|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1432 |
23.5.2024 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1432
tal-21 ta’ Mejju 2024
li tistabbilixxi l-Konsorzju għall-Infrastruttura Diġitali Ewropea għas-Sħubija Ewropea tal-Blockchain u għall-Infrastruttura Ewropea tal-Blockchain għas-Servizzi (EUROPEUM-EDIC)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li tistabbilixxi Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(3), il-punt (a) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi Konsorzji Ewropej għal Infrastruttura Diġitali (minn hawn ’il quddiem “EDICs”). |
|
(2) |
Fl-14 ta’ Ġunju 2023, il-Belġju, l-Italja, il-Portugall, il-Kroazja u s-Slovenja ppreżentaw applikazzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 biex jiġi stabbilit il-Konsorzju għall-Infrastruttura Diġitali Ewropea għas-Sħubija Ewropea tal-Blockchain u għall-Infrastruttura Ewropea tal-Blockchain għas-Servizzi (EUROPEUM-EDIC). Il-Lussemburgu, ir-Rumanija, il-Greċja u Ċipru ngħaqdu mal-grupp ta’ Stati Membri li ressqu dik l-applikazzjoni fis-7 ta’ Settembru 2023, fit-30 ta’ Ottubru 2023, fil-31 ta’ Jannar 2024 u fil-5 ta’ April 2024, rispettivament. |
|
(3) |
Bħala l-Istat Membru ospitanti, il-Belġju pprovda dikjarazzjoni f’konformità mal-Artikolu 14(1), il-punt (d) tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 li tirrikonoxxi l-EUROPEUM-EDIC bħala korp internazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 143(1), il-punt (g) u l-Artikolu 151(1), il-punt (b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (2) u bħala organizzazzjoni internazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 11(1), il-punt (b) tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 (3), mid-data li fiha jiġi stabbilit. |
|
(4) |
Il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjoni skont l-Artikolu 14(2) tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481. Ikkonkludiet li l-applikazzjoni fiha l-elementi kollha meħtieġa skont l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481. Filwaqt li tqis l-objettivi ġenerali tal-Programm ta’ Politika dwar id-Deċennju Diġitali, b’mod partikolari l-kontribut tal-EDIC propost għall-iżvilupp ta’ ekosistema komprensiva u sostenibbli ta’ infrastrutturi diġitali interoperabbli, u l-kunsiderazzjonijiet prattiċi relatati mal-implimentazzjoni tal-proġett multinazzjonali, b’mod partikolari l-kapaċità teknika, finanzjarja u amministrattiva tal-EDIC propost, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-EDIC jissodisfa r-rekwiżiti speċifiċi kollha stabbiliti fl-Artikoli 13 sa 21 tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481. |
|
(5) |
F’konformità mal-Istatuti, l-EDIC huwa mistenni jistabbilixxi u jopera l-Infrastruttura Ewropea tas-Servizzi tal-Blockchain biex jipprovdi servizzi transfruntiera madwar l-Unjoni kollha, b’mod partikolari s-servizzi pubbliċi. Barra minn hekk, jenħtieġ li jappoġġa l-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-awtoritajiet pubbliċi dwar teknoloġiji deċentralizzati u jiffaċilita l-interoperabbiltà ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq tali teknoloġiji deċentralizzati. |
|
(6) |
F’konformità mal-Artikolu 14(3) tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481, il-kumitat stabbilit skont l-Artikolu 23(1) ta’ dik id-Deċiżjoni ġie kkonsultat dwar l-istabbiliment tal-EUROPEUM-EDIC u ta opinjoni favorevoli fis-6 ta’ Mejju 2024. |
|
(7) |
Sabiex tkun tista’ ssir l-applikazzjoni fil-pront tal-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni, jiġifieri l-bidu tal-operat tal-EUROPEUM-EDIC, li huwa meħtieġ b’mod urġenti għat-tranżizzjoni ordnata mill-arranġamenti ta’ implimentazzjoni attwali, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Stabbiliment tal-EUROPEUM-EDIC
1. Il-Konsorzju għall-Infrastruttura Diġitali Ewropea għas-Sħubija Ewropea tal-Blockchain u għall-Infrastruttura Ewropea tal-Blockchain għas-Servizzi (EUROPEUM-EDIC) huwa b’dan stabbilit.
2. L-EUROPEUM-EDIC għandu jkollu personalità ġuridika u għandu jgawdi, f’kull wieħed mill-Istati Membri, mill-aktar kapaċità ġuridika estensiva mogħtija lill-entitajiet ġuridiċi skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru. B’mod partikolari, dan jista’ jikseb, jippossjedi jew jiddisponi minn proprjetà mobbli, immobbli u intellettwali, jikkonkludi kuntratti u jkun parti fi proċedimenti ġudizzjarji.
3. L-elementi essenzjali tal-istatuti tal-EUROPEUM-EDIC, kif miftiehma bejn il-membri tiegħu, kif stabbilit fl-Anness ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Id-dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil- jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Mejju 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 323, 19.12.2022, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2481/oj.
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/112/oj).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU L 58, 27.2.2020, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2020/262/oj).
ANNESS
ELEMENTI ESSENZJALI GĦALL-ISTATUTI TAL-EUROPEUM-EDIC
(1) Li jikkorrispondu għall-Artikolu 17(1)(c) tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481:
Artikolu 2
L-isem, is-sede, il-post u l-lingwa operattiva
[…]
|
1. |
L-isem tal-EDIC imsemmi fil-paragrafu (1) għandu jkun “EUROPEUM”, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ EUROPEUM-EDIC. |
|
2. |
Il-EUROPEUM-EDIC għandu jkollu s-sede statutorja tiegħu fi Brussell, il-Belġju. |
(2) Li jikkorrispondu għall-Artikolu 17(1)(d) tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481:
Artikolu 34
Tul ta’ żmien
Il-EUROPEUM-EDIC għandu jibqa’ jeżisti sakemm jiġi stralċat f’konformità mal-Artikolu 35.
Artikolu 35
Stralċ
1. L-istralċ tal-EUROPEUM-EDIC għandu jiġi deċiż mill-Assemblea tal-Membri f’konformità mal-Artikolu 11(11)(c) ta’ dawn l-Istatuti.
2. Mingħajr dewmien bla bżonn u fi kwalunkwe każ fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-istralċ tal-EUROPEUM-EDIC, il-EUROPEUM-EDIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea dwar id-deċiżjoni.
3. L-assi li jibqgħu wara l-ħlas tad-djun tal-EUROPEUM-EDIC għandhom jitqassmu bejn il-membri pro rata skont il-kontribuzzjoni annwali akkumulata tagħhom lill-EUROPEUM-EDIC kif speċifikat fl-Artikolu 10 ta’ dawn l-Istatuti.
4. Mingħajr dewmien bla bżonn u fi kwalunkwe każ fi żmien għaxart ijiem minn meta tingħalaq il-proċedura tal-istralċ, il-EUROPEUM-EDIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dan.
5. Il-EUROPEUM-EDIC ma għandux jibqa’ jeżisti mill-jum li fih il-Kummissjoni Ewropea tippubblika l-avviż xieraq f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
6. L-istralċ tal-EUROPEUM-EDIC ma jipprekludix it-trasferiment tal-attivitajiet tal-EUROPEUM-EDIC lil entità ġuridika ġdida. Dan it-trasferiment irid isir f’konformità mal-kundizzjonijiet deċiżi mill-assemblea tal-Membri u bi qbil mal-Kummissjoni Ewropea.
(3) Korrispondenti mal-Artikolu 17(1)(e) tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481:
Artikolu 25
Responsabbiltà u assigurazzjoni
1. Il-EUROPEUM-EDIC għandu jkun responsabbli għad-djun tiegħu.
2. Ir-responsabbiltà finanzjarja tal-membri għad-djun tal-EDIC għandha tkun limitata għall-kontribuzzjonijiet rispettivi pprovduti lill-EDIC, kif speċifikat fl-Anness III.
3. L-Unjoni ma għandhiex tkun responsabbli għad-djun ta’ EUROPEUM-EDIC.
4. L-EUROPEUM-EDIC għandu jkollu assigurazzjoni xierqa li tkopri r-riskji speċifiċi għall-attivitajiet tiegħu.
(4) Korrispondenti mal-Artikolu 17(1)(i) tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481:
Artikolu 23
Eżenzjonijiet mit-taxxa u mid-dazju tas-sisa
1. L-eżenzjonijiet mill-VAT abbażi tal-Artikoli 143(1)(g) u 151(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE u f’konformità mal-Artikolu 51 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 għandhom ikunu limitati għal xiri mill-EUROPEUM-EDIC għall-użu uffiċjali u esklussiv tal-EUROPEUM-EDIC, dment li tali xiri jsir biss għall-attivitajiet mhux ekonomiċi tal-EUROPEUM-EDIC f’konformità mal-attivitajiet tiegħu. Il-kundizzjonijiet ta’ kwalifika għar-rikonoxximent bħala korp internazzjonali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 143(1)(g) u tal-Artikolu 151(1)(b) tad-Direttiva 2006/112/KE stabbiliti fl-Artikolu 50 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 għandhom jiġu rrispettati mutatis mutandis mill-EUROPEUM-EDIC.
2. L-eżenzjonijiet mill-VAT għandhom ikunu limitati għal xiri li jaqbeż il-valur ta’ EUR 300 minbarra t-taxxa.
3. L-eżenzjonijiet mid-Dazju tas-Sisa abbażi tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262, għandhom ikunu limitati għax-xiri mill-EUROPEUM-EDIC għall-użu uffiċjali u esklussiv mill-EUROPEUM-EDIC, dment li tali xiri jsir biss għall-attivitajiet mhux ekonomiċi tal-EUROPEUM-EDIC f’konformità mal-attivitajiet tiegħu u li x-xiri jaqbeż il-valur ta’ EUR 300 mibarra t-taxxa.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1432/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)