Brussell, 21.11.2024

COM(2024) 552 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

L-ewwel Rapport ta’ Trasparenza Biennali tal-Unjoni Ewropea lill-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (meħtieġ skont il-Qafas ta’ Trasparenza Msaħħaħ)

{SWD(2024) 273 final}


1. Introduzzjoni u sommarju eżekuttiv

It-tisħin globali antropoġeniku qed ikompli jseħħ b’pass mgħaġġel u qed ikollu impatt fuq ir-reġjuni kollha tad-dinja, bl-Ewropa tisħon b’rata d-doppju tal-medja globali 1 . Biex it-tisħin jiġi limitat għall-mira tat-temperatura fil-Ftehim ta’ Pariġi ta’ 1,5 °C jeħtieġ li l-emissjonijiet globali ta’ gassijiet serra jilħqu l-ogħla livell sa mhux aktar tard mill-2025 u jitnaqqsu bi 43 % sal-2030 2 . It-tibdil fil-klima kkawża impatti avversi mifruxa. L-Ewropa qed tiffaċċja r-riskju ta’ mewġiet ta’ sħana aktar intensi u frekwenti, perjodi twal ta’ nixfa, preċipitazzjoni aktar intensiva, veloċitajiet medji aktar baxxi tar-riħ u inqas borra.

L-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Membri tagħha huma impenjati favur azzjoni ambizzjuża b’reazzjoni għat-theddid ikkawżat mit-tibdil fil-klima. Is-27 Stat Membru kollha tal-UE huma impenjati li jiksbu UE newtrali għall-klima sal-2050, f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi. Huma rratifikaw il-Ftehim ta’ Pariġi f’Ottubru 2016 b’mira konġunta u vinkolanti ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG, greenhouse gas) fl-ekonomija kollha ta’ mill-inqas 40 % sal-2030, meta mqabbel mal-livelli tal-1990. Fuq il-gwida tal-Kunsill Ewropew, f’Diċembru 2022 l-UE ppreżentat mira klimatika ġdida u aktar ambizzjuża għall-UE u s-27 Stat Membru tagħha ta’ tnaqqis domestiku nett ta’ mill-inqas 55 % fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2030 meta mqabbel mal-1990, li juri ambizzjoni u impenn akbar biex jitwettaq il-Ftehim ta’ Pariġi.

Dan ir-rapport u d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (SWD, Staff Working Document) li jakkumpanjah jikkostitwixxu l-ewwel Rapport ta’ Trasparenza Biennali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ħejjiet dan ir-rapport abbażi tal-linji gwida adottati mill-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC, United Nations Framework Convention on Climate Change), il-Ftehim ta’ Pariġi, u l-Artikolu 29.5(a) tar-Regolament (UE) 2018/1999 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika 3 . L-UE għażlet li tissottometti l-inventarju nazzjonali ta’ gassijiet serra tal-2024 tagħha bħala rapport awtonomu.

L-aktar ċifri reċenti tal-inventarju juru li l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-UE komplew jonqsu, bi tnaqqis nett ta’ 32,6 % sal-2022 meta mqabbel mal-1990, li juri progress lejn il-miri tagħha. Dan ir-rapport jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet serra fl-2022 u juri l-progress tal-UE fl-implimentazzjoni u fil-kisba tal-Kontribut Stabbilit fil-Livell Nazzjonali (NDC, Nationally Determined Contribution) tagħha skont il-Ftehim ta’ Pariġi. Il-Kapitolu 3 jippreżenta l-politiki u l-miżuri ta’ mitigazzjoni tal-UE, inkluż il-pakkett ta’ leġiżlazzjoni “lesti għall-mira ta’ 55 %” adottat fl-2023 li jsaħħaħ il-politiki u l-miżuri biex l-UE tkun tista’ tilħaq il-mira aġġornata għall-2030 u juri projezzjonijiet ta’ emissjonijiet u assorbimenti tal-gassijiet serra. Imbagħad fil-Kapitolu 4, jiddeskrivi l-istrateġija tal-UE għall-adattament għall-impatti tat-tibdil fil-klima u l-bini tar-reżiljenza. Filwaqt li fil-Kapitolu 5 ir-rapport jippreżenta l-appoġġ ipprovdut mill-istituzzjonijiet tal-UE lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Fl-aħħar nett fil-Kapitolu 6, hemm informazzjoni dwar kif l-UE qed ittejjeb il-konsistenza tal-flussi finanzjarji ma’ perkors lejn emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet serra u żvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima.

Emissjonijiet u assorbimenti ta’ gassijiet serra

L-emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra fl-UE naqsu f’dawn l-aħħar deċennji minħabba t-tnaqqis fl-użu tal-faħam, iż-żieda fid-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE permezz tal-espansjoni rapida tal-enerġija rinnovabbli, il-progress fl-effiċjenza enerġetika u politiki ambizzjużi ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Bejn l-1990 u l-2022, l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra naqsu bi 32,6 %. Dawn l-emissjonijiet netti jeskludu l-emissjonijiet mill-avjazzjoni u n-navigazzjoni internazzjonali (“bunkers internazzjonali”) u jinkludu emissjonijiet u assorbimenti mis-settur tal-Użu tal-Art, Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija (LULUCF, Land Use, Land-use Change and Forestry), li jinkludi bir nett għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-UE, iżda b’ammont li qed jonqos.

Illustrazzjoni 1: Emissjonijiet/assorbimenti ta’ gassijiet serra fl-UE skont is-settur, mill-1990 sal-2022

Sors: L-Inventarju Annwali ta’ Gassijiet Serra tal-Unjoni Ewropea 1990-2022

Fl-2022, is-settur tal-enerġija kien jirrappreżenta 77 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (minbarra l-LULUCF), segwit mill-agrikoltura (11 %), il-proċessi industrijali u l-użu tal-prodotti (9 %) u s-settur tal-iskart (3 %). Id-diossidu tal-karbonju huwa l-gass serra prinċipali, li jikkontribwixxi għal 81 % tal-emissjonijiet. Il-metan jammonta għal 12 %, l-ossidu nitruż għal 5 % u l-gassijiet fluworurati għal 2 % tal-emissjonijiet.

Progress lejn il-mira tal-UE ta’ kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali (NDC)

Skont il-Ftehim ta’ Pariġi, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom favur mira ambizzjuża li jnaqqsu l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra b’mill-inqas 55 % sal-2030 meta mqabbel mal-1990. Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima46 tistabbilixxi l-għan tan-newtralità klimatika sal-2050 u l-mira intermedja li l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra jitnaqqsu b’mill-inqas 55 % sal-2030 meta mqabbel mal-livelli tal-1990. Dawn il-miri jkopru l-emissjonijiet u l-assorbimenti li huma rregolati fid-dritt tal-Unjoni.

L-NDC tal-UE huwa deskritt fis-sottomissjoni tal-UE tas-17 ta’ Ottubru 2023 lill-UNFCCC. L-NDC tal-UE huwa mira ta’ tnaqqis nett fl-ekonomija kollha li tinkludi l-assorbimenti netti mis-settur tal-LULUCF u l-emissjonijiet mill-attivitajiet tal-avjazzjoni u tat-trasport marittimu internazzjonali regolati kif stabbilit għall-2030 fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet. Għalhekk, l-NDC tal-UE jinkludi emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali u mit-trasport marittimu internazzjonali. Din il-mira għandha tintlaħaq domestikament (jiġifieri fl-UE), mingħajr l-użu ta’ krediti internazzjonali.

F’dan l-ewwel Rapport ta’ Trasparenza Biennali (BTR, Biennial Transparency Report), l-UE tirrapporta dwar il-progress tagħha lejn il-kisba tal-mira tal-NDC tagħha. Peress li din il-mira tal-NDC tinkludi emissjonijiet speċifiċi mill-avjazzjoni internazzjonali u mit-trasport marittimu internazzjonali, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa usa’ minn dak tal-inventarju nazzjonali ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għalkemm huwa aktar ristrett minn dak tal-mira tal-UE għall-2030 skont il-Liġi dwar il-Klima fir-rigward tal-avjazzjoni u tat-trasport marittimu. Meta jitqies il-kamp ta’ applikazzjoni tal-NDC, l-emissjonijiet naqsu b’31,8 % bejn l-1990 u l-2022.

Illustrazzjoni 2: Emissjonijiet taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-NDC fl-1990 u fl-2022

Sabiex tintlaħaq il-mira ta’ tnaqqis ta’ mill-inqas 55 % sal-2030, huwa meħtieġ aktar tnaqqis fl-emissjonijiet. Għal dan l-għan, l-UE u l-Istati Membri tagħha stabbilixxew qafas komprensiv ta’ politiki u miżuri ġodda u mtejba magħrufa bħala l-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” Il-pakkett ifittex li jaċċellera t-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-setturi koperti mis-sistema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS, European Union emisssions trading system) u dawk koperti mir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi, u li jżid l-assorbimenti tal-karbonju fis-settur tal-LULUCF.

Politiki u miżuri ta’ mitigazzjoni

Il-qafas tal-Unjoni Ewropea għall-klima u l-enerġija għall-2030 huwa sett ta’ politiki biex jiġi żgurat li l-UE u l-Istati Membri tagħha jissodisfaw l-impenji tagħhom ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima skont il-Ftehim ta’ Pariġi. Dan il-qafas huwa rregolat mil-Liġi Ewropea dwar il-Klima, li tinkludi l-mira klimatika aktar ambizzjuża għall-2030, id-dispożizzjonijiet għall-iżvilupp ta’ mira klimatika għall-2040, u l-mira tan-newtralità klimatika sal-2050.

Is-sistema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS) hija pedament tal-qafas għall-klima u l-enerġija għall-2030. Din tqiegħed prezz fuq il-karbonju billi tistabbilixxi limitu massimu fuq l-għadd massimu ta’ kwoti tal-emissjonijiet fis-settur tal-enerġija u dak industrijali, u għal titjiriet u vjaġġi speċifiċi fl-avjazzjoni u t-trasport marittimu. L-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn dawn is-setturi jridu jitnaqqsu bi 62 % sal-2030 meta mqabbel mal-livelli tal-2005. Barra minn hekk, l-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet fl-UE se jiġi estiż biex ikopri l-emissjonijiet mill-kombustjoni tal-fjuwil fil-bini, fit-trasport bit-triq u f’setturi addizzjonali (prinċipalment l-industriji żgħar mhux koperti mill-EU ETS eżistenti) mill-2027 bil-ħolqien ta’ Fond Soċjali għall-Klima, iffinanzjat mill-irkant tal-kwoti tal-emissjonijiet biex jiġu appoġġati l-unitajiet domestiċi u l-mikrointrapriżi l-aktar vulnerabbli. Il-limitu massimu se jiġi stabbilit biex l-emissjonijiet minn dawk is-setturi jitnaqqsu bi 42 % sal-2030 meta mqabbel mal-livelli tal-2005.

Ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi jistabbilixxi miri ta’ tnaqqis individwali u vinkolanti għall-Istati Membri tal-UE għall-emissjonijiet f’setturi barra mill-EU ETS u s-settur tal-LULUCF, jiġifieri t-trasport domestiku (ħlief l-avjazzjoni), il-bini, l-agrikoltura, l-iskart u l-industriji żgħar. F’dawn is-setturi, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jridu jitnaqqsu b’40 % sal-2030 meta mqabbel mal-livelli tal-2005, b’miri għal Stati Membri individwali ta’ tnaqqis li jvarja minn 10 % sa 50 %.

Il-kisba ta’ dawn il-miri hija appoġġata minn diversi politiki u miżuri speċifiċi għas-settur, inklużi d-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika, id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, u l-istandards tal-emissjonijiet tas-CO2 fit-trasport bit-triq, u hija appoġġata wkoll permezz tal-finanzjament tal-UE, inklużi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Fondi ta’ Koeżjoni, il-Politika Agrikola Komuni, il-Fond għall-Modernizzazzjoni jew il-Fond għall-Innovazzjoni.

Fis-settur tal-LULUCF, ir-Regolament LULUCF introduċa mira netta għall-assorbiment tal-karbonju għall-UE kollha ta’ 310 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 sal-2030. Kull Stat Membru għandu mira vinkolanti individwali, li tvarja minn - 47 sa + 5 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2, li flimkien se jilħqu l-mira kollettiva tal-UE.

Fl-2024, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni u valutazzjoni tal-impatt dettaljata dwar il-mira tal-UE għall-2040, li fihom tirrakkomanda tnaqqis nett ta’ 90 % tal-gassijiet serra meta mqabbel mal-livelli tal-1990 sal-2040.

Projezzjonijiet ta’ emissjonijiet u assorbimenti tal-gassijiet serra

L-aħħar projezzjonijiet tal-emissjonijiet u tal-assorbimenti tal-gassijiet serra juru li l-emissjonijiet netti fl-2030 jistgħu jkunu 47 % taħt il-livelli tal-1990, f’xenarju li jinkludi l-projezzjonijiet “b’miżuri addizzjonali” u meta jitqiesu l-emissjonijiet mill-avjazzjoni u n-navigazzjoni internazzjonali. Dawn jistgħu jkunu 51 % taħt il-livelli tal-1990 jekk l-emissjonijiet mill-avjazzjoni u n-navigazzjoni internazzjonali jiġu esklużi. Għalhekk, se jkunu meħtieġa sforzi addizzjonali biex tintlaħaq il-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ -55 % tal-NDC tal-UE.

Illustrazzjoni 3: Emissjonijiet netti totali storiċi u projettati ta’ gassijiet serra fl-UE

Sorsi: L-Inventarju Annwali ta’ Gassijiet Serra tal-Unjoni Ewropea 1990-2022, Il-projezzjonijiet tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-Istati Membri tal-UE sottomessi fl-2023 u fl-2024 skont ir-Regolament dwar il-Governanza

Tħejjija għall-impatti tat-tibdil fil-klima u r-reżiljenza għalihom

Skont il-Liġi Ewropea dwar il-Klima, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri huma meħtieġa jiżguraw progress kontinwu fit-titjib tal-kapaċità ta’ adattament, fit-tisħiħ tar-reżiljenza u fit-tnaqqis tal-vulnerabbiltà għat-tibdil fil-klima f’konformità mal-Artikolu 7 tal-Ftehim ta’ Pariġi.

B’riżultat ta’ dan, l-Istrateġija tal-UE tal-2021 dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima fiha firxa wiesgħa ta’ inizjattivi u azzjonijiet li l-Kummissjoni Ewropea hija impenjata li twettaq, u l-implimentazzjoni tagħha miexja sew 4 .

F’Marzu 2024, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA, European Environment Agency) ippubblikat l-ewwel Valutazzjoni tar-Riskju Klimatiku fl-Ewropa (EUCRA, European Climate Risk Assessment) 5 li tivvaluta r-riskji klimatiċi u tidentifika l-prijoritajiet ta’ politika għall-adattament għat-tibdil fil-klima u għal setturi sensittivi għall-klima. Din identifikat 36 riskju klimatiku ewlieni għall-Ewropa f’ħames raggruppamenti: l-ekosistemi, l-ikel, is-saħħa, l-infrastruttura, u l-ekonomija u l-finanzi. Aktar minn nofs dawn ir-riskji klimatiċi jirrikjedu aktar azzjoni issa, u tmienja huma partikolarment urġenti. Fl-istess xahar, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-ġestjoni tar-riskji klimatiċi 6 li tistabbilixxi azzjonijiet biex jissaħħu r-reżiljenza u t-tħejjija u biex jiġi ċċarat min huwa responsabbli għall-azzjoni.

Fl-aħħar nett, it-tisħiħ tal-azzjonijiet ta’ adattament u t-tħejjija jibqa’ prijorità ewlenija għall-UE, kif rifless fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Marzu 2024 u fil-Linji Gwida Politiċi tal-President von der Leyen għall-Kummissjoni Ewropea 2024-2029 7 .

Appoġġ lil pajjiżi li qed jiżviluppaw

Il-kontribuzzjonijiet għall-finanzjament għall-klima mill-UE, l-Istati Membri tagħha, u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) żdiedu matul dawn l-aħħar 9 snin, minn EUR 9,5 biljun fl-2013 għal EUR 28,5 biljun fl-2022. Il-kontribuzzjonijiet mill-baġit tal-UE u mill-BEI ammontaw għal EUR 6,5 biljun fl-2022.

Mill-finanzjament għall-klima pprovdut mill-istituzzjonijiet tal-UE lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, 56 % ġie allokat għal skopijiet ta’ mitigazzjoni, 16 % għal skopijiet ta’ adattament, u 29 % ta’ dan l-appoġġ kopra kemm il-mitigazzjoni kif ukoll l-adattament.

L-UE tappoġġa l-bini tal-kapaċità fil-pajjiżi sħab permezz ta’ għadd ta’ regolamenti, strateġiji, politiki u programmi.

L-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali (ir-Regolament NDICI-Ewropa Globali) 8 , li għandu baġit ta’ madwar EUR 79 biljun għall-2021-2027 u mira ta’ nfiq ta’ 30 % għall-klima, jappoġġa l-iżvilupp sostenibbli u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fl-Afrika sub-Saħarjana, fl-Asja u l-Paċifiku u fil-pajjiżi tal-Kontinent Amerikan u tal-Karibew, fost l-oħrajn.

Dan intuża pereżempju fl-2024, meta l-UE pprovdiet il-bini tal-kapaċità lil pajjiżi ddedikati b’funzjoni ta’ tqabbil ma’ esperti biex ikun possibbli l-għoti ta’ pariri rapidi u mfassla apposta dwar kwistjonijiet li jinqalgħu fil-BTRs tagħhom, flimkien ma’ appoġġ ieħor għall-bini tal-kapaċità biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-rapportar dwar l-inventarju ta’ gassijiet serra u l-BTR tagħhom.

Il-Global Gateway, l-Istrateġija Ewropea l-ġdida, tagħti spinta lill-investiment f’rabtiet intelliġenti, nodfa u siguri fil-qasam diġitali, tal-enerġija u tat-trasport u ssaħħaħ is-sistemi tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tar-riċerka madwar id-dinja. Din tibbaża fuq l-għodod finanzjarji l-ġodda fil-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE 2021-2027. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus (EFSD, European Fund for Sustainable Development), li huwa wieħed mill-għodod finanzjarji tal-Global Gateway, jaqdi rwol ewlieni fl-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi sħab tal-UE barra mill-Ewropa. Bis-saħħa ta’ diversi garanziji tal-EFSD, il-finanzjament għall-enerġija rinnovabbli żdied 9 .

L-UE tistimula attivitajiet ta’ trasferiment tat-teknoloġija f’ħafna proġetti ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp. Bl-istess mod, l-UE integrat attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità fl-assistenza kollha tagħha għall-iżvilupp f’konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna u l-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Akkra. Barra minn hekk, l-istrateġija tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima twitti t-triq biex l-UE żżid l-azzjoni internazzjonali tagħha għar-reżiljenza għall-klima.

Il-kisba ta’ flussi finanzjarji konsistenti ma’ perkors lejn emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet serra u żvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima

F’dawn l-aħħar snin, l-UE għamlet progress sinifikanti fit-titjib tal-konsistenza tal-flussi finanzjarji mal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi fil-livelli kollha. F’konformità mal-Artikolu 2(1)(c) tal-Ftehim ta’ Pariġi, l-UE integrat it-tibdil fil-klima fil-qalba tal-prattiki ekonomiċi, soċjali u dawk ta’ żvilupp tagħha permezz ta’ diversi inizjattivi domestiċi u internazzjonali.

Dawn l-azzjonijiet jindikaw approċċ proattiv biex jintlaħqu l-miri klimatiċi tal-UE u biex jingħata kontribut għall-isforz globali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Bħala parti minn dan l-isforz globali, l-UE ħadet it-tmexxija fil-mobilizzazzjoni tal-finanzjament għall-klima domestikament u internazzjonalment minn varjetà wiesgħa ta’ sorsi, strumenti u mezzi (inklużi strumenti biex jiġi sfruttat il-potenzjal enormi tal-finanzjament privat permezz tal-użu mmirat tal-finanzi pubbliċi) u varjetà ta’ azzjonijiet li jallinjaw il-flussi finanzjarji mal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi.

Minbarra li tipprovdi u timmobilizza l-appoġġ lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-Unjoni Ewropea qed tieħu passi addizzjonali biex tagħmel il-flussi finanzjarji konsistenti ma’ perkors lejn emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet serra u żvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima, kif stipulat fl-Artikolu 2(1)(c) tal-Ftehim ta’ Pariġi. Dawn il-passi jinkludu, fost affarijiet oħra, l-integrazzjoni tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih fil-programmi ta’ nfiq ewlenin kollha tal-UE, l-użu tal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”, l-implimentazzjoni tat-tassonomija tal-UE għal attivitajiet sostenibbli 10 u sett komprensiv ta’ rekwiżiti ta’ divulgazzjoni ESG applikabbli għall-impriżi mhux finanzjarji u finanzjarji, u l-allinjament tal-finanzjament tal-BEI mal-prinċipji u l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi.

(1)

Is-Servizz dwar it-Tibdil fil-Klima ta’ Copernicus (C3S, Copernicus Climate Change Service), 2024: European State of the Climate 2023, Sommarju, p. 23:

  https://doi.org/10.24381/bs9v-8c66  

(2)

IPCC, 2023: Summary for Policymakers. Fi: Climate Change 2023: Synthesis Report. Il-Kontribut tal-Gruppi ta’ Ħidma I, II u III għas-Sitt Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima [It-Tim Ewlieni ta’ Kittieba, H. Lee u J. Romero (ed.)]. IPCC, Ġinevra, l-Iżvizzera, pp. 1-34, doi: 10.59327/IPCC/AR6-9789291691647.001

(3)

  Ir-Regolament - 2018/1999 - MT - EUR-Lex (europa.eu) .

(4)

Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima, https://climate.ec.europa.eu/document/download/72286a42-61af-4e8a-a51a-29a58c90274e_mt?filename=swd_2023_338_mt.pdf  

(5)

  Il-Valutazzjoni tar-Riskju Klimatiku fl-Ewropa — L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent

(6)

  EUR-Lex - 52024DC0091 - MT - EUR-Lex

(7)

  Il-Linji Gwida Politiċi 2024-2029 | Kummissjoni Ewropea (europa.eu) .

(8)

 Ir-Regolament (UE) 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32021R0947

(9)

Ir-rapport operazzjonali tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli 2020, The European Fund for Sustainable Development, https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/6c93ad22-d299-11ed-a05c-01aa75ed71a1

(10)

  Regulation - 2020/852 - MT - taxonomy regulation - EUR-Lex (europa.eu)