SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla)

5 ta’ Ġunju 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport internazzjonali bl-ajru – Konvenzjoni ta’ Montreal – Responsabbiltà tat-trasportaturi tal-ajru – Artikolu 19 – Dannu li jirriżulta mid-dewmien fit-trasport bl-ajru ta’ passiġġieri, ta’ bagalji jew ta’ merkanzija – Artikolu 31(2) – Termini għat-tressiq ta’ lment – Ilment imressaq qabel id-data li fiha l-bagalji kkonċernati tqiegħdu għad-dispożizzjoni tad-destinatarju tagħhom”

Fil-Kawża C‑292/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Jannar 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ April 2024, fil-proċedura

AD

vs

Iberia Líneas Aéreas de España SA Operadora Unipersonal,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla),

komposta minn S. Rodin (Relatur), President tal-Awla, N. Piçarra u O. Spineanu‑Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal AD, minn M. Hotes, Rechtsanwalt,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. von Rintelen u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 31(2) tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjoni bl-Ajru, konkluża f’Montreal fit‑28 ta’ Mejju 1999, iffirmata mill-Komunità Ewropea fid‑9 ta’ Diċembru 1999, u approvata f’isimha permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE, tal‑5 ta’ April 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Montréal”), li daħlet fis-seħħ, f’dak li jirrigwarda l-Unjoni Ewropea, fit‑28 ta’ Ġunju 2004.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn AD, passiġġier tal-ajru, u Iberia Líneas Aéreas de España SA Operadora Unipersonal (iktar ’il quddiem “Iberia”), kumpannija tal-ajru, dwar ir-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar għad-dannu li jirriżulta mid-dewmien fit-trasport bl-ajru ta’ bagalji ta’ AD u ta’ persuni li vvjaġġaw miegħu.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni ta’ Montreal

3

Skont it-tielet premessa tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, il-partijiet għall-konvenzjoni jirrikonoxxu “l-importanza li tiġi assigurata l-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi fit-trasport internazzjonali bl-ajru u l-bżonn għal kumpens ekwu bbażat fuq il-prinċipju ta’ restituzzjoni”.

4

Il-ħames premessa ta’ din il-konvenzjoni tipprovdi li l-“l-azzjoni kollettiva mill-Istat għal armozzazzjoni u kodifikazzjoni akbar ta’ ċerti regoli li jirregolaw it-trasport internazzjonali bl-ajru permezz ta’ Konvenzjoni ġdida hija l-mezz l-aktar adegwat biex jiġi akkwistat bilanċ ekwu ta’ l-interessi”.

5

L-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, bit-titolu “Dewmien”, jipprevedi:

“It-trasportatur huwa responsabbli għal dannu kkaġunat minn dewmien fit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, il-bagaliji jew il-merkanzija. Madanakollu, it-trasportatur m’għandux ikun responsabbli għad-danni kkawżati bid-dewmien jekk jidher illi t-trasport u s-servjenti u l-aġenti tiegħu ħadu l-miżuri kollha li setgħu jintalbu raġjonevolment sabiex jevitaw id-dannu jew li kien impossibbli għalihom li jieħdu dawn il-miżuri.”

6

L-Artikolu 31 ta’ din il-konvenzjoni, bit-titolu “Notifika fil-ħin tal-pretensjonijiet”, jistipula:

“1.   Riċevuta mill-persuna intitolata għall-kunsinna ta’ bagalji jew merkanzija kkontrollata mingħajr ilment hija prova prima facie li l-istess ġie kkunsinnat f’kondizzjoni tajba u skond id-dokument ta’ trasport jew ir-reġistru ppreservat bil-mezzi l-oħrajn imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 3 u l-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 4.

2.   Fil-każ ta’ dannu, il-persuna intitolata għall-kunsinna għandha tilmenta lit-trasportatur minnufih wara l-iskoperta tad-dannu, u mhux aktar tard minn sebat ijiem mid-data ta’ l-irċevuta fil-każ ta’ bagalji kkontrollati, u 14‑il jum mid-data ta’ l-irċevuta fil-każ ta’ merkanzija. Fil-każ ta’ dewmien, l-ilment għandu jsir mhux aktar tard minn 21 jum mid-data li fiha l-bagalji jew il-merkanzija tqiegħdu għad-disposizzjoni tiegħu jew tagħha.

3.   Kull ilment għandu jsir bil-miktub u jingħata jew jintbagħat fiż-żminijiet imsemmija fuq.

4.   Jekk ma jsir l-ebda lment fiż-żminijiet imsemmija, ma jkun hemm l-ebda azzjoni kontra t-trasportatur, ħlief fil-każ ta’ frodi da parti tiegħu.”

Id-dritt tal-Unjoni

7

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2027/97 tad‑9 ta’ Ottubru 1997 dwar ir-responsabbilità ta’ trasportaturi bl-ajru fl-eventwalità ta’ inċidenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 3, p. 489), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 889/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Mejju 2022 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 6, p. 246), “[i]r-responsabbiltà ta’ trasportatur bl-ajru Komunitarju fir-rigward ta’ passiġġieri u l-bagalji tagħhom tiġi regolata mid-dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni ta’ Montreal pertinenti għal din ir-responsabbiltà”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8

Fil‑15 ta’ Diċembru 2021, AD u żewġ persuni oħra wettqu titjira, irriżervata ma’ Iberia, minn Frankfurt am Main (il-Ġermanja) lejn Panama City (il-Panama) b’waqfa f’Madrid (Spanja). Peress li l-bagalji tagħhom ma waslux f’Panama City fil-ħin, AD, fl-istess jum, iddikjara l-assenza ta’ dawn il-bagalji u kkuntattja permezz tat-telefon lis-servizz ta’ tfittxija tal-bagalji ta’ Iberia.

9

Minħabba din is-sitwazzjoni, AD u l-persuni li kienu qegħdin jivvjaġġaw miegħu pposponew it-tkomplija tal-vjaġġ tagħhom u AD indika, f’formola ta’ kuntatt ta’ Iberia, li huwa xtaq jiġi kkuntattjat personalment minn din il-kumpannija sa mhux iktar tard mit‑18 ta’ Diċembru 2021, u fin-nuqqas ta’ dan huma kienu ser jixtru tagħmir ta’ sostituzzjoni u kienu ser ikomplu l-vjaġġ tagħhom. Fl-assenza ta’ tweġiba min-naħa ta’ Iberia, huma xtraw dan it-tagħmir ta’ sostituzzjoni. Kien biss wara x-xiri tagħhom li, fl‑20 ta’ Diċembru 2021, l-imsemmija bagalji ġew ikkunsinnati f’Panama City.

10

Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem l-Amtsgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Distrettwali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja), AD talab mingħand Iberia, bis-saħħa tad-drittijiet tiegħu stess kif ukoll ta’ dawk li ġew ittrasferiti lilu mill-persuni li kienu qegħdin jivvjaġġaw miegħu, ir-rimbors tal-ispiża tal-imsemmi tagħmir ta’ sostituzzjoni, tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-prezz tal-biljetti għal titjira ta’ sostituzzjoni.

11

Permezz ta’ sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2023, dik il-qorti ċaħdet dak ir-rikors għar-raġuni li t-terminu għat-tressiq ta’ lment previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 31(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal ma kienx ġie osservat u li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 31(4) ta’ din il-konvenzjoni lanqas ma kienet applikabbli.

12

AD appella minn dik is-sentenza quddiem il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju.

13

AD iqis li d-dikjarazzjoni tiegħu li tordna lil Iberia tagħmel kuntatt miegħu sa mhux iktar tard mit‑18 ta’ Diċembru 2021 ikkostitwixxiet ilment antiċipat li jinforma debitament lil Iberia dwar l-imminenza ta’ dannu u li josserva t-terminu previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 31(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal. Peress li Iberia kienet taf li AD ma kienx ġiet ikkuntattjat personalment fiż-żmien it-terminu stabbilit minn dan tal-aħħar u peress li, f’din id-data, il-bagalji inkwistjoni ma kinux ġew ikkunsinnati, hija kienet diġà taf li seħħ dannu fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni fl-imsemmija data. Għaldaqstant, ma kienx neċessarju li jiġi stabbilit terminu ġdid wara l-kunsinna ta’ dawn il-bagalji.

14

Iberia tqis, għall-kuntrarju, li huwa biss wara l-kunsinna tal-imsemmija bagalji li l-okkorrenza ta’ dannu tista’ tiġi realment evalwata.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“It-tieni sentenza tal-Artikolu 31(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal tipprevedi terminu ta’ dekadenza assolut u għandha neċessarjament tiġi interpretata fis-sens li l-ilment għandu jitressaq f’terminu ta’ 21 jum mill-irkupru tal-bagalji, jew l-ilment jista’ wkoll jitressaq qabel l-irkupru tal-bagalji?”

Fuq id-domanda preliminari

16

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 31(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal għandhiex tiġi interpretata fis-sens li lment minħabba dewmien fit-trasport ta’ bagalji għandu assolutament jitressaq f’terminu ta’ 21 jum mid-data li fiha l-bagalji kkonċernati jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tad-destinatarju tagħhom jew fis-sens li dan l-ilment jista’ jitressaq qabel din id-data.

17

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2027/97, kif emendat bir-Regolament Nru 889/2002, ir-responsabbiltà ta’ trasportatur tal-ajru tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-passiġġieri u tal-bagalji tagħhom hija rregolata mid-dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni ta’ Montréal relatati ma’ din ir-responsabbiltà.

18

Konsegwentement, mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta’ Montréal fir-rigward tal-Unjoni, jiġifieri t‑28 ta’ Ġunju 2004, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni jifformaw parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2016, Air Baltic Corporation, C‑429/14, EU:C:2016:88, punti 22 u 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

19

Fir-rigward ta’ tali interpretazzjoni, l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, tat‑23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331), li jirrifletti d-dritt internazzjonali konswetudinarju u li d-dispożizzjonijiet tiegħu jifformaw parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, jippreċiża li trattat għandu jiġi interpretat in bona fide, skont is-sens ordinarju li għandu jingħata lill-kliem tiegħu fil-kuntest ta’ dan il-kliem u fid-dawl tal-għan u tal-iskop ta’ dan it-trattat (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Laudamotion, C‑111/21, EU:C:2022:808, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

F’dan ir-rigward, jirriżulta, qabel kollox, mill-kliem tat-tieni sentenza tal-Artikolu 31(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal li, fil-każ ta’ dewmien fil-wasla ta’ bagalji jew ta’ merkanzija, id-destinatarju tagħhom għandu jikkomunika l-ilment tiegħu lit-trasportatur mhux iktar tard minn 21 jum mid-data li fiha l-bagalja jew il-merkanzija kkonċernata tkun tqegħdet għad-dispożizzjoni tiegħu.

21

Għalkemm din id-dispożizzjoni tistabbilixxi terminu ta’ dekadenza ta’ 21 jum mid-data tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-bagalji sabiex jitressaq tali lment, din id-dispożizzjoni tiddetermina biss l-aħħar jum tat-terminu li fi tmiemu ma jkunx iktar possibbli, bħala prinċipju, li dan l-ilment jitressaq b’mod validu. Interpretazzjoni letterali tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tissuġġerixxi li dan l-ilment jista’ jitressaq fi kwalunkwe mument bejn il-konstatazzjoni ta’ dewmien fil-kunsinna ta’ bagalji jew ta’ merkanzija u l-iskadenza ta’ dan it-terminu, u għalhekk anki qabel din id-data.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li l-Artikolu 31(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal ma jipprevedix espliċitament il-possibbiltà li jitressaq ilment qabel id-data tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-bagalji kkonċernati, din id-dispożizzjoni tista’ tiġi interpretata fis-sens li lment abbażi tagħha jista’ jitressaq qabel din id-data.

23

Sussegwentement, għandu jiġi ddeterminat jekk din l-interpretazzjoni bbażata fuq il-formulazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 31(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal hijiex ikkorroborata mill-kuntest li taħtu taqa’ din id-dispożizzjoni.

24

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal jipprevedi li l-wasla tal-bagalji rreġistrati mingħajr ilment imressaq mid-destinatarju jikkostitwixxi preżunzjoni, ħlief fil-każ ta’ prova kuntrarja, li l-bagalji ġew ikkunsinnati fi stat tajjeb u skont id-dokument ta’ trasport jew l-indikazzjonijiet mogħtija permezz tal-mezzi l-oħra msemmija fl-Artikolu 3(2) ta’ din il-konvenzjoni.

25

Għaldaqstant, l-għan ta’ lment bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, indirizzat lil trasportatur tal-ajru minn passiġġier, huwa li dan it-trasportatur jiġi mgħarraf li l-bagalji rreġistrati ma ġewx ikkunsinnati fi stat tajjeb u/jew skont id-dokumenti ta’ trasport jew l-indikazzjonijiet mogħtija permezz tal-mezzi l-oħra msemmija fl-Artikolu 3(2) ta’ din il-konvenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, Finnair, C‑258/16, EU:C:2018:252, punt 50), b’mod partikolari fir-rigward tal-mument li fih tali kunsinna kellha sseħħ.

26

Fit-tieni lok, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, “[i]t-trasportatur huwa responsabbli għal dannu kkaġunat minn dewmien fit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, il-bagalji jew il-merkanzija”.

27

Minn dan isegwi li l-Artikolu 31(1) ta’ din il-konvenzjoni, moqri fid-dawl tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 19 tal-imsemmija konvenzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li lment imressaq mill-passiġġier ikkonċernat, bħal dak imressaq fil-kawża prinċipali, huwa intiż li jinforma lit-trasportatur tal-ajru dwar l-eżistenza tad-dannu li jirriżulta minn dewmien fit-trasport bl-ajru ta’ bagalji jew ta’ merkanzija (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, Finnair,C‑258/16, EU:C:2018:252, punt 52).

28

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li mill-kuntest li taħtu taqa’ it-tieni sentenza tal-Artikolu 31(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal jirriżulta wkoll li d-dannu li jirriżulta minn dewmien fit-trasport bl-ajru ta’ bagalji għandu jkun jista’ jiġi indikat lit-trasportatur tal-ajru mill-mument li fih il-passiġġier ikkonċernat isir jaf b’dan id-dewmien u mhux iktar tard minn 21 jum mid-data li fiha dawn il-bagalji jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tiegħu, mingħajr ma dan il-passiġġier ikollu jistenna li l-imsemmija bagalji jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tiegħu.

29

Din il-konstatazzjoni hija, barra minn hekk, ikkonfermata mill-fatt li, hekk kif jirriżulta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Montreal, it-trasportatur ma għandux ikun responsabbli għad-dannu kkawżat minn dewmien jekk huwa jipprova li huwa, is-servjenti u l-aġenti tiegħu jkunu ħadu l-miżuri kollha li setgħu jiġu raġonevolment imposti fuqhom sabiex jevitaw id-dannu, jew jekk kien impossibbli li huma jieħdu dawn il-miżuri.

30

Fil-fatt, hekk kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-komunikazzjoni, lit-trasportatur ikkonċernat, ta’ lment dwar dewmien fit-trasport ta’ bagalji qabel id-data li fiha l-bagalji kkonċernati jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tad-destinatarju tagħhom hija ta’ natura li tippermetti lil dan it-trasportatur jiġbor kemm jista’ jkun malajr l-elementi neċessarji sabiex ikun jista’ jipproduċi tali prova u b’hekk jiġi eżentat mir-responsabbiltà tiegħu skont din id-dispożizzjoni.

31

Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni li tinsab fil-punt 22 ta’ din is-sentenza hija wkoll konformi mal-għanijiet imfittxija mill-Konvenzjoni ta’ Montréal. Fil-fatt, l-Istati partijiet għaliha, jirrikonoxxu, skont it-tielet premessa ta’ din il-konvenzjoni, “l-importanza li tiġi assigurata l-protezzjoni ta’ l-interessi tal-konsumaturi fit-trasport internazzjonali bl-ajru u l-bżonn għal kumpens ekwu bbażat fuq il-prinċipju ta’ restituzzjoni”, iddeċidew li jipprevedu sistema ta’ responsabbiltà oġġettiva tat-trasportaturi tal-ajru. Tali sistema timplika, hekk kif jirriżulta mill-ħames premessa tal-konvenzjoni “bilanċ ekwu ta’ l-interessi” tat-trasportaturi tal-ajru u tal-passiġġieri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2023, Austrian Airlines (L-ewwel għajnuna abbord inġenju tal-ajru), C‑510/21, EU:C:2023:550, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Issa, interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 31(2) tal-imsemmija konvenzjoni li tkun teskludi l-possibbiltà, għall-passiġġieri kkonċernati, li jressqu lment minħabba dewmien fit-trasport ta’ bagalji qabel id-data li fiha l-bagalji tagħhom jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom tkun tippreġudika dan il-bilanċ billi tissuġġetta t-twettiq tal-formalità ta’ ilment għal kundizzjoni addizzjonali mhux neċessarja u, barra minn hekk tkun tmur kontra l-interessi tat-trasportaturi, hekk kif jirriżulta mill-punt 30 ta’ din is-sentenza.

33

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li t-tieni sentenza tal-Artikolu 31(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montreal għandha tiġi interpretata fis-sens li lment minħabba dewmien fit-trasport ta’ bagalji jista’ jitressaq qabel id-data li fiha l-bagalji kkonċernati jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tad-destinatarju tagħhom.

Fuq l-ispejjeż

34

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-tieni sentenza tal-Artikolu 31(2) tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjoni bl-Ajru, konkluża f’Montreal fit‑28 ta’ Mejju 1999, iffirmata mill-Komunità Ewropea fid‑9 ta’ Diċembru 1999, u approvata f’isimha permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE, tal‑5 ta’ April 2001,

 

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

 

lment minħabba dewmien fit-trasport ta’ bagalji jista’ jitressaq qabel id-data li fiha l-bagalji kkonċernati jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tad-destinatarju tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.