KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fid-19 ta’ Jannar 2017 ( 1 )

Kawża C‑465/15

Hüttenwerke Krupp Mannesmann GmbH

vs

Hauptzollamt Duisburg

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi, Düsseldorf, il-Ġermanja)]Rinviju għal deċiżjoni preliminari

Tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija u fuq l-elettrikuDirettiva 2003/96/KEKamp ta’ applikazzjoniKunċett ta’ elettriku użat prinċipalment għar-riduzzjoni kimikaInklużjoni tal-elettriku użat fil-fannijiet turbo għall-produzzjoni ta’ ħadid fondut grezz fil-fran tal-blast”

I. Introduzzjoni

1.

Hüttenwerke Krupp Mannesmann GmbH (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti” fil-kawża prinċipali) tħaddem forn tal-blast li jipproduċi l-ħadid fondut grezz. Dan il-proċess jinvolvi r-riduzzjoni kimika tal-mineral tal-ħadid biex jinħoloq il-ħadid fondut grezz, li jirrikjedi l-injezzjoni ta’ arja sħuna kkompressata fil-forn tal-blast. L-arja kkompressata hija prodotta bl-użu ta’ fannijiet turbo.

2.

It-tilwima fil-kawża prinċipali bejn ir-rikorrenti u l-Hauptzollamt Duisburg (awtorità tat-taxxa kompetenti, Duisburg, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“konvenuta”), u d-domanda magħmula mill-qorti nazzjonali, hija dwar jekk l-elettriku użat biex jitħaddmu fannijiet turbo huwiex “użat prinċipalment għat-tnaqqis ta’ kimiki [riduzzjoni kimika]” fis-sens tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96/KE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”) ( 2 ). Jekk dan huwa minnu, dan ma jkunx suġġett għat-tassazzjoni minima prevista f’din id-Direttiva.

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-Unjoni

1.  Direttiva 2003/96

3.

Il-premessi 2 sa 7 u 22 tad-Direttiva jipprovdu dan li ġej:

“(2)

L-assenza ta’ proviżżjonijiet tal-Komunità li timponi rata minima ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku u prodotti ta’ enerġija minbarra żjut minerali tista’ taffetwa ħażin il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern.

(3)

Il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern u s-seħħ ta’ għanijiet ta’ politiki oħra tal-Kommunità jinħtieġu livelli minimi ta’ tassazzjoni li jkunu stabbiliti fuq livell Kommunitarju għall-bosta mill-prodotti tal-enerġija, u jinkludu l-elettriku, gass naturali u faħam.

(4)

Differenzi sostanzjali dwar livelli nazzjonali ta’ tassazzjoni fuq l-enerġija minn Stati Membri tista’ tkun ta’ detriment għall-funzjonament kif suppost tas-suq intern.

(5)

L-istabbilament ta’ livelli minimi u approprijati ta’ tassazzjoni mill-Kommunità tista’ tnaqqas differenzi eżistenti ta’ tassazzjoni fil-livell nazzjonali.

(6)

Skond l-Artikolu 6 tat-Trattat, il-ħtiġijiet dwar il-protezzjoni ta’ l-ambjent għandhom jiġu integrati fid-definizzjoni u implimentazzjoni ta’ politiki oħra tal-Komunità.

(7)

Bħala sieħba tal-konvenzjoni kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar tibdil fil-klima, il-Komunità irratifikat il-Protokoll ta’ Kyoto. It-tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u, fejn xieraq, ta’ l-elettriku hija waħda mill-istrumenti disponibbli biex jinkisbu l-iskopijiet tal-Protokoll ta’ Kyoto.

[…]

(22)

Prodotti ta’ enerġija essenzalment għandhom ikunu suġġett għall-qafas fi ħdan il-Komunità meta jkunu użati bħala karburant li jsaħħan [kombustibbli] jew karburant għall-karozzi. Għal dan il-għan, hija fin-natura u l-loġika tas-sistema ta’ taxxa li teskludi mill-iskop ta’ dan il-qafas l-użu doppju u użu ta’ prodotti ta’ enerġija li mhux karburant kif ukoll ipproċessar tal-mineraloġija. Elettriku użata bl-istess manjiera għandha tiġi ttrattat l-istess.”

4.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva jobbliga lill-Istati Membri li jimponu tassazzjoni fuq “prodotti ta’ enerġija u elettriku”.

5.

L-Artikolu 2(1) jiddefinixxi l-prodotti ta’ enerġija b’lista ta’ Kodiċi NM, f’xi każijiet limitati għall-użu intenzjonat bħala karburanti jew kombustibbli. L-Artikolu 2(2) jikkonferma li d-Direttiva tapplika wkoll għal “[e]lettriku kif deskritt taħt Kodiċi NM 2716”.

6.

L-Artikolu 2(3) jitlob li, f’ċerti każijiet, l-Istati Membri japplikaw rati ta’ tassazzjoni fuq prodotti li ma jaqgħux fi ħdan id-definizzjoni ta’ “prodotti ta’ l-enerġija”, fejn dawk il-prodotti huma intenzjonati għall-użu, għall-bejgħ jew użati bħala karburant jew kombustibbli.

7.

L-Artikolu 2(4)(b) jipprovdi li d-Direttiva ma għandhiex tapplika għall-użu segwenti tal-prodotti ta’ enerġija u elettriku:

“—

prodotti ta’ enerġija użati mhux bħala karburant tal-karozzi jew karburant biex isaħħan [kombustibbli],

—

użu doppju ta’ prodotti ta’ enerġija

Prodott ta’ l-enerġija għandu użu doppju meta jiġi użat kemm bħala karburant li jsaħħan u kif ukoll għal skopijiet oħra barra minn karburant tal-karozzi jew karburant li jsaħħan. L-użu ta’ prodotti ta’ enerġija għat-tnaqqis ta’ kimiki [riduzzjoni kimika] u fi trattamenti elettrolitiki u metallurġiki għandhom jiġu kkonsidrati bħal użu doppju.

—

elettriku meta huwa użat prinċipalment għat-tnaqqis ta’ kimiki u fi trattamenti elettrolitiki u metallurġiki.

—

elettriku, meta l-prezz ikun iktar minn 50 % ta’ l-ispiża tal-prodott. ‘L-ispiża tal-prodott’ għandha tfisser it-total ta’ xiri ta’ oġġetti u servizzi u żżid l-ispejjeż tal-ħaddiema kif ukoll il-konsum ta’ kapital fiss, skond il-livell tan-negozju, kif definit fl-Artikolu 11. Din l-ispiża hija kkalkulata bħala medja għal kull unità. ‘L-ispiża ta’ l-elettriku’ għandha tfisser il-prezz attwali tax-xiri ta’ l-elettriku jew l-ispiża tal-produzzjoni ta’ l-elettriku jekk huwa ġenerat fin-negozju,

—

trattamneti mineraloġiki

‘Trattamenti mineraloġiki’ ifisser it-trattamneti klassifikati fin-nomenklatura NACE taħt kodiċi DI 26 ‘manifattura ta’ prodotti minerali mhux metalliċi’ fir-Regolazzjoni tal-Kunsill (KEE) No 3037/90 tad-9 ta’ Ottubru 1990 fuq l-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea.

Madankollu, l-Artikolu 20 għandu japplika fuq dawn il-prodotti ta’ enrġija.”

III. Il-fatti, il-proċedura u d-domanda preliminari

8.

Ir-rikorrenti topera impjant tal-azzar. Fil-faċilità tal-forn tal-blast tal-impjant jiġi prodott il-ħadid fondut grezz. Il-mineral tal-ħadid huwa ttrasformat f’ħadid fondut grezz billi jitneħħa l-ossiġenu (riduzzjoni kimika). Din ir-reazzjoni sseħħ f’temperaturi għoljin u tinvolvi l-użu ta’ arja sħuna u kkompressata.

9.

L-arja kkompressata użata għar-riduzzjoni kimika hija ġġenerata minn fannijiet turbo u hija injettata fil-forn tal-blast.

10.

Ir-rikorrenti ressqet talba lill-konvenuta għal eżenzjoni fiskali skont l-Artikolu 9a tal-iStromsteuergesetz (iktar ’il quddiem l-“iStromStG”, il-liġi nazzjonali fuq it-tassazzjoni tal-elettriku fil-Ġermanja li tittrasponi t-tielet inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva li jistabbilixxi waħda mill-eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni tad-Direttiva) tal-elettriku li huwa użat għall-operat tal-fann turbo.

11.

Il-konvenuta ċaħdet it-talba fuq il-bażi li, skont l-Artikolu 9a(1)(4) tal-iStromStG, huwa biss l-elettriku li jkun intuża għal proċessi tar-riduzzjoni kimika li jikkwalifika għal eżenzjoni fiskali. Dan il-vantaġġ tat-taxxa seta’ jinkiseb biss jekk l-elettriku kien użat prinċipalment għar-riduzzjoni kimika. F’dan il-każ, madankollu, hija ddeċidiet li l-elettriku kien intuża primarjament biex iħaddem mutur sabiex tiġi prodotta l-arja kkompressata. L-elettriku ma wassalx għal riduzzjoni kimika tal-mineral tal-ħadid.

12.

Ir-rikorrenti appellat minn dik id-deċiżjoni quddiem il-konvenuta. Wieħed mill-argumenti tagħha kien li, kif speċifikat fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tagħha, id-Direttiva ma tapplikax għal elettriku li jintuża prinċipalment għar-riduzzjoni kimika. Din id-dispożizzjoni, għaldaqstant, tippermetti wkoll użu ieħor, b’mod partikolari l-produzzjoni u t-trasport ta’ arja kkompressata, li mingħajrha l-proċessi tar-riduzzjoni kimika fil-forn tal-blast ikunu impossibbli. Hija ssottomettiet li l-użu tal-elettriku li għalih ir-rikorrenti għamlet talba għal eżenzjoni fiskali ma jintemmx fil-fannijiet turbo. Il-kunċett ta’ proċess tar-riduzzjoni kimika jestendi wkoll għall-produzzjoni tal-arja kkompressata, billi din hija input essenzjali.

13.

L-appell ġie miċħud mill-konvenuta. Ir-rikorrenti kkontestat dik id-deċiżjoni quddiem il-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi, Düsseldorf, il-Ġermanja), li ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“It-tielet inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, għandu jiġi interpretat, fir-rigward tal-proċess ta’ sħana għolja għall-produzzjoni ta’ metall mhux ipproċessat [ħadid fondut grezz], fis-sens li l-kurrent li jdawwar il-fannijiet turbo għandu, huwa stess, jitqies li huwa kurrent użat prinċipalment għat-tnaqqis tal-kimika [riduzzjoni kimika]?”

14.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti u mill-konvenuta fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-partijiet ikkonċernati involuti fil-fażi bil-miktub, kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit, ippreżentaw osservazzjonijiet orali fis-seduta tas-17 ta’ Novembru 2016.

IV. Evalwazzjoni

15.

L-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva jeskludi mill-applikazzjoni tad-Direttiva l-“elettriku meta huwa użat prinċipalment għat-tnaqqis ta’ kimiki [riduzzjoni kimika] u fi trattamenti elettrolitiki u metallurġiki”, li jfisser li dan l-elettriku ma jkunx suġġett għat-tassazzjoni.

16.

Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “għat-tnaqqis ta’ kimiki [riduzzjoni kimika]” ikoprix l-elettriku użat għall-operat ta’ fannijiet turbo li jikkompressaw l-arja, u li mbagħad tintuża fir-riduzzjoni kimika tal-mineral tal-ħadid biex isir ħadid fondut grezz.

17.

Id-domanda tal-qorti nazzjonali hija bażikament dwar l-intensità tar-rabta bejn l-elettriku u r-riduzzjoni kimika. L-elettriku ma huwiex użat direttament fit-trasformazzjoni kimika tal-mineral tal-ħadid, sa fejn dan jintuża biex jitneħħa l-ossiġenu mill-mineral ( 3 ). Minflok, l-elettriku jintuża biex jiġġenera input – l-arja kkompressata – għar-riduzzjoni kimika. Dan l-input huwa essenzjali għar-riduzzjoni kimika u huwa injettat direttament u immedjatament fil-forn tal-blast. Iżda dan l-użu jsir b’mod “immedjat” u “dirett” biżżejjed biex jitqies li huwa użu “għat-tnaqqis ta’ kimiki [riduzzjoni kimika]”?

18.

Għar-raġunijiet stipulati hawn taħt, nemmen li dan huwa minnu. Iktar ’l isfel ser nikkunsidra s-sens ordinarju tad-dispożizzjonijiet rilevanti (A), l-interpretazzjoni sistematika u teleoloġika tagħhom (B), ir-rilevanza tal-ġurisprudenza eżistenti dwar it-tieni inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) (C), u finalment l-applikazzjoni tagħhom għal din il-kawża (D).

A. Sens ordinarju

19.

It-tielet inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva għadu ma ġiex interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

20.

Is-sens ordinarju tal-kliem elettriku “użat prinċipalment għat-tnaqqis ta’ kimiki [riduzzjoni kimika]” jista’ ċertament jinkludi l-elettriku użat biex jitħaddmu l-fannijiet turbo. Għalkemm l-elettriku f’ċertu sens huwa użat “għal” tidwir ta’ fann u sabiex tiġi ġġenerata l-arja kkompressata, huwa ċar li dan ma huwiex l-għan fih innifsu. L-arja kkompressata hija injettata immedjatament fil-forn tal-blast. Din tikkostitwixxi input essenzjali għar-riduzzjoni kimika tal-mineral tal-ħadid. Tabilħaqq, f’dak is-sens, l-elettriku ma jservi l-ebda skop ieħor għajr li jippermetti li ssir ir-riduzzjoni kimika.

21.

Madankollu, sempliċi interpretazzjoni tal-kelma “għal” u l-ekwivalenti tagħha f’lingwi oħra ( 4 ), fil-fehma tiegħi, ma tirrispondix b’mod konklużiv għad-domanda tal-qorti nazzjonali.

22.

Wieħed jista’ jgħid li jippersistu għadd ta’ inċertezzi testwali: id-dispożizzjoni ma tagħmilx distinzjoni espliċita bejn l-elettriku użat “direttament” jew “indirettament” bl-iskop ta’ riduzzjoni kimika. Lanqas ma tispeċifika li t-“tnaqqis ta’ kimiki [riduzzjoni kimika]” jindika r-reazzjoni fiha nnifisha u mhux il-proċess b’mod iktar wiesa’. Huwa veru li konnessjoni vaga mar-reazzjoni kimika tkun insuffiċjenti. Ovvjament, l-eżenzjoni ma tistax tkopri, pereżempju, l-elettriku użat biex taħdem il-magna tax-xorb fil-kantin tal-persunal ta’ impjant. Tali rabtiet huma dgħajfin wisq. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, in-natura immedjata u essenzjali tal-produzzjoni u tal-użu tal-input – l-arja kkompressata – tagħmel ir-risposta inqas ċara.

23.

Għalhekk, il-sens ordinarju jibqa’ ambigwu dwar element ewlieni identifikat diġà: ir-rabta bejn l-elettriku u r-riduzzjoni kimika. Għaldaqstant, issir neċessarja interpretazzjoni sistematika u teleoloġika tal-istess dispożizzjoni.

B. Interpretazzjoni sistematika u teleoloġika

24.

Hawn taħt ser niffoka fuq erba’ aspetti, jiġifieri: interpretazzjoni tat-tielet inċiż fl-intier tiegħu (1), eżami tan-natura tal-Artikolu 2(4)(b) bħala eċċezzjoni għad-Direttiva jew bħala definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (2), il-bżonn ta’ interpretazzjoni stretta biex l-effett utli tagħha (3), u interpretazzjoni parallela tat-tieni u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) (4).

1.  It-tielet inċiż fl-intier tiegħu

25.

Bħala punt preliminari f’dan ir-rigward, u fl-intersezzjoni bejn is-sens ordinarju u l-interpretazzjoni sistematika, ikun utli li t-tielet inċiż jiġi kkunsidrat fl-intier tiegħu. Għalkemm il-qorti tar-rinviju tagħżel, b’mod speċifiku, l-eżempju ta’ “tnaqqis ta’ kimiki [riduzzjoni kimika]” bħala s-suġġett tal-interpretazzjoni, it-tielet inċiż jirreferi wkoll għal “trattamenti elettrolitiki” (b’riferiment għall-produzzjoni bl-elettroliżi) u għal proċessi “metallurġiki”. L-interpretazzjoni istantanja u naturali li tiġini f’moħħi ta’ dawn it-tliet eċċezzjonijiet flimkien hija li dawn jirreferu għal tliet tipi ta’ proċessi industrijali, kif saħqet ir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

26.

Fis-seduta, il-Kummissjoni ssottomettiet li, bħat-“tnaqqis ta’ kimiki [riduzzjoni kimika]”, il-kunċett ta’ “trattamenti […] metallurġiki” għandu jiġi interpretat b’mod strett. Madankollu, il-Kummissjoni rrikonoxxiet ukoll li, anki f’każ ta’ tali interpretazzjoni, il-kunċett xorta waħda potenzjalment iħaddan firxa ta’ proċessi fl-industrija tal-metall (inkluża r-reduzzjoni kimika tal-minerali).

27.

Għal din ir-raġuni waħedha, għandi d-dubji tiegħi dwar interpretazzjoni stretta żżejjed tal-frażi “għat-tnaqqis ta’ kimiki [riduzzjoni kimika]”, li tindika biss l-estrazzjoni speċifika ħafna tal-atomi tal-ossiġenu permezz tal-applikazzjoni diretta tal-elettriku. Għalfejn għandu jkun hemm il-bżonn imperattiv ta’ interpretazzjoni stretta ta’ terminu wieħed jekk l-istess proċess x’aktarx huwa kopert minn terminu ieħor fi ħdan l-istess eċċezzjoni?

2.  Artikolu 2(4)(b): eċċezzjoni jew definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni?

28.

Billi jibbażaw ruħhom fuq interpretazzjoni sistematika u teleoloġika, il-konvenuta fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni xorta waħda jinvokaw tali interpretazzjoni stretta tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(4)(b). Il-pożizzjoni bażika tagħhom hija li l-kliem “għat-tnaqqis ta’ kimiki [riduzzjoni kimika]” jinkludi biss l-elettriku użat bħala parti mir-reazzjoni tar-riduzzjoni kimika fiha nnifisha. Għaldaqstant, dan ma jinkludix l-elettriku użat fil-fannijiet turbo, li għalhekk huwa kopert mid-Direttiva. B’kuntrast, ir-rikorrenti, kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit, jieħdu ħarsa iktar wiesgħa tal-kunċett u jikkonkludu li elettriku użat fil-fannijiet turbo għandu jaqa’ taħt it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) u jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

29.

Sabiex isostnu l-pożizzjonijiet tagħhom, il-konvenuta u l-Kummissjoni jargumentaw li l-fatt stess li l-Artikolu 2(4)(b) jistabbilixxi eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali tat-tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija u fuq l-elettriku jfisser li dan għandu jiġi interpretat b’mod strett. F’dan ir-rigward, huma jirreferu għall-ġurisprudenza ġenerali li l-eċċezzjonijiet għandhom ikunu interpretati b’mod strett ( 5 ) u għal-linja tal-ġurisprudenza li tistabbilixxi li ma kienx hemm intenzjoni leġiżlattiva li jiġu introdotti eċċezzjonijiet wisgħin għad-Direttiva ( 6 ).

30.

Filwaqt li mal-ewwel daqqa ta’ għajn dan huwa argument attraenti, meta wieħed jeżaminha iktar mill-qrib, din il-ġurisprudenza ma hijiex ta’ għajnuna kbira biex tingħata risposta għad-domanda tal-qorti nazzjonali.

31.

Nibda billi nissottolinja, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva ma jistabbilixxix lista ta’ eċċezzjonijiet. Minflok, dan jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Fil-fehma tiegħi, dan joħroġ biċ-ċar minn interpretazzjoni sistematika tad-Direttiva, fejn l-Artikolu 2 jiddefinixxi l-prodotti u l-użu li għalihom tapplika d-Direttiva. L-eċċezzjonijiet u l-esklużjonijiet għal dan il-kamp ta’ applikazzjoni, iddefinit b’mod ġenerali, huma stipulati iktar tard fid-Direttiva, b’mod partikolari fl-Artikoli 17 sa 19. L-interpretazzjoni li tgħid li l-Artikolu 2(4)(b) jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva iktar milli jistipula eċċezzjonijiet hija, barra minn hekk, sostnuta mis-sentenza Fendt tal-Qorti tal-Ġustizzja (li tikkonċerna d-Direttiva 92/81/KEE ( 7 ), il-predeċessur tad-Direttiva) ( 8 ).

32.

Għal din ir-raġuni, ma nemminx li l-pożizzjoni tat-tluq għandha neċessarjament tkun li l-Artikolu 2(4)(b) għandu jingħata interpretazzjoni kemm jista’ jkun stretta. Iżda anki li kieku kellha titħaddan tali pożizzjoni tat-tluq, u li kieku, għal skopijiet prattiċi, definizzjonijiet li min-natura tagħhom stess jinkludu esklużjoni u li jirrigwardaw il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ direttiva kellhom jiġu ekwiparati mal-eċċezzjonijiet innifishom, il-kwistjoni ewlenija tibqa’ l-istess: interpretazzjoni stretta ta’ eċċezzjoni ma għandhiex tasal sal-punt li ċċaħħad lill-eċċezzjoni minn kull tifsira u rilevanza raġonevoli.

3.  L-effett utli jitlob interpetazzjoni stretta?

33.

Għal raġunijiet simili, lanqas ma naqbel mas-suġġeriment relatat tal-Kummissjoni li interpretazzjoni ta’ “għat-tnaqqis ta’ kimiki [riduzzjoni kimika]” fis-sens ta’ xi ħaġa li tmur lil hinn mill-użu dirett tal-elettriku biex jitneħħa l-ossiġenu, timmina d-Direttiva sħiħa jew b’xi mod tikkomprometti irrimedjabbilment l-effett utli tagħha.

34.

Għalija dan huwa suġġeriment kemxejn drammatiku żżejjed. Tabilħaqq, il-Kummissjoni rtirat sa ċertu punt tali suġġeriment fis-seduta. Nixtieq infakkar li hawnhekk il-kwistjoni hija d-domanda speċifika ħafna dwar jekk l-elettriku użat biex tiġi kkompressata l-arja, li mbagħad tiġi injettata fil-forn tal-blast, jaqax fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva. Ma huwiex ikkontestat li dik il-parti tal-proċess hija relatata b’mod intimu u hija essenzjali ( 9 ) għar-riduzzjoni kimika. Tabilħaqq, il-Kummissjoni stess dehret li kienet qed issibha diffiċli tagħmel distinzjoni fl-osservazzjonijiet tagħha ( 10 ).

35.

Kif diġà enfasizzajt iktar ’il fuq fil-punt 32, ninsab ukoll konxju tar-riskju li interpretazzjoni stretta żżejjed tal-frazi “għat-tnaqqis ta’ kimiki [riduzzjoni kimika]” tnaqqas il-portata tagħha biex prattikament ma tkun tinkludi xejn. Ir-riżultat jista’ jkun li l-frażi tispiċċa tkopri kważi esklużivament użu li, fi kwalunkwe każ, jaqa’ fi ħdan il-portata tal-eżenzjoni prevista għall-elettriku użat fi “trattamenti […] metallurġiki”. Għalhekk terġa’ titqajjem l-istess domanda: jekk din kienet tabilħaqq l-intenzjoni tal-leġiżlatur, għalfejn kellu jintroduċi tliet termini differenti fil-formulazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(4)(b)?

36.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni u l-konvenuta offrew, fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħhom, żewġ eżempji ta’ proċessi industrijali li jinvolvu l-użu ta’ elettriku prinċipalment “għat-tnaqqis ta’ kimiki [riduzzjoni kimika]”. Dawn l-eżempji kienu (i) fran b’ark elettriku (electric arc furnaces) u (ii) produzzjoni tal-folji tas-siliċju (silicon wafer production). Ma hijiex l-intenzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet li nidħol f’dibattitu ddettaljat dwar il-merti ta’ dawn l-eżempji b’mod astratt. Madankollu, fis-seduta kien ċar li kien hemm nuqqas ta’ qbil dwar jekk dawn il-proċessi industrijali jinvolvux, fil-fatt, l-użu ta’ elettriku prinċipalment “għat-tnaqqis ta’ kimiki [riduzzjoni kimika]” u, fil-każ li dan kien minnu, jekk dawn jaqgħux ukoll taħt il-kunċett ta’ elettriku użat prinċipalment fi “trattamenti […] metallurġiki”.

37.

Bħala riżultat, tibqa’ l-kwistjoni dwar jekk l-eżenzjoni prevista għall-elettriku użat prinċipalment “għat-tnaqqis ta’ kimiki [riduzzjoni kimika]” ikollhiex xi tip ta’ rilevanza prattika fil-każ li t-tielet inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) jingħata l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni u tal-konvenuta.

4.  Interpretazzjoni sistematika u “parallela” tat-tieni u tat-tielet inċiż

38.

Huwa possibbli li jinkiseb għarfien addizzjonali dwar l-interpretazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) bis-saħħa ta’ interpretazzjoni sistematika tat-tieni u tat-tielet inċiż ta’ din id-dispożizzjoni ikkunsidrati flimkien?

39.

Il-Kummissjoni u l-konvenuta jargumentaw favur tali interpretazzjoni sistematika. Saħansitra jmorru lil hinn. Huma jinvokaw interpretazzjoni magħrufa bħala “parallela” taż-żewġ inċiżi. Fil-fehma tagħhom, din l-interpretazzjoni parallela twassal għal interpretazzjoni pjuttost stretta tat-tielet inċiż.

40.

Kif ġie rrimarkat korrettament mill-konvenuta u mill-Kummissjoni, il-premessa 22 tad-Direttiva tirreferi għall-eċċezzjoni ta’ użu doppju għal prodotti tal-enerġija previsti fit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) u tindika li “[e]lettriku użata [użat] bl-istess manjiera għandha tiġi [għandu jiġi] ttrattat l-istess”. It-trattament simili ta’ elettriku u prodotti tal-enerġija huwa neċessarju wkoll biex jiġu evitati distorsjonijiet mhux ġustifikati tal-kompetizzjoni, li jispiċċaw jikkompromettu, b’mod partikolari, l-insegwiment tal-għanijiet tad-Direttiva relatati mas-suq intern.

41.

Madankollu, minkejja l-ħtieġa ta’ trattament simili, u, b’mod iktar ġenerali, il-bżonn ovvju li tiġi żgurata l-koerenza fl-interpretazzjoni, huwa ċar li hemm differenzi sinjifikattivi ħafna bejn il-formulazzjoni u l-istruttura tat-tieni u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(4)(b). Dawn id-differenzi għandhom jiġu mfissra fid-dettall hawnhekk peress li jistabbilixxu limiti ċari fuq l-interpretazzjoni “parallela” taż-żewġ inċiżi.

42.

It-tieni inċiż huwa, f’ċerti aspetti, iktar strett mit-tielet inċiż. It-tieni inċiż japplika biss għall-użu doppju ta’ prodotti tal-enerġija. Madankollu, il-kunċett ta’ użu doppju huwa kompletament nieqes mit-tielet inċiż. Barra minn hekk, it-tieni inċiż japplika biss meta l-prodotti tal-enerġija jintużaw bħala kombustibbli (u mhux bħala karburant). Tali limitazzjoni hija nieqsa wkoll fit-tielet inċiż.

43.

F’aspetti oħra, it-tieni inċiż huwa iktar wiesa’ billi jagħti r-riduzzjoni kimika, l-elettroliżi u l-metallurġija biss bħala eżempji tal-użu doppju, filwaqt li t-tielet inċiż jippreżentahom bħala lista eżawrjenti. Barra minn hekk, it-tieni inċiż jista’ japplika anki fejn ir-riduzzjoni kimika, l-elettroliżi u l-metallurġija jikkostitwixxu biss użu minuri. It-tielet inċiż jirrikjedi li dawn jikkostitwixxu użu prinċipali.

44.

Dawn huma differenzi testwali sinjifikattivi u espliċiti fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ inċiżi, introdotti mil-leġiżlatur. Sa ċertu punt dawn huma inevitabbli. Il-karatteristiċi fiżiċi tal-elettriku huma differenti ħafna minn dawk ta’ prodotti tal-enerġija oħra. Waħda minn dawn id-differenzi maġġuri hija li prodotti tal-enerġija oħra jistgħu jgħaddu minn trasformazzjoni kimika, li tippermettilhom iwettqu rwol fi proċessi industrijali, xi ħaġa li hija impossibbli fil-każ tal-elettriku ( 11 ). Din il-possibbiltà hija tabilħaqq ċentrali għall-espressjoni “użu doppju” użata fl-eċċezzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(4)(b).

45.

Fil-qosor, inqis li hemm limitazzjonijiet testwali u prattiċi serji għal interpretazzjoni “parallela” tat-tieni u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(4)(b).

46.

Qiegħed nenfasizza dan il-punt għaliex b’mod partikolari l-Kummissjoni tuża l-interpretazzjoni parallela bħala aspett prinċipali tal-argument u tenfasizza fuqha b’mod sinjifikattivi fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Il-Kummissjoni ssostni: (i) li t-tielet inċiż jista’ potenzjalment jinqara b’mod li jirrikjedi użu doppju; u (ii) li t-tielet inċiż jaf japplika biss jekk l-elettriku jintuża bħala kombustibbli (u mhux bħala karburant). Dan, fil-fehma tiegħi, jikkostitwixxi użu kemxejn dubjuż tal-interpretazzjoni sistemika u teleoloġika, bl-għan aħħari li jitfassal mill-ġdid it-test ta’ direttiva. Għall-finijiet taċ-ċertezza legali, tali approċċ għandu jiġi miċħud b’mod ċar.

47.

Minkejja dawn il-limiti ċari imposti fuq interpretazzjoni “parallela” tat-tieni u t-tielet inċiż tal-Artikolu 2(4)(b), u t-tħassib tiegħi dwar l-approċċ kemxejn flessibbli tal-Kummissjoni għall-interpretazzjoni legali, naqbel li jista’ jinkiseb ċertu għarfien mill-ġurisprudenza eżistenti dwar it-tieni inċiż. Ser nindirizza din il-ġurisprudenza fis-sezzjoni segwenti.

C. Ġurisprudenza dwar it-tieni inċiż tal-Artikolu 2(4)(b)

48.

Il-kawża ewlenija li hija ta’ interess hawnhekk hija l-kawża X ( 12 ). Din kienet tikkonċerna l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ użu doppju prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(4)(b). Ir-rikorrenti f’dik il-kawża kienet tipproduċi z-zokkor. Fil-proċess hija kienet tuża kombustibbli. Kienet tuża wkoll is-CO2 prodott mill-ħruq tal-kombustibbli għal żewġ skopijiet. L-ewwel, fil-produzzjoni taz-zokkor innifsu (is-CO2 huwa input essenzjali). It-tieni, hija esportat is-CO2 għall-użu fil-produzzjoni tal-fertilizzanti. Il-qorti nazzjonali staqsiet jekk dawn kinux jammontaw għal użu doppju u jekk setgħux għalhekk jibbenefikaw mill-eċċezzjoni ta’ użu doppju. Il-qorti qalet li meta s-CO2 intuża bħala input taz-zokkor dan kien użu doppju, imma meta kien esportat dan ma kienx.

49.

Fir-raġunament tagħha, li ta’ min jiġi kkwotat b’mod estensiv hawnhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja stqarret li: ( 13 )

“[…] jista’ jkun hemm prodott tal-enerġija b’użu doppju li jkun is-suġġett ta’ ħruq fil-kuntest ta’ proċess ta’ produzzjoni sa fejn […] dan il-proċess jirnexxi biss jekk tiġi użata sustanza li hemm qbil dwarha li hija tista’ tiġi ġġenerata biss bil-ħruq tal-imsemmi prodott tal-enerġija.

Peress li l-prodott tal-enerġija inkwistjoni huwa użat bħala sors tal-enerġija f’dan il-proċess ta’ produzzjoni bil-għan li jinkiseb il-gass esklużivament iġġenerat mill-ħruq tal-imsemmi prodott tal-enerġija, huwa permess li jiġi kkunsidrat li din il-funzjoni ta’ sors ta’ enerġija hija tassew is-suġġett ta’ żewġ użi konkomitanti.

Min-naħa l-oħra, jekk, fil-fatti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, gass iġġenerat mill-ħruq ma huwiex il-prodott meħtieġ sabiex jintemm b’suċċess il-proċess ta’ produzzjoni, iżda huwa residwu ta’ dan il-proċess li sempliċement jiġi żviluppat, ma hemmx użu doppju tal-istess prodott tal-enerġija. Għalhekk, is-sempliċi fatt li l-gass iġġenerat jikkostitwixxi materja prima f’proċess ta’ produzzjoni distint, bħall-produzzjoni tal-fertilizzant agrikolu, ma huwiex biżżejjed biex jitqies li hemm użu doppju tal-prodott tal-enerġija li kien is-suġġett ta’ ħruq.” (enfasi miżjuda minni.)

50.

Mir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżultaw tliet punti. L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza n-natura essenzjali tal-input (“jirnexxi biss jekk”). It-tieni nett, jeħtieġ li l-input jiġi ġġenerat bil-ħruq tal-kombustibbli (“biss bil-ħruq”). It-tielet nett, jekk l-input jiġi użat f’“proċess ta’ produzzjoni distint”, l-eċċezzjoni ta’ użu doppju ma tkunx tapplika.

51.

Il-kawża YARA hija kawża oħra, iktar reċenti, relatata mat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva ( 14 ).

52.

Dik il-kawża kienet tikkonċerna l-produzzjoni tal-ammonju. Bħala parti mill-proċess kienu jiġu prodotti gassijiet “foqra”. Dawn imbagħad kienu jiġu mħallta mal-gass naturali u maħruqa, fejn is-sħana prodotta kienet tintuża għal numru ta’ funzjonijiet: it-tisħin u t-tnixxif tal-fwar, id-dekompożizzjoni kimika u l-evakwazzjoni tal-gassijiet ta’ skart. Id-domanda magħmula quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment kienet jekk il-gassijiet naturali setgħux jibbenefikaw mill-eċċezzjoni ta’ użu doppju.

53.

Filwaqt li rrispondiet fin-negattiv, il-Qorti tal-Ġustizzja saħqet mill-ġdid dwar il-prinċipji bażiċi stabbiliti fil-kawża X. Hija kkonkludiet li ma kienx hemm użu doppju tal-gass naturali għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, il-proċess ta’ produzzjoni seta’ jitlesta mingħajr il-gass naturali. Barra minn hekk, anki jekk dan ma setax iseħħ, ma kien hemm l-ebda trasformazzjoni tal-gass naturali fi fwar ( 15 ).

54.

Il-kawżi X u YARA huma interessanti b’żewġ modi. L-ewwel nett, il-kundizzjonijiet ta’ rabta diretta żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża X, u kkonfermati f’YARA, fil-fehma tiegħi huma utli wkoll biex iservu bħala bażi biex jiġi ddeterminat meta l-elettriku huwa użat “għat-tnaqqis ta’ kimiki [riduzzjoni kimika]”. It-tieni nett, il-kawżi jservu wkoll biex jenfasizzaw għal darba oħra l-limiti tal-aspetti paralleli bejn it-tieni u t-tielet inċiż tal-Artikolu 2(4)(b).

55.

Fir-rigward tal-punt tal-aħħar, jirriżulta b’mod impliċitu kemm minn YARA kif ukoll minn X li l-prodott tal-enerġija jista’ jibbenefika mill-eċċezzjoni ta’ “użu doppju” biss sa fejn dan ikun ġie ttrasformat fiżikament u f’dak l-istat mibdul tiegħu jkun ikkontribwixxa għall-proċess ta’ produzzjoni. Kif ġie enfasizzat iktar ’il fuq, tali trasformazzjoni hija sempliċement irrilevanti fil-każ tal-elettriku. Din il-kundizzjoni għalhekk ma tistax tiġi trasposta għat-tielet inċiż.

D. Il-kriterji u l-applikazzjoni tagħhom għal din il-kawża

56.

B’riferiment għall-punt preċedenti u, għaldaqstant, għall-punt ewlieni ta’ din il-kawża: x’għandu jsir bil-kriterju ta’ rabta? Hemm żewġ kundizzjonijiet żviluppati fil-kawżi X u YARA li, fil-fehma tiegħi, jibqgħu rilevanti għal din il-kawża: l-essenzjalità u l-immedjatezza tal-użu.

57.

Sabiex jitqies bħala “użu doppju”, il-ħruq tal-prodott tal-enerġija jrid jiġġenera input essenzjali għall-proċess ta’ produzzjoni. Minħabba r-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, l-elettriku ma jistax jiġi “ittrasformat” fl-input, iżda l-elettriku jrid jintuża biex dan ikun iġġenerat.

58.

Fir-rigward tal-immedjatezza tal-użu, il-kawża X tagħmilha ċara li l-eċċezzjoni ta’ użu doppju ma tistax tapplika meta l-input iġġenerat huwa esportat ’il barra mill-proċess tal-produzzjoni. Għalkemm ma hijiex ippreżentata speċifikament b’dan il-mod, YARA timplika, barra minn hekk, li l-evakwazzjoni tal-iskart ma hijiex suffiċjentement parti mill-proċess biex tiġi permessa l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ użu doppju.

59.

Meta dawn il-kriterji jiġu applikati għal din il-kawża, jidher li l-elettriku użat jikkostitwixxi input essenzjali għar-riduzzjoni kimika. Dan huwa komponent neċessarju tagħha. Il-qorti nazzjonali tabilħaqq tikkonferma dan il-punt espliċitament fit-talba tagħha. Huwa korrett li l-elettriku nnifsu ma huwiex ittrasformat fl-input essenzjali bl-istess mod bħal, pereżempju, fil-kawża X. Madankollu, kif ġie diskuss iktar ’il fuq, dan huwa sempliċement riżultat tan-natura fiżika intrinsikament differenti tal-elettriku u ta’ prodotti tal-enerġija oħra. Minkejja dan, l-input jibqa’ kemm essenzjali kif ukoll neċessarju, u għalhekk jikkostitwixxi parti indispensabbli mill-proċess. Fil-qosor, mingħajru, ir-riduzzjoni kimika ma tkunx tista’ ssir.

60.

Inqis ukoll li hemm użu dirett u immedjat f’dan il-każ. L-arja kkompressata hija ġġenerata u użata fuq is-sit bħala parti minn proċess kontinwu ta’ riduzzjoni kimika. Għall-kuntrarju tal-kawża X, pereżempju, din ma hijiex esportata b’mod sħiħ jew parzjali, u sservi l-iskop uniku li tirrendi r-riduzzjoni kimika possibbli.

61.

Madankollu, qabel nikkonkludi, naħseb li huwa neċessarju wkoll li nindirizza espliċitament ftit mill-argumenti ta’ natura kundizzjonali mqajma mill-Kummissjoni u mill-konvenuta. Dawn il-partijiet argumentaw li, jekk l-elettriku użat fil-fannijiet turbo jiġi eskluż mill-applikazzjoni tad-Direttiva, dan ikollu l-konsegwenza li jiftaħ il-bieb għal kull xorta ta’ esklużjonijiet oħra. L-eżempju tal-elettriku użat biex jitħaddmu ċ-ċineg trasportatriċi biex tiġi ttrasportata materja prima oħra lejn il-forn tal-blast kien iċċitat kemm‑il darba.

62.

Naħseb li l-kriterji applikati hawn fuq fil-punti 59 sa 60 huma, fl-opinjoni tiegħi, iġġustifikati għaliex huma konsistenti mat-test tad-Direttiva, ma’ interpretazzjoni sistematika u teleoloġika tagħha, u anki mal-kawżi preċedenti X u YARA.

63.

Kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni, l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(4)(b) titlob evalwazzjoni każ b’każ. Għalhekk, għandi d-dubji tiegħi dwar l-estensjoni jew l-applikazzjoni b’mod astratt tal-konklużjonijiet spjegati iktar ’il fuq għal każijiet oħra. Madankollu, u filwaqt li nibqa’ fl-isfera tal-ipotetiku, għaliex ma humiex is-suġġett ta’ din il-kawża, ninsab xettiku dwar affermazzjonijiet li l-elettriku użat biex jitħaddmu ċ-ċineg trasportatriċi jista’ jkun kopert mill-eċċezzjoni. Iċ-ċineg trasportatriċi ma “jiġġenerawx” xi tip ta’ input; huma jċaqilqu biss affarijiet minn post għall-ieħor. Lanqas ma jikkostitwixxu parti essenzjali, u għalhekk indispensabbli, tal-proċess ta’ riduzzjoni kimika. Ċertament jistgħu jkunu previsti modi jew mezzi oħra ta’ trasport. Lanqas ma hemm l-istess immedjatezza bħal fil-każ tal-arja kkompressata injettata direttament fil-forn tal-blast bħala parti mill-proċess ta’ riduzzjoni kimika.

64.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, inqis li r-risposta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tkun kif ġej:

It-tielet inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill (KE) Nru 2003/96, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, għandu jiġi interpretat, fir-rigward tal-proċess ta’ forn tal-blast għall-produzzjoni ta’ ħadid fondut grezz, fis-sens li l-elettriku li jdawwar il-fannijiet turbo għandu jitqies li huwa elettriku użat prinċipalment għar-riduzzjoni kimika.

V. Konklużjoni

65.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda magħmula mill-Finanzgericht Düsseldorf (qorti tal-finanzi, Düsseldorf, il-Ġermanja) kif ġej:

It-tielet inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill (KE) Nru 2003/96, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, għandu jiġi interpretat, fir-rigward tal-proċess ta’ forn tal-blast għall-produzzjoni ta’ ħadid fondut grezz, fis-sens li l-elettriku li jdawwar il-fannijiet turbo għandu jitqies li huwa elettriku użat prinċipalment għar-riduzzjoni kimika.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE , tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405).

( 3 ) Dan jinsab f’kuntrast, pereżempju, mal-elettroliżi fejn l-elettriku jintuża direttament biex jissepara s-sustanzi kimiċi.

( 4 ) Pereżempju bil-Franċiż: “pour”; bl-Ispanjol: “a efectos de”; bit-Taljan: “per”; bl-Olandiż: “voor”; bil-Ġermaniż: “für die Zwecke”; biċ-Ċek: “pro účely”.

( 5 ) Huma jiċċitaw, pereżempju, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Statoil Fuel & Retail Eesti AS (C‑553/13, EU:C:2015:149, punt 39).

( 6 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Haltergemeinschaft LBL (C‑250/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:862, punt 23), u tal-1 ta’ Diċembru 2011, Systeme Helmholz (C‑79/10, EU:C:2011:797, punt 23).

( 7 ) Direttiva tal-Kunsill, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali (ĠU L 316, p. 12).

( 8 ) Sentenza tal-5 ta’ Lulju 2007, Fendt Italiana (C‑145/06 u C‑146/06, EU:C:2007:411, punt 37): “għalkemm iż-żjut minerali użati b’mod ieħor milli bħala karburant jew kombustibbli jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/81, peress li dawn il-prodotti huma, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 30 u 33 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, eżenti b’mod obbligatorju mit-taxxa tas-sisa armonizzata, il-leġiżlatur Komunitarju, bl-adozzjoni tad-Direttiva 2003/96, kellu l-intenzjoni li jibdel din is-sistema billi jeskludi tali prodotti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva”.

( 9 ) Essenzjalment dan kien ikkonfermat espliċitament mill-qorti tar-rinviju nnifisha.

( 10 ) Għalhekk, pereżempju, kemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub kif ukoll orali tagħha, il-Kummissjoni tirreferi għar-“rabta mill-qrib” li trid teżisti bejn ir-riduzzjoni kimika u l-użu tal-elettriku, li mal-ewwel daqqa ta’ għajn tista’ tkopri l-elettriku użat fil-fannijiet turbo. (Il-Kummissjoni sussegwentement ikkwalifikat din il-formulazzjoni fl-osservazzjonijiet orali tagħha).

( 11 ) Ser nirritorna għal dan il-punt iktar ’il quddiem fil-kuntest tal-kawża X.

( 12 ) Sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2014, X (C‑426/12, EU:C:2014:2247).

( 13 ) Sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2014, X (C‑426/12, EU:C:2014:2247, punti 24 sa 26).

( 14 ) Ara d-digriet tas-17 ta’ Diċembru 2015, YARA Brunsbüttel (C‑529/14, mhux ippubblikat, EU:C:2015:836).

( 15 ) B’mod iktar speċifiku, id-digriet jipprovdi li l-fwar ma humiex sustanza li tista’ tiġi ġġenerata billi jintuża l-gass naturali biss. Ara d-digriet tas-17 ta’ Diċembru 2015, YARA Brunsbüttel (C‑529/14, mhux ippubblikat, EU:C:2015:836, punt 28).