European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2085

21.9.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2085

tat-18 ta’ Settembru 2026

li jestendi deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fir-rigward tad-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għat-tartaruni li jistadu għaċ-ċiċċirell (Gymnammodytes cicerelus u G. semisquamatus) u għall-gobi (Aphia minuta u Crystallogobius linearis) f’ċerti ibħra territorjali ta’ Spanja (il-Katalonja)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-6 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 464/2014 (2) li jistabbilixxi għall-ewwel darba deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 sat-8 ta’ Mejju 2017 fir-rigward tad-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għat-tartaruni tas-sajd għaċ-ċiċċirell (Gymnammodytes cicerelus u G. semisquamatus) u għall-gobi (Aphia minuta u Crystallogobius linearis) f’ċertu ibħra territorjali ta’ Spanja (il-Katalonja). Ingħataw bosta estensjonijiet ta’ dik id-deroga, l-aktar reċentement bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2726 (3), u din l-estensjoni tal-aħħar skadiet fit-2 ta’ Lulju 2026.

(2)

Fis-16 ta’ Frar 2026, il-Kummissjoni rċeviet talba mingħand Spanja biex testendi dik id-deroga. Spanja pprovdiet ġustifikazzjonijiet xjentifiċi u tekniċi aġġornati għat-talba tagħha, inkluż pjan ta’ ġestjoni ġdid adottat fid-29 ta’ Ġunju 2026 (4), f’konformità mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, u rapport dwar il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ġestjoni, f’konformità mal-Artikolu 13(9), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 u mar-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(3)

Matul il-81 sessjoni plenarja tiegħu organizzata f’Marzu 2026, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) ivvaluta t-talba li jerġgħu jiġu estiżi d-deroga u r-rapport ta’ implimentazzjoni u ta’ monitoraġġ (6). L-STECF ikkonkluda li l-abbozz rivedut tal-pjan ta’ ġestjoni jinkludi elementi xierqa għall-monitoraġġ u għall-ġestjoni tal-attivitajiet tas-sajd “Sonsera” fl-ilmijiet Katalani u li l-kundizzjonijiet għall-għoti tad-deroga huma ssodisfati.

(4)

Id-deroga li talbet Spanja hi konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. L-estensjoni tad-deroga li talbet Spanja tikkonċerna għadd limitat ta’ bastimenti u hemm limitazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi, minħabba kemm id-daqs limitat tal-blata kontinentali kif ukoll id-distribuzzjoni spazjali tal-ispeċijiet fil-mira li jillimitaw iż-żoni tas-sajd.

(5)

Il-pjan ta’ ġestjoni jiggarantixxi li fil-ġejjieni mhux se jiżdied l-isforz tas-sajd, peress li l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd se jinħarġu biss għal massimu ta’ 26 bastiment tas-sajd b’tul totali ta’ inqas minn 10-il metru u b’potenza tal-magna ta’ inqas minn 75 kW.

(6)

Barra minn hekk, it-talba tikkonċerna attivitajiet tas-sajd diġà awtorizzati minn Spanja, għal bastimenti li huma rreġistrati fiċ-ċensiment marittimu ġestit mill-Komunità Awtonoma tal-Katalonja u li għandhom rekord ippruvat fis-sajd ta’ aktar minn 5 snin. Dawk il-bastimenti huma inklużi f’lista kkomunikata lill-Kummissjoni.

(7)

Is-sajd ma jistax isir bi rkaptu ieħor, peress li t-tartaruni biss għandhom il-karatteristiċi tekniċi meħtieġa biex jitwettaq dan it-tip ta’ sajd.

(8)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati ma jinterferixxux mal-irkapti għajr dawk tat-tkarkir, tat-tartaruni jew ta’ xbieki rmunkati simili.

(9)

Barra minn hekk, is-sajd ma għandu l-ebda impatt sinifikanti fuq l-ambjent tal-baħar, peress li t-tartaruni huma rkapti selettivi ħafna u ma jmissux ma’ qiegħ il-baħar.

(10)

Barra minn hekk, iċ-ċefalopodi mhumiex fil-mira tat-tartaruni.

(11)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, peress li s-sajd ma joperax fuq qigħan tal-algi, b’mod partikolari, ta’ Posidonia oceanica jew fanerogami tal-baħar oħrajn.

(12)

Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1), il-punt (h), tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, kif ittrasferiti fl-Artikolu 8(1) u fl-Anness IX, il-Parti B, it-Taqsima 1, tar-Regolament (UE) 2019/1241, mhumiex applikabbli għaliex jirrigwardaw il-bastimenti tat-tkarkir. Spanja awtorizzat deroga mill-qies minimu tal-malji stabbilit fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 abbażi tal-issodisfar tar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(7) ta’ dak ir-Regolament minħabba n-natura selettiva ħafna tas-sajd ikkonċernat, l-effett negliġibbli tiegħu fuq l-ambjent tal-baħar u li mhuwiex affettwat mid-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(13)

Għalkemm l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 tħassar bir-Regolament (UE) 2019/1241, il-punt 4, tal-Parti B, tal-Anness IX, ta’ dak ir-Regolament jippermetti li jkomplu japplikaw derogi mid-daqsijiet minimi tal-malji abbażi tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15(5) ta’ dak ir-Regolament. Tali derogi kellhom ikunu fis-seħħ fl-14 ta’ Awwissu 2019, ma jwasslux għal deterjorament tal-istandards ta’ selettività, b’mod partikolari mil-lat ta’ żieda fil-qabdiet tal-frieħ tal-ħut, u jkollhom l-għan li jiksbu l-objettivi u l-miri stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 ta’ dak ir-Regolament. L-estensjoni mitluba tikkonforma mal-kundizzjonijiet imsemmija.

(14)

L-attività tat-tartaruni hija rregolata fil-pjan ta’ ġestjoni biex jiġi żgurat li l-qabdiet tal-ispeċijiet imsemmija fl-Anness IX tar-Regolament (UE) 2019/1241 ikunu minimi, bl-eċċezzjoni tal-molluski bivalvi.

(15)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (7).

(16)

Is-sajd ikkonċernat jitwettaq f’distanza qasira ħafna mill-kosta u għaldaqstant ma jfixkilx l-attivitajiet tas-sajd ta’ bastimenti oħra.

(17)

Il-pjan ta’ ġestjoni Spanjol fih miżuri għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd, kif previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(18)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-estensjoni tad-deroga tingħata.

(19)

Jenħtieġ li tiġi introdotta limitazzjoni fit-tul taż-żmien tad-deroga, sabiex ikunu jistgħu jittieħdu fil-pront il-miżuri ta’ ġestjoni korrettivi f’każ li l-monitoraġġ tal-pjan ta’ ġestjoni juri status ħażin ta’ konservazzjoni tal-istokk sfruttat filwaqt li jkun hemm l-opportunità biex tittejjeb il-bażi xjentifika għal pjan ta’ ġestjoni aħjar.

(20)

Peress li d-deroga mogħtija bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2726 kienet tapplika sat-2 ta’ Lulju 2026, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mit-3 ta’ Lulju 2026, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità legali.

(21)

Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza.

(22)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-konformità mal-attività koperta b’din id-deroga ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (8).

(23)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Deroga

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma għandux japplika fl-ilmijiet sa 3 mili nawtiċi mil-linji bażi taħt is-sovranità jew il-ġuriżdizzjoni ta’ Spanja maġenb il-kosta tar-reġjun Katalan għat-tartaruni li jistadu għaċ-ċiċċirell (Gymnammodytes cicerelus u G. semisquamatus) u għall-gobi (Aphia minuta u Crystallogobius linearis) diment li dawk il-bastimenti:

(a)

ikunu rreġistrati fiċ-ċensiment marittimu ġestit mill-Komunità Awtonoma tal-Katalonja;

(b)

ikollhom rekord ta’ aktar minn 5 snin fis-sajd u mhux se jiżdidilhom l-isforz tas-sajd fil-futur; u

(c)

ikollhom awtorizzazzjoni għas-sajd u joperaw skont il-pjan ta’ ġestjoni adottat minn Spanja f’konformità mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

Artikolu 2

Pjan ta’ monitoraġġ u rapportar

Spanja għandha tikkomunika lill-Kummissjoni rapport imfassal f’konformità mal-pjan ta’ monitoraġġ stabbilit fil-pjan ta’ ġestjoni msemmi fl-Artikolu 1(c), għall-ewwel darba sat-2 ta’ Lulju 2027 u, minn dakinhar ’il quddiem, kull 12-il xahar.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u perjodu tal-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-3 ta’ Lulju 2026 sat-2 ta’ Lulju 2029.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Settembru 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1967/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 464/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jidderoga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fejn tidħol id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għal tartaruni li jistadu għaċ-ċiċċirell (Gymnammodytes cicerelus u G. semisquamatus) u għall-gobi (Aphia minuta u Crystalogobius linearis) f’ċertu ilmijiet territorjali ta’ Spanja (il-Katalonja) (ĠU L 134, 7.5.2014, p. 37, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/464/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2726 tal-24 ta’ Ottubru 2024 li jestendi deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fir-rigward tad-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għat-tartaruni li jistadu għaċ-ċiċċirell (Gymnammodytes cicerelus u G. semisquamatus) u għall-gobi (Aphia minuta u Crystalogobius linearis) f’ċerti ibħra territorjali ta’ Spanja (il-Katalonja) (ĠU L, 2024/2726, 25.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2726/oj).

(4)  Orden ARP/123/2026, de 29 de junio, por la que se aprueba el Plan de gestión de la modalidad de la sonsera en el litoral catalán (2026-2029). Diari Oficial de la Generalitat de Catalunya, Nru 9697 – 1.7.2026.

(5)  Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1241/oj).

(6)   https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/d/stecf/stecf_plen_26-01.

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1224/oj).

(8)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal- 21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1992/43/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/2085/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)