European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/7270

5.12.2024

Sommarju tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni

tas-17 ta’ Mejju 2023

li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE

(Il-Każ M.10438 - MOL / OMV SLOVENIJA)

(notifikat bid-dokument numru C(2023) 3183

(il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)

(C/2024/7270)

Fis- 17 ta’ Mejju 2023, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni f’każ ta’ fużjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi  (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) ta’ dak ir-Regolament. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni sħiħa tinsab bl-Ingliż fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, fl-indirizz li ġej: https://competition-cases.ec.europa.eu/search

1.   IL-PARTIJIET

(1)

MOL Hungarian Oil and Gas Plc. (“MOL” jew il-“Parti Notifikanti”), bil-kwartieri ġenerali fl-Ungerija, hija l-kumpanija prinċipali tal-MOL Group, konglomerat taż-żejt u l-gass integrat vertikalment li l-attivitajiet prinċipali tiegħu huma: (i) it-tiftix, il-produzzjoni u r-raffinar taż-żejt mhux maħdum; (ii) id-distribuzzjoni ta’ prodotti taż-żejt raffinat kemm fil-livell tal-bejgħ bl-ingrossa kif ukoll fil-livell tal-bejgħ bl-imnut; (iii) il-produzzjoni u l-bejgħ ta’ petrokimiċi; (iv) l-esplorazzjoni u l-produzzjoni tal-gass naturali; u (v) it-trażmissjoni ta’ gass naturali fl-Ungerija. Fis-Slovenja, MOL Group iħaddem network ta’ 53 stazzjon tal-karburant bil-marki tad-ditta MOL u INA, u huwa attiv ukoll fil-provvista bl-ingrossa ta’ karburanti tal-magni, bitum, żejt għat-tisħin, gass likwifikat miż-żejt (liquefied petroleum gas, “LPG”), u lubrikanti. MOL hija preżenti wkoll, permezz tas-sussidjarja tagħha INA, f’għadd ta’ swieq bl-imnut u bl-ingrossa fil-Kroazja bħall-provvista ta’ karburanti tal-magni (diżil u petrol), AdBlue, żejt għat-tisħin jew bitum.

(2)

OMV SLOVENIJA, trgovina z nafto in naftnimi derivati, d.o.o. (“OMV Slovenija” jew il-“Kumpanija fil-Mira”), bil-kwartieri ġenerali fis-Slovenja, tħaddem 119-il stazzjon tal-karburant fis-Slovenja bil-marki tad-ditta OMV, OMV Viva, Diskont, Avanti u EuroTruck u hija attiva fil-provvista bl-ingrossa ta’ karburanti tal-magni, żejt tat-tisħin u l-bitum. OMV Slovenija tagħmel ukoll ċertu bejgħ ta’ gasoline wara r-raffinerija, li huwa mniżżel fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Tranżazzjoni u se jibqa’ mal-OMV Group. Fil-Kroazja, OMV Slovenija għandha attivitajiet limitati ħafna fil-bejgħ bl-ingrossa ta’ karburanti tal-magni, żejt għat-tisħin u żejt tal-karburant tqil.

2.   IT-TRANŻAZZJONI

(3)

Fit-13 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”) li permezz tagħha MOL beħsiebha takkwista mingħand OMV Group il-kontroll esklużiv ta’ OMV Slovenija permezz tax-xiri ta’ ishma (it-“Tranżazzjoni”). MOL u OMV Slovenija huma kollettivament imsejħa bħala l-“Partijiet”.

(4)

Fuq il-bażi tal-investigazzjoni fl-ewwel fażi, il-Kummissjoni esprimiet dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tat-tranżazzjoni mas-suq intern u l-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE u fit-22 ta’ Ġunju 2022, adottat deċiżjoni biex tibda proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (id-“Deċiżjoni skont l-Artikolu 6(1)(c)”). B’mod speċifiku, il-Kummissjoni esprimiet tħassib fir-rigward tas-suq għall-provvista bl-imnut ta’ karburanti tal-magni fis-Slovenja lil klijenti min-negozju għall-konsumatur (business-to-consumer, B2C) minn stazzjonijiet barra l-motorways (jew, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tas-suq Sloven, minn “stazzjonijiet mhux DARS”) (2). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi dubji serji fir-rigward tas-swieq għall-provvista bl-imnut ta’ karburant tal-magni lil klijenti minn negozju għal negozju (business-to-business, B2B) fis-Slovenja u għall-provvista bl-ingrossa (ta’ wara r-raffinerija u mhux bl-imnut) ta’ petrol u diżil fis-Slovenja.

(5)

Fil-15 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni adottat żewġ deċiżjonijiet skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet li jobbligaw lill-Partijiet jipprovdu informazzjoni li kienet teħtieġ il-Kummissjoni f’talbiet differenti għal informazzjoni mibgħuta lill-Partijiet. Dawn id-deċiżjonijiet issospendew il-limitu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 802/2004 (3).

(6)

Fis-17 ta’ Marzu 2023, il-Parti Notifikanti ppreżentat formalment l-impenji u l-informazzjoni meħtieġa li kien għad fadal, li temmew is-sospensjoni tal-limitu ta’ żmien u rriżultaw fil-bidu mill-ġdid tal-arloġġ fl-20 ta’ Marzu 2023. Il-Kummissjoni mbagħad nediet test tas-suq dwar l-impenji ppreżentati. Fuq il-bażi tar-riżultati tat-test tas-suq, u l-valutazzjoni tal-impenji, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-impenji riveduti jeliminaw it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni li jirriżulta mit-Tranżazzjoni proposta.

3.   SOMMARJU

(7)

Il-Kummissjoni esprimiet tħassib dwar il-kompetizzjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà mas-suq intern fir-rigward tal-provvista bl-imnut ta’ karburanti tal-magni fis-Slovenja lil klijenti min-negozju għall-konsumatur (B2C) minn stazzjonijiet mhux tad-DARS.

(8)

Fuq il-bażi tar-riżultati tat-test tas-suq, u l-valutazzjoni tal-impenji, l-impenji jeliminaw it-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni li jirriżulta mit-Tranżazzjoni proposta.

(9)

Għaldaqstant, qed tiġi proposta għall-adozzjoni deċiżjoni ta’ approvazzjoni skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

4.   IS-SWIEQ TAL-PRODOTTI RILEVANTI

(10)

Fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni sabet li t-Tranżazzjoni tagħti lok għas-swieq li ġejjin li huma affettwati b’mod orizzontali:

(a)

provvista mhux bl-imnut ta’ diżil u petrol fis-Slovenja;

(b)

provvista mhux bl-imnut ta’ żejt għat-tisħin fis-Slovenja;

(c)

provvista bl-ingrossa ta’ bitum fis-Slovenja;

(d)

provvista bl-imnut ta’ karburanti fis-Slovenja;

(e)

provvista bl-imnut ta’ AdBlue fis-Slovenja;

(f)

provvista mhux bl-imnut ta’ diżil u petrol fil-Kroazja;

(g)

provvista mhux bl-imnut ta’ żejt għat-tisħin fil-Kroazja; kif ukoll

(h)

provvista mhux bl-imnut ta’ żejt tal-karburant tqil fil-Kroazja.

(11)

Barra minn hekk, it-Tranżazzjoni tagħti lok għas-swieq affettwati vertikalment, dawk ewlenin huma fir-rigward tar-rabtiet bejn is-swieq li ġejjin:

(a)

il-provvista ta’ wara r-raffinerija tad-diżil u l-petrol (swieq upstream) u l-provvista mhux bl-imnut tad-diżil u l-petrol (swieq downstream) fis-Slovenja; kif ukoll

(b)

il-provvista bl-ingrossa (ta’ wara r-raffinerija u mhux bl-imnut) tad-diżil u l-petrol (swieq upstream) u l-provvista bl-imnut tad-diżil u l-petrol (swieq downstream) fis-Slovenja.

5.   VALUTAZZJONI KOMPETITTIVA

(12)

Din it-Taqsima tiffoka fuq is-suq fejn il-Kummissjoni qieset li t-Tranżazzjoni tista’ timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva, jiġifieri s-suq għall-provvista bl-imnut ta’ fjuwils tal-magni fis-suq għall-provvista bl-imnut ta’ karburanti tal-magni lil klijenti B2C minn stazzjonijiet mhux tad-DARS fis-Slovenja.

5.1.1.   Effetti orizzontali mhux koordinati fis-suq għall-provvista bl-imnut ta’ karburanti tal-magni lil klijenti B2C minn stazzjonijiet mhux tad-DARS fis-Slovenja

(13)

It-Tranżazzjoni, kif notifikata inizjalment, tista’ twassal għal impediment sinifikanti ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq għall-provvista tal-karburant bl-imnut minn stazzjonijiet mhux tad-DARS lil klijenti B2C għar-raġunijiet li ġejjin:

(a)

Il-Partijiet se jkollhom ishma tas-suq għoljin ikkombinati fil-livell nazzjonali ([40 % - 50 %] skont il-volum) u fil-livell lokali hemm 85 żona ta’ lħuq problematika fejn (i) is-sehem mis-suq bi sħab tal-Partijiet ikun ogħla minn [40 % - 50 %] u (ii) is-sehem mis-suq bi sħab tal-Partijiet jiżdied b’aktar minn 5 punti perċentwali wara t-Tranżazzjoni;

(b)

il-Partijiet huma kompetituri mill-qrib fis-Slovenja, u Petrol hija l-uniku attur li jikkompeti daqshekk mill-qrib. B’mod speċifiku, in-networks tal-Partijiet jikkoinċidu b’mod sinifikanti ħafna, joffru servizzi simili, u joperaw b’marki tad-ditta li huma magħrufa sew fis-suq;

(c)

it-Tranżazzjoni tneħħi forza kompetittiva importanti mis-suq. MOL hija attur dinamiku li joffri prodotti u servizzi ġodda; irrinnovat l-istazzjonijiet kollha tagħha f’dawn l-aħħar snin; espandiet b’mod sinifikanti n-network tagħha permezz ta’ tkabbir organiku u inorganiku; u żiedet ħafna l-għarfien tad-ditta tagħha;

(d)

Petrol, li se tibqa’ l-attur ewlieni, x’aktarx li tibbenefika minn kwalunkwe żieda fil-prezzijiet mill-entità l-ġdida u għalhekk, ikollha inċentiv imnaqqas biex tikkompeti meta mqabbel mas-sitwazzjoni fin-nuqqas tat-Tranżazzjoni. L-atturi iżgħar li jifdal ma jirrappreżentawx restrizzjonijiet kompetittivi importanti;

(e)

hemm ostakli sinifikanti għad-dħul u l-espansjoni, u l-klijenti B2C huma dawk li jieħdu l-prezzijiet mingħajr ebda setgħa kumpensatorja.

5.1.2.   Effetti koordinati orizzontali fis-suq Sloven għall-provvista bl-imnut ta’ karburanti tal-magni lil klijenti B2C minn stazzjonijiet mhux tad-DARS

(14)

Il-Kummissjoni tqis li t-Tranżazzjoni tista’ twassal għal effetti koordinati orizzontali fis-suq Sloven għall-provvista bl-imnut ta’ karburanti tal-magni lil klijenti B2C minn stazzjonijiet mhux tad-DARS.

(15)

Fir-rigward tal-abilità li jintlaħqu termini ta’ koordinazzjoni, għadd ta’ investigazzjonijiet tal-passat u li għadhom għaddejjin fiż-ŻEE jissuġġerixxu li s-suq għall-provvista bl-imnut tal-karburanti tal-magni huwa suxxettibbli għall-koordinazzjoni, prinċipalment minħabba n-natura omoġenja tal-prodotti tal-karburant u t-trasparenza tas-suq. Dawn il-karatteristiċi tas-suq huma tipiċi wkoll għas-suq Sloven, li barra minn hekk, huwa wkoll ikkonċentrat b’mod partikolari. Fis-Slovenja, il-livelli tad-domanda u tal-provvista kienu relattivament stabbli maż-żmien u s-suq huwa trasparenti ħafna, jiġifieri, il-prezzijiet huma ppubblikati fis-sit web iddedikat għall-gvern imsejjaħ “Goriva” u huma magħrufa mill-parteċipanti kollha fis-suq kważi f’ħin reali.

(16)

Fir-rigward tas-sostenibbiltà tal-koordinazzjoni, it-trasparenza għolja tas-suq tiffavorixxi l-monitoraġġ tad-devjazzjonijiet fil-prezzijiet mill-prezzijiet artifiċjalment għoljin li jirriżultaw mill-koordinazzjoni. Għall-istess raġunijiet, id-devjazzjoni mil-livelli tal-prezzijiet li tirriżulta minn koordinazzjoni potenzjali tista’ tiġi identifikata faċilment u r-ritaljazzjoni tista’ tkun immedjata.

(17)

Fir-rigward tar-reazzjoni tal-barranin, il-kompetituri attwali u potenzjali ma jkunux jistgħu jipperikolaw xi strateġija ta’ koordinazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ preżenza sinifikanti tagħhom fis-suq u l-ostakli kbar għad-dħul.

(18)

Fl-aħħar nett, it-Tranżazzjoni jkollha impatt fuq l-inċentivi tal-entità l-ġdida biex tikkoordina billi s-suq isir saħansitra aktar ikkonċentrat. Li wieħed imur minn tlieta għal żewġ atturi mdaqqsa jfisser li l-monitoraġġ tal-kompetizzjoni jsir aktar faċli. Barra minn hekk, l-inċentivi ta’ MOL biex tissaħħaħ il-kompetizzjoni x’aktarx li jitnaqqsu wara t-Tranżazzjoni, minħabba li MOL tkun saret ħafna aktar imdaqqsa. L-entità l-ġdida u l-ishma tas-suq ta’ Petrol fil-livell nazzjonali jsiru wkoll ħafna aktar simetriċi, li jagħmel il-koordinazzjoni aktar plawżibbli u ta’ suċċess.

6.   L-IMPENJI

(19)

Biex it-Tranżazzjoni ssir kompatibbli mas-suq intern, MOL impenjat ruħha li ċċedi network bl-imnut nazzjonali ta’ 39 stazzjon tal-karburant fis-Slovenja li bħalissa joperaw bħala parti min-networks tal-istazzjonijiet tal-karburant tal-Partijiet (20 stazzjon ta’ MOL u 19-il stazzjon ta’ OMV) (in-“Negozju f’Ċessjoni”, l-“Impenji”), lil Shell Adria d. o. o. (l-“Akkwirent”).

(20)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li, meta jitqiesu l-Impenji ppreżentati mill-Partijiet, il-konċentrazzjoni notifikata mhux se twassal għal impediment sinifikanti ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq għall-provvista tal-fjuwil bl-imnut minn stazzjonijiet mhux tad-DARS lil klijenti B2C bħala riżultat ta’ effetti unilaterali mhux koordinati jew ikkoordinati.

(21)

Fir-rigward tal-effetti mhux ikkoordinati, l-impriżi jiżguraw li fl-ebda wieħed mill-85 qasam problematiku identifikat mill-Kummissjoni, iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin ma jiġu ssodisfati b’mod kumulattiv: (i) is-sehem tal-Partijiet huwa ogħla minn 40 %, u (ii) is-sehem bi sħab tal-Partijiet se jiżdied b’aktar minn 5 punti perċentwali wara t-Tranżazzjoni. Barra minn hekk, l-impriżi se joħolqu terz sinifikanti fis-suq nazzjonali fis-Slovenja li se jaġixxi bħala forza kompetittiva b’saħħitha li kapaċi teżerċita pressjoni kompetittiva fuq l-entità l-ġdida: l-Akkwirent se jissostitwixxi r-rwol ta’ MOL bħala t-tielet forza kompetittiva fis-suq.

(22)

Barra minn hekk, fir-rigward tal-effetti kkoordinati, ir-riskju ta’ koordinazzjoni mhux se jiżdied wara t-Tranżazzjoni: b’mod simili għar-rwol ta’ MOL qabel it-Tranżazzjoni, l-Akkwirent se jaġixxi bħala forza kompetittiva esterna li kapaċi tisfida kwalunkwe koordinazzjoni potenzjali bejn Petrol u MOL.

(23)

Ir-riżultati tat-test tas-suq kienu pożittivi għall-impriżi ppreżentati minn MOL, li jikkonfermaw li (i) ir-rimedju propost huwa xieraq biex jittratta t-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni, (ii) li bin-Negozju f’Ċessjoni, l-Akkwirent ikun attur kredibbli, (iii) in-Negozju f’Ċessjoni huwa vijabbli u (iv) l-assi inklużi fil-pakkett ta’ rimedju huma xierqa fil-kamp ta’ applikazzjoni.

7.   KONKLUŻJONI

(24)

Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, id-Deċiżjoni tikkonkludi li, suġġett għal konformità sħiħa mal-impenji mogħtija mill-Partijiet, il-konċentrazzjoni proposta mhux se timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fis-suq intern jew f’parti sostanzjali tiegħu.

(25)

Konsegwentement, jenħtieġ li l-konċentrazzjoni tiġi ddikjarata kompatibbli mas-Suq Intern u mat-tħaddim tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, f’konformità mal-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

(1)   ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(2)  Družba za avtoceste v Republiki Sloveniji (DARS) hija kumpanija tal-istat li tieħu ħsieb il-motorways u l-expressways kollha fis-Slovenja u li tagħti konċessjonijiet lill-operaturi tal-istazzjonijiet tal-karbruant.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 tas-7 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 133, 30.4.2004, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/7270/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)