Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti)
7 ta’ Ottubru 2026 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Klassifikazzjoni tal-merkanzija – Nomenklatura Magħquda – Oġġett ippreżentat mhux assemblat jew żarmat – Regola 2(a) tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda – Komponenti intiżi li jikkostitwixxu, wara l-assemblaġġ tagħhom, roti elettriċi – Preżentazzjoni tal-komponenti permezz ta’ kunsinni fi stadji – Klassifikazzjoni bħala oġġett komplut”
Fil-Kawża T‑529/25,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-hof van beroep Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Ġunju 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Lulju 2025, fil-proċedura
L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew,
Belgische Staat, Federale Overheidsdienst Financiën, Algemene Administratie van de Douane en Accijnzen (AAD & A)
vs
Prestige Rijwielen NV,
Logwin Air + Ocean Belgium NV,
ZG,
fil-preżenza ta’:
Belgische Staat, Federale Overheidsdienst Financiën, Algemene Administratie van de Bijzondere Belastinginspectie (AABBI),
IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti),
komposta minn M. Sampol Pucurull, President, T. Pynnä (Relatriċi), J. Laitenberger, M. Stancu u W. Valasidis, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Martín y Pérez de Nanclares,
Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,
wara li rat it-trażmissjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tat-talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ Awwissu 2025, b’applikazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,
wara li rat is-suġġett imsemmi fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-assenza ta’ domanda indipendenti ta’ interpretazzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 50b tal-imsemmi Statut,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tat‑23 ta’ April 2026,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, minn J. Castillo García, L. De Matteis, T. Gut, M. Simonato u J. Vanderputten, bħala aġenti,
– għal Prestige Rijwielen, minn T. Dujardin u K. Francken, advocaten,
– għal Logwin Air + Ocean Belgium, minn J. De Bruyn, Y. Melin u V. Van Opdenbosch, advocaten,
– għal ZG, minn T. Dujardin u K. Francken, advocaten,
– għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens, M. Jacobs u C. Pochet, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Baeckelmans, A. Demeneix, F. Moro u W. Roels, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ Ġunju 2026,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regola 2(a) tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjonijiet tiegħu li jirriżultaw, suċċessivament, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1602 tal‑11 ta’ Ottubru 2018 (ĠU 2018, L 273, p. 1), mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1776 tad‑9 ta’ Ottubru 2019 (ĠU 2019, L 280, p. 1), u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1577 tal‑21 ta’ Settembru 2020 (ĠU 2020, L 361, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2021, L. 11, p. 22) (iktar ’il quddiem in-“NM”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u, min-naħa l-oħra, il-Belgische Staat, Federale Overheidsdienst Financiën, Algemene Administratie van de Douane en Accijnzen (AAD&A) (l-Istat Belġjan, is-Servizz Pubbliku Federali tal-Finanzi, l-Amministrazzjoni Ġenerali tad-Dwana u tas-Sisa (AGDA), iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni doganali”), żewġ kumpanniji rregolati mid-dritt Belġjan, Logwin Air + Ocean Belgium NV u Prestige Rijwielen NV, kif ukoll ZG, [kunfidenzjali] (1), dwar proċeduri kriminali u krediti fiskali li jirrigwardaw sensiela ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea ta’ komponenti ta’ roti elettriċi.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
Is-SA
3 Is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni tal-Merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”) ġiet imfassla mill-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO), imwaqqaf permezz tal-Konvenzjoni dwar il-Ħolqien tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, konkluża fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950. Is-SA ġiet stabbilita bil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 3, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar is-SA)), u approvata, flimkien mal-Protokoll li jemendaha tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas‑7 ta’ April 1987, dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti u tal-Protokoll li Jemendaha (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).
4 Skont il-punt (ii) tal-Artikolu 3(1) (a) tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifikazzjoni ta’ Oġġetti, kull parti kontraenti timpenja ruħha li tapplika r-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif u n-noti kollha tas-sezzjonijiet, ta’ kapitoli u ta’ noti tas-subintestaturi tas-SA, u li ma tbiddilx il-portata ta’ dawn is-sezzjonijiet, kapitoli u subintestaturi.
5 Ir-Regola 2(a) tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA tipprovdi, fl-ewwel parti tagħha, li kwalunkwe riferiment għal oġġett f’intestatura speċifika tinkludi dan l-oġġett anki jekk mhux komplut jew mhux irfinut, bil-kundizzjoni li jkollu, f’dan l-istat, il-karatteristiċi essenzjali tal-oġġett komplut jew irfinut, u, fit-tieni parti tagħha, li tali riferiment jinkludi wkoll l-oġġett komplut jew irfinut, jew li jista’ jitqies bħala tali abbażi tad-dispożizzjonijiet preċedenti, meta jiġi ppreżentat mhux assemblat jew żarmat.
In-Noti ta’ Spjega tas-SA
6 In-Noti ta’ Spjega tas-SA huma mfassla fi ħdan l-ODD konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija.
7 Il-punti V u VII tan-nota ta’ spjega dwar ir-Regola 2(a) tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA jippreċiżaw:
“V) It-tieni parti tar-Regola 2(a) tikklassifika, fl-istess intestatura bħall-oġġett assemblat, l-oġġett komplut jew irfinut ippreżentat mhux assemblat jew żarmat. Il-merkanzija tiġi ppreżentata f’dan l-istat prinċipalment għal raġunijiet bħalma huma n-neċessitajiet jew il-konvenjenza tal-ippakkjar, tat-tqandil jew tat-trasport.
[...]
VII) Għall-applikazzjoni ta’ din ir-regola, għandu jitqies bħala oġġett ippreżentat mhux assemblat jew żarmat dak l-oġġett li d-diversi komponenti tiegħu għandhom jiġu assemblati jew permezz ta’ mezzi bħalma huma viti, boltijiet, skorfinfi, eċċ., jew billi jiġu rbattuti jew iwweldjati, pereżempju, bil-kundizzjoni madankollu li jkun hemm biss operazzjonijiet ta’ assemblaġġ.
F’dan ir-rigward, ma hemmx lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kumplessità tal-metodu ta’ assemblaġġ. Madankollu, id-diversi komponenti ma tista’ ssirilhom ebda operazzjoni ta’ ħidma tali li tikkompleta l-manifattura tagħhom.
Il-komponenti mhux assemblati ta’ oġġett, li huma iżjed min-numru rikjest għall-kostruzzjoni ta’ oġġett komplut, għandhom ikunu kklassifikati b’mod separat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Id-dritt tal-Unjoni
In-NM
8 Id-diversi verżjonijiet tan-NM applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li seħħew matul il-perijodu mit‑22 ta’ Jannar 2019 sas‑27 ta’ April 2021, huma, għas-sena 2019, il-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1602, għas-sena 2020, il-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/1776, u, għas-sena 2021, il-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1577. Il-formulazzjoni tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM u tan-noti addizzjonali, iċċitati fil-punti 11 u 12 iktar ’il quddiem, kif ukoll l-intestaturi u s-subintestaturi tariffarji 8711, 8711 60, 8711 60 10 u 8714 tan-NM ma jvarjawx skont dawn id-diversi verżjonijiet.
9 Ir-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li jinsabu fil-punt A tat-Taqsima 1 tal-Ewwel Parti tan-NM, jipprovdu:
“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:
1. It-titoli tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subkapitoli qed jingħataw biss għal finijiet ta’ ħeffa tar-referenza; għal finijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skont it-termini tal-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jesiġux mod ieħor, skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin.
2. (a) Kwalunkwe referenza għal oġġett f’intestatura għandha titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett mhux komplut jew mhux irfinut, sakemm, kif ippreżentat, l-oġġett mhux komplut jew mhux irfinut ikollu l-karattru essenzjali tal-oġġett komplut jew irfinut. Għandha wkoll titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett komplut jew irfinut (jew li jista’ jkun ikklassifikat bħala komplut jew ikkompletat permezz ta’ din ir-regola), ippreżentat mhux assemblat jew żarmat.
[...]”
10 It-tieni parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ dazji tad-dwana”, tinkludi t-Taqsima XVII, intitolata “Vetturi, inġenji tal-ajru, bastimenti u tagħmir tat-trasport assoċjat [Materjal tat-Trasport]” Il-Kapitolu 87 ta’ din it-taqsima, intitolat “Vetturi ħlief rolling-stock ta’ linji ferrovjarji jew tat-tramm, u parts u aċċessjorji tagħhom [vetturi bil-mutur, tratturi, roti u vetturi oħra tal-art, il-partijiet u l-aċċessorji tagħhom]”, jinkludi b’mod partikolari l-intestaturi u s-subintestaturi li ġejjin:
|
“Kodiċi NM |
Deskrizzjoni |
|
[...] |
|
|
8711. |
Muturi (inkluż mopeds) u roti mgħammrin b’mutur awżiljarju, bis-side-cars jew le; side-cars: |
|
[...] |
|
|
8711 60 |
B’mutur elettriku għall-propulsjoni: |
|
8711 60 10 |
– – Roti, triċikli u kwadriċikli, bil-pedali assistiti, b’mutur elettriku awżiljarju b’potenza nominali kontinwa li ma taqbiżx il-250 watt |
|
[...] |
|
|
8714 |
Parts u aċċessorji ta’ vetturi tal-intestaturi 8711 sa 8713: |
|
[...]” |
|
11 Skont in-nota addizzjonali 3 tat-Taqsima XVI tan-NM, dwar “Makkinarju u apparat mekkaniku; tagħmir elettriku; parts tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu l-ħoss; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu stampa u ħoss televiżivi u parts u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”:
“Id-dispożizzjonijiet tar-regola ġenerali 2 (a) japplikaw ukoll, fuq it-talba tad-dikjarant u suġġett għall-kundizzjonijiet stipulati mill-awtoritajiet kompetenti, għal magni impurtati f’kunsinni maqsumin [fi stadji].”
12 Skont in-nota addizzjonali 2 tat-Taqsima XVII tan-NM:
“Id-dispożizzjonijiet tar-regola ġenerali 2(a) japplikaw ukoll, fuq it-talba tad-dikjarant u soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati mill-awtoritajiet kompetenti, għal oġġetti li jaqgħu fl-intestaturi 8608, 8805, 8905 u 8907 impurtati f’kunsinni maqsumin [fi stadji].”
In-Noti ta’ Spjega għan-NM
13 Fir-rigward tan-nota addizzjonali 3 tat-Taqsima XVI tan-NM, in-Noti ta’ Spjega għan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2019, C 119, p. 1) (iktar ’il quddiem in-“Noti ta’ Spjega għan-NM”) jipprovdu:
“Magna fi stat żmuntat [mhux assemblata] jew mhux immuntata [żarmata] tista’ tkun importata f’diversi kunsinni fuq tul ta’ żmien [fi stadji] jekk dan huwa meħtieġ għall-konvenjenza tan-negozju jew trasport.
Sabiex ikun possibbli li jkunu dikjarati l-partijiet kostitwenti differenti fl-istess titlu [intestatura] jew subtitlu [subintestatura] tat-tariffa bħal magna mmuntata [assemblata], id-dikjarant għandu jagħmel talba [applikazzjoni] bil-kitba lill-posta tad-dwana mhux aktar tard mill-ewwel kunsinna [...].
L-applikazzjoni tista’ tkun aċċettata biss bi twettiq ta’ kuntratt għall-forniment [...] [ta’] magna li tista’ titqies bħala kompluta għall-għanijiet tan-Nomenklatura Magħquda.
Il-partijiet kostitwenti kollha għandhom ikunu impurtati minn ġo l-istess post ta’ dħul [permezz tal-istess uffiċċju doganali] tul iż-żmien permess. Madanakollu, f’każijiet speċjali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni minn ġo diversi postijiet ta’ dħul [permezz ta’ diversi uffiċċji doganali]. Dan il-limitu ta’ żmien ma jistax jinqabeż sakemm ma ssirx talba raġonevoli [mmotivata] u ġustifikata lill-awtoritajiet kompetenti għal estensjoni.
Ma’ kull importazzjoni parzjali, lista tal-partijiet li jagħmlu l-kunsinna b’referenzi għall-inventarju ġenerali msemmi hawn fuq għandha tkun provduta. Id-dikjarazzjoni tad-dwana għal kull kunsinna għandu jkollha deskrizzjonijiet tal-parti jew partijiet li jagħmlu l-kunsinna kif ukoll tal-magna kompluta.”
14 Fir-rigward tan-nota addizzjonali 2 tat-Taqsima XVII tan-NM, in-Noti ta’ Spjega għan-NM jipprevedu li “[i]n-noti ta’ spjega għal nota addizzjonali 3 għal taqsima XVI japplikaw, mutatis mutandis”.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
15 Fid‑19 ta’ Jannar 2019, daħlu fis-seħħ ir-regolamenti ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li jimponu dazju antidumping u dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi li joriġinaw miċ-Ċina. Dawn id-dazji japplikaw għar-roti elettriċi, li jaqgħu taħt is-subintestatura 8711 60 10 tan-NM, iżda mhux għall-parts u għall-aċċessorji tar-roti elettriċi, li jaqgħu taħt l-intestatura 8714 tan-NM.
16 Bejn it‑22 ta’ Jannar 2019 u s‑27 ta’ April 2021, Logwin Air + Ocean Belgium, fil-kwalità tagħha ta’ rappreżentant ta’ Prestige Rijwielen, ippreżentat 27 dikjarazzjoni ta’ importazzjoni għal frejms, forks, muturi u komponenti oħra ta’ roti elettriċi (iktar ’il quddiem il-“komponenti inkwistjoni”) li din l-aħħar kumpannija kienet xtrat mingħand żewġ kumpanniji stabbiliti fiċ-Ċina. Dawn id-dikjarazzjonijiet, li kollha ġew ippreżentati fl-istess uffiċċju doganali, kienu jsemmu li l-komponenti inkwistjoni kienu joriġinaw miċ-Ċina u li Prestige Rijwielen kienet id-destinatarja tagħhom. Il-komponenti inkwistjoni ġew iddikjarati bħala partijiet u aċċessorji ta’ roti elettriċi li jaqgħu taħt l-intestatura 8714 tan-NM.
17 Wara kontroll, l-amministrazzjoni doganali, f’rapport tad‑9 ta’ Awwissu 2022, identifikat, fost is-27 dikjarazzjoni ta’ importazzjoni ppreżentati minn Logwin Air + Ocean Belgium, sitt “gruppi” ta’ dikjarazzjonijiet li kull wieħed minnhom jikkorrispondi għal grupp ta’ frejms, ta’ forks, ta’ muturi u ta’ komponenti oħra ta’ roti elettriċi li, meħuda flimkien, kienu jippermettu l-assemblaġġ ta’ roti elettriċi kompluti. Skont l-amministrazzjoni doganali, ir-rabta bejn id-dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni li jappartjenu għall-istess grupp kienet tirriżulta mill-fatt li l-fatturi mehmuża ma’ dawn id-dikjarazzjonijiet kellhom l-istess numru ta’ referenza.
18 L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-amministrazzjoni doganali ressqu, rispettivament, azzjoni kriminali u żewġ azzjonijiet ċivili kontra Prestige Rijwielen, kontra [kunfidenzjali] ZG u kontra Logwin Air + Ocean Belgium. Huma jqisu li dawn iddikjaraw illegalment il-komponenti inkwistjoni bħala partijiet u aċċessorji tar-roti elettriċi, filwaqt li dawn kellhom jiġu ddikjarati bħala roti elettriċi kompluti, u li għalhekk evitaw il-ħlas tad-dazji antidumping u kumpensatorji kollha u ta’ parti mid-dazji fuq l-importazzjoni li huma kellhom iħallsu. L-ammonti li kienu s-suġġett tal-evażjoni kienu jammontaw għal iktar minn EUR 2.9 miljuni.
19 Permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2024, ir-rechtbank van eerste aanleg Antwerpen, afdeling Antwerpen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Antwerpen, Diviżjoni ta’ Antwerpen, il-Belġju) ikkundannat, fil-kuntest tal-azzjoni kriminali, lil Prestige Rijwielen għal multa u lil ZG kemm għal piena ta’ priġunerija kif ukoll għal multa. Hija ordnat ukoll il-konfiska tal-komponenti inkwistjoni. Fil-kuntest tal-azzjonijiet ċivili, hija kkundannat lil Prestige Rijwielen u lil ZG in solidum għall-ħlas tal-korrispettiv tal-imsemmija komponenti kif ukoll għall-ħlas tad-dazji antidumping u kumpensatorji u tad-dazji fuq l-importazzjoni li kienu s-suġġett tal-evażjoni. Ir-rechtbank van eerste aanleg Antwerpen, afdeling Antwerpen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Antwerpen, Diviżjoni ta’ Antwerpen) qieset li l-komponenti inkwistjoni kienu ġew ordnati fiċ-Ċina fl-intier tagħhom bħala roti elettriċi mhux assemblati u li sussegwentement kienu nbiegħu lill-konsumaturi bħala roti elettriċi kompluti, b’tali mod li, konformement mar-Regola 2(a) tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, dawn il-partijiet kellhom jiġu ddikjarati bħala roti elettriċi kompluti.
20 L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-amministrazzjoni doganali, minn naħa, u, Prestige Rijwielen u ZG, min-naħa l-oħra, appellaw is-sentenza tar-rechtbank van eerste aanleg Antwerpen, afdeling Antwerpen (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Antwerpen, Diviżjoni ta’ Antwerpen) quddiem il-hof van beroep Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen, il-Belġju), li hija l-qorti tar-rinviju, kemm fir-rigward tal-azzjoni kriminali kif ukoll fir-rigward tal-azzjonijiet ċivili.
21 F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tikkonstata, fl-ewwel lok, li, fis-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, X u Inspecteur van de Belastingdienst Douane (C‑107/22, EU:C:2023:346), il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel riferiment, fir-rigward tar-Regola 2(a) tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, għal elementi oġġettivi li juru, jew li ma jurux, li l-komponenti jifformaw ħaġa waħda u jinkludu l-komponenti kollha ta’ apparat. Barra minn hekk, hija tirrileva li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ma hemmx lok li din ir-regola tiġi interpretata fis-sens li tippermetti li l-importaturi jagħżlu huma stess, permezz ta’ manipulazzjoni relattivament sempliċi, l-iktar klassifikazzjoni tariffarja favorevoli għall-merkanzija importata, billi jikkunsidrawha bħala ħaġa waħda, jew separatament.
22 Il-qorti tar-rinviju tikkonstata, fit-tieni lok, li, fis-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, X u Inspecteur van de Belastingdienst Douane (C‑107/22, EU:C:2023:346), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex komponenti jitqiesu bħala oġġett ippreżentat mhux assemblat jew żarmat, kien neċessarju li dawn jiġu ppreżentati fl-istess ħin għall-iżdoganar. Issa, fil-kawża prinċipali, bl-eċċezzjoni tal-ewwel grupp ta’ dikjarazzjonijiet, għaddew xahar sa diversi xhur bejn l-ewwel u l-aħħar dikjarazzjoni ta’ importazzjoni.
23 Il-qorti tar-rinviju tikkonstata, fit-tielet lok, li, f’waħda mill-opinjonijiet tiegħu, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi jidher li ma jagħmilx riferiment għal applikazzjoni tar-Regola 2(a) tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM fil-każ fejn il-merkanzija ma tkunx ġiet ippreżentata fl-istess jum.
24 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-hof van beroep te Antwerpen (il-Qorti tal-Appell ta’ Antwerpen) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Ir-regola ġenerali 2(a) tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM] għandha tiġi interpretata fis-sens li partijiet minn rota elettrika intiżi li jiġu armati [assemblati], wara li jkunu ġew irrilaxxati għal ċirkolazzjoni libera, f’rota elettrika, li jiġu ffatturati minn żewġ fornituri differenti u ttrasportati f’kontenituri differenti u ddikjarati għar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera fl-istess uffiċċju doganali mill-istess dikjarant, f’isem u għan-nom tal-istess destinatarju, fuq perijodu li jista’ jinfirex għal diversi xhur, permezz ta’ dikjarazzjonijiet separati ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera […] u li, fil-mument tar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera, ikunu l-proprjetà tad-destinatarju, għandhom jiġu kklassifikati bħala roti elettriċi ppreżentati fi stat mhux armat jew żarmat fis-sens tar-regola ċċitata iktar ’il fuq, u għalhekk jaqgħu taħt l-stess intestatura tariffarja, sa fejn elementi oġġettivi juru li dawn il-partijiet jikkostitwixxu ħaġa sħiħa u jinkludu l-komponenti essenzjali kollha ta’ dawn ir-roti elettriċi?”
Fuq id-domanda preliminari
25 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-Regola 2(a) tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li komponenti ta’ roti elettriċi li huma intiżi, wara r-rilaxx tagħhom għal ċirkulazzjoni libera, li jiġu assemblati f’rota elettrika, li huma ffatturati minn żewġ fornituri differenti u ttrasportati f’kontenituri differenti, li huma ddikjarati għall-finijiet tar-rilaxx tagħhom għal ċirkulazzjoni libera lill-istess uffiċċju doganali mill-istess dikjarant, f’isem u għan-nom tal-istess destinatarju, permezz ta’ dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera separati mqassma fuq perijodu li jista’ jestendi sa diversi xhur u li, waqt ir-rilaxx tagħhom għal ċirkulazzjoni libera, ikunu l-proprjetà tad-destinatarju, għandhom jiġu kklassifikati bħala roti elettriċi ppreżentati mhux assemblati jew żarmati, fis-sens ta’ din l-istess regola, u jaqgħu għalhekk taħt intestatura tariffarja waħda u unika, sa fejn elementi oġġettivi juru li dawn il-komponenti jikkostitwixxu ħaġa waħda u jinkludu l-komponenti essenzjali kollha ta’ dawn ir-roti elettriċi.
26 Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol prinċipali tagħha huwa dak li tipprovdi kjarifiki lill-qrati nazzjonali dwar il-kriterji li l-implimentazzjoni tagħhom għandha tippermettilhom jikklassifikaw b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM iktar milli li twettaq din il-klassifikazzjoni hija stess. Fil-fatt, il-klassifikazzjoni, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tagħha, tal-merkanzija inkwistjoni tirriżulta minn konstatazzjoni purament fattwali li ma għandhiex titwettaq mil-qorti tal-Unjoni fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari (ara s-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, PRODEX, C‑72/21, EU:C:2022:312, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
27 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-noti ta’ spjega mfassla, f’dak li jirrigwarda n-NM, mill-Kummissjoni u, fir-rigward tas-SA, mill-ODD, jikkontribwixxu b’mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji, mingħajr madankollu ma għandhom saħħa legali vinkolanti. Il-kontenut tal-imsemmija noti għandu għalhekk ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tan-NM u ma jistax ibiddel il-portata tagħhom (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, VAD u van Aert, C‑499/14, EU:C:2016:155, punti 33 u 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).
28 Għandu jitfakkar li, konformement mar-Regola 1 tar-Regola Ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, il-klassifikazzjoni tal-merkanzija għandha tiġi ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli ta’ din in-nomenklatura. Fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, it-tfittxija tal-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandha titwettaq, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-kwalitajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tal-imsemmija nomenklatura u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (ara s-sentenza tat‑28 ta’ April 2022, PRODEX, C‑72/21, EU:C:2022:312, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
29 Ir-Regola 2(a) tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li tikkorrispondi għar-Regola 2(a) tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA, tipprovdi li “[k]walunkwe referenza għal oġġett f’intestatura għandha titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett mhux komplut jew mhux irfinut, sakemm, kif ippreżentat, l-oġġett mhux komplut jew mhux irfinut ikollu l-karattru essenzjali tal-oġġett komplut jew irfinut [u] [g]ħandha wkoll titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett komplut jew irfinut (jew li jista’ jkun ikklassifikat bħala komplut jew ikkompletat permezz ta’ din ir-regola), ippreżentat mhux assemblat jew żarmat”.
30 Il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tal-prodotti għandhom ikunu jistgħu jiġu vverifikati fil-ħin tal-iżdoganar. Barra minn hekk, l-użu intenzjonat tal-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sakemm dan ikun inerenti għall-imsemmi prodott, peress li l-inerenza għandha tkun tista’ tiġi evalwata skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2007, Medion u Canon Deutschland, C‑208/06 u C‑209/06, EU:C:2007:553, punti 36 u 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 F’dan il-każ, għandu jiġi nnotat li d-domanda preliminari hija bbażata fuq il-premessa li jeżistu biżżejjed elementi oġġettivi li juru li l-komponenti inkwistjoni jifformaw ħaġa waħda u huma intiżi li jiġu assemblati sussegwentement f’roti elettriċi kompluti. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-istess destinatarju xtara l-komponenti inkwistjoni mingħand l-istess intermedjarju, li d-dikjarazzjonijiet korrispondenti ġew ippreżentati mill-istess dikjarant fl-istess uffiċċju doganali, li l-komponenti inkwistjoni jikkorrispondu għal ċertu numru ta’ roti elettriċi kompluti, li n-numri ta’ referenza tal-fatturi jippermettu li jiġu identifikati settijiet ta’ komponenti li jistgħu jikkostitwixxu ċertu numru ta’ roti elettriċi, li d-destinatarju ma baqax jimporta roti elettriċi kompluti u li, fl-istadju tar-rilaxx tagħhom għal ċirkulazzjoni libera, il-partijiet inkwistjoni kienu proprjetà tiegħu.
32 F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kwistjoni ta’ jekk ir-Regola 2(a) tar-Regoli Ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM għandhiex tiġi applikata għal komponenti li elementi oġġettivi tagħhom juru li jifformaw ħaġa waħda u li huma intiżi li jiġu assemblati sussegwentement f’roti elettriċi kompluti, meta dawn il-komponenti kienu s-suġġett ta’ dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera separati mifruxa fuq perijodu li jista’ jkun ta’ diversi xhur.
33 Fir-rigward tal-eventwali rekwiżit ta’ preżentazzjoni simultanja fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regola 2(a) tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, għandu jiġi rrilevat li l-formulazzjoni ta’ din ir-regola ma tippreċiżax it-termini li fihom il-komponenti li jikkostitwixxu oġġett komplut għandhom jiġu ppreżentati lid-dwana sabiex ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ħaġa waħda.
34 Barra minn hekk, in-nota addizzjonali 3 tat-Taqsima XVI u n-nota addizzjonali 2 tat-Taqsima XVII tan-NM, imsemmija fil-punti 11 u 12 iktar ’il fuq, jipprevedu li d-dispożizzjonijiet tar-Regola 2(a) tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM huma applikabbli għal ċerta merkanzija ppreżentata permezz ta’ kunsinni fi stadji. Għalkemm dawn in-noti ma jirrigwardawx il-komponenti inkwistjoni, minnhom jista’ jiġi dedott li preżentazzjoni simultanja tal-merkanzija ma hijiex f’kull każ kundizzjoni indispensabbli għall-applikazzjoni tar-Regola 2(a) tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM.
35 Barra minn hekk, min-Noti ta’ Spjega tan-NM dwar in-nota addizzjonali 3 tat-Taqsima XVI tan-NM, imsemmija fil-punt 13 iktar ’il fuq, moqrija flimkien mar-Regola 2(a) tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, jirriżulta li l-importatur għandu l-possibbiltà li jiddikjara, sa mill-ewwel kunsinna ta’ sensiela ta’ kunsinni fi stadji fuq perijodu ta’ żmien, il-partijiet separati ta’ magna mhux assemblata jew żarmata taħt l-intestatura jew is-subintestatura li taħtha taqa’ l-magna kompluta, jekk dawn ikollhom il-karatteristiċi essenzjali ta’ din il-magna. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-obbligu tad-dikjarant li jipprovdi informazzjoni eżatta jestendi wkoll għad-determinazzjoni tas-subintestatura korretta fil-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2011, DP grup, C‑138/10, EU:C:2011:587, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
36 Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li r-Regola 2(a) tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM għandha tiġi applikata meta l-partijiet separati ta’ oġġett ikollhom il-karatteristiċi essenzjali tal-oġġett komplut. Din il-kundizzjoni għandha tkun tista’ tiġi vverifikata fuq il-bażi ta’ fatturi oġġettivi fil-mument tal-iżdoganar tal-merkanzija, li jista’ jkun il-każ anki fin-nuqqas ta’ preżentazzjoni simultanja tal-partijiet separati.
37 Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkonfutata mis-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 1974, Osram (183/73, EU:C:1974:50, punt 7), tas‑16 ta’ Ġunju 1994, Develop Dr. Eisbein (C‑35/93, EU:C:1994:252, punti 19 u 23), u tas‑27 ta’ April 2023, X u Inspecteur van de Belastingdienst Douane (C‑107/22, EU:C:2023:346, punt 24), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tat-tieni parti tar-Regola 2(a) tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-nomenklatura tat-Tariffa Doganali Komuni, li jinsabu fl-Anness tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 950/68 tat‑28 ta’ Ġunju 1968 dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU 1968, L 172, p. 1), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament tal-Kunsill Nru 1/73 tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU 1973, L 1, p. 1), jew, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tat-tieni parti tar-Regola 2(a) tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li preżentazzjoni simultanja tal-elementi li jikkostitwixxu oġġett bl-għan tal-iżdoganar tagħhom kienet meħtieġa sabiex dawn jitqiesu li jikkostitwixxu oġġett ippreżentat mhux assemblat jew żarmat.
38 Fil-fatt, fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi msemmija fil-punt 37 iktar ’il fuq, is-suġġett tat-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari ma kienx il-fatt li l-komponenti li jikkostitwixxu artiklu komplut kellhom jiġu ppreżentati simultanjament għall-finijiet tal-iżdoganar, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx mitluba tinterpreta l-kunċett ta’ “preżentazzjoni simultanja” f’dawk is-sentenzi.
39 Barra minn hekk, fis-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, X u Inspecteur van de Belastingdienst Douane (C‑107/22, EU:C:2023:346, punti 25 sa 28), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ir-raġunijiet li għalihom ir-Regola 2(a) tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM kellha tiġi interpretata fis-sens li l-fatt li merkanzija tiġi ppreżentata lid-dwana f’dikjarazzjonijiet separati ma jistax, waħdu, jipprekludi li din tiġi kklassifikata bħala oġġett mhux assemblat jew żarmat, jekk, fil-mument tal-iżdoganar, minn fatturi oġġettivi oħra jirriżulta li din il-merkanzija tifforma ħaġa waħda u hija intiża li sussegwentement tiġi assemblata f’oġġett wieħed.
40 Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, f’dan ir-rigward, li interpretazzjoni differenti tal-kunċett ta’ “oġġett mhux assemblat jew żarmat” tkun tippermetti, fil-prattika, li l-importaturi jagħżlu huma stess, permezz ta’ manipulazzjoni relattivament sempliċi, bħall-preżentazzjoni tal-merkanzija f’dikjarazzjonijiet separati, il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija inkwistjoni, jew bħala ħaġa waħda jew separatament, skont liema minn dawn is-sitwazzjonijiet tkun l-iktar favorevoli għalihom. (ara s-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, X u Inspecteur van de Belastingdienst Douane, C‑107/22, EU:C:2023:346, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
41 Kif osservat il-Kummissjoni matul is-seduta, ġew żviluppati modalitajiet ta’ importazzjoni, li jikkonsistu pereżempju f’kunsinni fi stadji, li jiżvelaw riskju ta’ manipulazzjoni waqt il-preżentazzjoni fid-dwana tal-merkanzija li tippermetti li l-importaturi jagħżlu l-klassifikazzjoni tariffarja tagħha.
42 Issa, tali possibbiltà tmur kontra l-prinċipju li t-tfittxija tal-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandha titwettaq, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-kwalitajiet oġġettivi tagħha u, għaldaqstant, tippreġudika l-għan relatat mal-faċilità tal-kontrolli doganali u maċ-ċertezza legali li għandha tkun prevalenti fil-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija importata (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, X u Inspecteur van de Belastingdienst Douane, C‑107/22, EU:C:2023:346, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
43 Minn dan jirriżulta li l-fatt li l-merkanzija tiġi ppreżentata lid-dwana f’dikjarazzjonijiet separati maqsuma fuq diversi ġimgħat jew diversi xhur ma jistax, waħdu, jipprekludi li din il-merkanzija tiġi kklassifikata bħala oġġett mhux assemblat jew żarmat, fis-sens tar-Regola 2(a) tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM jekk, fil-mument tal-iżdoganar, minn fatturi oġġettivi oħra jirriżulta li din il-merkanzija tifforma ħaġa waħda u hija intiża li tiġi assemblata sussegwentement f’oġġett wieħed, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, X u Inspecteur van de Belastingdienst Douane, C‑107/22, EU:C:2023:346, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).
44 Effettivament, il-fatt li l-komponenti li jikkostitwixxu oġġett komplut ikunu suġġetti għal preżentazzjoni simultanja fid-dwana ma jikkostitwixxix kundizzjoni sine qua non sabiex jiġi kkonstatat li dawn jifformaw ħaġa waħda u għaldaqstant jikkostitwixxu “oġġett [...] ippreżentat mhux assemblat jew żarmat” fis-sens tar-Regola 2(a) tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM. Dan huwa biss indizju li jippermetti l-inferenza ta’ tali konstatazzjoni, li għandu jiġi evalwat b’mod parallel għaċ-ċirkustanzi rilevanti l-oħra (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ April 2023, X u Inspecteur van de Belastingdienst Douane, C‑107/22, EU:C:2023:346, punti 25 u 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
45 Għaldaqstant, ir-Regola 2(a) tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li komponenti ta’ roti elettriċi li huma intiżi, wara r-rilaxx tagħhom għal ċirkulazzjoni libera, li jiġu assemblati f’rota elettrika, li huma ffatturati minn żewġ fornituri differenti u ttrasportati f’kontenituri differenti, li huma ddikjarati għall-finijiet tar-rilaxx tagħhom għal ċirkulazzjoni libera lill-istess uffiċċju doganali mill-istess dikjarant, f’isem u għan-nom tal-istess destinatarju, permezz ta’ dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera separati mqassma fuq perijodu li jista’ jestendi sa diversi xhur u li, waqt ir-rilaxx tagħhom għal ċirkulazzjoni libera, ikunu l-proprjetà tad-destinatarju, għandhom jiġu kklassifikati bħala roti elettriċi ppreżentati mhux assemblati jew żarmati, fis-sens ta’ din ir-regola, u jaqgħu għalhekk taħt intestatura tariffarja waħda u unika, bil-kundizzjoni li elementi oġġettivi juru li dawn il-komponenti jikkostitwixxu ħaġa waħda u jinkludu l-komponenti essenzjali kollha ta’ dawn ir-roti elettriċi.
Fuq l-ispejjeż
46 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla, ikkostitwita minn ħames Imħallfin sedenti),
taqta’ u tiddeċiedi:
Ir-Regola 2(a) tar-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjonijiet tiegħu li jirriżultaw, suċċessivament, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1602 tal‑11 ta’ Ottubru 2018, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1776 tad‑9 ta’ Ottubru 2019, u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1577 tal‑21 ta’ Settembru 2020,
għandha tiġi interpretata fis-sens li:
komponenti ta’ roti elettriċi li huma intiżi, wara r-rilaxx tagħhom għal ċirkulazzjoni libera, li jiġu assemblati f’rota elettrika, li huma ffatturati minn żewġ fornituri differenti u ttrasportati f’kontenituri differenti, li huma ddikjarati għall-finijiet tar-rilaxx tagħhom għal ċirkulazzjoni libera lill-istess uffiċċju doganali mill-istess dikjarant, f’isem u għan-nom tal-istess destinatarju, permezz ta’ dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera separati mqassma fuq perijodu li jista’ jestendi sa diversi xhur u li, waqt ir-rilaxx tagħhom għal ċirkulazzjoni libera, ikunu l-proprjetà tad-destinatarju, għandhom jiġu kklassifikati bħala roti elettriċi ppreżentati mhux assemblati jew żarmati, fis-sens ta’ din ir-regola, u jaqgħu għalhekk taħt intestatura tariffarja waħda u unika, bil-kundizzjoni li elementi oġġettivi juru li dawn il-komponenti jikkostitwixxu ħaġa waħda u jinkludu l-komponenti essenzjali kollha ta’ dawn ir-roti elettriċi.
|
Sampol Pucurull |
Pynnä |
Laitenberger |
|
Stancu |
Valasidis |
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑7 ta’ Ottubru 2026.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
1 Data kunfidenzjali oskurata.