Frar 2025, il-Qorti Ġenerali tat is-sentenza tagħha fil-Kawża T-122/23 (8) Ege İhracatçıları Birliği u oħrajn vs Il-Kummissjoni, li annullat parzjalment ir-Regolament ikkontestat, sa fejn dan kien jikkonċerna l-produtturi esportaturi Gümüşdoga Su Ürünleri Üretim Ihracat Ithalat AŞ (‘Gümüșdoğa’) u l-applikanti l-oħra, ħlief għal Özpekler İnșaat Taahhüt Dayanıklı Tüketim Malları Su Ürünleri Sanayi ve Ticaret Ltd Șirketi u Selina Balık İșleme Tesisi İthalat İhracat Ticaret AȘ (“is-Sentenza”).

(8)

Ir-rikorrenti qajmu diversi pretensjonijiet kontra r-Regolament ikkontestat li jaffettwa l-ammonti ta’ benefiċċji li nstabu. Il-Qorti Ġenerali qatgħatha favurihom fir-rigward ta’ żewġ pretensjonijiet minħabba li sabet li l-Kummissjoni kienet wettqet żewġ żbalji ta’ valutazzjoni li jaffettwaw l-ammonti ta’ benefiċċji, jiġifieri l-benefiċċju li rċevew permezz ta’ “L-Iskema ta’ Appoġġ għall-Wirjiet” u l-benefiċċju li rċevew permezz tal-“appoġġ mill-Assoċjazzjoni tal-Esportaturi tal-Eġew”.

(9)

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali sabet li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ valutazzjoni meta allokat il-benefiċċju li rċieva Gümüșdoğa taħt “L-Iskema ta’ Appoġġ għall-Wirjiet” għall-prodott ikkonċernat esportat lejn l-Unjoni Ewropea matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(10)

Il-Qorti Ġenerali stabbiliet li l-appoġġ li rċieva Gümüșdoğa taħt din l-iskema kien marbut mal-parteċipazzjoni tiegħu f’fiera kummerċjali internazzjonali organizzata f’Boston (l-Istati Uniti) bejn is-17 u d-19 ta’ Marzu 2019 u li ma kien hemm xejn fil-fajl li jwassal għall-konklużjoni li l-appoġġ kien ukoll marbut mal-prodott ikkonċernat esportat lejn l-Unjoni Ewropea matul l-investigazzjoni. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali sabet li l-approċċ segwit mill-Kummissjoni fir-Regolament ikkontestat ma kienx jidher li huwa sostanzjat.

(11)

Il-Qorti Ġenerali nnutat ukoll li kienet il-Kummissjoni li kellha turi, abbażi ta’ provi jew tal-inqas indizji, li, minkejja l-fatt li dan l-appoġġ kien marbut mal-parteċipazzjoni ta’ Gümüșdoğa f’fiera kummerċjali internazzjonali organizzata f’Boston, l-appoġġ kien ta’ benefiċċju wkoll għall-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kkonċernat.

(12)

It-tieni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ valutazzjoni meta attribwiet il-benefiċċju li rċieva Gümüșdoğa fir-rigward tal-“appoġġ mill-Assoċjazzjoni tal-Esportaturi tal-Eġew” għall-prodott ikkonċernat esportat lejn l-Unjoni Ewropea matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(13)

Il-Qorti Ġenerali sabet li l-benefiċċju mill-Assoċjazzjoni tal-Esportaturi tal-Eġew kien marbut mal-appoġġ għat-trasport bl-ajru u, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kkonċernat, l-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni li saru minn Gümüșdoğa kienu bit-trasport bit-triq u mhux bit-trasport bl-ajru.

(14)

Taħt dawn iċ-ċirkostanzi, il-Qorti Ġenerali sabet li l-approċċ segwit mill-Kummissjoni, li jikkonsisti fl-allokazzjoni tal-benefiċċju rċevut taħt din l-iskema għad-dħul mill-bejgħ totali mill-esportazzjoni tal-grupp matul il-perjodu rilevanti, u sussegwentement attribwit lill-prodott ikkonċernat, ma jidhirx li huwa sostanzjat.

(15)

Il-Qorti Ġenerali ma annullatx il-miżuri fir-rigward ta’ tnejn mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, Özpekler İnșaat Taahhüt Dayanıklı Tüketim Malları Su Ürünleri Sanayi ve Ticaret Ltd Șirketi u Selina Balık İșleme Tesisi İthalat İhracat Ticaret AȘ peress li ma kellhomx interess ġuridiku.

1.3.   Implimentazzjoni tas-Sentenza tal-Qorti Ġenerali

(16)

L-Artikolu 266 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) jipprevedi li l-Istituzzjonijiet iridu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mas-sentenza. Fil-każ ta’ annullament ta’ att adottat mill-Istituzzjonijiet fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva, bħall-investigazzjonijiet antisussidji f’dan il-każ, il-konformità mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tikkonsisti fis-sostituzzjoni tal-att annullat b’att ġdid, li fih l-illegalità identifikata mill-Qorti Ġenerali tiġi eliminata (9).

(17)

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni (“il-Qorti tal-Ġustizzja”), il-proċedura għas-sostituzzjoni tal-att annullat tista’ tissokta mill-punt eżatt li fih saret l-illegalità (10). Dan jimplika, b’mod partikolari, li f’sitwazzjoni fejn att li jikkonkludi proċedura amministrattiva jiġi annullat, dak l-annullament mhux neċessarjament jaffettwa l-atti preparatorji, bħall-bidu tal-proċedura antisussidji.

(18)

F’sitwazzjoni fejn pereżempju Regolament li jimponi miżuri antisussidji definittivi jiġi annullat, dan ifisser li wara l-annullament, il-proċediment antisussidji jkun għadu miftuħ, minħabba li l-att li jikkonkludi l-proċediment ikun sparixxa mill-ordni ġuridiku tal-Unjoni (11), ħlief jekk l-illegalità tkun seħħet fl-istadju tal-bidu. It-tkomplija tal-proċedura amministrattiva u l-impożizzjoni mill-ġdid eventwali tad-dazji ma jistgħux jitqiesu bħala kuntrarji għar-regola tan-nonretroattività (12).

(19)

F’dan il-każ il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament ikkontestat fir-rigward tal-produtturi esportaturi kkonċernati fuq il-bażi li l-Kummissjoni kienet allokat b’mod skorrett il-benefiċċju li rċieva produttur esportatur wieħed inkluż fil-kampjun minn żewġ skemi ta’ sussidju.

(20)

Is-sejbiet l-oħra tar-Regolament ikkontestat li ma ġewx ikkontestati, jew li ġew ikkontestati iżda miċħuda mill-Qorti Ġenerali, jibqgħu kompletament validi u mhumiex affettwati minn dan il-ftuħ mill-ġdid (13).

(21)

Minħabba s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ddeċidiet li terġa’ tiftaħ l-investigazzjoni li wasslet għar-Regolament ikkontestat u li terġa’ tibda l-investigazzjoni fil-punt fejn seħħet l-illegalità.

(22)

Wara s-Sentenza, fil-15 ta’ April 2025, il-Kummissjoni ppubblikat Avviż (14) (“l-Avviż ta’ ftuħ mill-ġdid”), li jiftaħ mill-ġdid l-investigazzjoni iżda limitat fil-kamp ta’ applikazzjoni għall-implimentazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

(23)

Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/719 (15) (“ir-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni”) li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla soġġetti għar-reġistrazzjoni u li ta struzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali nazzjonali biex jistennew il-pubblikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni rilevanti li jimponi mill-ġdid id-dazji qabel ma jiddeċiedu dwar kwalunkwe talba għal ħlas lura u remissjoni ta’ dazji kumpensatorji fir-rigward ta’ dawn l-importazzjonijiet.

(24)

Il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati kollha dwar il-ftuħ mill-ġdid u stidnithom jikkummentaw. Wasal kumment wieħed mill-Organizzazzjoni Daniża tal-Akkwakultura li jappoġġa l-impożizzjoni ta’ dazji kumpensatorji fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla mit-Turkija. Madankollu huma ma għamlu l-ebda kumment dwar is-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

(25)

L-ebda parti interessata ma talbet seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali.

1.4.   Passi proċedurali għall-implimentazzjoni tas-Sentenza tal-Qorti Ġenerali

(26)

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx allokat b’mod korrett il-benefiċċju li rċieva Gümüșdoğa minn żewġ skemi ta’ sussidju matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(27)

Għaż-żewġ skemi l-Kummissjoni kienet allokat il-benefiċċju għall-fatturat tal-esportazzjoni. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma qablitx ma’ din l-allokazzjoni u spjegat ir-raġunijiet tagħha fis-Sentenza.

(28)

Il-Kummissjoni nnotat li l-Qorti Ġenerali ma kkontestatx is-sejbiet tal-Kummissjoni li ż-żewġ skemi kienu kumpensabbli u li ġie riċevut benefiċċju, u għalhekk biex tiġi implimentata s-Sentenza, l-allokazzjoni jista’ jkollha bżonn tiġi stabbilita b’mod differenti.

(29)

Il-ġurisprudenza tad-WTO tistipula li l-flus li jagħtu lok għal sussidji kumpensabbli riċevuti mill-produtturi esportaturi huma funġibbli (16) u għalhekk jistgħu jagħtu benefiċċju lill-produzzjoni u/jew l-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Konsegwentement, il-Kummissjoni tal-anqas setgħet allokat l-ammont tal-benefiċċju li huwa kumpensabbli għall-fatturat totali tal-produttur esportatur.

(30)

Madankollu, il-Kummissjoni nnotat li minħabba l-ammonti żgħar ħafna li Gümüșdoğa rċieva bħala benefiċċju kemm għall-iskema “L-Iskema ta’ Appoġġ għall-Wirjiet” kif ukoll għall-iskema “Assoċjazzjoni tal-Esportaturi tal-Eġew”, ir-rata tad-dazju għal Gümüșdoğa tiġi aġġustata għal 4,2 %, irrispettivament minn jekk dawn is-sussidji ġewx allokati għall-prodott ikkonċernat jew ma ttieħdux inkunsiderazzjoni kompletament.

(31)

Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tikkumpensax iż-żewġ skemi inkwistjoni. Dan wassal għal tnaqqis fl-ammont totali ta’ sussidjar misjub minn 4,4 % għal 4,2 %.

(32)

Fid-dawl li Gümüșdoğa kien parti mill-kampjun, il-kalkoli tas-sussidji tiegħu affettwaw ukoll id-dazji medju tal-kampjun lill-kumpaniji li ġejjin li huma wkoll affettwati mis-sentenza, jiġifieri Abalıoğlu Balık ve Gıda Ürünleri A.Ş., Bağcı Balık Gıda ve Enerji Üretimi Sanayi ve Ticaret A.Ş., Ertuğ Balık Üretim Tesisi Gıda ve Tarım İşletmeleri Sanayi ve Ticaret A.Ş., Kemal Balıkçılık İhracat LTD. ŞTİ., Kılıç Deniz Ürünleri Üretimi İhracat ve İthalat A.Ş., Liman Entegre Balıkçılık San ve Tic. Ltd. Şti, More Su Ürünleri Ticaret A.Ş., Ömer Yavuz Balıkçılık Su Ürünleri San. Tic. Ltd. Şti, Premier Kültür Balıkçılığı Yatırım ve Paz. A.Ş., Uluturhan Balıkçılık Turizm Ticaret Limited Şirketi, and Yavuzlar Otomotiv Balıkçılık San. Tic. Ltd. Şti. Id-dazju kumpensatorju tagħhom ġie rivedut ’l isfel minn 4,0 % għal 3,8 %.

(33)

Minħabba li d-dazju għall-pajjiż kollu ġie stabbilit fil-livell ta’ Gümüșdoğa, li rċieva l-ogħla dazju individwali tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, il-kalkoli riveduti tas-sussidju affettwaw ukoll id-dazju għal kumpanija waħda li hija affettwata wkoll mis-sentenza, li kienet irċeviet id-dazju kompensatorju għall-pajjiż kollu, jiġifieri Kuzuoğlu Su Ürünleri Sanayi ve Ticaret A.Ş. Id-dazju kumpensatorju tagħha ġie rivedut ’l isfel minn 4,4 % għal 4,2 %.

(34)

Il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom id-dazji kellhom jiġu riveduti ġew divulgati lil Gümüșdoğa u lil partijiet interessati oħra fis-26 ta’ Ġunju 2025 u ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni.

1.5.   Kummenti dwar id-divulgazzjoni

(35)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti dwar id-divulgazzjoni mingħand l-esportatur Uluturhan Balıkçılık Turizm Ticaret Limited Şirketi. Madankollu, dawk il-kummenti (relatati mal-ammont ta’ sussidjar għal dik il-kumpanija) ma kinux relatati mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni.

(36)

Il-Kummissjoni rċeviet ukoll kummenti mingħand l-esportatur Kuzuoğlu Su Ürünleri Sanayi ve Ticaret A.Ş. (‘Kuzuoğlu’) li s-sitwazzjoni tiegħu ġiet deskritta fil-premessa (33) bħala kumpanija soġġetta għad-dazju għall-pajjiż kollu.

(37)

Fil-kummenti tagħha Kuzuoğlu għarrfet lill-Kummissjoni li kien ġie ppubblikat avviż fil-Gazzetta tar-Reġistru tal-Kummerċ fit-12 ta’ Jannar 2022 biex jinbidel l-isem tal-kumpanija Lazsom Su Ürünleri Gida Üretim Pazarlama Sanayi Ve Ticaret Limited Şirketi għal Kuzuoğlu Su Ürünleri Sanayi ve Ticaret A.Ş. u talbet li l-Kummissjoni tikkunsidra mill-ġdid id-dazju applikabbli għal Kuzuoğlu kif żvelat.

(38)

Fit-8 ta’ Lulju 2025 intbagħat kwestjonarju lil Kuzuoğlu biex il-kumpanija tikkonferma jekk bidla fl-isem minn Lazsom Su kinitx ġustifikata. Ma waslet l-ebda tweġiba.

(39)

Għalhekk il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għal bidla fl-isem.

2.   MIŻURI KUMPENSATORJI DEFINITTIVI

(40)

Il-livell rivedut ta’ dazju kumpensatorju li jirriżulta mill-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni japplika mingħajr ebda interruzzjoni mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament ikkontestat (jiġifieri, mid-9 ta’ Diċembru 2022 ’il quddiem). L-awtoritajiet doganali huma ordnati jiġbru l-ammont xieraq fuq l-importazzjonijiet u jirrimborżaw kwalunkwe ammont żejjed miġbur sa issa f’konformità mal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

(41)

Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), meta ammont ikun irid jiġi rimborżat b’segwitu għal sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-imgħax li jrid jitħallas jenħtieġ li jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

(42)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju kompensatorju definittiv huwa impost fuq l-importazzjonijiet ta’ trota qawsalla (Oncorhynchus mykiss):

—

ħajjin li jiżnu 1,2 kg jew inqas kull waħda, jew

—

friski, imkessħin, iffriżati u/jew affumikati:

—

fil-forma ta’ ħuta sħiħa (bir-ras), imnaddfin mill-garġi jew le, imnaddfin mill-organi jew le, li jiżnu 1,2 kg jew inqas kull waħda, jew

—

bla ras, imnaddfin mill-garġi jew le, imnaddfin mill-organi jew le, li jiżnu 1 kg jew inqas kull waħda, jew

—

fil-forma ta’ filetti li jiżnu 400 g jew inqas kull waħda,

li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 0301 91 90 , ex 0302 11 80 , ex 0303 14 90 , ex 0304 42 90 , ex 0304 82 90 , ex 0305 43 00 and ex 1604 19 10 (il-kodiċijiet TARIC 0301 91 90 11, 0302 11 80 11, 0303 14 90 11, 0304 42 90 10, 0304 82 90 10, 0305 43 00 11 and 1604 19 10 11), li joriġinaw mit-Turkija u manifatturati mill-produtturi esportaturi elenkati fil-paragrafu (2).

2.   Ir-rati tad-dazju kumpensatorju definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-punt 1 u manifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, għandhom ikunu kif ġej, mid-9 ta’ Diċembru 2022.

Kumpanija

Dazju kumpensatorju

Kodiċi addizzjonali TARIC

Fishark Su Ürünleri Üretim ve Sanayi Ticaret A.Ş.

3,4  %

B985

Gümüşdoga Su Ürünleri Üretim Ihracat Ithalat AŞ

4,2  %

B964

Özpekler İnşaat Taahhüd Dayanıklı Tüketim Malları Su Ürünleri Sanayi ve Ticaret Limited Şirketi

3,1  %

B966

Selina Balık İşleme Tesisi İthalat İhracat Ticaret Anonim Şirketi

2,8  %

C889

Abalıoğlu Balık ve Gıda Ürünleri A.Ş.

3,8  %

B968

Bağcı Balık Gıda ve Enerji Üretimi Sanayi ve Ticaret A.Ş.

3,8  %

B977

Ertuğ Balık Üretim Tesisi Gıda ve Tarım İşletmeleri Sanayi ve Ticaret A.Ş. and More Su Ürünleri Ticaret A.Ş.

3,8  %

C891

Kemal Balıkçılık İhracat Ltd. ŞTİ.

3,8  %

B981

Kılıç Deniz Ürünleri Üretimi İhracat ve İthalat A.Ş.

3,8  %

B965

Liman Entegre Balıkçılık San. Ve Tic. Ltd. Şti

3,8  %

B982

Ömer Yavuz Balıkçılık Su Ürünleri San. Tic. Ltd. Şti

3,8  %

B984

Premier Kültür Balıkçılığı Yatırım ve Paz. A.Ş.

3,8  %

C893

Uluturhan Balıkçılık Turizm Ticaret Limited Şirketi

3,8  %

C894

Yavuzlar Otomotiv Balıkçılık San. Tic. Ltd. Şti

3,8  %

C895

Alima Su Ürünleri ve Gıda Sanayi Ticaret A.Ş.

4,0  %

B974

Baypa Bayhan Su Urunleri San. Ve Tic. A.S.

4,0  %

C890

Lazsom Su Urunleri Gida Uretim Pazarlama Sanayi Ve Ticaret Limited Sirketi

4,0  %

C892

Kuzuoğlu Su Ürünleri Sanayi ve Ticaret A.Ş.

4,2  %

89MI

L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mit-Turkija

4,4  %

B999

Artikolu 2

Kwalunkwe dazju kumpensatorju definittiv imħallas f’konformità mal-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/2390 li jaqbeż id-dazju kumpensatorju definittiv stabbilit fl-Artikolu 1 għandu jiġi rimborżat jew rimess.

Ir-rimborż jew ir-remissjoni għandhom jintalbu mill-awtoritajiet doganali nazzjonali f’konformità mal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

Artikolu 3

Id-dazju kumpensatorju definittiv impost mill-Artikolu 1 għandu jinġabar ukoll fuq l-importazzjonijiet irreġistrati f’konformità mal-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/719 li jagħmel l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni.

L-awtoritajiet doganali huma ordnati biex ma jkomplux bir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, stabbilita f’konformità mal-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/719 li b’dan huwa mħassar.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ottubru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1037/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/309 tas-26 ta’ Frar 2015 li jimponi dazju kompensatorju definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija (ĠU L 56, 27.2.2015, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/309/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/823 tal-4 ta’ Ġunju 2018 li jtemm ir-rieżami interim parzjali tal-miżuri kompensatorji applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mir-Repubblika tat-Turkija (ĠU L 139, 5.6.2018, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/823/oj).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/658 tal-15 ta’ Mejju 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/309 li jimponi dazju kompensatorju definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija wara rieżami interim skont l-Artikolu 19(4) tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 155, 18.5.2020, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/658/oj).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/823 tal-20 ta’ Mejju 2021 li jimponi dazju kompensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 183, 25.5.2021, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/823/oj).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2390 tas-7 ta’ Diċembru 2022 li jemenda d-dazju kompensatorju definittiv impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/823 wara rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 8.12.2022, p. 52, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/2390/oj).

(8)  ECLI:EU:T:2025:133.

(9)  Il-Kawżi Magħquda 97, 193, 99 u 215/86, Asteris AE u oħrajn u r-Repubblika Ellenika vs il-Kummissjoni [1988] ECR 2181, il-punti 27 u 28.

(10)  Il-Kawża C-415/96 Spanja vs il-Kummissjoni [1998] ECR I-6993, il-punt 31; Il-Kawża C-458/98 P Industrie des Poudres Sphériques vs il-Kunsill [2000] I-8147, il-punti 80 sa 85; Il-Kawża T-301/01 Alitalia vs il-Kummissjoni [2008] II-1753, il-punti 99 u 142; Il-Kawżi Magħquda T-267/08 u T-279/08 Région Nord-Pas de Calais vs il-Kummissjoni [2011] II-0000, il-punt 83.

(11)  Il-Kawża C-415/96 Spanja vs il-Kummissjoni [1998] ECR I-6993, il-punt 31; Il-Kawża C-458/98 P Industrie des Poudres Sphériques vs il-Kunsill [2000] I-8147, il-punti 80 sa 85.

(12)  Il-Kawża C-256/16, Deichmann SE vs Hauptzollamt Duisburg, Sentenza tal-Qorti tal-15 ta’ Marzu 2018, il-punt 79 u C & J Clark International Ltd vs Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2019, il-punt 5.

(13)  T-650/17, Jinan Meide Casting Co., Ltd, ECLI:EU:T:2019:644, il-punti 333–342.

(14)   ĠU C, C/2025/2264, 15.4.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2264/oj.

(15)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/719 tal-14 ta’ April 2025 li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċerti troti qawsalla li joriġinaw mit-Turkija soġġetti għar-reġistrazzjoni wara l-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni sabiex tiġi implimentata s-sentenza tal-5 ta’ Frar 2025 fil-kawża T-122/23 rigward ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2390 (ĠU L, 2025/719, 15.4.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/719/oj).

(16)   “għandhom il-kapaċità li jiġu sostitwiti minflok xulxin” (www.oed.com). Ara f’dan is-sens pereżempju WT/DS267/R,, Stati Uniti - Sussidji fuq Upland Cotton, il-punt 7.644.

(17)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2118/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)